Language of document : ECLI:EU:C:2019:172

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Marzu 2019 (*)

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

Ir-Regolament Nru 794/2004

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006

Ir-Regolament Nru 800/2008

Il-Linji gwida

Id-dritt Estonjan

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda, dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna

Fuq it-tieni domanda u fuq it-tieni parti tar-raba’ domanda, dwar l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali

Fuq it-tielet domanda, dwar il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

Fuq l-ewwel parti tar-raba’ domanda, dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali

Fuq il-ħames domanda, dwar l-obbligu li jintalbu interessi

Fuq l-ispejjeż


“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Regolament (KE) Nru 800/2008 (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) – Artikolu 8(2) – Għajnuna b’effett ta’ inċentiv –Kunċett ta’ ‘bidu tax-xogħol fuq il-proġett’ – Kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali – Għajnuna illegali – Assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea jew ta’ qorti nazzjonali – Obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw fuq l-inizjattiva tagħhom stess għajnuna illegali – Bażi legali – Artikolu 108(3) TFUE – Prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tagħti għajnuna taħt ir-Regolament Nru 800/2008 – Għarfien taċ-ċirkustanzi li jeskludu l-eliġibbiltà tat-talba għal għajnuna – Ħolqien ta’ aspettattivi leġittimi – Assenza – Preskrizzjoni – Għajnuna kofinanzjata minn fond strutturali – Leġiżlazzjoni applikabbli – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Interessi – Obbligu li jintalbu interessi – Bażi legali – Artikolu 108(3) TFUE – Leġiżlazzjoni applikabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑349/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Eesti Pagar AS

vs

Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus,

Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev (Relatur), M. Vilaras, E. Regan u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, D. Šváby u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: R. Şereş, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Eesti Pagar AS, minn R. Paatsi u T. Biesinger, vandeadvokaadid,

–        għall-Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus, minn K. Jakobson‑Lott,

–        għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, D. Tsagkaraki, E. Tsaousi u A. Dimitrakopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Maxian Rusche u B. Stromsky kif ukoll minn K. Blanck-Putz u K. Toomus, bħala aġenti, assistiti minn L. Naaber-Kivisoo, vandeadvokaat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli [107 u 108 TFUE] (ĠU 2008, L 214, p. 3), l-obbligu impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw fuq inizjattiva tagħhom stess għajnuna illegali, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-qasam ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru mill-awtoritajiet nazzjonali fuq l-inizjattiva tagħhom stess ta’ għajnuna illegali u, fl-aħħar nett, l-obbligu tal-Istati Membri li jitolbu, fil-proċess ta’ tali rkupru, interessi.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Eesti Pagar AS u, min-naħa l-oħra, l-Ettevõtluse Arendamise Sihtasutus (il-Fondazzjoni għall-Iżvilupp tal-Impriża, l-Estonja, iktar ’il quddiem l-“EAS”) u l-Majandus- ja Kommunikatsiooniministeerium (il-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Komunikazzjoni, l-Estonja, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tal-EAS, ikkonfermata mill-Ministeru fuq rikors ġerarkiku, li tordna l-irkupru mingħand Eesti Pagar ta’ somma ta’ EUR 526 300, flimkien mal-interessi, fir-rigward ta’ għajnuna preċedentement imħallsa lilha mill-EAS.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jipprevedi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

4        L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedu:

“Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.

[…]

It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l-investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih.”

5        Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmi regolament:

“1.      Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

–        permezz ta’ obbligu li […] iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

[…]

2.      L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.”

6        L-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi:

“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[…]

b)      il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; […]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

7        L-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), jipprevedi:

“L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.”

8        L-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin.”

 Ir-Regolament Nru 794/2004

9        Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament Nru 659/1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008, L 82, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 239, p. 4) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 794/2004”):

“1.      Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor f’deċiżjoni speċifika, ir-rata ta’ l-imgħax li għandha tintuża sabiex tiġi rkuprata l-għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE] għandha tkun rata perċentwali annwali li tiġi stabbilita minn qabel mill-Kummissjoni f’kull sena kalendarja.

2.      Din ir-rata ta’ l-imgħax għandha tiġi kkalkulata billi jiġu miżjuda 100 punt bażi mar-rata tas-suq tal-flus għal sena. Fejn dawk ir-rati ma jkunux disponibbli, tintuża r-rata tas-suq tal-flus għal tliet xhur, jew fl-assenza tagħha, ir-rendita mill-bonds ta’ l-Istat.

3.      Fl-assenza ta’ suq affidabbli tal-flus jew rendita affidabbli tal-bonds f’ishma jew data ekwivalenti jew f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ l-Istat Membru(i) kkonċernat(i), tiffissa r-rata ta’ rkupru fuq il-bażi ta’ metodu ieħor u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni li tkun disponibbli għaliha.

4.      Ir-rata ta’ l-irkupru tiġi reveduta darba kull sena. Ir-rata bażi tiġi kkalkulata fuq il-bażi tar-rata tas-suq tal-flus għal sena rreġistrata f’Settembru, Ottubru u Novembru tas-sena kkonċernata. Ir-rata kkalkulata b’dan il-mod tapplika matul is-sena ta’ wara.

5.      Barra minn hekk, sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni l-varjazzjonijiet sinifikanti u għall-għarrieda, isir aġġornament kull darba li r-rata medja, ikkalkulata fuq it-tliet xhur preċedenti, tiddevja b’iktar minn 15 % mir-rata fis-seħħ. Din ir-rata ġdida tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xhur li fuqhom jinħadem il-kalkolu.”

10      L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 794/2004 jipprevedi:

“1.      Ir-rata ta’ mgħax li għandha tiġi applikata għandha tkun ir-rata ta’ mgħax applikabbli fid-data li fiha l-għajnuna illegali kienet tqegħdet l-ewwel darba għad-disposizzjoni tal-benefiċjarju.

2.      Ir-rata ta’ mgħax għandha tiġi applikata fuq bażi kompost sad-data ta’ rkupru ta’ l-għajnuna. L-imgħax li jkiġġamma fis-sena li tiġi qabel għandu jkun suġġett għall-mgħax f’kull sena li tiġi wara.

3.      Ir-rata ta’ l-imgħax imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata matul il-perjodu kollu sad-data ta’ l-irkupru. Madankollu, jekk tkun għaddiet aktar minn sena waħda bejn id-data li fiha l-għajnuna illegali tkun tpoġġiet għall-ewwel darba għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju u d-data ta’ l-irkupru ta’ l-għajnuna, ir-rata ta’ l-imgħax għandha tiġi kkalkulata mill-ġdid f’intervalli annwali, filwaqt li tieħu bħala bażi r-rata fis-seħħ fiż-żmien ta’ l-ikkalkular mill-ġdid.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006

11      L-Artikolu 101 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36 u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40), jipprevedi:

“Korrezzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni m’għandhiex tippreġudika l-obbligu ta’ l-Istat Membru li jfittex l-irkupri taħt l-Artikolu 98(2) ta’ dan ir-Regolament u li jirkupra l-għajnuna Statali taħt l-Artikolu [107 TFUE] u taħt l-Artikolu 14 tar-[Regolament Nru 659/1999].”

 Ir-Regolament Nru 800/2008

12      Il-premessi 1, 2, 5, 28 u 29 tar-Regolament Nru 800/2008 jgħidu:

“(1)      Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 [tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli (107 u 108 TFUE) għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna Statali orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 312),] jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara, skond l-Artikolu [107 TFUE], li f’ċerti kundizzjonijiet għajnuna lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju (‘l-SMEs’), għajnuna favur ir-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna favur il-protezzjoni ta’ l-ambjent, għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ, u għajnuna konformi mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali, hija kompatibbli mas-suq komuni u mhux suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika skond l-Artikolu [108](3) [TFUE].

(2)      Il-Kummissjoni applikat l-Artikolu [107] u [108 TFUE] f’diversi deċiżjonijiet u akkwistat biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ kompatibilità fir-rigward ta’ l-għajnuna favur l-SMEs, fil-forma ta’ għajnuna għall-investiment fiż-żoni megħjuna u barra minnhom, u fil-forma ta’ skemi ta’ kapital ta’ riskju fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, […]

[…]

(5)      Dan ir-Regolament għandu jeżenta kwalunkwe għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dan ir-Regolament, u kwalunkwe skema ta’ għajnuna, sakemm kwalunkwe għajnuna li tista’ tingħata skond din l-iskema tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha rilevanti ta’ dan ir-Regolament. […]

[…]

(28)      Sabiex ikun żgurat li l-għajnuna hija neċessarja u tkun ta’ inċentiv biex jiġu żviluppati aktar attivitajiet jew proġetti, dan ir-Regolament m’għandux japplika għal għajnuna għal attivitajiet li l-benefiċjarju jkun diġà qed jieħu sehem fihom waħdu taħt il-kundizzjonijiet tas-suq. Fir-rigward ta’ kwalunlkwe għajnuna koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lil SME, dan l-inċentiv għandu jiġi meqjus li jeżisti meta, qabel jinbdew l-attivitajiet relatati ma’ l-implimentazzjoni tal-proġett jew ta’ l-attivitajiet assistiti, l-SME tkun ippreżentat applikazzjoni lill-Istat Membru. […]

(29)      Fir-rigward ta’ kwalunkwe għajnuna koperta minn dan ir-Regolament mogħtija lill-benefiċjarju li huwa impriża kbira, minbarra l-kundizzjonijiet applikabbli għall-SMEs, l-Istat Membru għandu jivverifika wkoll li l-benefiċjarju jkun analizza, f’dokument intern, il-vijabilità tal-proġett jew attività bl-għajnuna jew mingħajr l-għajnuna. […]”

13      Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 800/2008:

“1.      Għajnuna għall-iskemi, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu [107](3) [TFUE] u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.      Għajnuna individwali mogħtija taħt skema li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tkun kompatibbli mas-suq komuni fit-tifsira ta’ l-Artikolu [107](3) [TFUE] u għandha tkun eżenti mir-rekwiżit tan-notifka ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm l-għajnuna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u li l-miżura ta’ għajnuna individwali jkun fiha referenza espressa għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u referenza espressa għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-Kummissjoni kif kontemplat fl-Artikolu 9(1).

3.      Għajnuna ad hoc, li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta’ Kapitolu 1 ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ Kapitolu II għandhom ikunu kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta’ l-Artikolu [107](3) [TFUE] u għandha tiġi eżentata mill-ħtieġa tan-notifika ta’ l-Artikolu [108](3) [TFUE], sakemm kwalunkwe għajnuna individwali mogħtija taħt dawn l-iskemi jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, u l-iskema jkun fiha referenza espliċita għal dan ir-Regolament, billi tikkwota t-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

14      L-Artikolu 8(1) sa (3) u (6), ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu jeżenta biss għajnuna li għandha effett ta’ inċentiv.

2.      Din il-kundizzjoni għandha titqies bħala sodisfatta jekk, qabel inkun beda x-xogħol fuq il-proġett jew attività, il-benefiċjarju jkun ippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat.

3.      L-għajnuna mogħtija lill-impriżi kbar, koperta minn dan ir-Regolament, għandha tkun ikkunsidrata li jkollha effett ta’ inċentiv jekk flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jkun ivverifika, qabel ma tingħata l-għajnuna individwali kkonċernata, li d-dokumentazzjoni ppreparata mill-benefiċjarju tistabbilixxi waħda jew aktar minn dawn il-kriterji:

[…]

6.      Jekk il-kundizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ma jkunux sodisfatti, il-miżura kollha ta’ l-għajnuna ma għandhiex tkun eżentata skond dan ir-Regolament.”

 Il-Linji gwida

15      Il-punt 38 tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall‑2007‑2013 (2006/C 54/08) (ĠU 2006, C 54, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”) jindika:

“Huwa importanti li jiġi żgurat li l-għajnuna reġjonali verament tipproduċi effett ta’ inċentiv sabiex isiru xi investimenti li kieku ma kinux isiru fir-reġjuni assistiti. Konsegwentement, għajnuna tista’ tingħata biss taħt skemi ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta talba mressqa għal dan il-għan u jekk l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tal-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub (39) li, bla ħsara għall-verifiki iktar iddettaljati, fil-prinċipju, il-proġett kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbilita fl-iskema qabel il-bidu tax-xogħlijiet (40). L-iskemi ta’ għajnuna kollha għandhom isemmu wkoll espressament dawn iż-żewġ kundizzjonijiet (41). F’każ ta’ għajnuna ad hoc, l-awtorità kompetenti għandha tkun bagħtet ittra ta’ intenzjoni, li skontha hija għandha tagħti l-għajnuna qabel il-bidu tax-xogħlijiet, iżda bla ħsara għall-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni tal-miżura inkwistjoni. Jekk ix-xogħlijiet jibdew qabel ma l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu jiġu ssodisfatti, il-proġett kollu ma jkunx eliġibbli għall-għajnuna.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 40 (Nru 39 fil-verżjoni Estonjana) ta’ dawn il-Linji gwida tippreċiża li:

“L-espressjoni ‘bidu tax-xogħlijiet’ tfisser jew il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jew l-ewwel impenn stabbilit ta’ ordni ta’ tagħmir, minbarra l-istudji ta’ fattibbiltà preliminari.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Estonjan

17      L-Artikolu 26 tal-Perioodi 2007-2013 struktuuritoetuse seadus (il-Liġi dwar l-Għajnuna Strutturali għall‑perijodu 2007‑2013), tas-7 ta’ Diċembru 2006 (RT I 2006, 59, 440), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-30 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem is-“STS”), intitolat “Irkupru tal-għajnuna”, jipprevedi, fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu:

“(5)      Deċiżjoni ta’ rkupru tista’ tittieħed sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2025. Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 88 tar-[Regolament Nru 1083/2006], deċiżjoni ta’ rkupru tista’ tittieħed sal-iskadenza tal-perijodu stabbilit mill-Gvern għaż-żamma tad-dokumenti.

(6)      Il-Gvern jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ rkupru u ta’ rimbors tal-għajnuna.”

18      L-Artikolu 28 tas-STS, bit-titolu “Interessi u interessi moratorji”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“(1)      Xi interessi japplikaw għall-ammont residwu ta’ għajnuna għall-irkupru abbażi tal-Artikolu 26(1) u (2) ta’ din il-liġi. Ir-rata ta’ interessi applikabbli għall-ammont residwu tal-għajnuna għall-irkupru hija l-Euribor ta’ 6 xhur + 5 % fis-sena. Il-kalkolu tal-interessi jiddekorri fuq perijodu ta’ 360 jum.

(11)      L-ebda interessi ma jkunu mitluba jekk id-dħul iġġenerat jiġi rkuprat u l-benefiċjarju tal-għajnuna jkun issodisfa l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqu rigward id-dħul iġġenerat mill-proġett, konformement mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 21(2) ta’ din il-liġi.

(2)      L-interessi jiġu kkalkolati mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni ta’ rkupru, fuq il-bażi tar-rata ta’ interess fis-seħħ fl-aħħar jum ta’ xogħol tax-xahar ta’ qabel ix-xahar kalendarju li matulu ttieħdet id-deċiżjoni. Jekk meta ntalbet jew intużat l-għajnuna twettaq reat kriminali, l-interessi jiġu kkalkolati mid-data li fiha tħallset l-għajnuna, fuq il-bażi tar-rata ta’ interessi fis-seħħ f’din id-data.

(3)      L-interessi jiddekorru sal-jum tar-rimbors tal-għajnuna, iżda mingħajr ma jaqbżu d-data ta’ skadenza tar-rimbors, u, f’każ ta’ trasferiment, sad-data ta’ skadenza tar-rimbors finali. […]”

19      Skont l-Artikolu 11(1) tal-Vabariigi Valitsuse määrus nr 278 “Toetuse tagasinõudmise ja tagasimaksmise ning toetuse andmisel ja kasutamisel toimunud rikkumisest teabe edastamise tingimused ja kord” (id-Digriet tal-Gvern Nru 278 dwar il-kundizzjonijiet u proċedura ta’ rkupru u ta’ rimbors ta’ għajnuna, kif ukoll ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar irregolarità mwettqa meta ngħatat u ntużat l-għajnuna), tat-22 ta’ Diċembru 2006 (RT I 2006, 61, 463), adottat, b’mod partikolari, fuq il-bażi tal-Artikolu 26(6) tas-STS:

“Id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna tittieħed skont l-evalwazzjoni diskrezzjonali fit-terminu ta’ 45 jum kalendarju jew, meta l-ammont għall-irkupru jaqbeż il-EUR 127 823, ta’ 90 jum kalendarju, b’effett mid-data li fiha r-raġunijiet ta’ rkupru tal-għajnuna jsiru magħrufa. Fil-każ li dan ikun iġġustifikat, dan it-terminu ta’ deċiżjoni jista’ jiġi estiż b’perijodu raġonevoli.”

20      L-Artikolu 1 tal-Majandus- ja kommunikatsiooniministri määrus nr 44 “Tööstusettevõtja tehnoloogiainvesteeringu toetamise tingimused ja kord” (id-Digriet Nru 44 tal-Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u għall-Komunikazzjoni dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ sostenn tal-investimenti teknoloġiċi ta’ impriżi industrijali), tal-4 ta’ Ġunju 2008 (RTL 2008, 48, 658), bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi b’mod partikolari:

“(1)      Il-kundizzjonijiet u l-proċedura ta’ sostenn għall-investimenti teknoloġiċi tal-impriżi industrijali […] huma stabbiliti għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-‘kapaċità ta’ innovazzjoni u tkabbir tal-impriżi’ tal-linja prijoritarja tal-programm operazzjonali ‘titjib tal-ambjent ekonomiku’.

(2)      Jistgħu jingħataw, skont [dan is-sostenn]: 1) għajnuna reġjonali, mogħtija konformement mad-dispożizzjonijiet tar-[Regolament Nru 800/2008], u suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-istess regolament u tal-Artikolu 342 tal-[konkurentsiseadus (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni)]; […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Fit-28 ta’ Awwissu 2008, Eesti Pagar ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija Kauko-Telko Oy li permezz tiegħu ħadet l-impenn li tixtri katina ta’ produzzjoni ta’ ħobż bil-forma u ta’ ħobż tas-sandwich għall-prezz ta’ EUR 2 770 000. Konformement mad-dispożizzjonijiet tiegħu, dan il-kuntratt daħal fis-seħħ wara l-ħlas tal-ewwel antiċipu ta’ 5 %, magħmul fit-3 ta’ Settembru 2008.

22      Fid-29 ta’ Settembru 2008, Eesti Pagar ikkonkludiet kuntratt ta’ leasing ma’ AS Nordea Finance Estonia u, sussegwentement, fit-13 ta’ Ottubru 2008, il-partijiet ikkonkludew kuntratt ta’ bejgħ bejn tliet partijiet, li permezz tiegħu Kauko-Telko ntrabtet li tbigħ din il-katina ta’ produzzjoni tal-ħobż lil Nordea Finance Estonia, li ntrabtet li tagħtiha b’leasing lil Eesti Pagar. Dan il-kuntratt daħal fis-seħħ mal-firma tiegħu.

23      Fl-24 ta’ Ottubru 2008, Eesti Pagar ressqet quddiem l-EAS, fuq il-bażi tal-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 44, tal-4 ta’ Ġunju 2008, talba għal għajnuna għax-xiri u l-installazzjoni tal-imsemmija katina ta’ produzzjoni ta’ ħobż. Permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2009, l-EAS laqgħet din it-talba għal ammont ta’ EUR 526 300. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġie speċifikat li din l-għajnuna kienet kofinanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

24      B’ittra tat-22 ta’ Jannar 2013, l-EAS informat lil Eesti Pagar li l-kuntratt ta’ bejgħ konkluż fit-28 ta’ Awwissu 2008 kien jinjora l-kundizzjoni ta’ effett ta’ inċentiv tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008, b’tali mod li Eesti Pagar ingħatat għajnuna mill-Istat illegali. Eesti Pagar, peress li qieset li l-għajnuna mill-Istat li hija kienet ibbenefikat minnha kellha tabilħaqq in-natura ta’ inċentiv, ma indirizzatx, bil-kontra ta’ kif l-EAS kienet tatha parir li tagħmel fl-istess ittra, talba għal awtorizzazzjoni tal-imsemmija għajnuna lill-Kummissjoni.

25      B’ittra tat-12 ta’ Lulju 2013, l-EAS informat lil Eesti Pagar li hija kienet bdiet proċedura ta’ nuqqas ta’ konformità minħabba din l-irregolarità u li hija kellha l-intenzjoni li tirkupra l-ammont ta’ EUR 526 300 imħallas fil-kuntest tal-għajnuna inkwistjoni.

26      Fit‑8 ta’ Jannar 2014, EAS ħadet deċiżjoni ta’ rkupru mingħand Eesti Pagar tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, flimkien ma’ EUR 98 454 bħala interessi komposti marbuta mal-perijodu ta’ bejn id-data tal-ħlas ta’ din l-għajnuna u d-data ta’ rkupru ta’ din, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 794/2004 u tal-Artikolu 28 tas-STS. Skont din id-deċiżjoni, verifika ex post magħmula fix-xahar ta’ Diċembru 2012 żvelat l-eżistenza tal-kuntratt ta’ bejgħ tat‑28 ta’ Awwissu 2008, konkluż qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna quddiem l-EAS, b’tali mod li l-effett ta’ inċentiv mitlub fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008 ma ġiex approvat.

27      Fl‑10 ta’ Frar 2014, Eesti Pagar ippreżentat rikors ġerarkiku kontra l-imsemmija deċiżjoni, li ġie miċħud bid-Deċiżjoni tal-Ministeru Nru 14‑0003, tal-21 ta’ Marzu 2014.

28      Fil-21 ta’ April 2014, Eesti Pagar ippreżentat rikors quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn, l-Estonja) intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-EAS u tad-deċiżjoni konfermattiva tal-Ministeru, sussidjarjament, għall-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni u, sussidjarjament, għall-annullament tagħhom fir-rigward tal-interessi mitluba. Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Novembru 2014, din il-qorti ċaħdet dan ir-rikors fl-intier tiegħu.

29      Fis-16 ta’ Diċembru 2014, Eesti Pagar ippreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, li ċaħditu permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Settembru 2015.

30      Fis‑26 ta’ Ottubru 2015, Eesti Pagar ippreżentat appell ta’ kassazzjoni, li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) laqgħet parzjalment, permezz ta’ sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, li tannulla s-sentenza tal-qorti tar-rinviju, kif ukoll il-punt 1.1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ rkupru tat-8 ta’ Jannar 2014, u anki l-parti rigward l-interessi fil-punt 1.2 ta’ din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, hija bagħtet il-kawża lura quddiem il-qorti tar-rinviju għal eżami ġdid. Is-sentenza tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema) hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

–        impenn stabbilit ta’ xiri ta’ tagħmir qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna ma jeskludix effett ta’ inċentiv meta x-xerrej ikun jista’ jinħall, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, mill-kuntratt f’każ ta’ rifjut tal-għajnuna, li f’dan il-każ ma jidhirx eskluż;

–        minħabba li l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tobbliga, espressament u b’mod imperattiv, lill-Istati Membri sabiex jirkupraw għajnuna mingħajr deċiżjoni tal-Kummissjoni, l-irkupru ta’ tali għajnuna fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat taqa’ taħt deċiżjoni diskrezzjonali tal-awtoritajiet tiegħu;

–        fil-kuntest tal-irkupru ta’ għajnuna fuq l-inizjattiva tal-Istat Membru kkonċernat, għandha titwettaq evalwazzjoni diskrezzjonali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju, li jistgħu jinħolqu mill-azzjoni ta’ awtorità nazzjonali;

–        jekk, f’dan il-każ, ma huwiex ċar japplikax it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għall-każijiet tal-irkupru ta’ għajnuna strutturali mħallsa mill-Istat Membru kkonċernat, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jistax japplika fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ għajnuna;

–        la d-dritt Estonjan u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdu bażi legali sabiex jintalbu l-interessi għall-perijodu ta’ bejn il-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni u l-irkupru tagħha, ladarba, b’mod partikolari, l-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004 jikkonċernaw biss, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999, l-interessi relatati ma’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata skont deċiżjoni tal-Kummissjoni, u l-Artikoli 4(2) u 5(1)(b) tar-Regolament Nru 2988/95 ma jipprevedu l-ebda obbligu li jitħallsu interessi, iżda jimplikaw li tali obbligu jkun previst minn atti tad-dritt tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

31      Fil-kuntest tal-proċedura li għalhekk tkompliet quddiem il-qorti tar-rinviju, Eesti Pagar tafferma b’mod partikolari li l-kuntratti li kkonkludiet fit-28 ta’ Awwissu, fid-29 ta’ Settembru u fit-13 ta’ Ottubru 2008 ma kinux vinkolanti, billi, f’każ ta’ rifjut tal-għajnuna mitluba, hija setgħet faċilment titterminahom, bl-inqas spejjeż għax-xoljiment. Il-proġett ta’ xiri u ta’ installazzjoni ta’ katina ta’ produzzjoni ta’ ħobż ma kienx jitwettaq mingħajr l-għajnuna mitluba u l-EAS kellha teżamina fil-mertu l-effett ta’ inċentiv ta’ din l-għajnuna.

32      Din il-kumpannija tallega wkoll li l-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti kienet magħrufa mill-EAS fil-mument tat-tressiq tat-talba għal għajnuna u li l-konklużjoni tagħhom qabel it-tressiq tal-imsemmija talba ġiet irrakkomandata lilha minn rappreżentant tal-EAS. Għalhekk, permezz tal-għoti tal-għajnuna mitluba, l-EAS ħolqot fi ħdan l-imsemmija kumpannija aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-legalità ta’ din l-għajnuna.

33      Barra minn hekk, Eesti Pagar issostni li ma jeżisti l-ebda obbligu għall-EAS li tirkupra l-għajnuna inkwistjoni, li l-irkupru tagħha ma għadux possibbli skont ir-regola ta’ preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Digriet tal-Gvern Nru 278 u skont l-Artikolu 26(6) tas-STS, kif ukoll fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, u li l-interessi mitluba jmorru kontra l-Artikolu 27(1) u l-Artikolu 28(1) sa (3) tas-STS.

34      L-EAS u l-Ministeru jqisu li t-talba għal għajnuna ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008 u li, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1083/2006, l-EAS kellha titlob lil Eesti Pagar ir-rimbors tal-għajnuna inkwistjoni.

35      L-EAS tikkontesta li, matul l-eżami tat-talba għal għajnuna, hija kienet taf bil-kuntratti konklużi minn Eesti Pagar fit-28 ta’ Awwissu, fid-29 ta’ Settembru u fit-13 ta’ Ottubru 2008 u li rrakkomandat il-konklużjoni tagħhom. Għalhekk, hija ma ħolqot l-ebda aspettattivi leġittimi għall-imsemmija kumpannija. Il-Ministeru jqis li, fi kwalunkwe każ, la l-bona fide tal-benefiċjarju u lanqas l-aġir tal-korp amministrattiv ma huma eżenti mill-obbligu ta’ rimbors ta’ għajnuna illegali.

36      Skont l-EAS u l-Ministeru, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999 japplika f’dan il-każ, għall-inqas b’analoġija, u l-obbligu ta’ ħlas ta’ interessi jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament.

37      Fit‑30 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ressqet osservazzjonijiet lill-qorti tar-rinviju bħala amicus curiae.

38      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm, bis-saħħa ta’ regola tad-dritt intern, hija marbuta mal-evalwazzjoni magħmula fid-dritt bis-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016 tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-eżistenza ta’ tali regola ma tistax iċċaħħadha mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 267 TFUE li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

39      Fit-tieni lok, hija tosserva li l-analiżi tar-Riigikohus (il-Qorti Suprema), li skontha kien possibbli li tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk il-persuna li ressqet talba sabiex tirċievi għajnuna setgħetx, f’każ li din l-għajnuna tiġi rrifjutata lilha, tinħall mill-kuntratti mingħajr diffikultajiet eċċessivi, hija ispirata minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda mhux il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest ta’ regolament għal eżenzjoni ġenerali skont il-kategorija, iżda evalwazzjoni individwali magħmula mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 107(3) TFUE. Hija madankollu tesprimi dubji dwar jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi trasposta għall-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv imwettqa mill-Istat Membru kkonċernat abbażi tar-Regolament Nru 800/2008 u tistaqsi jekk l-awtorità ta’ dan l-Istat Membru hijiex kompetenti sabiex tevalwa fil-mertu l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna għandhiex effett ta’ inċentiv.

40      Fit-tielet lok, din il-qorti tqis li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax b’mod ċar jekk Stat Membru, meta jieħu d-deċiżjoni li jirkupra għajnuna illegali mingħajr deċiżjoni f’dan is-sens tal-Kummissjoni, huwiex awtorizzat jibbaża ruħu fuq il-prinċipji nazzjonali tad-dritt tal-proċedura amministrattiva u jieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi li l-awtorità nazzjonali ħolqot fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni.

41      Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tqis li tibqa’ inċertezza anki fir-rigward ta’ jekk, għal deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali meħuda minn awtorità ta’ Stat Membru, għandux isir riferiment għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jew għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

42      Fil-ħames lok, din il-qorti tippreċiża li, anki jekk ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) solviet it-tilwima parzjalment fir-rigward tal-interessi u annullat id-deċiżjoni ta’ rkupru sa fejn kienet tobbliga lil Eesti Pagar tħallas interessi, xorta jibqa’ meħtieġ li, sabiex tissolva l-kawża li biha hija adita, isiru magħrufa l-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-ħlas ta’ interessi f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali fuq l-inizjattiva ta’ Stat Membru.

43      Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx deċiżjoni suffiċjentement ċara dwar jekk l-awtorità tal-Istat Membru, meta tirkupra għajnuna illegali fuq l-inizjattiva tagħha stess, għandhiex l-obbligu li tirreferi f’dan ir-rigward għall-għanijiet stipulati fl-Artikolu 108(3) TFUE indipendentement mir-regoli tad-dritt intern applikabbli sabiex teżiġi interessi, u li tikkalkola l-interessi konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004.

44      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tallinna Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallinn) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)]      L-Artikolu 8(2) tar-[Regolament Nru 800/2008], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, inbeda’ x-xogħol fuq il-‘proġett jew attività’, fejn l-attività li trid tiġi mħeġġa [sostnuta] tikkonsisti, pereżempju, fl-akkwist ta’ impjant u fejn ikun ġie konkluż il-kuntratt ta’ xiri ta’ dan l-impjant? L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom is-setgħa li jevalwaw ksur tal-kriterju stabbilit f’din id-dispożizzjoni meta jikkunsidraw l-ispejjeż għax-xoljiment unilaterali tal-kuntratt li l-konklużjoni tiegħu tikser ir-rekwiżit li jkun hemm effett ta’ inċentiv? Jekk jingħad li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom din is-setgħa, sa liema ammont l-ispiża (f’perċentwali) ikkawżata mix-xoljiment tal-kuntratt tista’ tiġi kkunsidrata li hija marġinali biżżejjed sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ effett ta’ inċentiv?

[2)]      Awtorità ta’ Stat Membru hija obbligata li tirkupra għajnuna illegali anki jekk il-Kummissjoni […] ma tkun ħadet ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward?

[3)]      Tista’ awtorità ta’ Stat Membru, li tiddeċiedi li tagħti għajnuna – billi tikkunsidra b’mod żbaljat li din hija għajnuna li tissodisfa r-rekwiżiti għal eżenzjoni skont il-kategorija [tar-Regolament Nru 800/2008], meta, fil-fatt, hija qed tagħti għajnuna illegali – toħloq aspettattiva leġittima tal-benefiċjarji tal-għajnuna? Sabiex tinħoloq aspettattiva leġittima għall-benefiċjarji, huwa biżżejjed, b’mod partikolari, li l-awtorità ta’ Stat Membru, meta tagħti għajnuna illegali, tkun taf biċ-ċirkustanzi li minħabba fihom l-għajnuna ma hijiex koperta mill-eżenzjoni skont il-kategorija?

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, għandhom jiġu mwieżna l-interess pubbliku u l-interess tal-individwu. Fil-kuntest ta’ tali tweżin, huwa rilevanti jekk il-Kummissjoni […] adottatx deċiżjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni li biha ddikjaratha inkompatibbli mas-suq komuni?

[4)]      X’inhu t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali minn awtorità ta’ Stat Membru? Huwa dan terminu ta’ [għaxar] snin, li ma tmiemu l-għajnuna ssir għajnuna eżistenti skont l-Artikoli 1 u 15 tar-[Regolament Nru 659/1999] u għalhekk ma tistax tiġi rkuprata, jew huwa terminu ta’ [erba’] snin, skont l-Artikolu 3(1) tar-[Regolament Nru 2988/95]?

Liema hija l-bażi legali għal tali rkupru, jekk l-għajnuna ngħatat minn fond strutturali: l-Artikolu 108(3)[TFUE] jew ir-[Regolament Nru 2988/95]?

[5)]      Fil-każ li awtorità ta’ Stat Membru tirkupra għajnuna illegali, hija meħtieġa wkoll teżiġi mill-benefiċjarju l-ħlas ta’ interessi fuq din l-għajnuna illegali? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kalkolu tal-interessi, fost l-oħrajn f’dak li jirrigwarda r-rata tal-interessi u l-perijodu ta’ kalkolu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

45      Eesti Pagar issostni li, permezz tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) solviet il-parti essenzjali tat-tilwima fil-kawża prinċipali fil-livell nazzjonali, b’tali mod li d-domandi preliminari huma, minħabba l-istadju tal-proċedura li fih huma saru, inammissibbli, bl-eċċezzjoni tar-raba’ domanda.

46      Barra minn hekk, din il-kumpannija tqis li l-ewwel sar-raba’ domanda, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, ma humiex rilevanti u huma bbażati, b’mod partikolari, fuq suppożizzjonijiet żbaljati u deskrizzjoni inkompleta u żbaljata tal-fatti rigward in-natura vinkolanti jew le tal-kuntratt konkluż fit-28 ta’ Awwissu 2008, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-kuntratt konkluż fid-29 ta’ Settembru 2008, obbligi maħluqa fuq din il-kumpannija bis-saħħa tal-kuntratt konkluż fit-28 ta’ Awwissu 2008, id-data li fiha l-EAS saret taf b’dawn il-kuntratti u r-rakkomandazzjoni minnha biex jiġu konklużi l-imsemmija kuntratti qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      F’dan ir-rigward tal-aħħar, għandu jitfakkar li n-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet b’mod ċar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li jagħmlu parti minnu d-domandi li hija tagħmel u għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza ta’ dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Mejju 2010, Ioannis Katsivardas – Nikolaos Tsitsikas, C‑160/09, EU:C:2010:293, punt 27).

51      Sussegwentement, joħroġ biċ-ċar mill-imsemmi kuntest fattwali li, permezz tas-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għal eżami ġdid fir-rigward tal-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-ewwel sar-raba’ domanda.

52      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita ferm tal-Qorti tal-Ġustizzja, regola ta’ dritt nazzjonali, li tgħid li l-qrati li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza huma marbuta minn evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri, ma tistax iċċaħħad lil dawn il-qrati mis-setgħa li jagħmlu rinviju ta’ domandi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat minn tali evalwazzjonijiet legali. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-qorti li ma tiddeċidix fl-aħħar istanza għandha tkun libera, jekk hija tikkunsidra li l-evalwazzjoni ta’ dritt magħmula f’livell ogħla tista’ twassal għal sentenza li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, li tirrinvija d-domandi li jkunu ta’ tħassib għaliha (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 27).

53      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva, effettivament, li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) solviet parzjalment, bis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Ġunju 2016, it-tilwima fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-interessi, billi annullat id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-għajnuna kontenzjuża sa fejn hija tobbliga lil Eesti Pagar tħallas l-interessi fuq l-imsemmija għajnuna mill-pagament tagħha sal-irkupru tagħha. Madankollu, hija tispeċifika wkoll li jibqa’ neċessarju, sabiex tiġi solvuta din il-parti tat-tilwima, li ssir magħrufa r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ħames domanda, billi jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt tal-Unjoni jissuġġetta l-pagament ta’ interessi f’każ ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali.

54      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli kollha kemm hi.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda, dwar l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna

55      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li “xogħol fuq il-proġett jew attività”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikun inbeda meta tkun saret l-ewwel ordni ta’ tagħmir intiż għal dan il-proġett jew għal din l-attività permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ qabel it-tressiq ta’ talba għal għajnuna, b’tali mod li għajnuna ma tistax titqies li kellha effett ta’ inċentiv fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jew jekk, minkejja l-konklużjoni ta’ tali kuntratt, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jivverifikaw jekk, fid-dawl tal-ammont tal-ispejjeż għax-xoljiment tal-kuntratt, ir-rekwiżit ta’ effett ta’ inċentiv, fis-sens tal-istess dispożizzjoni, huwiex issodisfatt jew le.

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mit-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, l-Istati Membri għandhom l-obbligu, minn naħa, li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull miżura intiża sabiex tiġi stabbilita jew immodifikata għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u, min-naħa l-oħra, li ma jimplimentawx tali miżura, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, sakemm l-imsemmija istituzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar l-imsemmija miżura (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57      Issa, skont l-Artikolu 109 TFUE, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jista’ jagħmel kull regolament xieraq fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE u jista’, b’mod partikolari, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-Artikolu 108(3) TFUE għandu japplika kif ukoll il-kategoriji ta’ għajnuna eżentati mill-proċedura prevista f’din l-aħħar dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 108(4) TFUE, il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti li jikkonċernaw il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat li l-Kunsill iddetermina, konformement mal-Artikolu 109 TFUE, li jistgħu jiġu eżentati mill-proċedura prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punti 33 u 34).

58      B’dan il-mod, huwa b’applikazzjoni tal-Artikolu 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE, li sar huwa nnifsu l-Artikolu 109 TFUE) li kien ġie adottat ir-Regolament Nru 994/98, li bis-saħħa tiegħu ġie adottat, sussegwentement, ir-Regolament Nru 800/2008 (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 35).

59      Minn dan jirriżulta li, minkejja l-obbligu ta’ notifika qabel kull miżura intiża li tistabbilixxi jew li temenda għajnuna ġdida, li huwa impost fuq l-Istati Membri bis-saħħa tat-Trattati u li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 800/2008, dan l-Istat Membru jista’ jibbenefika mill-possibbiltà li jkun eżentat mill-obbligu tiegħu ta’ notifika previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Għall-kuntrarju, mill-premessa 7 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat li ma hijiex koperta mill-istess regolament tibqa’ suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punt 36).

60      Barra minn hekk, bħal temperament għar-regola ġenerali kkostitwita mill-obbligu ta’ notifika, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 800/2008 u l-kundizzjonijiet previsti minnu għandhom jinftiehmu b’mod strett. Fil-fatt, għalkemm il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta regolamenti għal eżenzjoni skont il-kategorija ta’ għajnuna, sabiex tiżgura sorveljanza effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u sabiex tissemplifika l-ġestjoni amministrattiva, mingħajr ma ddgħajjef is-setgħa ta’ stħarriġ tagħha f’dan il-qasam, tali regolamenti għandhom ukoll bħala għan li jżidu t-trasparenza u ċ-ċertezza legali. L-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minn dawn ir-regolamenti, inkluż, konsegwentement, permezz tar-Regolament Nru 800/2008, tippermetti li jiġi żgurat li dawn l-għanijiet jiġu ssodisfatti b’mod sħiħ (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Dilly’s Wellnesshotel, C‑493/14, EU:C:2016:577, punti 37 u 38).

61      Kif isostnu l-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni, l-għanijiet li jikkonsistu f’li tiġi żgurata sorveljanza effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, fis-semplifikazzjoni tal-ġestjoni amministrattiva u fiż-żieda fit-trasparenza u fiċ-ċertezza legali, l-istess bħall-imperattiv li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti fl-Unjoni kollha tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni previsti, jeżiġu li l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ eżenzjoni jkunu ċari u sempliċi biex jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali.

62      Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008, l-għajnuna mogħtija lill-SMEs, koperti minn dan ir-regolament, titqies li għandha effett ta’ inċentiv jekk, qabel il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett jew l-attività inkwistjoni, il-benefiċjarju jkun ressaq talba għal għajnuna lill-Istat Membru kkonċernat.

63      F’dan ir-rigward, qabel kollox, mill-premessa 28 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-Kummissjoni pprevediet il-kriterju tal-preċedenza ta’ tali talba f’relazzjoni max-xogħol fuq il-proġett inkwistjoni sabiex tiggarantixxi li l-għajnuna tkun neċessarja u tikkostitwixxi inċentiv biex jiġu żviluppati attivitajiet ġodda jew proġetti ġodda u, għaldaqstant, sabiex teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess regolament l-għajnuna għal attivitajiet li l-benefiċjarju jidħol fihom diġà fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

64      Issa, il-preċedenza tat-talba għal għajnuna f’relazzjoni mal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ investiment tikkostitwixxi kriterju sempliċi, rilevanti u xieraq li jippermetti lill-Kummissjoni tippreżumi l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna ppjanata.

65      Sussegwentement, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 1, 2 u 5 kif ukoll mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 800/2008 li l-Kummissjoni, essenzjalment, eżerċitat ex ante, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, il-kompetenzi mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 107(3) TFUE għall-għajnuna kollha li tissodisfa l-kriterji previsti mill-imsemmi regolament, u biss għal din l-għajnuna.

66      F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 28 u mill-Artikolu 8(3) u (6) tar-Regolament Nru 800/2008, li huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jivverifikaw, qabel l-għoti ta’ għajnuna taħt dan ir-regolament, l-osservanza tal-kundizzjonijiet marbuta man-natura ta’ inċentiv tal-imsemmija għajnuna għall-SMEs previsti fl-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament.

67      Fl-aħħar nett, minn naħa, l-ebda element tar-Regolament Nru 800/2008 ma jissuġġerixxi li l-Kummissjoni kellha, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, l-intenzjoni li tittrasferixxi lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompitu li tiġi vverifikata l-eżistenza je le ta’ effett ta’ inċentiv reali. Bil-kontra, billi jindika li l-integralità tal-miżura ta’ għajnuna ma hijiex eżentata jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(2) u (3) tal-imsemmi regolament ma jiġux issodisfatti, il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jtendi li jikkonferma li, fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu, ir-rwol tal-imsemmija awtoritajiet huwa sempliċement li jivverifikaw jekk it-talba għal għajnuna tressqitx qabel il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett jew l-attività inkwistjoni u, għal din ir-raġuni, jekk l-għajnuna għandhiex titqies jew le li għandha effett ta’ inċentiv.

68      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza je le ta’ tali effett ma tistax titqies bħala kriterju ċar u sempliċi li għandu jiġi applikat mill-awtoritajiet nazzjonali, peress illi, b’mod partikolari, il-verifika tiegħu teżiġi li jsiru, każ b’każ, evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi. Tali kriterju ma huwiex għaldaqstant konformi mar-rekwiżiti identifikati fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-Regolament Nru 800/2008 jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali mhux il-kompitu li jivverifikaw l-eżistenza jew le ta’ effett ta’ inċentiv reali tal-għajnuna inkwistjoni, iżda dak li jivverifikaw jekk it-talbiet għal għajnuna li huma sottomessi lilhom jissodisfawx je le l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament u li jippermettu li jiġi kkunsidrat li għajnuna titqies li għandha effett ta’ inċentiv.

70      B’dan il-mod, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008, jiġifieri li t-talba għal għajnuna tkun tressqet “qabel [ikun] beda x-xogħol fuq il-proġett jew attività [inkwistjoni]”, hijiex issodisfatta, u fin-nuqqas ta’ dan l-integralità tal-miżura ta’ għajnuna ma tkunx eżentata, kif jipprevedi l-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

71      Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni, il-Kummissjoni speċifikat, fil-punt 38 tal-Linji gwida, li “għajnuna tista’ tingħata biss taħt skemi ta’ għajnuna jekk il-benefiċjarju jkun ippreżenta talba mressqa għal dan il-għan u jekk l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tal-iskema tkun sussegwentement ikkonfermat bil-miktub li, bla ħsara għall-verifiki iktar iddettaljati, fil-prinċipju, il-proġett kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-iskema qabel il-bidu tax-xogħlijiet”.

72      Din l-istituzzjoni, barra minn hekk, iddefinixxiet fl-imsemmi punt dan il-kunċett imsemmi l-aħħar ta’ “bidu tax-xogħlijiet” bħala “il-bidu tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, jew l-ewwel impenn stabbilit ta’ ordni ta’ tagħmir, minbarra l-istudji ta’ fattibbiltà preliminari”.

73      Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-definizzjoni, minkejja n-natura mhux vinkolanti tal-Linji gwida, hija rilevanti għaliex tissodisfa l-għanijiet u r-rekwiżiti mfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza.

74      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali huwa sempliċement, fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008, li jivverifikaw jekk huwiex effettivament qabel l-ewwel ordni ta’ tagħmir permezz tal-konklużjoni ta’ impenn ġuridikament vinkolanti li l-benefiċjarju potenzjali ressaq it-talba tiegħu għal għajnuna.

75      F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għandhom jeżaminaw każ b’każ in-natura preċiża tal-impenji eventwalment meħuda qabel it-tressiq ta’ talba għal għajnuna minn benefiċjarju potenzjali.

76      F’dan ir-rigward, jekk kuntratt ta’ xiri ta’ tagħmir konkluż taħt il-kundizzjoni tal-ksib tal-għajnuna li ser tintalab jista’ jitqies, kif sostnew ġustament l-EAS u l-Gvern Estonjan waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma huwiex impenn ġuridikament vinkolanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008, l-istess ma jgħoddx għal tali impenn inkundizzjonat, li għandu, fil-prinċipju, jitqies bħala ġuridikament vinkolanti indipendentement mill-eventwali spejjeż għax-xoljiment tal-kuntratt.

77      Fil-fatt, skont l-istruttura u l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, kunsiderazzjonijiet ekonomiċi bħal dawk marbuta mal-ispejjeż għax-xoljiment ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni minn awtorità nazzjonali fil-preżenza ta’ impenn inkundizzjonat u ġuridikament vinkolanti.

78      Fir-rigward tas-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni (C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387), iċċitata mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament osservat essenzjalment, fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, li, fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE, in-natura neċessarja ta’ għajnuna għal proġett ta’ investiment għal skopijiet reġjonali setgħet tiġi pprovata abbażi ta’ kriterji oħra minbarra dak tal-preċedenza tat-talba għal għajnuna f’relazzjoni mal-bidu tal-eżekuzzjoni tal-imsemmi proġett.

79      Kif issostni l-Kummissjoni, tali konklużjoni ma hijiex madankollu trasponibbli għall-evalwazzjoni li għandha ssir minn awtorità nazzjonali taħt l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008, peress li l-imsemmija istituzzjoni tibbenefika, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2016, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 68).

80      F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-fatti li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fit-28 ta’ Awwissu 2008, Eesti Pagar ikkonkludiet kuntratt ta’ bejgħ skont liema hija impenjat ruħha li takkwista katina ta’ produzzjoni ta’ ħobż bil-forma u ta’ ħobż tas-sandwich, li dan il-kuntratt daħal fis-seħħ wara l-ewwel ħlas ta’ 5 % tal-prezz miftiehem, li sar fit-3 ta’ Settembru 2008, li Eesti Pagar ikkonkludiet, fid-29 ta’ Settembru 2008, kuntratt ta’ leasing u li, sussegwentement, il-partijiet f’dawn iż-żewġ kuntratti kkonkludew, fit-13 ta’ Ottubru 2008, kuntratt ta’ bejgħ bejn tliet partijiet li daħal fis-seħħ mal-firma tiegħu.

81      Għalhekk jidher, u dan madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li Eesti Pagar kienet ħadet, qabel it-tressiq tat-talba tagħha għal għajnuna tal-24 ta’ Ottubru 2008, impenji inkundizzjonati u ġuridikament vinkolanti, b’tali mod li hija kellha titqies, indipendentement mill-ispejjeż għax-xoljiment tal-imsemmija kuntratti, bħala ineliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

82      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li “x-xogħol fuq il-proġett jew attività”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, beda meta tkun saret l-ewwel ordni ta’ tagħmir intiż għal dan il-proġett jew għal din l-attività permezz tal-konklużjoni ta’ impenn inkundizzjonat u ġuridikament vinkolanti qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, indipendentement mill-eventwali spejjeż għax-xoljiment ta’ dan l-impenn.

 Fuq it-tieni domanda u fuq it-tieni parti tar-raba’ domanda, dwar l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna illegali

83      Bit-tieni domanda tagħha u bit-tieni parti tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li hija l-awtorità nazzjonali li għandha tirkupra fuq l-inizjattiva tagħha stess għajnuna li hija tat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 meta hija tikkonstata, sussegwentement, li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament ma kinux issodisfatti u tistaqsi dwar il-bażi legali li fuqu tali rkupru għandu jistrieħ meta l-għajnuna tkun ġiet ikkofinanzjata minn fond strutturali.

84      Qabel kollox għandu jitfakkar li l-Artikolu 108(3) TFUE jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda. Il-prevenzjoni organizzata b’dan il-mod hija intiża sabiex issir eżekuzzjoni biss ta’ għajnuna kompatibbli. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-implimentazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna għandha tiġi ddifferita sakemm id-dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha jitneħħa permezz tad-deċiżjoni finali min-naħa tal-Kummissjoni (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85      Diġà tfakkar, fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li l-obbligu ta’ notifika jikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali ta’ dan il-kontroll u li l-Istati Membri għandhom għalhekk l-obbligu kemm li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull miżura li hija intiża sabiex tistabbilixxi jew temenda għajnuna kif ukoll li ma jimplimentawx tali miżura sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali rigward l-imsemmija miżura.

86      Tfakkar ukoll, fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, li huwa biss jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 800/2008 li dan l-Istat Membru jista’ jinvoka l-eżenzjoni mill-obbligu tiegħu ta’ notifika previst fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u li, fis-sens oppost, l-għajnuna mill-Istat li ma hijiex koperta minn dan ir-regolament tibqa’ suġġetta għall-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

87      Għaldaqstant, jekk għajnuna tkun ingħatat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 filwaqt li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-benefiċċju minn eżenzjoni taħt dan ir-regolament ma kinux issodisfatti, l-imsemmija għajnuna tkun ingħatat bi ksur tal-obbligu ta’ notifika u għandha, għaldaqstant, titqies bħala illegali.

88      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-proġetti ta’ għajnuna stipulata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandha effett dirett u li n-natura immedjatament applikabbli tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni hija estiża għal kull għajnuna li tkun ġiet implimentata mingħajr ma ġiet innotifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89      Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jiggarantixxu li l-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jiġu ddeterminati, skont id-dritt nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-irkupru ta’ għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, u l-għan tal-missjoni tagħhom huwa, għaldaqstant, li jiġu adottati l-miżuri xierqa sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità tal-implimentazzjoni tal-għajnuna, sabiex il-benefiċjarju ma jżommx id-dispożizzjoni libera tagħha għaż-żmien li jifdal jiddekorri sad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

90      Issa, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi prodott effett dirett hija vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi tal-amministrazzjoni kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet huma marbuta li japplikawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2012, Amia, C‑97/11, EU:C:2012:306, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-qrati nazzjonali inkarigati li japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, The Trustees of the BT Pension Scheme, C‑628/15, EU:C:2017:687, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Għaldaqstant, meta awtorità nazzjonali tikkonstata li għajnuna li hija tat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex tibbenefika mill-eżenzjoni prevista minn dan ir-regolament, hija għandha, mutatis mutandis, tosserva l-istess obbligi bħal dawk imsemmija fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, fosthom dak li tirkupra fuq l-inizjattiva tagħha stess l-għajnuna mogħtija illegalment.

93      Madankollu, fid-dawl mhux biss tal-konsegwenzi li tali rkupru tal-għajnuna jista’ jġib miegħu għall-impriża kkonċernata, iżda wkoll tar-rekwiżit għall-Istati Membri, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, li tittieħed kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali li lilha ġiet indirizzata talba għal għajnuna li għandha mnejn taqa’ taħt ir-Regolament Nru 800/2008 għandha teżamina b’reqqa, u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li ġew sottomessi quddiemha, jekk l-għajnuna mitluba tissodisfax il-kundizzjonijiet rilevanti kollha stabbiliti mill-imsemmi regolament u li tirrifjuta din it-talba jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġix issodisfatta.

94      Fir-rigward tal-bażi legali ta’ tali rkupru, jirriżulta b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 89 sa 92 ta’ din is-sentenza li l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw fuq l-inizjattiva tagħhom stess l-għajnuna li huma jkunu taw, b’mod partikolari b’applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 800/2008. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għall-għajnuna konfinanzjata minn fond strutturali, u l-Artikolu 101 tar-Regolament Nru 1083/2006 ifakkar, fil-fatt, dan l-obbligu. Minbarra dan, fil-każijiet li r-Regolament Nru 2988/95 ikun applikabbli, l-Artikolu 4(1) tiegħu jimponi l-istess obbligu.

95      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda u għat-tieni parti tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni teżiġi mill-awtorità nazzjonali li tirkupra fuq l-inizjattiva tagħha stess għajnuna li hija tat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 meta hija tikkonstata, sussegwentement, li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament ma kinux ġew issodisfatti.

 Fuq it-tielet domanda, dwar il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

96      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità nazzjonali tista’, meta tagħti għajnuna billi tapplika b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, toħloq aspettattivi leġittimi li din l-għajnuna hija regolari fir-rigward tal-benefiċjarju tagħha, jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, huwiex għaldaqstant neċessarju li jiġu mwieżna l-interess pubbliku u l-interess tal-individwu u jekk hijiex rilevanti, f’dan ir-rigward, l-eżistenza jew le ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern.

97      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jassumi li jkunu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, lill-parti kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt huwa miftuħ għal kull parti fil-kawża li għandha tamiet fondati mnissla minn istituzzjoni, korp, jew organu tal-Unjoni, billi jkunu tawha assigurazzjonijiet preċiżi. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konsistenti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 132).

98      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tan-natura mandatorja tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE, minn naħa, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi li l-għajnuna hija regolari biss jekk din tkun ingħatat skont il-proċedura prevista f’dan l-artikolu u, min-naħa l-oħra, operatur ekonomiku u diliġenti għandu normalment ikun f’pożizzjoni li jiżgura ruħu li din il-proċedura ġiet osservata. B’mod partikolari, meta għajnuna tiġi implimentata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li tkun illegali skont l-Artikolu 108(3) TFUE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dak il-waqt, aspettattivi leġittimi li l-għoti ta’ din l-għajnuna huwa regolari (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 104, u tad-19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 77)

99      Issa, diġà ġie kkonstatat, fil-punti 59 u 87 ta’ din is-sentenza, li huwa biss jekk miżura ta’ għajnuna adottata minn Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet rilevanti previsti mir-Regolament Nru 800/2008 li dan l-Istat Membru jkun eżenti mill-obbligu tiegħu ta’ notifika u li, bil-kontra ta’ dan, għajnuna mogħtija b’applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-benefiċċju minn dan ma kinux issodisfatti, tkun ingħatat bi ksur tal-obbligu ta’ notifika u għandha titqies li hija illegali.

100    Barra minn hekk, ġie speċifikat, fil-punti 89 sa 92 ta’ din is-sentenza, li, f’sitwazzjoni bħal din, huwa l-obbligu kemm tal-qrati nazzjonali kif ukoll tal-korpi tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri li jiggarantixxu li l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jiġu ddeterminati, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda kemm il-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni kif ukoll l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

101    Minn dan jirriżulta, minn naħa, li awtorità nazzjonali li tagħti għajnuna b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 ma tistax titqies li għandha l-kompetenza li tieħu deċiżjoni definittiva li tikkonstata l-assenza ta’ obbligu ta’ notifika tal-għajnuna mitluba lill-Kummissjoni, taħt l-Artikolu 108(3) TFUE.

102    Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni, essenzjalment, hija nnifisha eżerċitat ex ante, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, il-kompetenzi mogħtija lilha mill-Artikolu 107(3) TFUE għall-għajnuna kollha li tissodisfa l-kriterji previsti minn dan ir-regolament, u biss għal din l-għajnuna, kif ġie osservat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, hija ma tat l-ebda setgħa ta’ deċiżjoni lill-awtoritajiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tal-eżenzjoni minn notifika, u l-imsemmija awtoritajiet jinsabu b’dan il-mod fuq l-istess livell bħall-benefiċjarji potenzjali ta’ għajnuna u għandhom, kif ġie enfasizzat fil-punt 93 ta’ din is-sentenza, jiżguraw ruħhom li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu konformi mal-imsemmi regolament, u fin-nuqqas ta’ dan jiskattaw il-konsegwenzi mfakkra fil-punt 100 tal-imsemmija sentenza.

103    Jirriżulta, min-naħa l-oħra, li, meta awtorità nazzjonali tagħti għajnuna billi tapplika b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, hija tagħmel dan bi ksur kemm tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament kif ukoll tal-Artikolu 108(3) TFUE.

104    Issa, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra dispożizzjoni preċiża ta’ test tad-dritt tal-Unjoni u li l-aġir ta’ awtorità nazzjonali inkarigata li tapplika d-dritt tal-Unjoni, li jmur kontra dan tal-aħħar, ma jistax joħloq aspettattivi leġittimi fi ħdan operatur ekonomiku li jibbenefika minn trattament kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-7 ta’ Awwissu 2018, Ministru kabinets, C‑120/17, EU:C:2018:638, punt 52).

105    Għaldaqstant huwa eskluż mill-bidu li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, awtorità nazzjonali, bħall-EAS, setgħet ħolqot fir-rigward ta’ benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija b’mod żbaljat fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, bħal Eesti Pagar, aspettattivi leġittimi li din l-għajnuna hija regolari.

106    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità nazzjonali ma tistax, meta hija tagħti għajnuna billi tapplika b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, toħloq aspettattivi leġittimi li din l-għajnuna hija regolari fi ħdan il-benefiċjarju tagħha.

 Fuq l-ewwel parti tar-raba’ domanda, dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali

107    Bl-ewwel parti tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali tkun tat għajnuna minn fondi strutturali bl-applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 800/2008, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna illegali huwa dak ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, dak ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jew dak previst mid-dritt nazzjonali applikabbli.

108    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, l-irkupru tal-għajnuna illegali għandu jsir skont il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli.

109    B’mod partikolari, bil-kontra ta’ dak li jallegaw il-Gvern Estonjan u l-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni, ma jistax jiġi applikat għal tali rkupru, la direttament, la indirettament, u lanqas b’analoġija, it-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999.

110    Fil-fatt, minn naħa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 149 u 152 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2006, Transalpine Ölleitung in Österreich (C‑368/04, EU:C:2006:644), li, sa fejn ir-Regolament Nru 659/1999 jinkludi regoli ta’ natura proċedurali li japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat li huma pendenti quddiem il-Kummissjoni, dan jikkodifika u jsaħħaħ il-prattika tal-Kummissjoni fl-eżami tal-għajnuna mill-Istat u ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni rigward is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali, li jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 89 sa 92 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dawn l-evalwazzjonijiet japplikaw ukoll fir-rigward tas-setgħat u tal-obbligi tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali.

112    Min-naħa l-oħra, hija ġurisprudenza stabbilita li t-termini ta’ preskrizzjoni jaqdu, b’mod ġenerali, il-funzjoni li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2013, Unanimes et, C‑671/11 sa C‑676/11, EU:C:2013:388, punt 31), li, sabiex tinqeda din il-funzjoni, dan it-terminu għandu jiġi stabbilit bil-quddiem u li kull applikazzjoni “b’analoġija” ta’ terminu ta’ preskrizzjoni għandha tkun suffiċjentement prevedibbli għall-parti fil-kawża (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2011, Ze Fu Fleischhandel u Vion Trading, C‑201/10 u C‑202/10, EU:C:2011:282, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

113    Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti, applikazzjoni b’analoġija, f’ċirkustanzi bħal dawk prevalenti fil-kawża prinċipali, tat-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, ma tistax titqies bħala suffiċjentement prevedibbli għal parti fil-kawża, bħal Eesti Pagar.

114    F’kull każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 147 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li regoli ta’ preskrizzjoni nazzjonali huma fil-prinċipju applikabbli għall-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment, fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet nazzjonali, ma jaffettwax il-possibbiltà li l-irkupru ta’ din l-għajnuna jseħħ sussegwentement, b’implimentazzjoni ta’ deċiżjoni f’dan is-sens tal-Kummissjoni li, meta jkollha fil-pussess tagħha informazzjoni rigward l-allegata illegalità tal-imsemmija għajnuna, indipendentement mis-sors ta’ din l-informazzjoni, wara l-iskadenza tat-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali, tibqa’ libera li twettaq, fit-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, eżami tal-imsemmija għajnuna.

115    Barra minn hekk, fir-rigward b’mod speċifiku tal-għajnuna kofinanzjata minn fondi strutturali tal-Unjoni, bħal, f’dan il-każ, il-FEŻR, ir-Regolament Nru 2988/95 jista’ japplika, ladarba jkunu involuti interessi finanzjarji tal-Unjoni.

116    Fil-fatt, billi adotta r-Regolament Nru 2988/95, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha huwa kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà li jinbdew proċeduri kontra irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni wara li jkun għadda perijodu ta’ erba’ snin minn meta sseħħ din l-irregolarità (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C‑131/10, EU:C:2010:825, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95, kull irregolarità li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’, fil-prinċipju u minbarra f’dawk is-setturi fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa terminu iqsar, tkun is-suġġett ta’ proċeduri mressqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Corman, C‑131/10, EU:C:2010:825, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, konformement mal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-“irregolaritajiet” fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, fejn dawn huma ddefiniti bħala kull ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni jew baġits ġestiti minnha, jew permezz tat-tnaqqis jew tat-telf ta’ dħul li ġej minn riżorsi proprji miġbura direttament għan-nom tal-Unjoni, jew permezz ta’ nefqa mhux iġġustifikata.

119    Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kundizzjoni li l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jirriżulta minn att jew minn ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tispeċifika li r-regola dwar il-preskrizzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament ma hijiex intiża sabiex tapplika għall-proċeduri kontra irregolaritajiet li jirriżultaw minn żbalji min-naħa ta’ awtoritajiet nazzjonali li jagħtu vantaġġ finanzjarju f’isem u għan-nom tal-baġit tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C‑465/10, EU:C:2011:867, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

120    Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa qabel kollox l-applikant għal għajnuna li għandu jiżgura ruħu li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 800/2008 sabiex jibbenefika minn għajnuna eżentata taħt dan tal-aħħar, minkejja li l-għoti ta’ għajnuna bi ksur ta’ dawn il-kundizzjonijiet ma jistax jitqies bħala li jirriżulta esklużivament minn żball imwettaq mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

121    L-istess jgħodd anki meta l-imsemmija awtorità tkun ġiet informata mill-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni b’ċirkustanzi li joħolqu l-ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li tali ċirkustanza, bħala tali, hija mingħajr effett fuq il-klassifikazzjoni bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Chambre de commerce et d’industrie de l’Indre, C‑465/10, EU:C:2011:867, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122    Minbarra dan, id-definizzjoni ta’ “irregolarità”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, tkopri kemm l-irregolaritajiet intenzjonali jew ikkawżati b’negliġenza li jistgħu, skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, iwasslu għal sanzjoni amministrattiva, kif ukoll l-irregolaritajiet li jimplikaw biss l-irtirar tal-vantaġġ irċevut indebitament, skont l-Artikolu 4 tal-istess regolament (sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, EU:C:2004:388, punt 33).

123    It-twettiq ta’ irregolarità, li jibda d-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, jippreżupponi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll dannu, jew dannu potenzjali, għall-baġit tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C‑59/14, EU:C:2015:660, punt 24).

124    F’ċirkustanzi fejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jkun instab wara s-seħħ tad-dannu, it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mit-twettiq tal-irregolarità, jiġifieri mill-mument li fih kemm l-att jew l-ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li jikkostitwixxu ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dannu kkawżat lill-baġit tal-Unjoni jew lill-baġits ġestiti minnha jkunu seħħew (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Firma Ernst Kollmer Fleischimport und -export, C‑59/14, EU:C:2015:660, punt 25).

125    Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji tista’ tiġi interrotta b’kull att tal-awtorità kompetenti, mgħarraf lill-persuna inkwistjoni, u li jirrigwarda l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjoni ġudizzjarja relatati mal-irregolarità.

126    F’dan ir-rigward, mill-formulazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li l-kunċett ta’ “persuna inkwistjoni” jindika l-operatur ekonomiku ssuspettat li wettaq l-irregolaritajiet, li l-kunċett ta’ “att ta’ investigazzjoni jew ta’ proċedurali legali” jirreferi għal kull att li jiddeskrivi bi preċiżjoni suffiċjenti l-operazzjonijiet li dwarhom jeżistu s-suspetti ta’ irregolaritajiet u li, għaldaqstant, il-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha titqies bħala ssodisfatta meta assjem ta’ elementi fattwali jippermettu li jiġi konkluż li tali att ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri legali ġie effettivament mgħarraf lill-persuna inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Pfeifer & Langen, C‑52/14, EU:C:2015:381, punti 36, 38 u 43).

127    F’dan il-każ, mingħajr preġudizzju għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regolament Nru 2988/95 huwa applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1 tiegħu twettqet minn Eesti Pagar, li eventwali għarfien mill-EAS ta’ ordni ta’ tagħmir permezz tal-konklużjoni minn din il-kumpannija ta’ impenn inkundizzjonat u ġuridikament vinkolanti qabel it-tressiq tat-talba tagħha għal għajnuna ma jaffettwax l-eżistenza ta’ tali irregolarità, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 għalhekk beda jiddekorri fl-10 ta’ Marzu 2009, data li fiha, kif ġie indikat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, l-EAS laqgħet it-talba għal għajnuna mressqa minn Eesti Pagar u fejn, għaldaqstant, ġie kkawżat preġudizzju lill-baġit tal-Unjoni, u li dan it-terminu ġie interrott bl-ittra tat-22 ta’ Jannar 2013 imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza jew, jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 126 ta’ din is-sentenza jiġu ssodisfatti, permezz tal-kontroll ex post magħmul fix-xahar ta’ Diċembru 2012 imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

128    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel parti tar-raba’ domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali tkun tat għajnuna minn fondi strutturali billi applikat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali huwa, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95 jiġu ssodisfatti, ta’ erba’ snin, skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jew, fin-nuqqas ta’ dan, it-terminu previst mid-dritt nazzjonali applikabbli.

 Fuq il-ħames domanda, dwar l-obbligu li jintalbu interessi

129    Bil-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali tipproċedi fuq l-inizjattiva tagħha stess għall-irkupru ta’ għajnuna li hija tat b’mod żbaljat taħt ir-Regolament Nru 800/2008, hija għandha titlob mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna interessi, u, fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv, liema huma r-regoli li japplikaw għall-kalkolu tal-imsemmija interessi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rata ta’ interessi u l-perijodu li matulu jiddekorru dawn l-interessi.

130    Ġie osservat, fil-punti 99 u 100 ta’ din is-sentenza, li, jekk għajnuna tkun ingħatat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008, minkejja li l-kundizzjonijiet stabbiliti għal eliġibbiltà taħt dan ir-regolament ma kinux issodisfatti, din l-għajnuna għandha titqies bħala illegali u li, f’tali ċirkustanzi, kemm il-qrati nazzjonali kif ukoll il-korpi tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE jiġu ddeterminati, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-validità tal-atti ta’ eżekuzzjoni u l-irkupru tal-għajnuna mogħtija bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

131    Fir-rigward tal-imsemmija konsegwenzi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konsegwenza loġika tal-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ għajnuna hija t-tħassir permezz ta’ rkupru sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti. Fil-fatt, l-għan ewlieni intiż bl-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv miksub permezz ta’ tali għajnuna. Fil-fatt, bir-rimbors tal-għajnuna, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li huwa kellu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu, u terġa tiġi stabbilita s-sitwazzjoni eżistenti qabel il-ħlas tal-għajnuna (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 33 u 34).

132    Madankollu, mill-perspettiva tal-benefiċjarju tal-għajnuna, il-vantaġġ indebitu jkun ikkonsista wkoll min-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi li huwa kien ikollu jħallas fuq l-ammont inkwistjoni tal-għajnuna, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq matul il-perijodu tal-illegalità, kif ukoll fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq matul l-imsemmi perijodu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF et ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 51).

133    Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali u mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ preskrizzjoni applikabbli għal din, miżura li tkun tikkonsisti biss f’obbligu ta’ rkupru mingħajr interessi ma tkunx xierqa sabiex tirrimedja b’mod sħiħ l-effetti tal-illegalità, peress li hija ma tistabbilixxix mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti u ma teliminax għalkollox id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, CELF et ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 52 sa 54, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 33 u 34).

134    L-awtorità nazzjonali hija għaldaqstant marbuta, b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, li tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas interessi għall-perijodu ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2008, CELF et ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punt 52, kif ukoll tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C‑275/10, EU:C:2011:814, punti 33 sa 35).

135    Fir-rigward tar-regoli li japplikaw għall-kalkolu tal-interessi, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, l-irkupru tal-għajnuna illegali għandu jsir skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli.

136    B’mod partikolari, għar-raġunijiet imsemmija b’mod partikolari fil-punti 110 u 111 ta’ din is-sentenza, la l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 659/1999 u lanqas l-Artikoli 9 u 11 tar-Regolament Nru 794/2004 ma jistgħu jitqiesu li huma tali leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam. Bil-kontra ta’ dak li jallegaw il-Gvern Estonjan u l-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jistgħu, abbażi tal-istess kunsiderazzjonijiet, jiġu applikati indirettament jew b’analoġija.

137    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma għandhiex tkun inqas favorevoli minn dik li tirregola sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandha tkun strutturata b’mod li tirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 40).

138    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-aspetti speċifiċi tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 41).

139    F’dan ir-rigward, għandu jitqies li d-dritt nazzjonali ma jistax ikollu bħala konsegwenza li jostakola l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi jirrendi impossibbli l-obbligu għall-qrati jew għall-awtoritajiet nazzjonali li jiggarantixxu l-osservanza tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 42 u 45).

140    Fil-fatt, regola nazzjonali li tipprekludi lill-qorti nazzjonali jew lil awtorità nazzjonali milli tiddetermina l-konsegwenzi kollha tal-ksur tat-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE għandha titqies li hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen, C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 42 u 45).

141    F’dan il-każ, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, minkejja li l-irkupru tal-għajnuna illegali għandu jsir skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli, jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 108(3) TFUE jeżiġi li dawn ir-regoli jiżguraw irkupru sħiħ tal-għajnuna u li, għaldaqstant, il-benefiċjarju tagħha għandu jiġi ordnat il-ħlas ta’ interessi għall-perijodu kollu li matulu huwa bbenefika minn din l-għajnuna u b’rata ugwali għal dik li kienet tiġi applikata kieku kellu jissellef l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni fis-suq matul l-imsemmi perijodu.

142    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali tipproċedi fuq l-inizjattiva tagħha stess għall-irkupru ta’ għajnuna li hija tkun tat b’mod żbaljat taħt ir-Regolament Nru 800/2008, hija għandha titlob mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna interessi skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 108(3) TFUE jeżiġi li dawn ir-regoli jippermettu li jiġi żgurat irkupru sħiħ tal-għajnuna illegali u li, għaldaqstant, b’mod partikolari jiġi ordnat lill-benefiċjarju tal-għajnuna l-ħlas ta’ interessi għall-perijodu kollu li matulu huwa bbenefika minn din l-għajnuna u b’rata ugwali għal dik li kienet tiġi applikata kieku kellu jissellef l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni fis-suq matul l-imsemmi perijodu.

 Fuq l-ispejjeż

143    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli [107 u 108 TFUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li “x-xogħol fuq il-proġett jew attività”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, inbeda meta tkun saret l-ewwel ordni ta’ tagħmir intiż għal dan il-proġett jew għal din l-attività permezz tal-konklużjoni ta’ impenn inkundizzjonat u ġuridikament vinkolanti qabel it-tressiq tat-talba għal għajnuna, indipendentement mill-eventwali spejjeż għax-xoljiment ta’ dan l-impenn.

2)      L-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-awtorità nazzjonali tirkupra fuq l-inizjattiva tagħha stess għajnuna li hija tat b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 800/2008 meta hija tikkonstata, sussegwentement, li l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-regolament ma kinux ġew issodisfatti.

3)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li awtorità nazzjonali ma tistax, meta hija tagħti għajnuna billi tapplika b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, toħloq aspettattivi leġittimi li din l-għajnuna hija regolari fi ħdan il-benefiċjarju tagħha.

4)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali tkun tat għajnuna minn fondi strutturali billi applikat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 800/2008, it-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna illegali huwa, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, jiġu ssodisfatti, ta’ erba’ snin, skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jew, fin-nuqqas ta’ dan, it-terminu previst mid-dritt nazzjonali applikabbli.

5)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità nazzjonali tipproċedi fuq l-inizjattiva tagħha stess għall-irkupru ta’ għajnuna li hija tkun tat b’mod żbaljat taħt ir-Regolament Nru 800/2008, hija għandha titlob mingħand il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna interessi skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 108(3) TFUE jeżiġi li dawn ir-regoli jippermettu li jiġi żgurat irkupru sħiħ tal-għajnuna illegali u li, għaldaqstant, b’mod partikolari jiġi ordnat lill-benefiċjarju tal-għajnuna l-ħlas ta’ interessi għall-perijodu kollu li matulu huwa bbenefika minn din l-għajnuna u b’rata ugwali għal dik li kienet tiġi applikata kieku kellu jissellef l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni fis-suq matul l-imsemmi perijodu.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.