Language of document : ECLI:EU:C:2012:226

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fid-19 ta’ April 2012 (1)

Kawża C‑133/11

Folien Fischer AG

Fofitec AG

vs

Ritrama SpA

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja)]

“Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjonijiet speċjali — Materja ta’ delitt jew kważi delitt — Kunċett — Azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (‘negative Feststellungsklage’) — Fakultà għall-awtur potenzjali ta’ fatt dannuż li jfittex lill-vittma eventwali ta’ dannu fil-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jitwettaq dan il-fatt sabiex issir il-konstatazzjoni tal-ineżistenza ta’ responsabbiltà delittwali”






I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni jekk azzjoni biex tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ responsabbiltà delittwali tirrigwardax il-bażi ta’ ġurisdizzjoni speċjali li hija stabbilita “f’materja ta’ delitt jew kważi delitt” fil-“qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (2). Fil-każ ta’ risposta negattiva, il-konvenut f’din l-azzjoni għandu jitħarrek quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha għandu d-domiċilju, skont ir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li hemm fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

2.        Id-domanda preliminari saret mill-Bundesgerichtshof fil-kuntest ta’ kwistjoni bejn minn naħa, Folien Fischer AG (iktar ’il quddiem “Folien Fischer”) u Fofitec AG (iktar ’il quddiem “Fofitec”), kumpanniji stabbiliti fl-Isvizzera, u, min-naħa l-oħra, Ritrama SpA li s-sede tagħha tinsab fl-Italja. L-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva (3) mressqa f’qorti Ġermaniża minn Folien Fischer u Fofitec, hija intiża għall-ksib ta’ dikjarazzjoni li Ritrama SpA ma tista’ tinvoka l-ebda dritt minn delitt li ż-żewġ atturi setgħu potenzjalment wettqu, la fuq il-prinċipju ta’ prattika kummerċjali ta’ Folien Fischer ikkontestata mill-konvenuta, u lanqas minħabba r-raġuni ta’ rifjut invokata fil-konfront tagħha minn Fofitec sabiex jingħatawlha liċenzji fuq il-privattivi tagħha.

3.        Din hija talba għal interpretazzjoni li qatt ma saret bħalha, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha tittratta domandi preliminari dwar azzjonijiet ta’ konstatazzjoni negattiva f’kawża bejn proprjetarji ta’ merkanzija ttrasportata b’polza u l-proprjetarju ta’ bastiment li din kienet mgħobbija fuqu (4). Ir-risposta li tingħata għandha tkun ta’ interess partikolari minħabba l-pożizzjonijiet diverġenti ħafna dwar l-applikabbiltà jew le tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward ta’ dan it-tip ta’ azzjonijiet meħudin kemm minn qrati ta’ diversi Stati Membri kif ukoll minn kummentaturi legali, partikolarment fil-Ġermanja kif tindika l-Bundesgerichtshof fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Kif jirriżulta mill-ewwel u mit-tieni premessi tar-Regolament Nru 44/2001, dan fih, fl-interess tal-“operat tajjeb tas-suq intern” “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali […]” li japplikaw fl-Istati Membri (5).

5.        Skont il-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, “[i]r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti”.

6.        Il-premessa 12 tal-istess regolament tipprovdi “[b]’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja”.

7.        Ir-regoli tal-ġurisdizzjoni huma stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 31 tar-Regolament Nru 44/2001 li jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu.

8.        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament imsemmi li jinsab fis-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu II bit-titolu “Disposizzjonijiet ġenerali” jgħid dan li ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

9.        Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fl-istess sezzjoni:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu”.

10.      L-Artikolu 5(3) tar-regolament imsemmi, li jifforma parti mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II, bit-titolu “Ġurisdizzjoni speċjali”, huwa fformulat kif ġej:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” (6).

III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.      Folien Fischer hija kumpannija stabbilita fl-Isvizzera li tiżviluppa, timmanifattura u tbiegħ prodotti tal-karti laminati u film adeżiv. Hija tikkummerċjalizza, b’mod partikolari fil-Ġermanja, il-bażi għal formoli tal-karti kontinwi. Fofitec li wkoll għandha s-sede tagħha fl-Isvizzera u tifforma parti mill-grupp ta’ kumpanniji ta’ Folien Fischer, hija proprjetarja ta’ diversi privattivi fl-istess qasam ta’ attività.

12.      Ritrama SpA, kumpannija stabbilita fl-Italja, tiżviluppa, tipproduċi u tikkummerċjalizza laminati u films b’diversi saffi ta’ diversi tipi.

13.      B’ittra ta’ Marzu 2007, Ritrama SpA sostniet li l-politika ta’ distribuzzjoni ta’ Folien Fischer u r-rifjut tagħha li tagħti liċenzji ta’ privattivi marru kontra d-dritt tal-kompetizzjoni.

14.      Wara din l-ittra, Folien Fischer u Fofitec adixxew lill-Landgericht Hamburg (il-Ġermanja) b’talba għal konstatazzjoni negattiva bil-għan li jiġi ddikjarat mill-qorti, minn naħa, li Folien Fischer ma hijiex obbligata li ttemm il-prattika kummerċjali tagħha fir-rigward tal-għoti ta’ skontijiet u tal-formulazzjoni tal-kuntratti ta’ distribuzzjoni u, min-naħa l-oħra, li Ritrama SpA ma għandhiex id-dritt la li twaqqaf din il-prattika kummerċjali u lanqas li tikseb kumpens minn dan il-lat. Folien Fischer u Fofitec talbu wkoll lil dik il-qorti li tikkonstata li Fofitec ma hijiex obbligata li tagħti liċenzja dwar il-privattivi Ewropej rilevanti li hija proprjetarja tagħhom.

15.      Wara li saret din il-kawża għal konstatazzjoni negattiva, Ritrama SpA u Ritrama AG, sussidjarja stabbilita fl-Isvizzera li permezz tagħha tal-ewwel issostni li tiddistribwixxi l-prodotti tagħha partikolarment fil-Ġermanja, adixxew lit-Tribunale di Milano (l-Italja) b’azzjoni għall-eżekuzzjoni. Insostenn tat-talba tagħhom intiża għall-ħlas tad-danni kif ukoll għall-kundanna ta’ Fofitec sabiex din tiġi kkundannata tagħti liċenzji mandatorji fuq il-privattivi inkwistjoni, huma sostnew li Folien Fischer u Fofitec kienu qed jaġixxu b’mod antikompetittiv.

16.      Il-kawża għal konstatazzjoni negattiva magħmula minn Folien Fischer u Fofitec kienet inċaħdet bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, b’sentenza mogħtija fid-9 ta’ Mejju 2008 mil-Landgericht Hamburg.

17.      Din id-deċiżjoni kienet ġiet ikkonfermata fl-appell, fl-14 ta’ Jannar 2010, mill-Oberlandesgericht Hamburg (il-Ġermanja), li ma aċċettatx il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi, billi l-ġurisdizzjoni f’materja delittwali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma setgħetx tapplika għal azzjoni ta’ konstatazzjoni negattiva bħal dik ippreżentata minn Folien Fischer u Fofitec, peress li kawża bħal dik hija intiża preċiżament sabiex tistabbilixxi li ma twettaq l-ebda delitt fil-Ġermanja.

18.      Il-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) kienet ġiet adita b’rikors ta’ “Reviżjoni” ippreżentat minn Folien Fischer u Fofitec, li sostnew it-talbiet tagħhom ifformulati fl-appell. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, hija tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 hijiex fondata wkoll meta l-awtur ta’ dannu potenzjali jagħmel kawża għal konstatazzjoni negattiva sabiex jiġi kkonstatat li l-vittma eventwali ta’ dak id-dannu ma tista’ tinvoka l-ebda dritt ibbażat fuq att delittwali possibbli. Hija tikkunsidra li l-interpretazzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex evidenti f’każijiet bħal dawn, meta jitqiesu l-argumenti diverġenti tad-duttrina u tal-qrati differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni kif ukoll tal-Konfederazzjoni Svizzera fir-rigward tar-regola ekwivalenti li tinsab fil-Konvenzjoni ta’ Lugano.

19.      F’dan il-kuntest, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, filwaqt li ppreċiżat li dehrilha li kellu jiġi applikat l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 f’azzjoni għal konstatazzjoni negattiva:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandu jiġi interpretat li jfisser li l-ġurisdizzjoni fl-oqsma marbuta mad-delitti u kważi delitti tapplika wkoll fir-rigward ta’ talba għal konstatazzjoni negattiva [‘negative Feststellungsklage’] fejn l-awtur potenzjali ta’ fatt dannuż isostni li fiċ-ċirkustanzi partikolari l-vittma potenzjali ma għandu ebda dritt fil-qasam delittwali (f’dan il-każ, ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni)?”

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011.

21.      Folien Fischer u Fofitec, Ritrama SpA, il-Gvernijiet Ġermaniż, Franċiż, Olandiż, Pollakk u Portugiż, kif ukoll il-Gvern Svizzeru ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, ippreżentati wara li għalaq t-terminu, inċaħdu b’deċiżjoni f’dan is-sens mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja li ngħatat fid-19 ta’ Lulju 2011.

22.      Matul is-seduta, li saret fil-15 ta’ Frar 2012, kienu rrappreżentati Folien Fischer u Fofitec, Ritrama SpA, il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni.

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet preliminari

–       Fuq ir-rilevanza tad-domanda preliminari

23.      L-ewwel nett, Ritrama SpA kkontestat ir-rilevanza tad-domanda preliminari għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali għar-raġuni li l-ittra tagħha ta’ Marzu 2007, li tirreferi għaliha l-qorti tar-rinviju, kienet ippreżentata mhux bħala ittra ta’ intimazzjoni formali, iżda bħala sempliċi stedina biex jibdew negozjati sabiex tiġi solvuta l-kwistjoni, u li għalhekk Folien Fischer u Fofitec ma għandhom l-ebda interess ġuridiku.

24.      Hija żiedet tgħid li anki fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda mressqa, il-qrati Ġermaniżi ma għandhomx il-ġurisdizzjoni internazzjonali bbażata fuq l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, għaliex l-att illegali kkontestat ma setax twettaq fil-Ġermanja fis-sens tad-dritt proċedurali, fid-dawl tal-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali ma humiex f’kompetizzjoni bejniethom fit-territorju Ġermaniż u l-ebda waħda fosthom ma hija suġġetta għad-dritt Ġermaniż billi huwa magħruf li s-sedi rispettivi tagħhom ma jinsabux f’dan it-territorju. Waqt is-seduta, Ritrama SpA ppreċiżat li hija ma baqatx preżenti fis-suq Ġermaniż mill-2004. Skontha, għalkemm huwa minnu li s-sussidarja Svizzera tagħha Ritrama AG hija attiva fil-Ġermanja, huwa madankollu impossibbli li kumpanniji li għandhom personalitajiet ġuridiċi distinti jitqiesu bħala l-istess persuna fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

25.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura tar-rinviju preliminari, il-qorti nazzjonali hija, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, fl-aħjar pożizzjoni biex tevalwa kemm il-ħtieġa tal-imsemmi rinviju biex tkun tista’ tiddeċiedi, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja (7). Meta dawn ikunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tagħti deċiżjoni, bla ħsara, madankollu, li twettaq eżami tal-kundizzjonijiet li fihom hija ġiet adita mill-qorti tar-rinviju, sabiex tkun tista’ tivverifika jekk għandhiex ġurisdizzjoni (8).

26.      F’dan il-każ, il-Bundesgerichtshof sostniet it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha b’mod suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, biex jiġi stabbilit li din tissodisfa ħtieġa oġġettiva marbuta mas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

–       Fuq id-distinzjoni li għandha ssir bejn il-problemi

27.      Fid-dawl tal-elementi diskussi, għandu jitfakkar li fuq kollox ma għandhiex issir konfużjoni bejn l-istadji differenti tar-raġunament li għandu jiġi segwit minn qorti adita b’kawża f’materja ċivili u kummerċjali li fiha fattur barrani.

28.      Qabel kollox, dik il-qorti hija obbligata li tivverifika li fil-fatt għandha ġurisdizzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001. Din hija l-unika kwistjoni li tqajjmet mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

29.      Għalhekk, il-qorti kompetenti għandha teżamina jekk fid-dritt nazzjonali jeżistux regoli ta’ proċedura (9), bħal dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà, li jistgħu jipprekludu li tiġi segwita l-azzjoni. Huwa biss f’dan il-livell li tista’ tqum il-kwistjoni tal-interess ġuridiku tal-attriċi.

30.      Sussegwentement, dik il-qorti għandha tfittex liema hija l-liġi applikabbli, skont ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tad-dritt internazzjonali jew, sussidjarjament, tad-dritt nazzjonali li huma fis-seħħ fl-Istat Membru fejn hija tkun stabbilita.

31.      Finalment, u f’dan l-istadju biss, hija għandha tapplika għall-kwistjoni, b’mod konkret, il-leġiżlazzjoni indikata mir-regola tal-kunflitt ta’ liġijiet rilevanti. Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt sostantiv jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li fihom il-fatt li wassal għad-dannu jista’ jitqies bħala dannuża għall-vittma, kif ukoll il-provi li din għandha ġġib insostenn tat-talba tagħha għall-kumpens (10).

–       Fuq l-impatt tal-ġurisprudenza dwar l-istrumenti “paralleli” fir-Regolament Nru 44/2001

32.      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jew tal-Konvenzjoni ta’ Lugano hija xierqa u anki neċessarja peress li r-Regolament Nru 44/2001, li huwa intiż biex jissostitwixxi lil tal-ewwel fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, fih dispożizzjonijiet li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala essenzjalment ekwivalenti (11).

33.      Dan huwa l-każ tal-Artikolu 5(3) li jinsab f’kull wieħed minn dawn it-testi sabiex jiġu ddefiniti r-regoli ta’ ġurisdizzjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt”, anki jekk il-kliem tar-Regolament Nru 44/2001 huwa differenti minn dak li jidher fil-Konvenzjoni ta’ Brussell, billi jinkludi espressament bażi ta’ ġurisdizzjoni “dwar fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, bħal fil-Konvenzjoni ta’ Lugano kif irriveduta fl-2007. Din il-frażi miżjuda tagħmilha iktar preċiża (12), mingħajr ma tintroduċi distorsjoni sostanzjali bejn dawn l-istrumenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-azzjonijiet għall-waqfien, intiżi biex jipprevjenu t-twettiq ta’ dannu, jirrigwardaw ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (13).

–       Fuq il-portata tal-kawża

34.      Infakkar li din il-kawża tirrigwarda d-determinazzjoni tal-materja koperta fir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li tidher fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, u b’mod iktar preċiż id-definizzjoni tal-fattur ta’ konnessjoni li hija stabbilita f’din id-dispożizzjoni.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata li tiddeċiedi l-kwistjoni jekk u b’liema kundizzjonijiet l-azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva jistgħux jiġu aċċettati fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali. Din hija kwistjoni li tirrigwarda fuq kollox l-interess ġuridiku ta’ min iressaq it-talba, li tikkonċerna regoli proċedurali fis-seħħ f’kull Stat Membru, anki jekk l-ispeċifiċità ta’ dawk l-azzjonijiet għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

36.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-regola ta’ ġurisdizzjoni partikolari li tidher f’din id-dispożizzjoni ta’ deroga ma tistax tiġi applikata f’dan it-tip ta’ azzjonijiet, huma l-qrati indikati mir-regola ġenerali msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dawk tal-Istat Membru fejn il-konvenut huwa ddomiċiljat, li jkunu kompetenti li jiddeċiedu fuq l-ammissibbiltà u, jekk ikun il-każ, fuq il-fondatezza ta’ azzjoni bħal dik.

B –    Fuq l-applikabbiltà eventwali tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għall-azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva f’materja delittwali

–       Fuq il-kwistjoni mqajma mid-domanda preliminari

37.      Il-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tgħid jekk azzjoni għal konstatazzjoni negattiva bħal dik magħmula fil-kawża prinċipali tirrigwardax dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod konkret, il-kwistjoni li tqum hija dik jekk qorti Ġermaniża tistax tibbaża l-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha fuq din id-dispożizzjoni li tindika l-“qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, biex tittratta t-talba ta’ Folien Fischer u Fofitec intiża biex tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ responsabbiltà ċivili f’materja ta’ kompetizzjoni minħabba delitt allegatament imwettaq minn kumpanniji rregolati mid-dritt Svizzeru li joperaw b’mod partikolari fis-suq Ġermaniż.

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha qatt ma tat deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni. Madankollu, xi qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni u tal-Konfederazzjoni Svizzera adottaw pożizzjonijiet, f’sens li ma jaqblux ma’ xulxin. Skont l-informazzjoni mhux eżawrjenti li għandi f’idejja, numru kbir ta’ qrati tal-Istati Membri (14), iżda mhux kollha kemm huma (15), ma applikawx l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 fir-rigward ta’ azzjonijiet ta’ kostatazzjonijiet negattivi f’materja delittwali, filwaqt li l-Qorti Federali Svizzera kienet favur l-applikazzjoni f’dan ir-rigward ta’ dispożizzjonijiet identiċi li hemm fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, fejn fir-rigward ta’ azzjoni għall-eżekuzzjoni kkontestata l-ġurisdizzjoni Svizzera kienet fondata (16).

39.      Il-qorti tar-rinviju tagħti indikazzjoni li hija tikkunsidra li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jippermetti li tiġi ddefinita l-ġurisdizzjoni internazzjonali fil-każ ta’ azzjoni intiża għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ att delittwali. Il-Bundesgerichtshof tgħid li fid-duttrina Ġermaniża (17), tipprevali t-teżi li l-qorti kompetenti f’materja delittwali fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi adita wkoll b’azzjoni għal dikjarazzjoni negattiva biex tiġi kkonstatata l-ineżistenza ta’ drittijiet ibbażati fuq att delittwali possibbli.

40.      F’dan ir-rigward, kemm l-Istati Membri li intervjenew f’din il-kawża kif ukoll il-qorti tar-rinviju jsostnu li għandu jiġi adottat, bħal rifless f’mera, l-istess approċċ tar-regoli tal-ġurisdizzjoni għal azzjoni ta’ konstatazzjoni negattiva f’materja delittwali u għal azzjoni għall-eżekuzzjoni jew għal talba għad-danni li hija l-kontroparti tal-ewwel azzjoni, peress li dawn huma l-oppost simetriku tagħha.

41.      Madankollu, kif rifless minn mera jista’ jitgħawweġ, huwa possibbli li s-simetrija msemmija tista’ ma tkunx perfetta, jew lanqas biss rilevanti. F’dan il-każ, naħseb, għalkemm mhux mingħajr ċerti dubji, li t-teorija sostnuta mill-maġġoranza f’dan il-każ tista’ titpoġġa indiskussjoni b’mod partikolari fid-dawl tas-sinjifikat u l-għan tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tan-nuqqas ta’ impatt f’din il-kawża tal-identità tal-oġġett tal-kawża bejn azzjoni għal konstatazzjoni negattiva u azzjoni pożittiva, kif ukoll tal-konsegwenzi prattiċi derivanti mill-interpretazzjoni wiesgħa li qed tiġi proposta.

42.      L-ewwel nett, nippreċiża li ma neskludix li l-azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva jistgħu jirrigwardaw regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001, wara li jitfakkar li l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tagħhom quddiem il-qrati tal-Istati Membri huma nnifishom stabbiliti mir-regoli ta’ proċedura nazzjonali. F’dan ir-rigward, insostni li l-approċċi nazzjonali huma diverġenti, iżda l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva hija ġeneralment suġġetta għal kundizzjonijiet konnessi mal-għan ta’ dik l-azzjoni u mal-interess legali jew l-interess ġuridiku ta’ min jagħmel it-talba biex juża minn dik il-forma ta’ protezzjoni legali (18).

43.      Madankollu, nikkunsidra li jekk din l-azzjoni ssir f’materja delittwali, ma hijiex ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) ta’ dak ir-regolament, iżda r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali msemmija fl-Artikolu 2 tal-istess regolament li għandha tiġi applikata, għar-raġunijiet li ser insemmi iktar ’il quddiem.

–       Fuq l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001

44.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ applikazzjoni uniformi fit-territorju tal-Istati Membri kollha, il-kunċetti li jinsabu fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati mhux b’sempliċi referenza għad-dritt intern ta’ Stat Membru wieħed jew l-ieħor ikkonċernati, iżda b’mod awtonomu, b’referenza prinċipalment għas-sistema u għall-għanijiet tat-test (19).

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li skont l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, il-kunċett ta’ “materja ta’ delitt jew kważi delitt” jinkludi kull talba “intiża biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut” u li “ma hijiex relatata ma’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’” fis-sens tal-Artikolu 5(1) ta’ dik il-konvenzjoni, billi ġie ppreċiżat li kuntratt jimplika rabta assunta liberament minn parti fil-konfront tal-oħra (20). Din il-ġurisprudenza, li tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tistabbilixxi kriterju ta’ kwalifikazzjoni li jeżiġi li jingħaqdu żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, kundizzjoni pożittiva li twassal għall-għan tal-azzjoni u, min-naħa l-oħra, kundizzjoni negattiva li twassal għall-kawża tal-azzjoni (21).

46.      Minn dan jirriżulta li qorti ta’ Stat Membru ma jistax ikollha ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ħlief jekk l-azzjoni li hija adita biha jkollha bħala għan “li tistab ir-responsabbiltà delittwali jew kważi delittwali tal-parti konvenuta” (22) biex din tiġġiegħel twaqqaf att li jista’ jagħmel dannu jew biex tagħmel tajjeb għalih jekk ikun diġà seħħ. Issa, fil-kuntest ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, ma huwiex il-konvenut li huwa akkużat li wettaq att li joħloq dannu u li r-responsabbiltà għalih trid tiġi stabbilita, izda huwa min jagħmel it-talba li jrid jistabbilixxi l-kuntrarju, jiġifieri li ma huwiex l-awtur ta’ att leżiv li jista’ joħloq dannu li minnu jirriżulta dritt għall-kumpens. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż osserva ġustament, minkejja li jiena ma naqbilx mal-konklużjoni li huwa jasal għaliha minn din il-konstatazzjoni, li f’azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, hemm inverżjoni fir-rwoli normalment magħrufin f’materja ta’ delitti, billi min jagħmel it-talba huwa hawnhekk id-debitur potenzjali ta’ kreditu bbażat fuq att delittwali filwaqt li l-konvenut huwa l-vittma possibbli ta’ dan l-att.

47.      Għalhekk, it-talba għal konstatazzjoni negattiva ma hijiex intiża biex tistabbilixxi u tpoġġi r-responsabbiltà fuq il-konvenut, bħal fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, anzi għall-kuntrarju hija intiża biex teskludi r-responsabbiltà ta’ min jagħmel it-talba. Talba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex preċiżament azzjoni dwar ir-responsabbiltà delittwali, billi din ma tikkonstatax l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li kien sar minn min għamel it-talba fit-territorju Ġermaniż, iżda għandha l-għan, dijametrikament oppost, li dawn jiġu eżonerati filwaqt li jiġi kkonstatat li l-aġir tagħhom huwa konformi ma’ dan id-dritt. B’mod iktar speċifiku, Folien Fischer u Fofitec ma jikkontestawx l-eżistenza ta’ atti li jistgħu jikkostitwixxu fatt li jiġġenera danni possibbli, iżda jsostnu li huma ma jistgħux jinsabu responsabbli peress li l-atti msemmija ma humiex illegali.

48.      Mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Bier, imsejħa “Mines de potasse d’Alsace”(23), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikoli 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell b’mod li tipprovdi għażla għal min jagħmel it-talba li tippermettilu jagħżel bejn il-post fejn seħħ l-avveniment kawżali u l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu (24). Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tgħidx hekk espressament, jidhirli li l-għażla bejn żewġ fora kompetenti li b’hekk ġiet permessa lil min jagħmel it-talba għal azzjoni f’materja delittwali, għandha l-għan li tiffavorixxi lill-vittma allegata, li bħala prinċipju tokkupa din il-pożizzjoni proċedurali(25). Ma hemm xejn fil-ġurisprudenza li jindika li l-istess benefiċċju għandu jingħata lill-awtur ta’ att ta’ dannu possibbli.

49.      Is-sentenza Henkel, iċċitata iktar ’il fuq, dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell, kif ukoll il-kliem tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, ċertament jippermettu l-inklużjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-kunsiderazzjoni ta’ dannu li għadu ma ġarax iżda li huwa potenzjali minħabba l-fatt dannuż identifikat. Id-dannu li jirriżulta minn delitt jista’ ċertament ikun biss fil-futur, iżda għandu jkollu konsistenza reali, u mhux astratta, għaliex inkella l-bażi speċjali ta’ ġurisdizzjoni fuq materja delittwali tista’ tinħoloq b’mod diskrezzjonali. Għalhekk huwa veru li azzjoni għar-responsabbiltà delittwali tista’ tkun ibbażata fuq riskju meta l-kawża ta’ danni eventwali teżisti u hija identifikabbli iżda d-danni jkunu għadhom ma humiex attwali. Madankollu, l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva tippresupponi, min-naħa tagħha, li anki r-riskju tad-dannu li jiġri attwalment huwa eskluż, u b’hekk il-fattur ta’ konnessjoni effettivament jiġi eliminat u, għaldaqstant, anki l-bażi speċifika ta’ ġurisdizzjoni marbuta magħha, kif hemm maħsub fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

50.      L-azzjoni negattiva hija intiża għall-ksib ta’ konstatazzjoni, fid-dritt privat, li fil-fehma tiegħi timplika neċessarjament li ma jeżistix il-fattur ta’ konnessjoni, fid-dritt proċedurali internazzjonali. Huwa ċertament possibbli li wieħed jimmaġina sitwazzjoni fejn min jagħmel it-talba jammetti li l-konvenut sofra dannu iżda jitlob konstatazzjoni negattiva fis-sens li ma jkunx responsabbli għal dak id-dannu, għar-raġuni pereżempju li l-att imwettaq ma huwiex illegali jew ma hemmx rabta kawżali bejn l-att inkwistjoni u d-dannu allegat (26). Madankollu, anki f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għal din l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva ma jidhirlix li hija kompatibbli mal-ġurisprudenza msemmija fis-sentenza Tacconi, iċċitata iktar ’il fuq, għaliex f’dan il-każ, it-talba ma hijiex intiża biex “tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-konvenut” u għalhekk ma tirrigwardax fil-fehma tiegħi lil din id-dispożizzjoni speċjali, iżda lir-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali marbuta mad-domiċilju tal-konvenut.

51.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-effett tar-rifjut ta’ Fofitec li tagħti liċenzji jinħoloq fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Stat Membru fejn id-dritt tiegħu japplika, skont il-Bundesgerichtshof, bis-saħħa tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet rilevanti. Madankollu, fis-sentenza Marinari (27), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Konvenzjoni ta’ Brussell ma kinitx intiża biex torbot ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni territorjali li hija tiddefinixxi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali. Inżid ngħid, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 (28), jawtorizza lil min jagħmel it-talba għal kumpens li jagħżel fost il-liġijiet applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att li jirrestrinġi l-kompetizzjoni li taffettwa s-swieq ta’ diversi Stati Membri.

52.      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, u għalhekk anki fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni simili tar-Regolament Nru 44/2001, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni mhux kuntrattwali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi ma hijiex intiża għall-kumpens ta’ dannu fis-sens tagħha, minkejja li din l-azzjoni tibbaża fuq aġir allegatament leżiv (29).

53.      Għaldaqstant, interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma tippermettix li tiġi sostnuta l-idea li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva.

–       Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001

54.      Ir-Regolament Nru 44/2001 għandu partikolarment l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi fl-istess ħin jippermetti lir-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jipproċedi quddiemha u lill-konvenut normalment attent li jipprevedi b’mod raġonevoli l-qorti li jista’ jitfittex quddiemha (30).

55.      F’dan ir-rigward, mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li, fl-interess tal-prevedibbiltà, u għalhekk taċ-ċertezza legali, għandha dejjem tingħata preferenza lill-bażi ġenerali tal-ġurisdizzjoni skont id-domiċilju tal-konvenut, ħlief f’xi sitwazzjonijiet iddefiniti tajjeb ħafna fejn is-suġġett tal-litigazzjoni jew tal-awtonomija tal-volontà tal-partijiet jiġġustifikaw fattur ta’ konnessjoni differenti.

56.      L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa regola ta’ ġurisdizzjoni ta’ deroga meta mqabbel mar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 2(1) li għandu l-għan li jipproteġi lill-konvenut f’kawża ppreżentata mir-rikorrent(31). Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tiegħu għandha tkun stretta u saħansitra restrittiva (32).

57.      L-għan tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali msemmija fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li tiġi kkunsidrata “l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qorti li tista’ tintalab tittrattah, għall-organizzazzjoni xierqa tal-proċeduri” (33). Din id-dispożizzjoni toffri għażla lil min jagħmel it-talba li, eċċezzjonalment, tippermettilu jadixxi qorti li tinsab fi Stat differenti minn dak fejn il-konvenut ikun iddomiċiljat, minħabba r-rabta mal-post partikolari ta’ din il-qorti man-natura tal-kwistjoni. Għalhekk biex tkun tista’ ssir deroga mill-forum tad-domiċilju tal-konvenut, huwa essenzjali li jiġi vverifikat li jeżisti, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kwistjoni kkonċernata, fattur ta’ prossimità (34) li hawnhekk jeħtieġ b’mod iktar qawwi għaliex rabta “partikolarment stretta” għandha tgħaqqad il-kwistjoni mal-qorti li tiġi adita, li hija dik (35) tal-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” fis-sens tad-dispożizzjoni inkwistjoni.

58.      Fil-kuntest ta’ azzjoni għal konstatazzjoni negattiva, ma tistax tiġi identifikata prossimità ikbar mingħajr riskju ta’ ekwivoku. Għalhekk, fil-kawża prinċipali, il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti Ġermaniża adita kellha tkun ibbażata fuq l-effett antikompetittiv fis-suq Ġermaniż tal-omissjonijiet jew atti mwettqin minn żewġ kumpanniji stabbiliti fl-Isvizzera, għad-detriment ta’ kumpannija Taljana, Ritrama SpA, li tiċħad li eżerċitat attivitajiet fil-Ġermanja iżda li mingħajr ebda dubju għamlet operazzjonijiet ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni. Fil-fatt, f’materja ta’ kompetizzjoni, jeżistu fatturi differenti li jistgħu jagħtu lok għal dispersjoni tar-raġunijiet ta’ ġurisdizzjoni marbuta ma’ atti illegali u l-effetti tagħhom.

59.      Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jagħmilhiex possibbli li jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ineżistenza ta’ delitt. L-istess konklużjoni tirriżulta fir-rigward tas-sinjifikat ġenerali li dan it-test huwa miktub bih.

–       Fuq l-interpretazzjoni sistemika tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001

60.      Huwa veru li fis-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, li ngħatat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (36), dwar il-litis pendentia, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet teżisti, f’materja ta’ trasport marittimu b’polza, ekwivalenza ta’ kawża u oġġett bejn, minn naħa, talba għal kumpens għal dannu u, min-naħa l-oħra, talba bil-kontra sabiex jiġi deċiż li ma kienx hemm dannu (37). Il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ Ritrama SpA, jikkunsidraw li din il-ġurisprudenza għandha tiġi trasposta għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 u għandha twassal sabiex il-bażi ta’ ġurisdizzjoni stabbilita minn dak l-artikolu tkun tapplika wkoll fir-rigward ta’ azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva (38).

61.      Qabel kollox, il-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, ma jidhirlix li tikkostitwixxi ostakolu serju għall-interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 li qed nirrakkomanda. Nammetti li f’materja delittwali, l-azzjoni għal konstatazzjoni negattiva jista’ jkollha l-istess għan bħal azzjoni pożittiva li hija l-kontroparti tagħha, billi waħda hija intiża għal dikjarazzjoni ġudizzjarja li awtur potenzjali ma jwettaqx fatt dannuż filwaqt li l-oħra hija intiża sabiex tistabbilixxi l-kuntrarju.

62.      Madankollu, għalkemm il-kunċett tas-suġġett tal-kawża jippermetti li tiġi ddefinita l-portata tal-kwistjoni ppreżentata quddiem qorti sabiex tiġi stabbilita l-litis pendentia u r-res judicata li jirriżultaw minn sitwazzjoni bħal din, skont dik is-sentenza, minn dan ma jirriżultax li dak il-kunċett jagħmilha possibbli sabiex jiġi ddeterminat jekk azzjoni partikolari għandhiex jew le fattur meħtieġ ta’ konnessjoni skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001.

63.      Fil-fatt, fis-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss dwar dispożizzjonijiet fuq il-litis pendentia, li bħala tali ma jistabbilixxux bażijiet ta’ ġurisdizzjoni iżda jiddefinixxu biss liema waħda mill-qrati aditi fl-istess ħin għandha tiddeċiedi l-ewwel f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-problema hija ferm differenti minn dik sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

64.      Barra minn hekk, jidhirli li t-teknika ta’ abbozzar użata fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 twassal biex il-ġurisdizzjoni tiġi bbażata mhux fuq is-suġġett tal-kwistjoni, iżda fuq il-fattur ta’ konnessjoni previst għal kull bażi ta’ ġurisdizzjoni speċjali, li huma żewġ elementi differenti, kif turi analiżi komparattiva tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidhru f’dan l-artikolu. Għalhekk, pereżempju, “f’materja kuntrattwali”, il-fattur ta’ konnessjoni huwa dak tal-“post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ” [Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001] jew ukoll “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ manteniment”, dan il-fattur huwa l-“post fejn il-kreditur tal-manteniment ikollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu” [Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 44/2001].

65.      Il-partijiet intervenjenti, li jargumentaw li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jinkludi l-azzjonijiet biex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ responsabbiltà delittwali, isostnu li fil-qafas ta’ bażijiet ta’ ġurisdizzjoni oħrajn stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, l-istess regola tiġi applikata kemm għal azzjoni għal konstatazzjoni negattiva kif ukoll għal azzjoni pożittiva.

66.      Madankollu, nikkunsidra li fil-każijiet li ma humiex dawk maħsuba fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, in-natura pożittiva jew negattiva ta’ azzjoni legali ma taffettwax il-fattur ta’ konnessjoni previst fid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 5. Għall-kuntrarju, f’materja delittwali, in-natura tal-azzjoni hija essenzjali għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni, għaliex dak li jagħmel id-differenza hija l-eżistenza jew le tal-fatt dannuż li huwa element determinanti għall-fattur ta’ konnessjoni.

–       Fuq il-konsegwenzi prattiċi ta’ interpetazzjoni estensiva tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001

67.      Il-Gvern Franċiż jagħmel proposta speċifika fejn isostni li l-awtorità tar-res judicata tad-deċiżjoni mogħtija fuq il-bażi ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni negattiva bħal fil-kawża prinċipali għandha tkun limitata għat-territorju tal-Istat Membru fejn il-qorti kompetenti għandha s-sede tagħha, peress li azzjonijiet ta’ dak it-tip ma humiex ammissibbli bħala tali fid-dritt Franċiż fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

68.      Jiena tal-fehma li jkun kontra s-sistema stabbilita fir-Regolament Nru 44/2001 li l-ewwel tiġi ammessa bażi ta’ ġurisdizzjoni bħal dik imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari biex imbagħad wara jiġi kkunsidrat, li billi l-konsegwenzi legali jew prattiċi ta’ din l-ammissjoni jkunu inaċċettabbli, l-effett tad-deċiżjoni li tista’ tagħti l-qorti kkonċernata jiġi ristrett għat-territorju tal-Istat Membu fejn tinsab il-qorti kkonċernata.

69.      Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom ikunu jistgħu jipproduċu l-effetti tagħhom fost l-Istati Membri kollha, mingħajr limitazzjoni għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew l-ieħor, kif jissuġġerixxi l-Gvern Franċiż, għaliex fin-nuqqas ta’ hekk dan ir-regolament jitlef l-effettività tiegħu (39). L-għan u l-interess stess tar-Regolament Nru 44/2001 huma li jiġu stabbiliti r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jgħoddu għall-qrati tal-Istati Membri kollha f’daqqa u sabiex iwasslu li tingħata għall-istess kwistjoni deċiżjoni waħda li jkollha portata internazzjonali (40).

70.      Nammetti li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li parti tista’ “timmina” jew tagħmel “short circuit” tal-azzjoni tal-parti l-oħra meta tibbenefika minn eċċezzjoni ta’ litis pendentia b’applikazzjoni estensiva tal-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (41). Madankollu, il-fatt li tiġi aċċettata azzjoni għal konstatazzjoni negattiva f’materja delittwali li tistrieħ fuq il-bażi ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ikun, fil-fehma tiegħi, jista’ jiggrava r-riskji ta’ azzjonijiet ta’ imminar billi l-awturi ta’ fatti dannużi potenzjali jingħataw l-għażla li jaġixxu f’qorti li ma tkunx dik tad-domiċilju tal-konvenut (42).

71.      Għandha tiġi evitata interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 li hija sodisfaċenti fuq il-livell teoretiku iżda li toħloq problemi prattiċi.

72.      Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel tifsira stretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali stabbilita fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għal dak li jirrigwarda l-applikabbiltà eventwali tiegħu għal azzjonijiet għal konstatazzjoni negattiva f’materja mhux kuntrattwali u tagħti preferenza lir-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali marbuta mad-domiċilju tal-konvenut.

V –    Konklużjoni

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof kif ġej:

“L-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni fl-oqsma marbuta mad-delitti ma tapplikax fir-rigward ta’ talba għal konstatazzjoni negattiva fejn l-awtur potenzjali ta’ fatt dannuż isostni li l-vittma potenzjali fiċ-ċirkustanzi partikolari ma tikseb l-ebda dritt fil-qasam delittwali”.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42. Għat-test ikkonsolidat, li fit-test bażiku jintegra l-emendi u l-korrezzjonijiet suċċessivi ta’ dak ir-regolament, li ma humiex rilevanti f’din il-kawża, ara 2001R0044-FR-8.4.2009-007.001-1.


3 —      Azzjoni magħrufa fid-dritt Ġermaniż bl-isem “negative Feststellungsklage”.


4 —      Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1994, Tatry (C‑406/92, Ġabra p. I‑5439).


5 —      F’dawn il-konklużjonijiet, il-kunċett ta’ “Stat Membru” ser jirreferi għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament Nru Nru 44/2001.


6 —      L-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Brussell fis-27 ta’ Settembru 1968 (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda ma’ din il-konvenzjoni (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), issemmi regola essenzjalment simili iżda din ma tirrigwardax espressament il-każ fejn il-fatt li jikkawża l-ħsara “jista’ jitwettaq”.


      Regola identika fil-punti kollha ma’ dik tar-Regolament Nru Nru 44/2001 tinsab fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet f’materja ċivili u kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis-16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1988, L 319, p. 9), kif ġiet irriveduta mill-konvenzjoni ffirmata f’Lugano fit-30 ta’ Ottubru 2007 [ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/712/KE, tal-15 ta’ Ottubru 2007, dwar il-firma, f’isem il-Komunità, tal-konvenzjoni msemmija, (ĠU L 339, p. 1)], li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2011 u li torbot lill-Komunità Ewropea, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Repubblika tal-Islanda, lir-Renju tan-Norveġja u lill-Konfederazzjoni Svizzera (iktar ’il quddem il-“Konvenzjoni ta’ Lugano”).


7 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, Ġabra p. I-10055, punti 21 et seq, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


8 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C‑212/04, Ġabra p. I‑6057, punti 39 et seq).


9 —      Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li r-Regolament Nru Nru 44/2001, bħall-Konvenzjoni ta’ Brussell, ma għandux l-għan li jgħaqqad ir-regoli ta’ proċedura kollha tal-Istati Membri, iżda li, fil-qafas tal-awtonomija proċedurali tagħhom, l-Istati Membri ma jistgħux jiffissaw regoli proċedurali, applikabbli għall-azzjonijiet li jsiru quddiem il-qrati tagħhom, li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari kontra d-dispożizzjonijiet tar-regolament imsemmi (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, G, C‑292/10, punti 44 u 45).


10 —      Is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1995, Shevill et (C‑68/93, Ġabra p. I‑415, punti 38 sa 41), ippreċiżat li “l-kriterji biex jiġi evalwat jekk il-fatt inkwistjoni huwiex dannuż u l-kundizzjonijiet ta’ prova tal-eżistenza u l-portata tad-dannu allegat mill-vittma tad-diffamazzjoni ma jirrigwardawx il-Konvenzjoni [ta’ Brussell], iżda huma rregolati mid-dritt sostantiv indikat mir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet tad-dritt nazzjonali tal-qorti adita, mingħajr preġudizzju għall-fatt li din l-applikazzjoni ma taffettwax ħażin l-effettività tal-konvenzjoni”. L-istess jgħodd għar-Regolament Nru Nru 44/2001.


11 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, Ġabra p. I-10269, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 —      Ara, b’analoġija, ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni ta’ Lugano rriveduta, imfassal minn F. Pocar (ĠU 2009, C 319, p. 15, punt 61).


13 —      Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel (C‑167/00, Ġabra p. I‑8111), dwar azzjoni preventiva, magħmula minn assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex negozjant jiġi prekluż milli juża klawżoli meqjusin abbużivi f’kuntratti ma’ individwi, u tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline (C‑18/02, Ġabra p. I‑1417), dwar azzjoni preventiva, magħmula minn assoċjazzjoni ta’ sidien ta’ bastimenti biex jikkontestaw il-legalità tal-avviż ta’ azzjoni industrijali li kkunsidraw li kienet potenzjalment ta’ dannu.


14 —      Deċiżjonijiet ta’ inapplikabbiltà, mogħtija, b’mod partikolari, fil-Ġermanja mil-Landgericht München fit-23 ta’ Ottubru 2008 (7 O 17209/07, www.juris.de) u l-Oberlandesgericht Dresden fit-28 ta’ Lulju 2009 (14 U 1008/08, www.juris.de). Fir-rigward tal-bażi tal-ġurisdizzjoni simili li hemm fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara, fil-Ġermanja: is-sentenza tal-Oberlandesgericht München tal-25 ta’ Ottubru 2001 (6 U 5508/00, www.juris.de), fil-Pajjiżi l-Baxxi: is-sentenzi tal-Gerechtshof’s‑Gravenhage tat-22 ta’ Jannar 1998, Evans/Chiron (IEPT19980122), u tar-Rechtbank’s‑Gravenhage tad-19 ta’ Ġunju 2002, Freelift/Stannah Stairlifts (NiPR 2002, Afl. 4, nr. 279), kif ukoll, fl-Italja: id-deċiżjoni tat-Tribunale di Bologna tat-22 ta’ Settembru 1998 (Resp. civ. e prev., 2000, p. 754), is-sentenzi tal-Corte suprema di Cassazione tad-19 ta’ Diċembru 2003 (n. 19550, Riv. Dir. Ind., 2005, II, p. 162) u tal-Corte d’appello di Milano tat-2 ta’ Marzu 2004 (Dir. ind., 2004, p. 431).


15 —      Deċiżjonijiet favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru Nru 44/2001 mogħtija, fil-Ġermanja: mill-Oberlandesgericht Düsseldorf, fit-12 ta’ Mejju 2005 (I‑2 U 67/03, n° 34, www.juris.de) u l-Landgericht Frankfurt fil-25 ta’ Marzu 2010 (2‑03 O 580/08, 2/03 O 580/08, 2/3 O 580/08, 2‑3 O 580/08, www.juris.de); fil-Pajjiżi l-Baxxi: mir-Rechtbank Breda fid-29 ta’ Ġunju 2011, Mivena vs Geogreen c.s. (LJN: BR0157), u, fir-Renju Unit: mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Commercial Court), Equitas Ltd and another v Wave City Shipping Co Ltd and others, at para 11 Christopher Clarke LJ (2005) EWHC 923 (Comm). Ara wkoll id-deċiżjonijiet favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell mogħtija fl-Italja mill-Corte suprema di cassazione fis-17 ta’ Ottubru 2002 (n. 14769, Riv. dir. inter., 2003, p. 238) u t-Tribunal di Brescia fil-11 ta’ Novembru 1999 (Riv. Dir. Ind., II, p. 236).


16 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Federali Svizzera tat-2 ta’ Awwissu 1999 (ATF 125 III 346); tat-23 ta’ Ottubru 2006, G. GmbH. AG u B. AG (4C.210/2006, ATF 132 III 778); tat-23 Ottubru 2006, F. AG G. GmbH (4C.208/2006/len), u tat-13 ta’ Marzu 2007 (ATF 133 III 282). Sentenzi aċċessibbli minn fuq is-sit tal-Qorti tal-Ġustizzja (http://curia.europa.eu/common/recdoc/convention/fr/tableau/tableau.htm), taħt it-taqsima “Informazzjoni skont il-Protokoll Nru Nru 2 anness mal-Konvenzjoni ta’ Lugano”, rispettivament fin-Nri 2000/19, 2007/14, 2008/19 u 2008/20.


17 —      Ara l-punt 13 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.


18 —      Nosserva li dan it-tip ta’ azzjonijiet jista’ jġiegħel lill-vittma allegata li tieħu sehem, bħala detentriċi potenzjali ta’ kreditu għal danni, fi proċedura ġudizzjarja fi stadju fejn hija ma tkunx iktar f’pożizzjoni li tipprovdi l-provi meħtieġa biex tissodisfa l-prova tal-eżistenza tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali li l-parti l-oħra trid teżonera ruħha minnha.


19  —      Għalhekk dawn il-kunċetti għandhom jiġu kkonċepiti indipendentement mid-definizzjoni li tirriżulta mid-dritt sostantiv indikat mir-regoli ta’ kunflitt ta’ liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru jew sede tal-qorti adita. Ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, Ġabra p. I‑2149, punt 15) u tal-20 ta’ Jannar 2005, Engler (C‑27/02, Ġabra p. I‑481, punt 33), kif ukoll, fir-rigward tar-Regolament Nru Nru 44/2001, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Zuid‑Chemie (C‑189/08, Ġabra p. I‑6917, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20 — Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, Ġabra p. I‑7357, punti 21 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21 — F’dan il-każ, it-tieni kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru Nru 44/2001 ma toħloqx problemi, għaliex huwa ċar li r-relazzjonijiet legali li Folien Fischer u Fofitec għandhom ma’ Ritrama SpA ma humiex ta’ natura kuntrattwali.


22  —      Ara s-sentenza Henkel, iċċitata iktar ’il fuq (punt 41).


23      Sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976 (21/76, Ġabra p. 1735).


24 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 1995, Marinari (C‑364/93, Ġabra p. I‑2719, punti 11 u 12).


25      Fil-punt 17 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża pendenti Wintersteiger (C-523/10), l-Avukat Ġenerali Cruz Villaón isemmi, f’dan ir-rigward, l-attribuzzjoni “lill-vittma tad-dannu ta’ marġni ta’ diskrezzjoni”.


26 —      Fuq il-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta kawżali bejn id-dannu u l-fatt li minnu joriġina dan id-dannu, ara, b’mod partikolari, is-sentenza DFDS Torline, iċċitata iktar ’il fuq (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 —      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq (punti 16 et seq).


28 —      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Lulju 2007, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU L 199, p. 40).


29 —      Għalhekk, is-sentenza Reichert u Kockler, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 19 u 20) eskludiet l-azzjoni pawljana, li teżisti fid-dritt Franċiż, minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni għar-raġuni li l-għan tagħha “ma huwiex li d-debitur jiġi kkundannat jagħmel tajjeb għad-danni li kkawża lill-kreditur tiegħu bl-att frawdolenti tiegħu, iżda li jħassar, fil-konfront tal-kreditur, l-effetti tal-att ta’ dispożizzjoni magħmul mid-debitur tiegħu” u għalhekk din ma hijiex “talba li tistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ konvenut fis-sens kif intiż fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni”.


30 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Frar 2002, Besix (C-256/00, Ġabra p. I-1699, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll G, iċċitata iktar ’il fuq (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31 —      Ir-regola stabbilita fl-Artikolu 2 hija intiża sabiex tiffavorixxi lill-konvenut, li ġeneralment ikun il-parti fl-iktar pożizzjoni dgħajfa minħabba li l-kawża tiġi imposta fuqu, billi jiġi permess li jiddefendi ruħu iktar faċilment. Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Marzu 1997, Farrell (C-295/95, Ġabra p. I-1683, punt 19), u tat-13 ta’ Lulju 2000, Group Josi (C-412/98, Ġabra p. I-5925, punt 35).


32 —      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet espressament li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat li fit-territorju tiegħu għandu d-domiċilju l-konvenut ma jagħtux lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Brussell. Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1998, Réunion européenne et (C‑51/97, Ġabra p. I‑6511, punt 16), kif ukoll Zuid‑Chemie, iċċitati iktar ’il fuq (punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jgħodd ukoll għar-Regolament Nru Nru 44/2001.


33 —      Fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, ara s-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2004, Kronhofer (C‑168/02, Ġabra p. I‑6009, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru Nru 44/2001, ara s-sentenza eDate Advertising et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 —      Il-premessa 12 tar-Regolament Nru Nru 44/2001 tindika li kriterju ta’ rabta speċjali, minbarra dak dwar id-domiċilju tal-konvenut, huwa ġġustifikat f’ċertu każijiet meta jkun hemm rabta stretta bejn il-qorti u l-kwistjoni jew sabiex tiffaċċilita l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Ara wkoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-implementazzjoni u r-reviżjoni tar-Regolament Nru Nru 44/2001, li tipproponi l-introduzzjoni tar-rekwiżit ta’ “rabta suffiċjenti, sostanzjali jew sinifikanti” bil-għan li “tiġi limitata l-possibbiltà li jsir użu minn ‘forum shopping’” fil-qasam tad-delitt [2009/2140(INI), P7_TA(2010)0304, premessa Q u punt 25].


35 —      Nenfasizza li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru Nru 44/2001 jistabbilixxi bażi ta’ ġurisdizzjoni li ma hijiex estiża għall-qrati kollha ta’ Stat Membru, bħal fil-każ tal-Artikolu 2 ta’ dak ir-regolament, iżda huwa ristrett għall-eqreb qorti għad-delitt jew il-kważi delitt.


36 —      Id-dispożizzjoni ekwivalenti tar-Regolament Nru Nru 44/2001 tidher fl-Artikolu 27 tiegħu, li jgħid, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu, li: “[m]eta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata” u li “[m]eta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti”. L-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Lugano, kif irriveduta fl-2007, huwa essenzjalment simili.


37 —      Skont is-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq: “[d]ak l-Artikolu 21 għandu jiġi interpretat fis-sens li talba għal deċiżjoni li l-konvenut huwa responsabbli għal dannu u sabiex jiġi kkundannat iħallas id-danni għandha l-istess kawża u l-istess oġġett bħal talba anterjuri ta’ dan il-konvenut għal deċiżjoni li ma huwiex responsabbli għal dak id-dannu”.


38 —      Nosserva li din il-ġurisprudenza tat lok għal proposti intiżi sabiex din titqiegħed indiskussjoni. Fil-fatt ġie kkunsidrat li tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regola tal-litis pendentia fil-każ ta’ qbil bejn azzjoni limitata għal talba ta’ konstatazzjoni negattiva u azzjoni fil-mertu, partikolarment meta l-ewwel azzjoni jkollha bħala għan moħbi li “timminaha”. Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru Nru 44/2001 [COM(2009) 174 finali, punti 3.3 u 3.4] kif ukoll il-Green Paper fuq ir-reviżjoni tar-Regolament Nru Nru 44/2001 [COM(2009) 175 finali, p. 5 u 7].


39 —      Il-portata ta’ sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru fil-prinċipju testendi għat-territorju kollu tal-Unjoni, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Nru Nru 44/2001. Kull Stat Membru huwa b’dan il-mod obbligat li jirrikonoxxi u li jeżegwixxi deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor biex, b’hekk, din tingħata effett transkonfinali previst minn dan ir-regolament.


40 —      Ma hemmx kontradizzjoni bejn dan il-punt u l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Shevill et kif ukoll eDate Advertising et, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja limitat il-ġurisdizzjoni territorjali tal-qrati f’ċerti sitwazzjonijiet, iżda mhux l-awtorità tar-res judicata tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dawk il-qrati.


41 —      Ara s-sentenza Tatry, iċċitata iktar ’il fuq, moqrija flimkien mas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Gasser (C‑116/02, Ġabra p. I‑14693, punt 41 kif ukoll il-punti 70 et seq).


42 —      Fir-rapport tagħha fuq l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38, punt 3.4), il-Kummissjoni enfasizzat li ċerti partijiet jippruvaw “jantiċipaw l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti billi tintuża proċedura quddiem qorti oħra li ġeneralment, iżda mhux dejjem, ma għandhiex ġurisdizzjoni, preferibbilment fi Stat fejn il-proċedura għal deċiżjoni fuq il-ġurisdizzjoni u/jew fuq il-mertu, timxi bil-mod. Dawn it-tattiċi (“imminar”) jistgħu jkunu partikolarment abbużivi jekk l-ewwel proċedura tkun intiża biex tikseb dikjarazzjoni li ma hemmx responsabbiltà biex b’hekk jiġi prekluż b’mod effettiv li l-parti l-oħra tagħmel proċedura fil-mertu quddiem qorti kompetenti. Jistgħu jwasslu wkoll għall-impossibbiltà li ssir talba għad-danni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].