Language of document : ECLI:EU:T:2012:20

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Jannar 2012 (*)

“Intervent — Sistema lingwistika — Awtorità ta’ sorveljanza EFTA — Kunfidenzjalità”

Fil-Kawża T‑289/11,

Deutsche Bahn AG, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja),

DB Mobility Logistics AG, stabbilita f’Berlin,

DB Energie GmbH, stabbilita fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja),

DB Schenker Rail GmbH, stabbilita f’Mayence (il-Ġermanja),

DB Schenker Rail Deutschland AG, stabbilita f’Mayence,

irrappreżentati minn W. Deselaers, O. Mross u J. Brückner, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L Malferrari, N. von Lingen u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1774, tal-14 ta’ Marzu 2011, li tordna lil Deutsche Bahn AG, lil DB Mobility Logistics AG, lil DB Energie GmbH, lil DB Schenker Rail GmbH u lil DB Schenker Rail Deutschland AG li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731), mogħtija fl-ambitu ta’ proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u l-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE dwar is-settur tat-traffiku ferrovjarju u servizzi aċċessorji,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe u M. van der Woude (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        B’rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ġunju 2011, ir-rikorrenti, Deutsche Bahn AG, DB Mobility Logistics AG, DB Energie GmbH, DB Schenker Rail GmbH u DB Schenker Rail Deutschland AG ippreżentaw kawża intiża, fl-ewwel lok, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 1774, tal-14 ta’ Marzu 2011, li tordnalhom jissottomettu ruħhom għal spezzjoni taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Każijiet COMP/39.678 u COMP/39.731), fit-tieni lok, għall-annullament ta’ kull miżura meħuda fuq il-bażi tal-ispezzjoni li saret skont l-imsemmija deċiżjoni u, fit-tielet lok, għall-kundanna tal-Kummissjoni Ewropea sabiex din tagħti lura l-kopji kollha tad-dokumenti li saru fl-ambitu ta’ din l-ispezzjoni.

2        B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Settembru 2011, l-Awtorità ta’ sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità EFTA”) talbet sabiex titħalla tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 115 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, hija talbet, fuq il-bażi tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tiġi aworizzata tuża l-Ingliż bħala lingwa tal-kawża u dan kemm matul il-proċedura bil-miktub u kif ukoll matul il-proċedura orali.

3        It-talba għal intervent ġiet innotifikata lill-partijiet, skont l-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

4        Permezz ta’ ittri tal-21 u tal-24 ta’ Ottubru 2010, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ddikjaraw li ma kellhomx osservazzjonijiet x’jagħmlu fir-rigward tat-talba għal intervent mill-Awtorità EFTA. Madankollu, huma ppreżentaw talba għal trattament kunfidenzjali ta’ ċerti elementi tal-proċess fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

5        Il-President tar-Raba’ Awla rrinvija t-talba għal intervent lill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Fuq it-talba għal intervent

6        Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU 1994, L 1, p. 3), minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità EFTA, jistgħu, mingħajr ħsara għat-tieni paragrafu tal-istess artikolu, jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim.

7        Skont l-imsemmi tieni paragrafu, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-Awtorità EFTA inkluża, jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali kemm-il darba dawn jistgħu juru li għandhom interess fl-eżitu tagħhom, minbarra l-kawżi bejn Stati Membri, bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn dawn tal-aħħar u l-Istati Membri.

8        Fil-każ ineżami, minn naħa, din il-kawża, inkwantu hija kawża bejn impriża u istituzzjoni tal-Unjoni, ma hijiex waħda mit-tipi ta’ kawżi li fihom l-interventi minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi huma espressament esklużi minn dan l-istess tieni paragrafu.

9        Min-naħa l-oħra, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut jippreċiża f’liema ċirkustanzi, minbarra dawk esklużi mit-tieni paragrafu tal-istess artikolu, l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità EFTA, għandhom interess preżunt fl-eżitu ta’ kawża, jiġifieri meta din il-kawża tirrigwarda wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara, b’analoġija, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑493/09, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 11).

10      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-Awtorità EFTA tirrileva li l-kawża tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 (KE) u 82 (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU C 364, p. 1), u tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Fit-tieni lok, hija tinnota li l-kontroll tal-prattiki antikompetittivi jaqa’ f’wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ŻEE, peress li t-termini tal-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, u l-Artikolu 55 tal-Ftehim ŻEE jinkariga lill-Awtorità EFTA bl-oneru li teżamina l-prattiki antikompetittivi b’mod identiku għall-eżami li jsir mill-Kummissjoni fl-Unjoni. Bl-istess mod, il-Kapitolu II tal-Protokoll 4 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u ta’ Qorti tal-Ġustizzja jikkorrispondi, essenzjalment, għar-Regolament Nru 1/2003. Hija żżid li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-EFTA jirriżulta li l-istipulazzjonijiet tal-Ftehim ŻEE għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali, li tagħhom il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huma sorsi ta’ interpretazzjoni importanti.

11      Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu kkonfermati.

12      Għalhekk, it-talba għal intervent tal-Awtorità EFTA għandha tintlaqa’.

13      Peress li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea prevista fl-Artikolu 24(6) tar-Regoli tal-Proċedura saret fit-13 ta’ Awwissu 2011, it-talba għal intervent ġiet ippreżentata fit-terminu previst fl-Artikolu 115(1) tal-istess regolament u d-drittijiet tal-parti intervenjenti huma dawk previsti fl-Artikolu 116(2) sa (4) tal-istess regolament.

14      Fir-rigward tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali, il-komunikazzjoni tal-atti proċedurali għandha, f’dan l-istadju, tkun limitata għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mill-partijiet. Deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talbiet għal kunfidenzjalità għandha, jekk ikun il-każ, tittieħed iktar tard fid-dawl tal-oġġezzjonijiet jew tal-osservazzjonijiet li jistgħu jiġu ppreżentati f’dan ir-rigward.

 Fuq it-talba għal deroga mis-sistema lingwistika

15      Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità EFTA jistgħu jiġu awtorizzati jużaw lingwa oħra minn fost dawk imsemmija fil-paragrafu (1) tal-imsemmi artikolu meta dawn jintervjenu f’kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni tapplika kemm għad-dokumenti bil-miktub kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali.

16      Fil-każ ineżami, il-lingwa Ingliża, li l-użu tagħha qiegħed jintalab mill-Awtorità EFTA, tirriżulta fl-Artikolu 35(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

17      Barra minn hekk, il-partijiet l-oħra ma ppreżentawx osservazzjonijiet dwar it-talba tal-Awtorità EFTA għal deroga mis-sistema lingwistika.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-Awtorità EFTA tiġi awtorizzata tuża l-lingwa Ingliża fil-proċeduri bil-miktub u orali.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

tordna:

1)      L-Awtorità ta’ sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) hija awtorizzata tintervjeni fil-Kawża T‑289/11, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni Ewropea.

2)      Ir-Reġistratur għandu jikkomunika lill-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA l-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali kollha.

3)      L-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA għandha tingħata terminu sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet li tista’ possibbilment tagħmel fir-rigward tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali. Id-deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ dawn it-talbiet hija riżervata.

4)      L-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA għandha tingħata terminu sabiex tippreżenta nota ta’ intervent, mingħajr ħsara għall-possibbiltà li tikkompletaha iktar tard, jekk ikun il-każ, wara deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali.

5)      L-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA hija awtorizzata tuża l-lingwa Ingliża fil-proċeduri bil-miktub u orali.

6)      L-ispejjeż huma riżervati.

Il-Lussemburgu, id-19 ta’ Jannar 2012.

E. Coulon

 

      I. Pelikánová

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.