Language of document : ECLI:EU:T:2008:160

Kawża T-495/04

Belfass SPRL

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi ? Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja ? Żball materjali manifest ? Għoti lill-iktar offerta vantaġġuża ekonomikament ? Offerta anormalment baxxa ? Artikolu 139(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 ? Eċċezzjoni ta’ illegalità ? Speċifikazzjonijiet ? Ammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej – Proċedura ta’ sejħa għal offerti

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u Artikolu 241 KE)

2.      Proċedura – Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 139(1))

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti

(Regolament tal-Kumissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 138(2) u 139(1))

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

1.      Peress li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jikkonċernawx individwalment l-impriżi offerenti, li m’għandhomx għaldaqstant id-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament, taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kontra dawn l-ispeċifikazzjonijiet, il-Kunsill ma jistax jeċċepixxi n-natura allegatament kontestabbli tal-imsemmija speċifikazzjonijiet minn waħda mill-impriżi offerenti sabiex jopponi l-kontestazzjoni, minn din tal-aħħar, fil-kuntest tar-rikors preżenti, b’mod inċidentali, tal-legalità ta’ dan id-dokument, fil-każ fejn ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni jeskludiha mill-kuntratt inkwistjoni.

(ara l-punt 44)

2.      Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, li jipprovdi li, fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tal-Komunitajiet Ewropej, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet, jew saħansitra jiġġustifika l-elementi kostituttivi tal-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa, motiv imqajjem b’mod espliċitu mir-rikorrenti biss fl-istadju tar-replika, ladarba, fl-istadju tar-rikors din ir-rikorrenti akkużat b’mod espliċitu lill-Kunsill li eskluda l-offerta tagħha mingħajr eżami ieħor, u dan minħabba n-natura anormalment baxxa tagħha.

(ara l-punti 87 sa 90)

3.      L-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, jistabbilixxi rekwiżit fundamentali fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jimponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tivverifika, b’mod kontradittorju, qabel ma tirrifjutaha, kull offerta li tkun ta’ natura anormalment baxxa, u dan fid-dawl tal-elementi li jikkostitwixxuha.

Peress li l-kuntratt jingħata lill-offerta bl-aħjar valur għall-flus, dan ir-rekwiżit japplika mhux biss għall-kriterju tal-prezz tal-offerta eżaminata, iżda wkoll għall-kriterji l-oħrajn previsti fl-Artikolu 138(2) tar-Regolament Nru 2342/2002, safejn dawn jippermettu li jiġi stabbilit limitu ta’ anomalija sabiex offerta ta’ ammont iżgħar ippreżentata fil-kuntest tal-kuntratt in kwistjoni tiġi ssuspettata li hija anormalment baxxa, fis-sens tal-Artikolu 139(1) tal-imsemmi regolament.

Għaldaqstant, billi rrifjuta, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bl-għoti lill-offerta bl-aħjar valur għall-flus, l-offerta tal-impriża offerenti sempliċement minħabba n-natura eċċessivament baxxa tan-numru totali ta’ sigħat elenkati f’din l-offerta mingħajr ma pproċeda għall-ebda verifika kontradittorja, fid-dawl tal-Artikolu 139(1), tal-imsemmija offerta qabel l-eliminazzjoni awtomatika tagħha, il-Kunsill kiser l-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 98, 100, 103 sa 104)

4.      Sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għandhom jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġietx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

Għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda talba għal kumpens meta d-dannu allegat, jiġifieri t-telf ta’ kuntratt ta’ suq komunitarju, ma jkunx reali u ċert, iżda ipotetiku.

(ara l-punti 119 sa 120, 127 sa 129)