Language of document : ECLI:EU:C:2018:768

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil‑25 ta’ Settembru 2018 (1)

Kawża C349/17

Eesti Pagar AS

vs

Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus,

Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (KE) Nru 800/2008 – Għajnuna b’effett ta’ inċentiv – Tressiq ta’ talba għal għajnuna qabel jibda x-xogħol fuq il-proġett – Evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali – Artikolu 108(3) TFUE – Obbligu li jaqa’ jew ma jaqax fuq l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi rkuprata għajnuna kkunsidrata illegali – Prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ aspettattivi leġittimi – Preskrizzjoni – Nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni jew ta’ qorti nazzjonali – Identifikazzjoni tat-terminu applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali minn awtorità nazzjonali – Bażi legali – Interessi – Obbligu jew nuqqas ta’ obbligu li jintalbu l-interessi – Bażi legali – Modalitajiet ta’ applikazzjoni”






1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, imressaq mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), iqajjem sensiela ta’ kwistjonijiet sinjifikattivi u sensittivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

2.        L-ewwel nett, b’mod partikolari, dan jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 (2); it-tieni nett, l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri li jirkupraw għajnuna illegali; it-tielet nett, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ aspettattivi leġittimi; ir-raba’ nett, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru minn Stat Membru ta’ għajnuna illegali; u, il-ħames nett, l-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri li jitolbu l-interessi matul l-irkupru ta’ għajnuna illegali.

3.        Dan ir-rinviju tressaq fil-kuntest ta’ tilwima bejn Eesti Pagar AS u l-Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus (il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tal-Impriża, iktar ’il quddiem l-“EAS”) u l-Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium (il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Komunikazzjoni, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-EAS, ikkonfermata mill-Ministeru fuq rikors ġerarkiku ta’ Eesti Pagar, li tordna l-irkupru minn din il-kumpannija tal-ammont ta’ EUR 526 300, flimkien mal-interessi, fir-rigward ta’ għajnuna preċedentement imħallsa mill-EAS lill-Eesti Pagar.

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (3) jipprevedi li:

“Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir […] tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.”

5.        Konformement mal-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (4):

“1. Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali [illegali], il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (iktar ’il quddiem imsejħa ‘deċiżjoni ta’ rkupru’). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2. L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali [illegali] kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.”

6.        L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin.”

7.        L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 794/2004 (5) jipprovdi li:

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’deċiżjoni speċifika, ir-rata ta’ l-imgħax li għandha tintuża sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu [108](3) tat-Trattat [FUE] għandha tkun rata perċentwali annwali li tiġi stabbilita minn qabel mill-Kummissjoni f’kull sena kalendarja.

2.      Din ir-rata ta’ l-imgħax għandha tiġi kkalkulata billi jiġu miżjuda 100 punt bażi mar-rata tas-suq tal-flus għal sena. Fejn dawk ir-rati ma jkunux disponibbli, tintuża r-rata tas-suq tal-flus għal tliet xhur, jew fl-assenza tagħha, ir-rendita mill-bonds ta’ l-Istat.

3.      Fl-assenza ta’ suq affidabbli tal-flus jew rendita affidabbli tal-bonds f’ishma jew data ekwivalenti jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat Membru(i) kkonċernat(i), tiffissa r-rata ta’ rkupru fuq il-bażi ta’ metodu ieħor u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li tkun disponibbli għaliha.

4.      Ir-rata ta’ l-irkupru tiġi reveduta darba kull sena. Ir-rata bażi tiġi kkalkulata fuq il-bażi tar-rata tas-suq tal-flus għal sena rreġistrata f’Settembru, Ottubru u Novembru tas-sena kkonċernata. Ir-rata kkalkulata b’dan il-mod tapplika matul is-sena ta’ wara.

5.      Barra minn hekk, sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni l-varjazzjonijiet sinifikanti u għall-għarrieda, isir aġġornament kull darba li r-rata medja, ikkalkulata fuq it-tliet xhur preċedenti, tiddevja b’iktar minn 15 % mir-rata fis-seħħ. Din ir-rata ġdida tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xhur li fuqhom jinħadem il-kalkolu.”

8.        L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament jippreċiża li:

“1.      Ir-rata ta’ mgħax li għandha tiġi applikata għandha tkun ir-rata ta’ mgħax applikabbli fid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet tqegħdet l-ewwel darba għad-disposizzjoni tal-benefiċjarju.

2.      Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma [jiġġemma’] fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara.

3.      Ir-rata ta’ l-imgħax imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata matul il-perjodu kollu sad-data ta’ l-irkupru. Madankollu, jekk tkun għaddiet aktar minn sena waħda bejn id-data li fiha l-għajnuna illegali tkun tpoġġiet għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u d-data ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna, ir-rata ta’ l-imgħax għandha tiġi kkalkulata mill-ġdid f’intervalli annwali, filwaqt li tieħu bħala bażi r-rata fis-seħħ fiż-żmien ta’ l-ikkalkular mill-ġdid.”

9.        L-Artikolu 101 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (6) jipprevedi li:

“Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni m’għandhiex tippreġudika l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jfittex l-irkupri taħt l-Artikolu 98(2) ta’ dan ir-Regolament u li jirkupra l-għajnuna Statali taħt l-Artikolu [107] tat-Trattat [FUE] u taħt l-Artikolu 14 tar-[Regolament Nru 659/1999].”

10.      Il-premessa 28 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa turi li:

“Sabiex ikun żgurat li l-għajnuna hija neċessarja u tkun ta’ inċentiv biex jiġu żviluppati aktar attivitajiet jew proġetti, dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna għal attivitajiet li l-benefiċjarju jkun diġà qed jieħu sehem fihom waħdu taħt il-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward ta’ kwalunlkwe għajnuna koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lil SME, dan l-inċentiv għandu jiġi meqjus li jeżisti meta, qabel jinbdew l-attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett jew ta’ l-attivitajiet assistiti, l-SME tkun ippreżentat applikazzjoni lill-Istat Membru. […]”

11.      Skont l-Artikolu 8(1) u (2) ta’ dan ir-regolament:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jeżenta biss għajnuna li għandha effett ta’ inċentiv.

2.      Din il-kundizzjoni għandha titqies bħala sodisfatta jekk, qabel inkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew attività, il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat.”

12.      Konformement mal-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 125, bit-titolu “Il-funzjonijiet tal-awtorità ta’ ġestjoni”, tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (7):

“4.      Fir-rigward tal-ġestjoni u l-kontroll finanzjarju tal-programm, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha:

(a)      tivverifika li l-prodotti u s-servizzi kofinanzjati jkunu […] [konformi] mal-liġi applikabbli, il-programm operazzjonali u l-kundizzjonijiet għas-sostenn tal-operazzjoni;

[…]

(c)      tpoġġi fis-seħħ miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi filwaqt li tqis ir-riskji identifikati;

[…]

5.      Verifiki skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 għandhom jinkludu l-proċeduri li ġejjin:

(a)      verifiki amministrattivi fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għar-rimborż mill-benefiċjarji;

(b)      verifiki fuq il-post tal-operazzjonijiet.

Il-frekwenza u l-kopertura tal-verifiki fuq il-post għandu jkun proporzjonat għall-ammont ta’ sostenn pubbliku għal operazzjoni u għal-livell ta’ riskju identifikat minn tali verifiki u mill-verifiki mill-awtorità tal-awditjar tal-kontijiet għas-sistema kollha kemm hi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll.”

13.      L-Artikolu 143(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Korrezzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri” jipprevedi li:

“1.      L-Istati Membri għandhom qabel xejn jerfgħu r-responsabilità biex jinvestigaw l-irregolaritajiet, u biex jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa u jsegwu l-irkupri. […]

2.      L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’konnessjoni mal-irregolaritajiet individwali jew sistemiċi li jiġu individwati fl-operazzjonijiet jew fil-programmi operazzjonali. Il-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jikkonsistu fil-kanċellazzjoni tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew ta’ parti minnha f’operazzjoni jew fil-programm operazzjonali. […]”

14.      L-Artikolu 2(23) tar-Regolament (UE) Nru 651/2014 (8) jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“‘bidu tax-xogħlijiet’ tfisser l-iktar kmieni possibbli jew tal-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni relatati mal-investiment, jew l-ewwel impenn legali vinkolanti għall-ordni ta’ tagħmir jew kwalunkwe impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli. Ix-xiri tal-art u x-xogħlijiet preparatorji bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji ta’ vijabilità, mhumiex meqjusa bħala l-bidu tax-xogħlijiet. Għall-akkwiżizzjonijiet, ‘bidu tax-xogħlijiet’ tfisser il-mument li fih jiġu akkwistati assi marbuta direttament mal-istabbiliment akkwistat;”

15.      L-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 (9), bit-titolu “Koperazzjoni mal-qrati nazzjonali”, jindika li:

“Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108 tat-TFUE, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jistaqsu lill-Kummissjoni biex tittrasmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.”

16.      Il-punt 38 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall‑2007‑2013 (2006/C 54/08) (ĠU 2006, C 54, p. 13) jgħid li:

“Huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna reġjonali verament tipproduċi effett ta’ inċentiv sabiex isiru xi investimenti li kieku ma kinux isiru fir-reġjuni assistiti. Konsegwentement, għajnuna tista’ tingħata biss taħt skemi ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta talba mressqa għal dan il-għan u jekk l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tal-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub(39) li, bla ħsara għall-verifiki iktar iddettaljati, fil-prinċipju, il-proġett kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbilita fl-iskema qabel il-bidu tax-xogħlijiet(40). L-iskemi ta’ għajnuna kollha għandhom isemmu wkoll espressament dawn iż-żewġ kundizzjonijiet(41). F’każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti għandha tkun bagħtet ittra ta’ intenzjoni, li skontha hija għandha tagħti l-għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet, iżda bla ħsara għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura inkwistjoni. Jekk ix-xogħlijiet jibdew qabel ma l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu ssodisfatti, il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna”.

17.      In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 40 (Nru 39 fil-verżjoni Estonjana) ta’ dawn il-Linji gwida tippreċiża li:

“L-espressjoni ‘bidu tax-xogħlijiet’ tfisser jew il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jew l-ewwel impenn stabbilit ta’ ordni ta’ tagħmir, minbarra l-istudji ta’ fattibbiltà preliminari.”

18.      Il-punti 16, 20 u 41 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (2009/C 85/01) (ĠU 2009, C 85, p. 1) jindikaw li:

“16.      Il-proċedimenti f’qorti nazzjonali dwar materji relatati mal-għajnuna mill-Istat jistgħu xi drabi jirrigwardaw l-applikabbiltà tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jew skema ta’ għajnuna eżistenti jew approvata, jew it-tnejn. Meta l-applikabbilità ta’ Regolament bħal dan jew skema tkun f’riskju, il-qorti nazzjonali tista’ biss tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament jew skema ġewx sodisfatti. Ma tistax tivvaluta l-kompatibbilità ta’ miżura ta’ għajnuna fejn dan mhux il-każ, peress li din il-valutazzjoni hi r-responsabbiltà esklussiva tal-Kummissjoni.

[…]

20.      Ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni huwa li teżamina l-kompatibbilità tal-miżuri għall-għajnuna proposti mas-suq intern, ibbażata fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu [107](2) u (3) tat-Trattat [FUE]. Din il-valutazzjoni tal-kompatibbilità hija r-responsabbiltà esklużiva tal-Kummissjoni, suġġetta għar-reviżjoni mill-qrati tal-Komunità. Skont il-ġurisprudenza stabbiltà tal-QEĠ, il-qrati nazzjonali m’għandhomx is-setgħa li jiddikjaraw miżura ta’ għajnuna mill-Istat bħala kompatibbli mal-Artikolu [107](2) jew (3) tat-Trattat [FUE].

[…]

41.      Sabiex ikunu konformi mal-obbligu tagħhom ta’ irkupru fir-rigward tal-imgħaxijiet mill-illegalità, il-qrati nazzjonali jeħtieġ jiddeterminaw l-ammont tal-imgħax li jrid jiġi rkuprat. Il-prinċipji li ġejjin japplikaw f’dan ir-rigward:

(a)      Il-punt tat-tluq huwa l-ammont nominali tal-għajnuna;

(b)      Meta tiġi ddeterminata r-rata tal-imgħax applikabbli u l-metodu ta’ kalkolu, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-fatt li l-irkupru tal-imgħax mill-illegalità mill-qorti nazzjonali jservi l-istess għan bħall-irkupru tal-imgħaxijiet mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 659/1999]. Aktar minn hekk, it-talbiet għall-irkupru tal-imgħaxijiet mill-illegalità huma talbiet tal-liġi Komunitarja bbażati direttament fuq l-Artikolu [108(3) TFUE]. […];

(ċ)      Sabiex tiżgura l-konsistenza mal-Artikolu 14 tar-Regolament [Nru 659/1999] u sabiex tkun konformi mar-rekwiżit tal-effettività, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-metodu tal-kalkolu tal-imgħax li jintuża mill-qorti nazzjonali m’għandux ikun inqas strett minn dak previst mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Għaldaqstant, l-imgħax mill-illegalità għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta u r-rata tal-imgħax applikabbli m’għandhiex tkun iktar baxxa mir-rata ta’ referenza.

(d)      Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, mill-prinċipju tal-ekwivalenza jsegwi li, fejn il-kalkolu tar-rata tal-imgħax skont il-liġi nazzjonali jkun aktar strett minn dak stabbilt fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-qorti nazzjonali għandha tapplika wkoll ir-regoli nazzjonali aktar stretti għat-talbiet ibbażati fuq l-Artikolu [108(3) TFUE].

(e)      Id-data tal-bidu għall-kalkolu tal-imgħax għandha tkun dejjem il-ġurnata li fiha l-għajnuna li ngħatat kontra l-liġi tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju. Id-data tat-tmiem tiddependi fuq is-sitwazzjoni fil-mument tas-sentenza nazzjonali […]”.

B.      Id-dritt Estonjan

19.      L-Artikolu 26(5) u (6) tal-Perioodi 2007-2013 struktuuritoetuse seadus (il-Liġi dwar l-Għajnuna Strutturali għall‑perijodu 2007‑2013; iktar ’il quddiem is-“STS”) (10), bit-titolu “Irkupru tal-għajnuna”, kien jipprevedi li:

“(5)      Deċiżjoni ta’ rkupru tista’ tittieħed sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2025. Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 88 tar-[Regolament Nru 1083/2006], deċiżjoni ta’ rkupru tista’ tittieħed sal-iskadenza tal-perijodu stabbilit mill-Gvern għaż-żamma tad-dokumenti.

(6)      Il-Gvern jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ rkupru u ta’ rimbors tal-għajnuna.”

20.      L-Artikolu 28(1) sa (3) ta’ din il-liġi, bit-titolu “Interessi u interessi moratorji”, jistabbilixxi li:

“(1)      Xi interessi japplikaw għall-ammont residwu ta’ għajnuna għall-irkupru abbażi tal-Artikolu 26(1) u (2) ta’ din il-liġi. Ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-ammont residwu tal-għajnuna għall-irkupru hija l-Euribor ta’ 6 xhur + 5 % fis-sena. Il-kalkolu tal-interessi jiddekorri fuq perijodu ta’ 360 jum.

(11)      L-ebda interessi ma jkunu mitluba jekk id-dħul iġġenerat jiġi rkuprat u l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun issodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqu rigward id-dħul iġġenerat mill-proġett, konformement mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 21(2) ta’ din il-liġi.

(2)      L-interessi jiġu kkalkolati mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ rkupru, fuq il-bażi tar-rata ta’ interess fis-seħħ fl-aħħar jum ta’ xogħol tax-xahar ta’ qabel ix-xahar kalendarju li matulu ttieħdet d-deċiżjoni. Jekk meta ntalbet jew intużat l-għajnuna twettaq reat kriminali, l-interessi jiġu kkalkolati mid-data li fiha tħallset l-għajnuna, fuq il-bażi tar-rata ta’ interessi fis-seħħ f’din id-data.

(3)      L-interessi jiddekorru sal-jum tar-rimbors tal-għajnuna, iżda mingħajr ma jaqbżu d-data ta’ skadenza tar-rimbors, u, f’każ ta’ trasferiment, sad-data ta’ skadenza tar-rimbors finali. […]”

21.      Skont l-Artikolu 11(1) tal-määrus nr 278 “Toetuse tagasinõudmise ja tagasimaksmise ning toetuse andmisel ja kasutamisel toimunud rikkumisest teabe edastamise tingimused ja kord” (id-Digriet Nru 278 tat‑22 ta’ Diċembru 2006 dwar il-kundizzjonijiet u proċedura ta’ rkupru u ta’ rimbors ta’ għajnuna, kif ukoll ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar irregolarità mwettqa meta ngħatat u ntużat l-għajnuna) (11), bit-titolu “Irkupru tal-għajnuna”:

“Id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna tittieħed skont l-evalwazzjoni diskrezzjonali fit-terminu ta’ 45 jum kalendarju jew, meta l-ammont għall-irkupru jaqbeż il-EUR 127 823, ta’ 90 jum kalendarju, b’effett mid-data li fiha r-raġunijiet ta’ rkupru tal-għajnuna jsiru magħrufa. Fil-każ li dan ikun iġġustifikat, dan it-terminu ta’ deċiżjoni jista’ jiġi estiż b’perijodu raġonevoli”.

22.      L-Artikolu 1 tal-määrus nr 44 “Tööstusettevõtja tehnoloogiainvesteeringu toetamise tingimused ja kord” (id-Digriet Nru 44 tal-Ministru tal‑4 ta’ Ġunju 2008 dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ sostenn tal-investimenti teknoloġiċi ta’ impriżi industrijali (li daħal fis-seħħ fil‑15 ta’ Ġunju 2008) (RTL 2008, 48, 658; RT I, 4.1.2013, 9, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 44”)), bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari li:

“(1)      Il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ sostenn għall-investimenti teknoloġiċi tal-impriżi industrijali (iktar ’il quddiem il-“miżura”) huma stabbiliti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-“kapaċità ta’ innovazzjoni u tkabbir tal-impriżi” tal-linja prijoritarja tal-programm operazzjonali “titjib tal-ambjent ekonomiku”.

(2)      Jistgħu jingħataw, skont il-miżura: 1) għajnuna reġjonali, mogħtija konformement mad-dispożizzjonijiet tar-[Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa], u suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament u tal-Artikolu 342 tal-[konkurentsiseadus (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni)]; […]”

II.    Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23.      Fit‑28 ta’ Awwissu 2008, Eesti Pagar ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ mal-kumpannija Kauko‑Telko Oy li permezz tiegħu ħadet l-impenn li tixtri katina ta’ produzzjoni ta’ ħobż bil-forma u ta’ ħobż tas-sandwich għall-prezz ta’ EUR 2 770 000. Konformement mad-dispożizzjonijiet tiegħu, il-kuntratt daħal fis-seħħ wara l-ħlas tal-ewwel antiċipu ta’ 5 %, magħmul fit‑3 ta’ Settembru 2008.

24.      Fid‑29 ta’ Settembru 2008, Eesti Pagar ikkonkludiet kuntratt ta’ leasing mal-kumpannija AS Nordea Finance Estonia u, sussegwentement, fit‑13 ta’ Ottubru 2008, il-partijiet ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ bejn tliet partijiet, li permezz tiegħu Kauko‑Telko ntrabtet li tbigħ din il-katina ta’ produzzjoni tal-ħobż lil Nordea Finance Estonia, li ntrabtet li tikriha lil Eesti Pagar. Dan il-kuntratt daħal fis-seħħ mal-firma tiegħu.

25.      Fl‑24 ta’ Ottubru 2008, Eesti Pagar ressqet quddiem l-EAS, fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 44, talba għal għajnuna għax-xiri u l-installazzjoni tal-imsemmija katina ta’ produzzjoni tal-ħobż. Permezz ta’ Deċiżjoni tal‑10 ta’ Marzu 2009, EAS laqgħet din it-talba għal ammont ta’ EUR 526 300.

26.      Fit‑8 ta’ Jannar 2014, EAS ħadet deċiżjoni ta’ rkupru mingħand Eesti Pagar tal-ammont tal-għajnuna, flimkien ma’ EUR 98 454 bħala interessi komposti marbuta mal-perijodu ta’ bejn id-data tal-ħlas tal-għajnuna u d-data tad-deċiżjoni ta’ rkupru. Skont din id-deċiżjoni, verifika ex post magħmula fix-xahar ta’ Diċembru 2012 żvelat l-eżistenza tal-kuntratt ta’ bejgħ tat‑28 ta’ Awwissu 2008, konkluż qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna quddiem l-EAS, b’tali mod li l-effett ta’ inċentiv mitlub mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ma ġiex ipprovat.

27.      Fl‑10 ta’ Frar 2014, Eesti Pagar ippreżentat rikors ġerarkiku kontra din id-deċiżjoni ta’ rkupru quddiem il-Ministeru, li ġie miċħud bil-Majandus- ja Kommunikatsiooniministeeriumi käskkiri nr 14-0003 Vaideotsus (id-Deċiżjoni tal-Ministeru Nru 14‑0003) tal‑21 ta’ Marzu 2014.

28.      Fil‑21 ta’ April 2014, Eesti Pagar ippreżentat azzjoni quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-EAS u tad-deċiżjoni konfermattiva tal-Ministeru, sussidjarjament, għall-konstatazzjoni tal-illegalità tagħhom fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna u, iktar sussidjarjament, għall-annullament tagħhom fir-rigward tal-interessi mitluba. Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2014, din il-qorti ċaħdet din l-azzjoni fl-intier tagħha.

29.      Fis‑16 ta’ Diċembru 2014, Eesti Pagar ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju li ċaħditu permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2015.

30.      Fis‑26 ta’ Ottubru 2015, Eesti Pagar ippreżentat appell ta’ kassazzjoni, li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) laqgħet parzjalment, permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, li tannulla s-sentenza tal-qorti tar-rinviju, kif ukoll il-punt 1.1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ rkupru, u anki l-parti rigward l-interessi fil-punt 1.2, li kellhom jiġu kkalkolati mis-somma tal-interessi komposti kkalkolata konformement mal-punt 1.1; fir-rigward tal-bqija, hija bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tar-rinviju għal eżami ġdid. Din is-sentenza tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema) hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        impenn stabbilit ta’ xiri ta’ tagħmir qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna ma jeskludix effett ta’ inċentiv meta x-xerrej ikun jista’ jinħall, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, mill-kuntratt f’każ ta’ rifjut tal-għajnuna, li f’dan il-każ ma jidhirx eskluż;

–        minħabba li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tobbliga, espressament u b’mod imperattiv, lill-Istati Membri sabiex jirkupraw għajnuna mingħajr deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-irkupru ta’ tali għajnuna fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru taqa’ taħt deċiżjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet tiegħu;

–        fil-kuntest tal-irkupru ta’ għajnuna fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru, għandha titwettaq evalwazzjoni diskrezzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju, li jistgħu jinħolqu mill-azzjoni ta’ awtorità nazzjonali;

–        jekk, f’dan il-każ, ma huwiex ċar japplikax it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għall-każijiet tal-irkupru ta’ għajnuna strutturali mħallsa mill-Istat Membru, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma japplikax fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna;

–        la d-dritt Estonjan u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdu bażi legali sabiex jintalbu l-interessi għall-perijodu ta’ bejn il-ħlas tal-għajnuna u l-irkupru tagħha, ladarba, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004 jikkonċernaw biss, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, l-interessi relatati ma’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni tal-Kummissjoni, u l-Artikoli 4(2) u 5(1)(b) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jipprevedu l-ebda obbligu li jitħallsu interessi, iżda jimplikaw li tali obbligu jkun previst minn atti tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

31.      Fil-kuntest tal-proċedura li għalhekk tkompliet quddiem il-qorti tar-rinviju, Eesti Pagar tafferma b’mod partikolari li l-kuntratti li kkonkludiet fit‑28 ta’ Awwissu, fid‑29 ta’ Settembru u fit‑13 ta’ Ottubru 2008 ma kinux vinkolanti, billi, f’każ ta’ rifjut tal-għajnuna, hija setgħet faċilment titterminahom, bl-inqas spejjeż għax-xoljiment. Il-proġett ma kienx jitwettaq mingħajr l-għajnuna mitluba u l-EAS kellha teżamina fil-mertu l-effett ta’ inċentiv tagħha.

32.      Din il-kumpannija tallega wkoll li l-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti ġiet magħrufa mill-EAS fil-mument tat-tressiq tat-talba għal għajnuna u li l-konklużjoni tagħhom qabel it-tressiq tal-imsemmija talba ġiet irrakkomandata lilha minn rappreżentant tal-EAS. Għalhekk, permezz tal-għoti tal-għajnuna mitluba, l-EAS ħolqot fi ħdanha aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità tal-għajnuna.

33.      Barra minn hekk, Eesti Pagar issostni li ma jeżisti l-ebda obbligu għall-EAS li tirkupra l-għajnuna, li, sussidjarjament, l-irkupru tagħha huwa previst skont l-Artikolu 11(1) tad-Digriet Nru 278 u l-Artikolu 26(6) tas-STS, kif ukoll l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, u li l-interessi mitluba jmorru kontra l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 28(1) sa (3) tas-STS.

34.      L-EAS u l-Ministeru jqisu li t-talba għal għajnuna ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1083/2006, l-EAS kellha titlob lil Eesti Pagar ir-rimbors tal-għajnuna.

35.      L-EAS tikkontesta li, matul l-eżami tat-talba, hija kienet taf bil-kuntratti konklużi minn Eesti Pagar fit‑28 ta’ Awwissu, fid‑29 ta’ Settembru u fit‑13 ta’ Ottubru 2008 u li rrakkomandat il-konklużjoni tagħhom. Għalhekk, hija ma ħolqot l-ebda aspettattivi leġittimi għall-imsemmija kumpannija. Il-Ministeru jqis li, fi kwalunkwe każ, la l-bona fide tal-benefiċjarju u lanqas l-aġir tal-korp amministrattiv ma huma eżenti mill-obbligu ta’ rimbors ta’ għajnuna illegali.

36.      Skont l-EAS u l-Ministeru, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ 10 snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 japplika, għall-inqas b’analoġija, f’dan il-każ u l-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi jirriżulta mill-Artikolu 11(2) u mill-Artikolu 14(2) tal-istess regolament.

37.      Fit‑30 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ressqet osservazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju bħala amicus curiae, konformement mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament 2015/1589.

38.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm, bis-saħħa ta’ regola tad-dritt intern li torbot lill-qrati li ma jiddeċidux bħala qorti tal-aħħar istanza mal-evalwazzjoni magħmula fid-dritt minn qorti superjuri, hija marbuta bis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016 tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), sa fejn din tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali regola ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 267 TFUE li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

39.      Fit-tieni lok, hija tesprimi xi dubji dwar jekk l-analiżi tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), li skontha kien possibbli li tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk il-persuna li ressqet talba sabiex tirċievi għajnuna setgħetx, f’każ li din l-għajnuna tiġi rrifjutata, tinħall mill-kuntratti mingħajr diffikultajiet eċċessivi, tapplikax ukoll għall-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv imwettqa mill-Istat Membru fuq il-bażi tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, kif ukoll dwar jekk l-awtorità tal-Istat Membru hijiex kompetenti sabiex tevalwa fil-mertu l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna għandhiex effett ta’ inċentiv.

40.      Fit-tielet lok, din il-qorti tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar jekk Stat Membru, meta jieħu d-deċiżjoni li jirkupra għajnuna illegali mingħajr deċiżjoni f’dan is-sens tal-Kummissjoni, huwiex awtorizzat jibbaża ruħu fuq il-prinċipji nazzjonali tad-dritt tal-proċedura amministrattiva u jieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi li l-awtorità nazzjonali ħolqot għall-benefiċjarju tal-għajnuna.

41.      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm inċertezza anki fir-rigward ta’ jekk, għal deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali meħuda minn awtorità ta’ Stat Membru, għandux isir riferiment għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jew għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

42.      Fil-ħames lok, din il-qorti tippreċiża li, anki jekk ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) solviet it-tilwima parzjalment fir-rigward tal-interessi u annullat id-deċiżjoni ta’ rkupru sa fejn din obbligat lil Eesti Pagar tħallas interessi, xorta jibqa’ meħtieġ li, sabiex tissolva l-kawża, għandhom jiġu magħrufa l-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-ħlas ta’ interessi f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru.

43.      Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni suffiċjentement ċara dwar jekk l-awtorità tal-Istat Membru, meta tirkupra għajnuna illegali fuq l-inizjattiva tagħha stess, għandhiex l-obbligu li tirreferi għall-għanijiet stipulati fl-Artikolu 108(3) TFUE indipendentement mir-regoli tad-dritt intern applikabbli sabiex teżiġi interessi u li tikkalkola l-interessi konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004.

44.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)]      L-Artikolu 8(2) tar-[Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, inbeda’ x-xogħol fuq il-‘proġett jew attività’, fejn l-attività li trid tiġi mħeġġa [sostnuta] tikkonsisti, pereżempju, fl-akkwist ta’ impjant u fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ xiri ta’ dan l-impjant? L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom is-setgħa li jevalwaw ksur tal-kriterju stabbilit f’din id-dispożizzjoni meta jikkunsidraw l-ispejjeż għax-xoljiment unilaterali tal-kuntratt li l-konklużjoni tiegħu tikser ir-rekwiżit li jkun hemm effett ta’ inċentiv? Jekk jingħad li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom din is-setgħa, sa liema ammont l-ispiża (f’perċentwali) ikkawżata mix-xoljiment tal-kuntratt tista’ tiġi kkunsidrata li hija marġinali biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ effett ta’ inċentiv?

[2)]      Awtorità ta’ Stat Membru hija obbligata li tirkupra għajnuna illegali anki jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tkun ħadet ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward?

[3)]      Tista’ awtorità ta’ Stat Membru, li tiddeċiedi li tagħti għajnuna – billi tikkunsidra b’mod żbaljat li din hija għajnuna li tissodisfa r-rekwiżiti għal eżenzjoni skont il-kategorija, meta, fil-fatt, hija qed tagħti għajnuna illegali – toħloq aspettattiva leġittima tal-benefiċjarji tal-għajnuna? Sabiex tinħoloq aspettattiva leġittima għall-benefiċjarji, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li l-awtorità ta’ Stat Membru, meta tagħti għajnuna illegali, tkun taf biċ-ċirkustanzi li minħabba fihom l-għajnuna ma hijiex koperta mill-eżenzjoni skont il-kategorija?

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, għandhom jiġu mwieżna l-interess pubbliku u l-interess tal-individwu. Fil-kuntest ta’ tali tweżin, huwa rilevanti jekk il-Kummissjoni Ewropea adottatx deċiżjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni li biha ddikjaratha inkompatibbli mas-suq komuni?

[4)]      X’inhu t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali minn awtorità ta’ Stat Membru? Huwa dan terminu ta’ [għaxar] snin, li ma tmiemu l-għajnuna ssir għajnuna eżistenti skont l-Artikoli 1 u 15 tar-[Regolament Nru 659/1999] u għalhekk ma tistax tiġi rkuprata, jew huwa terminu ta’ [erba’] snin, skont l-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 2988/95]?

Liema hija l-bażi legali għal tali rkupru, jekk l-għajnuna ngħatat minn fond strutturali: l-Artikolu 108(3)[TFUE] jew ir-[Regolament Nru 2988/95]?

[5)]      Fil-każ li awtorità ta’ Stat Membru tirkupra għajnuna illegali, hija meħtieġa wkoll teżiġi mill-benefiċjarju l-ħlas ta’ interessi fuq din l-għajnuna illegali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kalkolu tal-interessi, fost l-oħrajn f’dak li jirrigwarda r-rata tal-interessi u l-perijodu ta’ kalkolu?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

45.      Xi osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn Eesti Pagar, mill-Gvern Estonjan u Grieg, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. L-EAS u l-partijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, minbarra l-Gvern Grieg, instemgħu fis-seduta, li saret fit‑18 ta’ Ġunju 2018.

IV.    Analiżi

A.      Fuq il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

46.      Il-Kummissjoni tirrileva li l-qorti tar-rinviju ma fformulat l-ebda konklużjoni definittiva, qabel kollox, dwar in-natura vinkolanti tal-kuntratti konklużi, sussegwentement, dwar l-għarfien mill-EAS, matul l-evalwazzjoni tat-talba għal għajnuna, tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti u, finalment, dwar l-eżistenza ta’ rakkomandazzjoni tal-EAS lil Eesti Pagar sabiex tikkonkludi dawn il-kuntratti.

47.      Din l-istituzzjoni tippreċiża li hija tiddeduċi, mis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016 tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema) u kif ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari, minn naħa, li għall-inqas il-kuntratt ta’ bejgħ bejn tliet partijiet tat‑13 ta’ Ottubru 2008 kien jikkostitwixxi impenn stabbilit u, min-naħa l-oħra, li l-qorti tar-rinviju telqet mill-ipoteżi li l-EAS kellha għarfien tal-konklużjoni tal-kuntratti iżda ma rrakkomandatx il-konklużjoni tagħhom lil Eesti Pagar.

48.      Skont Eesti Pagar, il-kuntratt konkluż fit‑28 ta’ Awwissu 2008 kien biss, fil-mertu, ftehim minn qabel u mhux kuntratt definittivament vinkolanti, billi, skont iż-żewġ partijiet, dan il-kuntratt ma kellux jidħol fis-seħħ fil-każ li l-EAS ma tkunx tat l-għajnuna mitluba. Huwa stabbilit li l-ispiża sostnuta minnha sabiex tinħall mir-relazzjoni mnissla mill-bażi ta’ dan il-ftehim minn qabel hija limitata għal 5 % tal-prezz totali tal-kuntratt, somma li Eesti Pagar kienet ħallset qabel ressqet it-talba għal għajnuna.

49.      Fir-rigward tal-kuntratt ta’ leasing konkluż fid‑29 ta’ Settembru 2008, mit-termini tiegħu jirriżulta li, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-obbligi li joħorġu minnu ma kellhomx jidħlu fis-seħħ jekk mhux wara li jkunu ssodisfatti sensiela ta’ kundizzjonijiet. Issa, skont dawn il-kundizzjonijiet, dan il-kuntratt daħal fis-seħħ fis‑7 ta’ Novembru 2008 u, għalhekk, wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna.

50.      Eesti Pagar tenfasizza li l-kuntratt konkluż fit‑13 ta’ Ottubru 2008 ma implika l-ebda obbligu fi ħdanha u ma kellu l-ebda għan ieħor ħlief dak tal-kuntratt konkluż fit‑28 ta’ Awwissu 2008. Barra minn hekk, l-EAS ma rreferietx għal dan il-kuntratt, la fid-deċiżjoni ta’ rkupru u lanqas fil-proċedura pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

51.      Barra minn hekk, din il-kumpannija ssostni li minn sensiela ta’ provi jirriżulta li l-EAS kellha għarfien dwar l-imsemmija kuntratti u rrakkomandatilha l-konklużjoni tagħhom qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna.

2.      Evalwazzjoni

52.      Huwa ċar li, fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, hija biss il-qorti tar-rinviju li tagħmel l-konstatazzjonijiet fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrevedi (kif tixtieq Eesti Pagar f’dan il-każ).

53.      Fid-dawl ta’ dan, jiena naħseb (bħall-Kummissjoni) li jidher li l-qorti tar-rinviju għadha ma fformulat l-ebda konklużjoni definittiva, qabel kollox, dwar in-natura vinkolanti jew mhux vinkolanti tal-kuntratti konklużi fit‑28 ta’ Awwissu, fid‑29 ta’ Settembru u fit‑13 ta’ Ottubru 2008 (12), sussegwentement, dwar l-għarfien mill-EAS, matul l-evalwazzjoni tat-talba għal għajnuna, tal-konklużjoni wara dawn il-kuntratti u, finalment, dwar l-eżistenza ta’ rakkomandazzjoni tal-EAS lil Eesti Pagar sabiex tikkonkludi dawn il-kuntratti qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna (13).

54.      Ċertament, dan ma jiffaċilitax il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, huwa mixtieq u “jista’ jkun ta’ vantaġġ, skont iċ-ċirkustanzi, li l-fatti tal-kawża jkunu stabbiliti u li l-problemi purament ta’ dritt nazzjonali jkunu riżolti fil-mument li jsir ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja” (14).

55.      Fi kwalunkwe każ, sabiex jingħataw risposti utli lill-qorti tar-rinviju, se nikkunsidra kull waħda minn dawn l-ipoteżijiet fejn, b’mod partikolari, l-EAS kellha għarfien dwar l-imsemmija kuntratti u rrakkomandat lil Eesti Pagar tikkonkludihom qabel it-tressiq tat-talba tagħha.

B.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

56.      Eesti Pagar issostni li, permezz tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2016, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) solviet il-parti essenzjali tat-tilwima fuq livell nazzjonali, b’tali mod li d-domandi preliminari huma, minħabba l-istadju tal-proċedura li fih huma saru, inammissibbli u mingħajr rilevanza, bl-eċċezzjoni tar-raba’ domanda, billi r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) stess ippreċiżat fl-imsemmija sentenza li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun rilevanti biss fir-rigward tal-kwistjoni tal-preskrizzjoni.

57.      Barra minn hekk, din il-kumpannija tqis li l-ewwel domanda ma hijiex, bħala tali, rilevanti u hija bbażata fuq l-ipoteżi żbaljata ta’ ksur ta’ effett ta’ inċentiv, li t-tieni waħda għandha pjuttost tipprevedi l-eżistenza ta’ bażi legali għal obbligu ta’ Stat Membru li jirkupra għajnuna fuq l-inizjattiva tiegħu stess, li t-tielet waħda tipproċedi minn deskrizzjoni mhux kompluta tal-fatti, minħabba li l-EAS irrakkomandatilha l-konklużjoni tal-kuntratti konklużi fit‑28 ta’ Awwissu, fid‑29 ta’ Settembru u fit‑13 ta’ Ottubru 2008, u li r-raba’ waħda għandha tiġi kompluta fis-sens li tkun intiża li tirkupra għajnuna fuq l-inizjattiva ta’ awtorità nazzjonali u bbażata fuq l-ipoteżi żbaljata li mill-Artikolu 108(3) TFUE jirriżulta obbligu ta’ rkupru.

2.      Evalwazzjoni

58.      Nirrileva li, fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) ibbażat l-annullament tas-sentenza preċedenti tal-qorti tar-rinviju u l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr ma din il-qorti suprema ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni, li intervjeniet fil-kawża prinċipali bħala amicus curiae, konformement mat-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 2015/1589, ikkontestat kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kważi l-evalwazzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema).

59.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija marbuta, skont id-dritt Estonjan, mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema), hija tqis li din ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 267 TFUE li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, essenzjalment, it-talba tagħha hija bbażata fuq id-dubji li għandha fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema).

60.      Ċertament, f’sitwazzjoni bħal din, qorti inferjuri żżomm, fil-prinċipju, il-possibbiltà li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (15), iżda hemm bżonn li, sabiex dawn id-domandi magħmula ma jkunux ipotetiċi, it-tilwima tkun għadha ma ġietx definittivament riżolta permezz tas-sentenza tal-Qorti Suprema Estonjana.

61.      Fl-opinjoni tiegħi, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-kawża prinċipali għadha kompletament suġġetta għall-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tas-suġġetti li kienu s-suġġett tal-ewwel sar-raba’ domanda preliminari.

62.      Fir-rigward tal-ħames domanda, dwar l-interessi, il-qorti tar-rinviju stess tirrileva li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) solviet parzjalment il-kawża prinċipali billi annullat id-deċiżjoni ta’ rkupru sa fejn hija obbligat lil Eesti Pagar tħallas interessi. Madankollu, skontha, xorta jibqa’ meħtieġ li, sabiex tissolva l-kawża pendenti quddiemha, hija tkun taf il-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-ħlas ta’ interessi f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru.

63.      Fi kwalunkwe każ, jiena naħseb (bħall-Kummissjoni) li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) enfasizzat fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016 li l-qorti tar-rinviju xorta kellha tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-kalkolu tal-interessi u għalhekk ma hijiex eskluża determinazzjoni ġdida tal-interessi annullati jekk qatt xi darba l-Kummissjoni kellha tieħu deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna.

C.      Fuq l-ewwel domanda preliminari dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

64.      Eesti Pagar tqis li miċ-ċirkustanzi tal-kawża u mill-provi prodotti jirriżulta b’mod ċar li l-għajnuna kellha effett ta’ inċentiv. Hija tenfasizza li ma wettqitx il-proġett mingħajr l-għajnuna, li ma kkonkludiet l-ebda ftehim definittivament vinkolanti qabel it-tressiq tat-talba u li, matul l-evalwazzjoni tan-natura vinkolanti tal-kuntratt, kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ xoljiment u l-ispiża marġinali li għaliha dan iwassal.

65.      Għall-kuntrarju, ma huwiex possibbli li wieħed jibbaża fuq nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Linji gwida, li ma humiex vinkolanti, sabiex jafferma li l-għajnuna ma kellhiex effett ta’ inċentiv. Fi kwalunkwe każ, wieħed ma jistax jibda b’approċċ formali u għandu jwettaq analiżi ddettaljata tal-kwistjoni dwar jekk huwiex diffiċli jew le li wieħed jinħall mill-kuntratti.

66.      Minħabba li d-dokument sommarju li jinsab fil-“mistoqsijiet frekwenti” tal-Kummissjoni huwa indirizzat lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, huma dawn l-awtoritajiet li għandhom iwettqu l-imsemmija analiżi ddettaljata dwar jekk ix-xogħlijiet inbdewx, analiżi li hija distinta wkoll minn dik tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern. Il-Gvern Grieg jaqbel ma’ din l-analiżi.

67.      Għaldaqstant, skont Eesti Pagar, meta l-Kummissjoni tallega f’dan il-każ li l-imsemmi dokument sommarju ma jistax jintuża bħala referenza, hija tkun qiegħda tiddefendi pożizzjoni kuntrarja għall-prinċipji ġenerali ta’ dritt tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċarezza kif ukoll ta’ ċertezza legali u tikser id-dritt ta’ din il-kumpannija għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

68.      Finalment, Eesti Pagar tistaqsi jekk l-għan segwit mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa setax jintlaħaq jekk il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali kienet limitata għal konstatazzjoni purament fattwali relatata mal-konklużjoni jew in-nuqqas ta’ konklużjoni ta’ kuntratt qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna.

69.      Il-Gvern Estonjan jikkunsidra li, matul l-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tista’ tirreferi biss għall-kundizzjoni kronoloġika tal-effett ta’ inċentiv prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, li hija li x-xogħol fuq il-proġett jew l-attività jista’ jibda biss wara t-tressiq tat-talba għal għajnuna. Din l-awtorità ma għandhiex il-possibbiltà li tevalwa ċirkustanzi oħrajn, b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ liema huma l-ispejjeż għax-xoljiment. Huwa biss b’dan il-mod li jkun possibbli li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-rekwiżiti għall-eżenzjoni skont il-kategorija u ż-żamma tal-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni fuq il-mertu tal-effett ta’ inċentiv, fatt li huwa kkonfermat mill-punt 16 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali.

70.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “bidu tax-xogħol fuq il-proġett”, il-Gvern Estonjan iqis li huwa biżżejjed, sabiex wieħed jikser il-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv, li l-benefiċjarju tal-għajnuna jieħu l-ewwel impenn stabbilit ta’ ordni ta’ tagħmir qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna. Tali konsegwenza tista’ tiġi dedotta min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 40 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall‑2007‑2013 u hija sostnuta mill-Artikolu 2(23) tar-Regolament Nru 651/2014.

71.      Il-Kummissjoni tirrileva li l-premessa 28 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa tiddefinixxi l-bidu tax-xogħol fuq il-proġett jew l-attività bħala “[l-bidu tal-]attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett jew ta’ l-attivitajiet assistiti” u tqis li l-konklużjoni tal-kuntratti tat‑28 ta’ Awwissu, tad‑29 ta’ Settembru u tat‑13 ta’ Ottubru 2008 tikkostitwixxi attività marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett li jibbenefika mill-għajnuna. Konsegwentement, jidher ċar li l-għajnuna kontenzjuża fil-kawża prinċipali ma hijiex konformi mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u li għalhekk hija illegali, minħabba li ngħatat bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

72.      Din il-konklużjoni la hija affettwata mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 106 sa 109 tas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P, EU:C:2013:387), la mill-argument ta’ Eesti Pagar, li skontu hija setgħet tittermina l-kuntratti mingħajr diffikultajiet u bi spejjeż għax-xoljiment marġinali, u lanqas mid-dokument sommarju li jinsab fil-“mistoqsijiet frekwenti” tal-Kummissjoni.

73.      Fil-fatt, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ammettiet f’dawn il-punti li n-natura meħtieġa tal-għajnuna ppjanata setgħet tintwera fuq il-bażi ta’ kriterji oħrajn għajr il-preċedenza tat-talba għal għajnuna. Madankollu, din il-konstatazzjoni seħħet fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna u għalhekk ma hijiex rilevanti għal din il-kawża, fejn il-kwistjoni tqum fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa minn awtorità nazzjonali. Dan jirriżulta mill-fatt li r-regoli dwar l-eżenzjoni skont il-kategorija għandhom ikunu ċari, mingħajr marġni ta’ diskrezzjoni u faċli sabiex jiġu applikati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.

74.      Sussegwentement, il-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-premessa 28 tiegħu jeskludu kull possibbiltà ta’ interpretazzjoni li tiddependi mill-possibbiltà li jiġu tterminati l-kuntratti jew mill-kobor tal-ispejjeż għax-xoljiment, ladarba dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw il-fatt li “[jkun] beda x-xogħol fuq il-proġett jew attività” u li “jinbdew l-attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett jew ta’ l-attivitajiet assistiti”. Jekk il-Kummissjoni tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-diffikultà li jiġu tterminati l-kuntratti jew l-ispejjeż għax-xoljiment sabiex jiġi evalwat il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv skont l-Artikolu 107(3) TFUE, dan ma japplikax ukoll għall-awtoritajiet tal-Istat Membru fl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

75.      Finalment, il-Kummissjoni tenfasizza li “mistoqsijiet frekwenti” mfassla mid-dipartimenti tal-Kummissjoni ma jistgħux jibdlu l-kontenut ta’ regolament, li d-dokument imsemmi iktar ’il fuq la huwa vinkolanti u lanqas rilevanti għall-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali u li, peress li ma jesprimix il-perspettiva uffiċjali tal-Kummissjoni, lanqas ma huwa vinkolanti għall-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmi dokument jirrigwarda biss il-konklużjoni ta’ ftehimiet preliminari bħal studji ta’ fattibbiltà preliminari, u mhux dik ta’ kuntratti marbuta max-xiri ta’ tagħmir li huwa s-suġġett ta’ għajnuna.

2.      Evalwazzjoni

76.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kunċett ta’ “bidu tax-xogħol fuq il-proġett” li jinsab fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u tippreċiża l-kompetenzi li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali matul l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif tammetti l-qorti tar-rinviju nnifisha fil-punt 29 tat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-kwistjoni prinċipali li tqum f’dan il-każ hija jekk l-għajnuna reġjonali li ngħatat lil Eesti Pagar kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ effett ta’ inċentiv previst fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq (16).

77.      Qabel kollox, jiena naħseb li kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jevalwaw l-effett ta’ inċentiv reali ta’ għajnuna li jagħtu ma taffettwax il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern.

78.      Jiena nirrileva li, minħabba li s-sistema tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ma tipprevedi l-ebda intervent tal-Kummissjoni, tali analiżi loġikament taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-imsemmi regolament.

79.      Sussegwentement, jiena naqbel mal-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni li l-loġika fuqha huwa bbażat ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa teħtieġ li l-kriterji għall-applikazzjoni jkunu ċari u sempliċi sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti madwar l-Unjoni.

80.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “bidu tax-xogħol fuq il-proġett”, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall‑2007‑2013, li “l-ewwel impenn stabbilit ta’ ordni ta’ tagħmir, minbarra l-istudji ta’ fattibbiltà preliminari” kien jikkostitwixxi tali bidu.

81.      Minkejja n-natura mhux vinkolanti ta’ dawn il-Linji gwida għall-Qorti tal-Ġustizzja, jiena naħseb li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqis din id-definizzjoni bħala punt ta’ tluq, speċjalment minħabba li l-Kummissjoni rriproduċietha, kif ġustament jirrileva l-Gvern Grieg, fl-Artikolu 2(23) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa Nru 651/2014 il-ġdid tagħha, li skontu l-“bidu tax-xogħlijiet” jista’ jikkonsisti b’mod partikolari fl-“ewwel impenn legali vinkolanti għall-ordni ta’ tagħmir jew kwalunkwe impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli” (enfasi miżjuda minni).

82.      Madankollu, għalkemm impenn kuntrattwali stabbilit biss jista’ jikkostitwixxi tali bidu, jidhirli li hemm lok li tiġi vverifikata, każ b’każ, in-natura tal-impenji eventwalment meħuda qabel it-tressiq ta’ talba għal għajnuna minn benefiċjarju potenzjali.

83.      Din il-loġika hija kkorroborata wkoll mid-dokument sommarju li jinsab fil-mistoqsijiet frekwenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, jiena naqbel totalment ma’ dak li jirriżulta minn dan id-dokument imfassal mid-dipartimenti tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, jiġifieri li l-kriterju tal-“bidu tax-xogħlijiet” fis-sens, b’mod partikolari, tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-Linji gwida ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki jekk ġew konklużi xi ftehimiet u sar xi ħlas qabel it-tressiq ta’ talba għal għajnuna, approċċ purament formali ma huwiex suffiċjenti u li tkun meħtieġa analiżi ddettaljata tal-kwistjoni dwar jekk, minn perspettiva ekonomika, huwiex possibbli jew le, u għal liema prezz, li wieħed jinħall mill-kuntratti ffirmati, jew jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jitlifx somma flus sinjifikattiva li kieku jkollu jxolji l-kuntratti f’każ ta’ nuqqas ta’ kisba tal-għajnuna (17).

84.      Kif Eesti Pagar tirrileva, l-għan segwit mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ma jistax jintlaħaq jekk il-kompetenza tal-awtorità nazzjonali kellha tkun limitata għal konstatazzjoni purament ta’ fatt relatata mal-konklużjoni jew in-nuqqas ta’ konklużjoni, qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, ta’ kuntratt. B’mod partikolari, l-effett ta’ inċentiv x’aktarx ikun nieqes f’xenarju fejn applikant jikkonkludi, wara t-tressiq ta’ talba għal għajnuna, kuntratt stabbilit bl-intenzjoni li jwettqu, irrispettivament minn jekk tingħatalux l-għajnuna jew le.

85.      F’dan l-istadju, kif diġà għamlet ġustament ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) (fil-punt 21 tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016), għandha tiġi eżaminata l-ġurisprudenza “HGA” (18), li tappoġġja l-analiżi preċedenti u li l-istorja tagħha hija interessanti.

86.      Qabel kollox, f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea eżaminat il-motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv. Wara li enfasizzat, fil-punt 215 tas-sentenza tagħha (19), li l-kriterju tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna fir-rigward tal-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment jikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u adegwat li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi li skema ta’ għajnuna għandha effett ta’ inċentiv, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 226 tal-imsemmija sentenza, li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti fl-ewwel istanza wrewx il-kapaċità tal-iskema li tiżgura l-effett ta’ inċentiv, anki fin-nuqqas ta’ tressiq tat-talba preċedentement għall-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment.

87.      Skont l-Avukat Ġenerali Bot (20), “[i]l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi sa fejn hija kellha tiddeċiedi mhux, bħal ma għamlet fil-punti 215 u 226 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tat-talba minn qabel huwa kriterju sempliċi, rilevanti u adegwat li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi l-eżistenza tal-effett ta’ inċentiv, iżda li n-natura minn qabel tat-talba għal għajnuna fir-rigward tat-twettiq tal-proġetti, wara approvazzjoni mill-Kummissjoni, hija kundizzjoni inevitabbli tan-neċessità tagħha. Din in-natura inevitabbli ma tistax tiġi kkontestata u ma tistax tirrendi ammissibbli l-eżami ta’ ċirkustanzi oħra ħlief fil-każ li, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna partikolari, kien hemm elementi (dikjarazzjonijiet, deċiżjonijiet, notifikazzjonijiet, eċċ.) naxxenti biss mill-Kummissjoni, li kienu ta’ natura li jwasslu għal żball dwar l-applikabbiltà jew il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà għall-iskema inkwistjoni tad-dispożizzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 4.2 tal-linji gwida tal‑1998. Din l-evalwazzjoni jidhirli li hija sotunta [sostnuta] mis-salvagwardji addizzjonali stabbiliti mill-Kummissjoni fil-linji gwida li jikkonċernaw l-għajnuna mill-Istat għal skopijiet reġjonali għall-perijodu 2007‑2013”.

88.      Dan l-approċċ ma ġiex segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja.

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet (ara l-punti 106 et seq. tas-sentenza tagħha tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P, EU:C:2013:387), essenzjalment, li l-kundizzjoni tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna fir-rigward tal-bidu tat-twettiq tal-proġett ta’ investiment kienet biss preżunzjoni konfutabbli – li, għaldaqstant, tippermetti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna jipprovdu provi alternattivi li juru li l-miżura inkwistjoni kellha effett ta’ inċentiv.

90.      Barra minn hekk, kif tirrileva d-duttrina (21), “[i]n the light of the [HGA] case law it may […] be concluded that where soft law guidelines purport to introduce a legal obligation to submit a specific application form in order to be considered as eligible for an aid scheme it is highly questionable that if an applicant has failed to do so, the Commission could conclude that the aid would be incompatible without more. It is submitted that, in the light of [that case law], the failure to comply with such formalities should not establish a non-rebuttable presumption that the aid has no incentive effect and is incompatible – the Commission should look at the circumstances of the case to assess whether the (potential) beneficiary has an incentive to change its behavior. It will of course be for the Member States [or the beneficiaries] to provide sufficient evidence to support this claim”.

91.      Mill-premess jirriżulta li l-awtorità li tagħti l-għajnuna ma tistax tinħeba wara l-formaliżmu u għandha tevalwa fil-mertu jekk ix-xogħlijiet inbdewx fis-sens tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa li għadni kif spjegajt.

92.      Anki jekk il-Kummissjoni intervjeniet kemm quddiem il-qorti tar-rinviju, kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’argumenti li permezz tagħhom ikkontestat kull setgħa diskrezzjonali fi ħdan l-awtoritajiet nazzjonali (22), jiena naħseb li – minħabba li d-dokument sommarju, li għamilt riferiment għalih fil-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa indirizzat b’mod partikolari lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa – ma għandu jkun hemm l-ebda dubju raġonevoli fir-rigward tal-fatt li dawn l-awtoritajiet għandhom iwettqu l-imsemmija analiżi ddettaljata dwar jekk ix-xogħlijiet inbdewx, analiżi li hija distinta wkoll minn dik tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern, fejn huwa mifhum li impriża li tkun biħsiebha titlob għajnuna hija evidentement awtorizzata li tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dokument sommarju.

93.      Fil-fatt, id-dritt ta’ evalwazzjoni dwar jekk l-għajnuna tkunx kompatibbli mas-suq intern, li huwa biss tal-Kummissjoni, ma jeskludix li l-awtorità nazzjonali tista’ u għandha tevalwa fuq il-mertu l-kompatibbiltà tal-għajnuna mar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, mingħajr l-adozzjoni ta’ approċċ purament formali.

94.      Għalhekk, fir-rigward tad-dubji mhux iġġustifikati espressi fil-punt 29 tad-deċiżjoni tar-rinviju fir-rigward tal-kompetenza tal-awtorità tal-Istat Membru sabiex tevalwa l-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv fil-mertu, jiena nikkunsidra li ġie espost b’mod suffiċjentement ċar li l-awtorità tal-Istat Membru għandha l-kompetenza sabiex tevalwa l-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna fil-mertu. Li wieħed isegwi l-approċċ kuntrarju jdgħajjef l-applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u l-għoti ta’ għajnuna fuq il-bażi tiegħu, minħabba li l-awtorità tal-Istat Membru ma tistax tivverifika jekk il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv huwiex issodisfatt.

95.      Iktar minn hekk, l-awtorità nazzjonali għandha tivverifika l-preżenza ta’ effett ta’ inċentiv sa fejn hija obbligata tikkonforma mal-imsemmi regolament sabiex tiddeċiedi dwar l-għoti jew ir-rifjut tal-għajnuna.

96.      Għaldaqstant, jekk l-awtorità nazzjonali jew il-benefiċjarju responsabbli flimkien għall-konformità ma’ dan ir-regolament, għandhom dubji serji dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv, huma jistgħu jindirizzaw lill-Kummissjoni sa fejn din tal-aħħar twettaq regolarment analiżijiet kumplessi f’dan il-qasam.

97.      Bħala konklużjoni dwar dan il-punt, għalkemm l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-impenji stabbiliti minn Eesti Pagar qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna jikkostitwixxux – fil-fatt – “impenn stabbilit” fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (minbarra l-impenji “minn qabel” jew mod ieħor “riversibbli”) taqa’, naturalment, taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħtiha l-elementi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jistgħu jkunu utli għaliha.

98.      F’dan ir-rigward, sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li turi l-kuntratti kollha konklużi bejn tliet partijiet, għandha, fil-prinċipju, tiġi meqjusa li tirrigwarda r-relazzjonijiet kuntrattwali meħuda flimkien iktar milli tanalizza individwalment kull wieħed mill-kuntratti, iżda dan jiddependi evidentement mill-analiżi fattwali tal-imsemmija kuntratti li l-qorti tar-rinviju biss tista’ twettaq (23).

99.      Matul l-evalwazzjoni tan-natura vinkolanti tal-kuntratti fir-rigward tal-effett ta’ inċentiv għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-possibbiltà ta’ xoljiment u l-ispiża marġinali li għaliha dan iwassal għal Eesti Pagar, filwaqt li titqies l-ispiża totali tal-proġett.

100. Kif il-Gvern Grieg jirrileva, sabiex jiġi kkunsidrat li l-kuntratt inkwistjoni u l-ħlas korrispondenti li jsir fil-kuntest tat-twettiq tiegħu, jikkostitwixxu “l-ewwel impenn stabbilit” ta’ ordni ta’ tagħmir u li għalhekk dawn jikkostitwixxu “bidu tax-xogħlijiet”, ma tantx huwa rilevanti jekk il-kuntratt huwiex espressament ikkwalifikat bħala definittiv. Għall-kuntrarju, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet tax-xoljiment huma iebsa ħafna meta mqabbla mal-operazzjoni ekonomika kollha, speċjalment minħabba l-ammont mitlub f’każ ta’ xoljiment, għandu jiġi kkonstatat bidu ta’ xogħol fis-sens tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. Għall-kuntrarju, jekk il-partijiet kontraenti qablu, b’mod partikolari, li l-kuntratt tagħhom jidħol fis-seħħ biss jekk jinkiseb self u jekk it-talba għal għajnuna tiġi aċċettata jew jekk l-ispiża għax-xoljiment kienet imnaqqsa, jista’ jiġi kkunsidrat li ma hemmx bidu ta’ xogħol fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Il-fatt li l-awtorità nazzjonali rrakkomandat lil Eesti Pagar li tiffirma l-impenji qabel it-talba għal għajnuna għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

101. Konsegwentement, sabiex tissolva l-kwistjoni dwar jekk għajnuna mogħtija fuq il-bażi tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għandhiex effett ta’ inċentiv, għandha titwettaq analiżi ddettaljata tal-klawżoli kuntrattwali u taċ-ċirkustanzi fattwali fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

D.      Fuq it-tieni domanda preliminari dwar l-obbligu ta’ Stat li jirkupra għajnuna illegali anki fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

102. Eesti Pagar issostni li l-ebda test ġuridiku ma jobbliga b’mod ċar lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru jirkupraw fuq l-inizjattiva tagħhom, fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalhom dan, għajnuna li huma taw b’applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, u tinvoka l-marġni ta’ diskrezzjoni li, skontha, id-dritt Estonjan jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan ir-rigward.

103. Il-Gvern Grieg ifakkar li, konformement mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tirkupra l-għajnuna illegali u li mill-Artikoli 107 u 108(2) TFUE jirriżulta li l-qrati tal-Istati Membri jistgħu jordnaw tali rkupru. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ rkupru adottata mill-Kummissjoni, jew minn qorti ta’ Stat Membru, ma jeżistix, fil-fatt, obbligu ġenerali dirett għall-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri li jitolbu r-rimbors ta’ għajnuna. Għaldaqstant, fir-rigward speċifikament tal-għajnuna mogħtija minn riżorsi ta’ fondi strutturali, l-Artikoli 125(4) u (5) u l-Artikolu 143 tar-Regolament Nru 1303/2013 joħolqu l-obbligu għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex jirkupraw l-ammonti li ngħataw bi ksur tad-dritt applikabbli.

104. Il-Gvern Estonjan jikkunsidra li l-Istat Membru għandu jirkupra għajnuna illegali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ngħatat bi ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u u tal-Artikolu 108(3) TFUE u dan, indipendentement minn kull deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-Artikolu 107(1) TFUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali jobbligaw fil-fatt lill-Istat Membru jieħu l-miżuri proprji kollha sabiex jiżgura l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

105. Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li għajnuna illegali għandha tiġi rkuprata mill-awtoritajiet nazzjonali kollha, kemm il-qrati kif ukoll l-awtoritajiet amministrattivi.

2.      Evalwazzjoni

106. Anki jekk jidher li l-konstatazzjoni ta’ tali obbligu hija mingħajr preċedent fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li din iddeċidiet biss dwar deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew proċeduri ġudizzjarji nazzjonali, jiena naqbel mal-Gvern Estonjan li mill-Artikolu 107(1), mill-Artikolu 108(3) TFUE u kif ukoll mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4 TUE għandu jiġi dedott obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw għajnuna illegali fuq l-inizjattiva tagħhom stess (24).

107. Jiena naħseb (bħall-Kummissjoni) li għajnuna li ma tikkorrispondix għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa hija għajnuna illegali, li tmur kontra l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE li għandha effett dirett. L-obbligu ta’ rkupru li jirriżulta jaqa’ wkoll fuq l-awtoritajiet amministrattivi. Għalhekk, huwa f’idejn l-awtoritajiet (u l-qrati) nazzjonali li jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti ta’ implementazzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna kif ukoll tal-irkupru tal-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

108. F’dan il-każ, jekk il-kriterju tal-effett ta’ inċentiv previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa ma jiġix issodisfatt matul l-għoti tal-għajnuna, l-għajnuna ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. L-għajnuna lanqas ma ġiet approvata mill-Kummissjoni skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE jew fl-Artikolu 108(2) TFUE. Għalhekk, dan huwa il-każ ta’ għajnuna li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, hija inkompatibbli mas-suq intern.

109. Għaldaqstant, l-Istat Membru għandu ex officio u malajr kemm jista’ jkun jirkupra din l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern; b’dan il-mod huwa għandu jirrettifika l-illegalità u jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet tipprevali li kieku d-dritt tal-Unjoni ġie osservat. Dan l-obbligu jaqa’ fuq l-Istat Membru skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4 TUE), li jobbliga lill-Istat Membru jieħu l-miżuri proprji kollha sabiex jiżgura l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni.

110. Madankollu, dan il-“mezz ġdid” ta’ rkupru ta’ għajnuna meqjusa illegali jeżiġi li jkun manifest li l-għajnuna tkun illegali? Il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom biss ftit dubji dwar in-natura legali tal-għajnuna ma jkunx biżżejjed sabiex b’hekk jinħoloq l-obbligu ta’ rkupru.

111. Fl-opinjoni tiegħi, jekk l-irkupru għandu jkun ibbażat fuq prova ta’ illegalità (minn kompetitur tal-benefiċjarju jew mill-awtorità nazzjonali nnifisha (25)), sempliċi dubju dwar il-legalità ta’ għajnuna ma huwiex raġuni suffiċjenti sabiex l-awtorità nazzjonali tirkupra l-għajnuna, sa fejn din taqa’ fl-ambitu tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u, għalhekk, ta’ għajnuna allegatament eżentata, iżda madankollu ma huwiex meħtieġ li l-ksur tal-imsemmi regolament ikun manifest.

112. Minn dan isegwi li r-risposta għat-tieni domanda jidhirli li għandha tkun li, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, l-awtorità ta’ Stat Membru hija obbligata li tirkupra għajnuna illegali li tkun tat bi ksur tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, meta tikkonstata li din l-għajnuna ngħatat illegalment, indipendentement minn jekk il-Kummissjoni tkunx adottat deċiżjoni ta’ rkupru f’dan is-sens, u indipendentement minn jekk il-ksur tal-imsemmi regolament ikunx manifest. Għaldaqstant, sempliċi dubju ma jistax ikun suffiċjenti f’dan ir-rigward.

E.      Fuq it-tielet domanda preliminari dwar il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

113. Eesti Pagar tafferma li l-prinċipju ġenerali ta’ aspettattivi leġittimi huwa parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u huwa impost, matul l-eżerċizzju tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, fuq il-Kummissjoni u fuq l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż matul l-implimentazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. Issa, minħabba li, fl-imsemmija implimentazzjoni, hija l-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddeċiedi dwar talba għal għajnuna, mingħajr ebda intervent mill-Kummissjoni, hija tabilħaqq din l-awtorità li setgħet ħolqot aspettattivi leġittimi għall-applikant.

114. Barra minn hekk, skont Eesti Pagar, il-prinċipju ta’ operatur diliġenti ma jistax, f’dan il-każ, imur kontra r-rikonoxximent tal-aspettattivi leġittimi tiegħu, minħabba li, b’applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-intervent tal-Kummissjoni ma jkunx previst. Issa, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma tistax saħansitra teżiġi li jkollha livell ta’ perizja superjuri għal dak tal-EAS fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament, lanqas a fortiori li għandha teżerċita kontroll fuq l-EAS li, barra minn hekk, biddlet l-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmi regolament wara l-għoti tal-għajnuna.

115. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Grieg ma jeżaminax din il-kwistjoni.

116. Il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jikkunsidraw li, sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi, huwa meħtieġ li awtorità kompetenti tkun tat lill-operatur xi aċċertamenti preċiżi li ma jistgħux jikkontradixxu d-dritt tal-Unjoni applikabbli u li jkunu ħolqu aspettattivi raġonevoli għal operatur diliġenti. Barra minn hekk, l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati għandu jkun favorevoli għall-interessi privati. Issa, fl-opinjoni tal-Gvern Estonjan u tal-Kummissjoni, l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hija ssodisfatta f’dan il-każ.

117. Fl-ewwel lok, sa fejn l-allegati aspettattivi leġittimi huma bbażati fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, dan il-gvern u din l-istituzzjoni jaffermaw li l-EAS ma hijiex awtorità kompetenti sabiex tinterpreta din id-dispożizzjoni. Din tal-aħħar timponi fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna r-responsabbiltà li jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet li hija timponi. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali ma humiex kompetenti sabiex jagħtu parir lill-benefiċjarju dwar il-konformità ta’ assistenza finanzjarja mar-rekwiżiti tal-imsemmija dispożizzjoni. Konsegwentement, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarji ta’ għajnuna.

118. Fit-tieni lok, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jsostnu li s-skiet ta’ awtorità amministrattiva, kemm jekk tkun konxja ta’ ċerti ċirkustanzi kif ukoll jekk le, ma huwiex ekwivalenti għal informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti. Għaldaqstant, tali skiet ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi.

119. Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tafferma li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati, ma huwiex rilevanti jekk il-Kummissjoni tkunx ħadet jew le deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern. Minħabba li l-għajnuna mill-Istat fil-prinċipju hija pprojbita, id-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi li għajnuna illegali tal-Istat titħalla f’idejn il-benefiċjarju, sa fejn tali distorsjoni ta’ kompetizzjoni tmur kontra l-interess ġenerali.

2.      Evalwazzjoni

120. It-tielet domanda preliminari, dwar l-aspettattivi leġittimi, hija marbuta mill-qrib mat-tieni parti tal-ewwel domanda (jiġifieri l-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fl-implimentazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa).

121. Qabel kollox, l-argument imressaq mill-Kummissjoni dwar l-ewwel domanda preliminari, li fl-istess ħin huwa bbażat fuq kriterju li jeħtieġ ċerta evalwazzjoni (jiġifieri, fuq l-effett ta’ inċentiv) u jikkontesta, f’din il-proċedura, kwalunkwe kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex iwettqu dawn l-evalwazzjonijiet huwa diffiċli li jinftiehem.

122. Fil-fatt, minħabba li r-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa jeżenta preċiżament lill-awtoritajiet nazzjonali mill-obbligu ta’ notifika tal-għajnuna jekk il-kundizzjonijiet tagħha jkunu ssodisfatti, jiena naħseb li huwa diffiċli li wieħed jargumenta dwar il-ksur tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE meta l-benefiċjarju u l-awtorità nazzjonali kompetenti jikkunsidraw li dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

123. Sussegwentement, fil-prinċipju, sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi, huwa meħtieġ li awtorità kompetenti tkun tat lill-benefiċjarju xi aċċertamenti preċiżi li ma jistgħux jikkontradixxu d-dritt tal-Unjoni applikabbli u li ħolqu aspettattivi raġonevoli għal operatur diliġenti. Barra minn hekk, l-ibbilanċjar tal-interessi pubbliċi u privati għandu jkun favorevoli għall-interessi privati.

124. Issa, fuq il-bażi tal-proċess kif ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiena naħseb (bħall-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni) li l-ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tidher li hija ssodisfatta f’dan il-każ, a fortiori sa fejn jirriżulta mill-ġurisprudenza li lanqas qorti nazzjonali ma tista toħloq aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-assenza tal-għajnuna mill-Istat (26).

125. Jekk il-qorti tar-rinviju tqis, fuq il-bażi tar-risposta għall-ewwel domanda, li l-għajnuna ngħatat bi ksur tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, l-EAS b’hekk kisret l-Artikolu 108(3) TFUE li jeskludi kull aspettattiva leġittima li l-benefiċjarju jista’ jinvoka.

126. Barra minn hekk, operatur li jipprevedi l-ħtiġijiet tal-futur u li jkun informat tajjeb fis-sitwazzjoni ta’ Eesti Pagar kellu wkoll jivverifika li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa kienu ssodisfatti (27). Iktar minn hekk, l-obbligu tal-benefiċjarju tal-għajnuna li jivverifika li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ġiet osservata ma jiddependix mill-aġir tal-awtorità nazzjonali u din il-konklużjoni tapplika “anki jekk din tal-aħħar kienet responsabbli għall-illegalità tad-deċiżjoni li l-irtirar tagħha jidher li jmur kontra l-bona fide” (28).

127. Din tista’ tkun is-sitwazzjoni fil-kawża inkwistjoni fejn Eesti Pagar tqis li ma ġietx ittrattata b’mod ġust u xieraq minħabba li l-awtorità nazzjonali inkoraġġixxietha tikkonkludi l-kuntratt(i) jew, għall-inqas, kienet taf bl-eżistenza tal-imsemmi(ja) kuntratt(i) matul it-talba għal sussidju.

128. Għalkemm is-sempliċi għarfien mill-aġenti tal-EAS tal-kuntratti konklużi preċedentement minn din il-kumpannija ma huwiex fih innifsu ekwivalenti għall-għoti ta’ aċċertamenti preċiżi, ma jistax qabel kollox jiġi eskluż li jista’ jkun mod ieħor jekk il-konklużjoni tal-imsemmija kuntratti ġiet irrakkomandata lil Eesti Pagar mill-EAS. Madankollu, li kieku dan irriżulta, kienet tkun biss kwistjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat u mhux ta’ aspettattivi leġittimi li tippermetti li jiġi evitat l-irkupru tal-għajnuna.

129. Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-awtorità tal-Istat Membru li tiddeċiedi li tagħti għajnuna billi tikkunsidra b’mod żbaljat li din tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni skont il-kategorija tkun, minħabba f’hekk, qiegħda tagħti għajnuna illegali u ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Il-fatt li hija kienet taf minn qabel dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jew li saħansitra tat rakkomandazzjoni żbaljata lill-benefiċjarju, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

F.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari (terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli) u fuq il-ħames domanda (obbligu li jintalbu l-interessi)

130. Dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien minħabba li jqajmu l-istess kwistjoni prinċipali (dik dwar liema regola għandha tapplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali) (29).

1.      Sunt tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

a)      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

131. Eesti Pagar issostni, essenzjalment, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 japplika biss għall-azzjoni tal-Kummissjoni u jqis li xejn ma jippermetti li istituzzjoni nazzjonali bħall-EAS tiġi assimilata mal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, it-terminu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti jistgħu jiġu applikati għal tali azzjoni ta’ rkupru.

132. Il-Gvern Grieg huwa tal-opinjoni li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 huwa applikabbli.

133. Il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jqisu li, jekk awtorità jew qorti nazzjonali jagħtu effett direttament, permezz ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna, lill-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni prevista fl-Artkolu 108(3) TFUE, ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali għandhom jiġu applikati. Madankollu, id-dritt nazzjonali għandu jiġi applikat filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, bil-għan li tinżamm il-kompetenza esklużiva li għandha l-Kummissjoni sabiex tapprova jew tipprojbixxi l-għajnuna qabel ma tiġi implimentata, id-dritt nazzjonali għandu jippermetti l-irkupru tal-għajnuna illegali għal mill-inqas għaxar snin minn meta tingħata għajnuna illegali lill-benefiċjarju tagħha, peress li dan it-terminu huwa previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999.

134. Fir-rigward tat-terminu ta’ prekrizzjoni ta’ erba’ snin minn meta titwettaq l-irregolarità, previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għall-għajnuna strutturali, dan il-gvern u din l-istituzzjoni jsostnu li dan ir-regolament ma huwiex rilevanti f’din il-kawża minħabba li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jikkostitwixxu skema speċjali, li tirriżulta direttament minn dispożizzjoni li hija f’livell ogħla minn dan ir-regolament, jiġifieri l-Artikolu 108(3) TFUE. Barra minn hekk, din l-analiżi hija sostnuta mill-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1083/2006, li skontu l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 japplika għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat.

b)      Fuq il-ħames domanda preliminari

135. Eesti Pagar tirrileva li, fis-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2016, vestita bl-awtorità ta’ res judicata, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li din il-kawża ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004 u li hija annullat, fuq din il-bażi, id-deċiżjoni ta’ rkupru fir-rigward tal-interessi.

136. Skont din il-kumpannija, dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jistgħu japplikaw b’analoġija, għal dan il-każ, minħabba li l-formulazzjoni tagħhom tikkonċerna biss l-interessi relatati mad-deċiżjonijiet ta’ rkupru tal-Kummissjoni u dan ir-regolament ġie adottat għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 659/1999, li jittratta biss l-azzjoni tal-Kummissjoni, bl-esklużjoni ta’ dik tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. Issa, mill-Artikolu 108(3) TFUE, la tista’ tiġi dedotta bażi, la dritt u lanqas obbligu fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ Stat Membru, sabiex teżiġi interessi matul l-irkupru ta’ għajnuna.

137. Il-Gvern Grieg iqis li, fil-każ ta’ rimbors ta’ għajnuna illegali wara d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, id-dritt nazzjonali japplika, b’mod partikolari, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mar-rata ta’ interessi tad-dejn tal-Istat. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-għan tad-dispożizzjonijiet relatati mal-għajnuna mill-Istat, il-metodu ta’ kalkolu tal-interessi ma għandux ikun inqas strett minn dak previst fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jew fl-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 794/2004. Fil-fatt, id-dritt nazzjonali għandu jiżgura l-kisba tal-għan tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-eliminazzjoni totali tal-vantaġġ ekonomiku miksub mill-benefiċjarju permezz tal-irkupru sħiħ tal-benefiċċju miksub, li jinkludi l-interessi legali.

138. Il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li l-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom qabel kollox japplikaw ir-regoli tal-proċedura nazzjonali fir-rigward tar-rata applikabbli, il-metodu li għandu jiġi applikat u l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tal-interessi.

139. Madankollu, meta jitolbu l-interessi, il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, ma għandux jiġi applikat b’analoġija l-metodu previst fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u fl-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004, iżda dan għandu jintuża sabiex jiġi vverifikat li, matul il-kalkolu tal-interessi, id-dritt nazzjonali applikabbli huwa konformi mal-imsemmi prinċipju ta’ effettività.

2.      Evalwazzjoni

a)      Terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru minn awtorità nazzjonali

140. Fil-punt 41 tal-Avviż dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni tirreferi, fir-rigward tal-interessi li għandhom jintalbu, għar-Regolament Nru 659/1999 u tirrakkomanda, essenzjalment, applikazzjoni b’analoġija tal-imsemmi regolament mill-qrati nazzjonali. Bl-istess mod, f’din il-proċedura, hija tinvoka l-prinċipju ta’ effettività sabiex tiddefendi applikazzjoni ta’ regoli li jinsabu f’dan ir-regolament kemm fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-irkupru ta’ għajnuna minn awtorità nazzjonali kif ukoll fir-rigward tal-interessi li għandhom jintalbu f’dan il-każ.

141. Dawn l-argumenti jirriżultaw mill-biża’ tal-Kummissjoni li, minn naħa, il-perijodi ta’ preskrizzjoni previsti mid-dritt nazzjonali li huma iqsar minn dawk previsti fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jheddu s-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inqas stretti minn dawk previsti fl-imsemmi regolament, fir-rigward tal-interessi li għandhom jintalbu, jheddu l-irkupru sħiħ tal-għajnuna mogħtija illegalment, kif meħtieġ mill-Artikolu 107(1) u mill-Artikolu 108(3) TFUE.

142. Dawn l-argumenti juru tensjoni bejn l-għan tar-Regolament Nru 659/1999, li huwa limitat biss għal proċedura quddiem il-Kummissjoni, u l-estensjoni b’analoġija tal-applikazzjoni tiegħu fil-proċeduri nazzjonali, sabiex jinżammu l-għanijiet segwiti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt primarju.

143. Barra minn hekk, fir-rigward tal-preskrizzjoni, tqum kwistjoni ta’ konsistenza regolatorja, minħabba li l-għajnuna mogħtija lil Eesti Pagar taqa’ taħt ir-Regolamenti Nru 1083/2006 u Nru 2988/95, bl-ewwel wieħed jipprevedi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin.

144. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni bbażat il-prijorità tar-Regolament Nru 659/1999 fuq il-fatt li ġie adottat fuq il-bażi tad-dritt primarju. Wara l-kumment magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, li dan kien jgħodd għaż-żewġ regolamenti l-oħrajn, il-Kummissjoni indikat li hija kellha “tippreċiża u tiġġustifika” l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, billi tirrikonoxxi li t-tliet regolamenti kienu strumenti ta’ dritt sekondarju li għandhom l-istess post fil-ġerarkija tar-regoli u li l-metodu ta’ finanzjament jew is-sors ma kellhom l-ebda rwol fir-regoli ta’ preskrizzjoni.

145. Madankollu, skont il-Kummissjoni, jekk it-tliet regolamenti huma a priori applikabbli f’dan il-każ, dawn isegwu finijiet differenti u kemm l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll il-ħtieġa li jinżammu l-prerogattivi tal-Kummissjoni jirrikjedu l-applikazzjoni (anki “indiretta”) tar-Regolament Nru 659/1999, bil-prinċipju ta’ effettività għalhekk jimpedixxi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ inqas minn għaxar snin.

146. Jiena ma naqbilx ma’ dan l-argument.

147. Fil-fatt, jiena ma narax kif l-applikazzjoni fil-każ ta’ rkupru proprio motu ta’ għajnuna minn awtorità nazzjonali, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ inqas minn għaxar snin previst minn regolament ieħor jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tipprekludi lill-Kummissjoni milli tieħu deċiżjoni ta’ rkupru ta’ din l-għajnuna. Il-Kummissjoni tista’ “dejjem” matul għaxar snin twettaq l-eżami ta’ għajnuna suspettuża, u dan minkejja l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikat fil-proċedura nazzjonali, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet fis-seduta.

148. Għaldaqstant, kif ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) irrilevat, f’dan il-każ ma għandux jiġi applikat “indirettament” jew b’analoġija r-Regolament Nru 659/1999. Dan tal-aħħar, skont il-formulazzjoni tiegħu, japplika biss għall-azzjoni tal-Kummissjoni u wieħed ma għandux jassimila l-azzjoni ta’ awtorità nazzjonali ma’ dik tal-Kummissjoni.

149. F’dan ir-rigward, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tagħha tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm ir-Regolament Nru 659/1999 kien fih regoli ta’ natura proċedurali li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li kienu pendenti quddiem il-Kummissjoni, xorta waħda jirriżulta mit-tieni premessa u mid-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-regolament li dan ma kien fih l-ebda dispożizzjoni dwar is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali, li jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jidhirli li din il-loġika għandha tapplika, a fortiori, għas-setgħat u għall-obbligi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali.

150. Madankollu, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni jitolbu li jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ effettività, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004.

151. Issa, minħabba li r-Regolamenti Nru 1083/2006 u Nru 2988/95 huma direttament applikabbli, fl-opinjoni tiegħi, ma għadx hemm lok għat-teħid inkunsiderazzjoni tar-Regolamenti Nru 659/1999 u Nru 794/2004.

152. Barra minn hekk, jiena naħseb (bħal Eesti Pagar) li jmur kontra l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ aspettattivi leġittimi (ċarezza legali) u ta’ ċertezza legali li wieħed japplika b’analoġija t-terminu ta’ għaxar snin previst fir-Regolament Nru 659/1999 għall-irkupru ta’ għajnuna mill-awtorità nazzjonali – mingħajr deċiżjoni ta’ rkupru korrispondenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-regoli ta’ preskrizzjoni għandhom ikunu speċifikati b’mod ċar u, affaċċjat b’deċiżjoni ta’ awtorità nazzjonali, l-individwu ma jistax jiġi suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit minn dispożizzjoni li tagħmel riferiment biss għal deċiżjoni tal-Kummissjoni.

153. Għaldaqstant, f’kawża bħall-kawża prinċipali – dwar l-irkupru ta’ għajnuna strutturali mħallsa mill-Istat Membru – għandu jiġi applikat it-terminu ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji [tal-Unjoni].

154. Fil-fatt, l-għajnuna inkwistjoni ngħatat lil Eesti Pagar fuq il-bażi tad-Digriet Nru 44, adottat skont il-Liġi dwar l-Għajnuna Strutturali għall‑perijodu 2007‑2013 (is-STS). Konformement mal-Artikolu 1(2) tiegħu, is-STS tapplika għall-għoti u l-użu tar-riżorsi allokati għall-għajnuna strutturali fuq il-bażi ta’ programm operazzjonali approvat mill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1083/2006. Konsegwentement, l-għajnuna mogħtija lil Eesti Pagar hija għajnuna ffinanzjata mill-fondi strutturali tal-Unjoni, li r-Regolament Nru 2988/95 jirregola l-aspetti relatati tagħhom.

155. Konformement mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, “‘[i]rregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’nefqa mhux ġustifikata.”

156. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni mill-awtorità tal-Istat Membru huwa ta’ erba’ snin, kif jipprevedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (30).

b)      Interessi applikabbli għall-irkupru minn awtorità nazzjonali

157. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-applikazzjoni ta’ interessi komposti tikkostitwixxi mezz partikolarment xieraq sabiex wieħed jasal biex jinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv mogħti illegalment lill-impriżi benefiċjarji ta’ din l-għajnuna mill-Istat” (31). L-għan tal-irkupru tal-interessi huwa li jitneħħa, “[m]ill-perspettiva tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, il-vantaġġ indebitu [li] jikkonsisti, minn naħa, fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-interessi li huwa kellu jħallas fuq l-ammont in kwistjoni ta’ l-għajnuna kompatibbli, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront ta’ l-operaturi l-oħra fis-suq sakemm damet fis-seħħ l-illegalità”. Dan minħabba li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “miżura li tikkonsisti biss f’obbligu ta’ rkupru bla interessi ma tkunx xierqa, bħala regola ġenerali, bħala rimedju għall-effetti ta’ l-illegalità” (32).

158. Sa fejn għall-preskrizzjoni nipproponi li jiġi applikat ir-Regolament Nru 2988/95, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-interessi jistgħux jintalbu wkoll fuq il-bażi tal-imsemmi regolament.

159. Skont l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ dan ir-regolament, “[b]ħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett […] permezz ta’ obbligu li min ikun […] iħallas lura l-ammonti […] aċċettati b’mod skorrett […] L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa” (enfasi miżjuda minni).

160. L-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament jipprevedi li “[l]-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi: […] (b) il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; […]”

161. Għalhekk, ir-Regolament Nru 2988/95 ma jipprevedix il-ħlas inkundizzjonat tal-interessi.

162. Ċertament, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dritt nazzjonali, iżda, skont is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016 tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), id-dritt Estonjan ma jippermettix li r-rikorrenti tintalab tħallas l-interessi għall-perijodu ta’ bejn id-data tal-ħlas tal-għajnuna u d-data tal-irkupru.

163. Għaldaqstant, jiena naħseb li, kif impost mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għajnuna mill-Istat imfakkra iktar ’il fuq, l-interessi għandhom jintalbu direttament skont l-Artikolu 108(3) TFUE, bil-għan li tinkiseb l-eliminazzjoni tal-vantaġġ kompetittiv mogħti illegalment lill-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat.

164. Għalkemm il-qrati u l-awtoritajiet nazzjonali, sabiex jikkalkolaw l-interessi dovuti, japplikaw qabel kollox ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali dwar ir-rata applikabbli għall-metodu ta’ kalkolu (sempliċi jew kompost) u għall-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu tal-ħlas tal-interessi, jiena naħseb (bħall-Kummissjoni) li billi jitolbu l-interessi matul l-irkupru tal-għajnuna, huma għandhom isegwu l-istess għan tal-Kummissjoni, filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju timplika li ma għandhiex tapplika dispożizzjoni nazzjonali li ma tiżgurax l-effettività tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (33).

165. Kieku l-Kummissjoni kellha tieħu din id-deċiżjoni f’kawża li titressaq quddiemha, hija tapplika l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u l-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004.

166. Issa, l-għan ta’ deċiżjoni nazzjonali ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali huwa l-istess bħal dak ta’ deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni, jiġifieri li ċċaħħad lill-benefiċjarju tal-għajnuna mill-vantaġġ inġust kollu, inklużi l-interessi (34).

167. Konsegwentement, ma għandux jiġi applikat b’analoġija l-metodu previst fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u fl-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004, kif tindika r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, iżda dan għandu jintuża sabiex jiġi vverifikat li, matul il-kalkolu tal-interessi, id-dritt nazzjonali applikabbli huwa konformi mal-prinċipju ta’ effettività (35), filwaqt li jiġi b’xi mod antiċipat dak li l-Kummissjoni tagħmel f’każ bħal dan.

168. Għalhekk, l-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jiżguraw li r-rata ta’ interessi, il-metodu li għandu jiġi applikat u l-perijodu kopert jiżguraw l-eliminazzjoni ta’ vantaġġ kompetittiv illegali.

169. Issa, fil-każ ta’ għajnuna illegali, il-vantaġġ kompetittiv illegali jseħħ minn meta tingħata l-għajnuna. Jekk l-interessi jiġu kkalkolati biss mid-deċiżjoni ta’ rkupru, il-vantaġġ kompetittiv illegali jibqa’ eżistenti għall-perijodu ta’ bejn l-għoti tal-għajnuna u l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru, li matulu l-benefiċjarju tal-għajnuna seta’ jibbenefika mill-għajnuna bi ksur tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni. L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-interessi ta’ individwi oħra jistgħu f’każ bħal dan jiġu ppreġudikati min-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma tkunx żgurata.

170. Ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) irrikonoxxiet, fil-punt 41 tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, li l-għan tal-eliminazzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata jiġġustifika l-kalkolu tal-interessi mill-għoti tal-għajnuna u li l-unika problema kienet l-assenza ta’ bażi legali korretta għal dan il-għan. Jiena naħseb li l-bażi legali għall-kalkolu tal-interessi hija l-Artikolu 108(3) TFUE, interpretat b’rabta mal-prinċipju ta’ effettività.

171. Għalhekk, għall-ħames domanda għandha tingħata r-risposta li f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali minn awtorità nazzjonali, l-interessi li hija tiddeċiedi li żżid għandhom jiġu kkalkolati skont id-dritt nazzjonali applikabbli, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. Dan jimplika li, sabiex jiġi żgurat li l-vantaġġ inġust miksub mill-għajnuna inkwistjoni jiġi kompletament eliminat, il-kalkolu tal-interessi għandu jsir konformement mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li skontu l-interessi jiddekorru mid-data tal-għoti tal-għajnuna, u mal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004 tal-Kummissjoni, li skonthom l-interessi għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi komposta u r-rata ta’ interessi applikabbli ma għandhiex tkun inqas mir-rata ta’ referenza.

V.      Konklużjoni

172. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja) kif ġej:

1.      L-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas‑6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli [107] u [108] tat-Trattat [FUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, it-twettiq tal-“proġett jew attività” jkun inbeda meta l-attività li għandha tiġi sostnuta tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-akkwist ta’ tagħmir u meta jkunu ġew konklużi kuntratti ta’ xiri ta’ dan it-tagħmir, fejn il-konklużjoni ta’ tali kuntratti tikkostitwixxi l-bidu ta’ attivitajiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġett.

Madankollu, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk għajnuna mogħtija fuq il-bażi tal-imsemmi regolament għandhiex effett ta’ inċentiv, għandha titwettaq analiżi ddettaljata tal-klawżoli kuntrattwali u taċ-ċirkustanzi fattwali fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom is-setgħa li jevalwaw il-ksur tal-kriterju tal-effett ta’ inċentiv previst fl-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż għax-xoljiment tal-kuntratt inkwistjoni.

2.      L-awtorità tal-Istat Membru, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, hija obbligata li tirkupra għajnuna illegali li tkun tat bi ksur tar-Regolament Nru 800/2008 meta tikkonstata li din l-għajnuna ngħatat illegalment, kemm jekk il-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni ta’ rkupru f’dan is-sens kif ukoll jekk le, u kemm jekk il-ksur tal-imsemmi regolament ikun manifest u kif ukoll jekk le. Għaldaqstant, sempliċi dubju ma jistax ikun suffiċjenti f’dan ir-rigward.

3.      L-awtorità tal-Istat Membru li tiddeċiedi li tagħti għajnuna billi tikkunsidra b’mod żbaljat li din tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni skont il-kategorija tkun, minħabba f’hekk, qiegħda tagħti għajnuna illegali u ma tistax toħloq aspettattivi leġittimi għall-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna. Il-fatt li kienet taf minn qabel dwar in-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, jew li saħansitra tat rakkomandazzjoni żbaljata lill-benefiċjarju, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

4.      It-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali inkwistjoni mill-awtorità tal-Istat Membru huwa ta’ erba’ snin, kif jipprevedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni Ewropea].

5.      F’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali minn awtorità nazzjonali, l-interessi li hija tiddeċiedi li żżid għandhom jiġu kkalkolati skont id-dritt nazzjonali applikabbli, bla ħsara għall-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. Dan jimplika li, sabiex jiġi żgurat li l-vantaġġ inġust miksub mill-għajnuna inkwistjoni jiġi kompletament eliminat, il-kalkolu tal-interessi għandu jsir konformement mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108] tat-Trattat [FUE], li skontu l-interessi jiddekorru mid-data tal-għoti tal-għajnuna, u mal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108] tat-Trattat [FUE], li skonthom l-interessi għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi komposta u r-rata ta’ interessi applikabbli ma għandhiex tkun inqas mir-rata ta’ referenza.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kummissjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli [107] u [108] tat-Trattat [FUE] (ĠU 2008, L 214, p. 3), iktar ’il quddiem ir-“Regolament għal Eżenjoni Ġenerali Sħiħa”.


3      Regolament tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).


4      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108] tat-Trattat [FUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).


5      Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal‑21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108] tat-Trattat [FUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3).


6      Regolament tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25).


7      Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifika fil-ĠU 2016, L 200, p. 140).


8      Regolament tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat [FUE] (ĠU 2014, L 187, p. 1).


9      Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).


10      Adottata fis‑7 ta’ Diċembru 2006, imdaħħla fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007 (RT I 2006, 59, 440; RT I, 03.02.2011, 3) fil-verżjoni fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2012 sat‑30 ta’ Ġunju 2014.


11      Dħul fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007 (RT I 2006, 61, 463; RT I, 05.07.2011, 20) u adottat, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-Artikolu 26(6) tas-STS 2007‑2013, fil-verżjoni fis-seħħ tiegħu mill‑1 ta’ Jannar 2012 sat‑28 ta’ Awwissu 2014.


12      Skont il-punt 20 tas-sentenza tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), “[i]l-qrati mmotivaw suffiċjentement l-affermazzjoni tagħhom li skontha r-rikorrenti, qabel ma ressqet talba għal għajnuna fl‑24 ta’ Ottubru 2008, daħlet f’kuntratt ta’ impenn stabbilit sabiex tixtri xi tagħmir. Anki jekk jitqies li l-kuntratt ta’ bejgħ bilaterali tat‑28 ta’ Awwissu 2008 kien ikkundizzjonat skont l-iskambju minn qabel ta’ ittri bejn il-partijiet [riferiment għall-fajl], dan ma jagħmel l-ebda riferiment għal kwalunkwe kundizzjoni fil-każ tal-kuntratt ta’ bejgħ bejn tliet partijiet konkluż fit‑13 ta’ Ottubru 2008 bil-parteċipazzjoni tal-lokatur”.


13      Il-qorti tar-rinviju interrogat lix-xhieda matul is-seduta tal‑11 ta’ April 2017, iżda ma fformulat l-ebda konklużjoni definittiva dwar din il-kwistjoni (ara l-verbal tas-seduta tal‑11 ta’ April 2017).


14      Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1981, Irish Creamery Milk Suppliers Association et (36/80 u 71/80, EU:C:1981:62, punt 6), u tas-16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 26). Ara, wkoll, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO (C‑236/98, EU:C:2000:173, punt 31).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov (C‑173/09, EU:C:2010:581, punti 25 sa 32).


16      Fis-seduta, ġie kkonfermat li l-fondi inkwistjoni f’dan il-każ kienu ġejjin mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Dan jirrigwarda wieħed mill-fondi strutturali Ewropej, intiż li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni billi jnaqqas l-iżbilanċi reġjonali.


17      Id-dokument bl-Ingliż bit-titolu “General Block Exemption Regulation (GBER) – Frequently Asked Questions” huwa disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni fil-link “http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/gber_practical_faq_en.pdf” u jwieġeb il-mistoqsija “Is it contrary to the incentive effect requirement of Art. 8 to conclude agreements and make payments based on them, in particular preliminary contracts for purchase options and pre-contracts of sale, before the aid application is submitted?” kif ġej: “Footnote 40 of the Regional Aid Guidelines defines ‘start of work’ as either the start of construction work or the first firm commitment to order equipment, excluding preliminary feasibility studies. Whether the agreements and payments made on the basis of these agreements can be considered a ‘first firm commitment’ to start the project does not necessarily depend on the formal classification of the agreements in question, but on the terms of those agreements. If contractual obligations make it difficult from an economic standpoint to abandon the project in a given case, particularly because a considerable sum of money would be lost, work will be deemed to have started within the meaning of Art. 8. A more detailed examination of the specific circumstances of the case would be needed to see if this is indeed the case.”


18      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P, EU:C:2013:387, punti 106 sa 109).


19      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2011, Regione autonoma della Sardegna et vs Il-Kummissjoni (T‑394/08, T‑408/08, T‑453/08 u T‑454/08, EU:T:2011:493).


20      Konklużjonijiet fil-kawża HGA, C‑630/11 P (EU:C:2013:194, punt 66).


21      Ara Werner, P., u Verouden, V. (edituri), EU State Aid Control: Law and Economics, Wolters Kluwer, Alphen-sur-le-Rhin, 2017, p. 208.


22      Skont il-Kummissjoni, ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa huwa awtoeżekuttiv.


23      Fis-seduta, l-EAS sostniet li dan il-każ pjuttost huwa wieħed li jirrigwarda tliet kuntratti distinti li għandhom jiġu evalwati separatament u mhux kollha flimkien.


24      L-obbligu ta’ rkupru jaqa’ wkoll fuq l-awtoritajiet nazzjonali kollha, kemm il-qrati kif ukoll l-awtoritajiet amministrattivi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo vs Comune di Milano, 103/88, EU:C:1989:256, punti 30 u 31).


25      Fl-assenza ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Kummissjoni.


26      Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2017, SNCM vs Il-Kummissjoni (T‑454/13, EU:T:2017:134, punt 299); ara wkoll dwar dan il-punt is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Zweckverband Tierkörperbeseitigung vs Il-Kummissjoni (T‑309/12, EU:T:2014:676, punti 237 sa 241), kif ukoll is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni (C‑83/98 P, EU:C:2000:248, punti 58 sa 61), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas, ippreżentati fit‑23 ta’ Novembru 1999 (EU:C:1999:577, punti 53 sa 98).


27      Speċjalment f’kuntest ta’ eżenzjoni skont il-kategorija, il-benefiċjarju għandu jkun jaf li qiegħed jieħu riskju minħabba li l-għajnuna ma hijiex innotifikata lill-Kummissjoni.


28      Sentenza tal‑20 ta’ Marzu 1997, Land Rheinland-Pfalz vs Alcan Deutschland (C‑24/95, EU:C:1997:163, punt 41).


29      Kwistjoni potenzjalment analoga jidher li tqum ukoll fil-Kawża C‑387/17, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (pendenti wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), fil-kuntest tar-rikors għad-danni ppreżentat minn kompetitur tal-benefiċjarju ta’ għajnuna kontra l-Istat Taljan minħabba d-dannu allegatament sostnut minħabba l-ħlas prematur tal-għajnuna.


30      Għaldaqstant, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi terminu itwal, dan tal-aħħar ikun applikabbli (ara, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istess prinċipju għall-kalkolu tal-interessi).


31      Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, A2A SpA vs Agenzia delle Entrate (C‑89/14, EU:C:2015:537, punt 42).


32      Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2008, Centre d’exportation du livre français (CELF) u Ministre de la culture et de la communication vs Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE) (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 50 sa 54).


33      Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑232/05, EU:C:2006:651, punt 53).


34      Ir-raġuni hija li l-implimentazzjoni antiċipata tal-għajnuna illegali għandha l-effett li, jekk ikun il-każ, il-kompetituri jsofru l-effetti tal-għajnuna iktar kmieni. Għalhekk, il-benefiċjarju tal-għajnuna bbenefika minn vantaġġ indebitu (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 50 sa 52 u 55). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-qorti nazzjonali għandha tordna l-ħlas tal-interess anki wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva (l-imsemmija sentenza CELF, punti 52 u 55). F’dan il-każ, l-interessi jikkonċernaw biss il-perijodu ta’ eżistenza tal-vantaġġ kompetittiv, li matulu l-benefiċjarju tal-għajnuna uża l-għajnuna qabel iż-żmien (jiġifieri qabel id-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni).


35      Jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi interessi ogħla mill-interessi ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu applikati dawn id-dispożizzjonijiet iktar stretti. Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen GmbH vs Land Nordrhein‑Westfalen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 40).