Language of document : ECLI:EU:T:2007:215

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

11 ta’ Lulju 2007 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Sptarijiet pubbliċi – Kumpens għal telf mill-operat u għoti ta’ garanziji – Ilment – Nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Locus standi – Ammissibbiltà – Terminu raġonevoli – Regolament (KE) Nru 659/1999”

Fil-kawża T‑167/04,

Asklepios Kliniken GmbH, stabbilita f’Königstein-Falkenstein (Il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Füßer, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u M. Niejahr, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn-

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, inizjalment irrappreżentata minn C.‑D. Quassowski u A. Tiemann, u wara minn W.‑D. Plessing u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja      u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn M. Bethell, u wara minn C. Gibbs u E. O’Neill, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba sabiex jiġi stabbilit, skond l-Artikolu 232 KE, li, billi ma ħaditx deċiżjoni abbażi ta’ l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), fuq l-ilment ippreżentat mir-rikorrenti dwar l-għoti ta’ għajnuna allegatament illegali lil sptarijiet pubbliċi fil-Ġermanja, il-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 88 KE kif ukoll taħt l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, I. Wiszniewska-Białecka u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88] KE (ĠU L 83, p. 1), jipprovdi li:

“1. Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċevieha […] il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-paragrafi 2, 3 jew 4.

2. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li l-miżura notifikata ma tikkostitwixix għajnuna, għandha tirreġistra dik is-sejba permezz ta’ deċiżjoni.

3. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li ma tqajjem l-ebda dubju f’[dak] li [jirrigwarda] l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, safejn taqa’ fi ħdan l-iskop ta’ l-Artikolu [87(1) KE], għandha tiddeċiedi li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni […] Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema eċċezzjoni taħt it-Trattat kienet applikata.

4. Fejn il-Kummissjoni, wara eżami preliminari, issib li tqajmu dubji dwar il-kompatibbilità mas-suq komuni ta’ miżura notifikata, għandha tiddeċiedi jekk għandhomx jibdew proċeduri skond l-Artikolu [88(2) KE] […]”

2        L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li:

“Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.”

3        Skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999:

“Il-Kummissjoni tista’ wara li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li tissottometti l-kummenti tagħha, tadotta deċiżjoni li teħtieġ lill-Istat Membru li jissospendi kull għajnuna illegali sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni […].”

4        L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi li:

“L-eżami ta’ għajnuna illegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni […] Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

5        Skond l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 659/1999:

“Kull parti interessata tista’ tinforma lill-Kummissjoni dwar kull allegata għajnuna illegali u dwar kull allegat użu ħażin ta’ għajnuna. Fejn il-Kummissjoni tikkonsidra li abbażi ta’ l-informazzjoni fil-pussess tagħha m’hemmx raġunijiet biżżejjed biex tingħata opinjoni dwar il-każ, għandha tinforma lill-parti interessata b’dan. Fejn il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni fuq każ li jikkonċerna s-suġġett ta’ l-argument ta’ l-informazzjoni fornuta, għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-parti interessata.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Asklepios Kliniken GmbH hija kumpannija Ġermaniża privata li l-kapital tagħha huwa totalment f’idejn persuni privati u hija speċjalizzata fit-tmexxija ta’ ċentri tas-saħħa.

7        Fl-20 ta’ Jannar 2003, ir-rikorrenti ppreżentat ilment quddiem il-Kummissjoni sabiex tirrapporta l-għoti ta’ għajnuna allegatament illegali lill-isptarijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi fil-Ġermanja, permezz ta’ kumpens, każ b’każ, għat-telf tagħhom kif ukoll permezz ta’ l-għoti ta’ garanzija mill-korpi pubbliċi rispettivi favur dawn l-isptarijiet. Ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni sabiex, minn naħa, tistħarreġ dawn il-prattiċi allegatament illegali fuq il-bażi ta’ informazzjoni li hija kienet tatha, kif ukoll li tinfurmaha dwar id-deċiżjonijiet kollha meħuda matul din il-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni u sabiex, min-naħa l-oħra, fil-każ li l-għajnuniet irrappurtati kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, tordna s-sospensjoni tagħhom sakemm tieħu deċiżjoni. Ma’ l-ilment ġie anness rapport legali li jinkludi informazzjoni fuq ir-rikorrenti u l-isptarijiet immexxija minnha, ir-relazzjoni tagħha ta’ kompetizzjoni ma’ l-isptarijiet tas-settur pubbliku u analiżi ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE għall-għajnuniet irrapportati.

8        Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2003, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet dan l-ilment u nfurmat lir-rikorrenti li d-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni kien ser jeżamina l-informazzjoni mibgħuta u li kien ser iwettaq l-istħarriġ neċessarju f’dan ir-rigward.

9        Fis-sena 2003, ir-rikorrenti bagħtet numru ta’ talbiet għal informazzjoni lill-Kummissjoni.

10      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2004, ir-rikorrenti intimat lill-Kummissjoni sabiex tkompli bil-proċedura dwar l-ilment tagħha. Hija talbitha wkoll, fl-ewwel lok, li tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tissospendi l-kumpens in kwistjoni, ta’ l-inqas sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet deċiżjoni, skond l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 659/1999, fit-tieni lok, li tieħu deċiżjoni fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni preliminari ta’ l-għajnuna rrapportata, skond l-Artikolu 4(2)(3) jew (4) tar-Regolament iċċitat, konformement ma’ l-Artikolu 13(1) tiegħu u, fit-tielet lok, li żżommha infurmata dwar id-deċiżjonijiet adottati skond l-Artikolu 20(2) ta’ dan l-istess Regolament.

11      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ittra ta’ intimazzjoni.

12      Fit-18 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni adottat abbozz tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86 KE għal-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku kkonferit lil ċerti impriżi responsabbli mit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (aktar ’il quddiem l-“abbozz tad-deċiżjoni”).

13      Fit-28 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/842/KE dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 86(2) [KE] għall-għajnuniet mill-Istat taħt forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku kkonferit lil ċerti impriżi responsabbli mit-tmexxija ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 312, p. 67).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Mejju 2004, ir-rikorrenti ppreżentat din il-kawża.

15      Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-20 u 23 ta’ Settembru 2004 rispettivament, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbu sabiex jintervjenu in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

16      Permezz ta’ digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ottubru 2004, intlaqgħu dawn it-talbiet għal intervent.

17      Permezz ta’ ittra ta’ l-20 ta’ Diċembru 2004, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq informa lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huwa rrinunzja li jippreżenta nota ta’ intervent, iżda li eventwalment kien jixtieq jintervjeni fil-proċedura orali.

18      Fis-26 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

19      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-partijiet ġew mistiedna sabiex jippreżentaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-osservazzjonijiet tagħhom wara l-proċedura dwar l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/842 u dawn ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-terminu impost.

20      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

21      Fis-seduta tat-8 ta’ Marzu 2007 saret it-trattazzjoni u l-partijiet taw ir-risposti tagħhom għad-domandi orali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

22      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddikjara li, billi ma adottatx id-deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2)(3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999 wara l-ilment tagħha ppreżentat fl-20 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 88 KE, ta’ l-Artikolu 10(1) u ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

23      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, u sussidjarjament bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tħallas l-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

24      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kummissjoni teċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors abbażi ta’ żewġ motivi.

25      Fl-ewwel lok, ir-rikors ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni tfakkar li, sabiex rikors ikun ammissibbli, huwa neċessarju li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom ikun ibbażat jirriżultaw, ta’ l-inqas sommarjament, iżda b’mod li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess. Riferiment globali għal atti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali fih. F’dan il-każ partikolari, ir-rikors kellu jidentifika l-isptarijiet tas-settur pubbliku Ġermaniż li kienu f’relazzjoni kompetittiva konkreta maċ-ċentri tas-saħħa mmexxija mir-rikorrenti. Ir-rapport legali ppreżentat fl-anness mir-rikorrenti ma jikkumpensax l-insuffiċjenza tar-rikors tagħha.

26      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti m’għandhiex locus standi. Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 232 KE għandu jkun interpretat fis-sens li individwu jista’ jressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra istituzzjoni li tkun naqset milli tadotta att li jkun ikkonċernaha direttament u individwalment skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Ir-rikorrenti hija direttament ikkonċernata minn deċiżjoni dwar l-ilment tagħha, iżda mhijiex individwalment ikkonċernata.

27      Sabiex tkun individwalment ikkonċernata, il-persuna li tressaq ilment dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali għandha tkun tifforma parti minn grupp ta’ benefiċjarji tal-garanziji tal-proċeduri previsti mill-Artikolu 88(2) KE. B’hekk, minbarra l-impriża jew l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna, ikunu kkonċernati l-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet li l-interessi tagħhom jiġu eventwalment affettwati mill-għoti ta’ l-għajnuna, b’mod partikolari l-impriżi li jikkompetu magħhom u l-organizzazzjonijiet professjonali.Madankollu, skond il-ġurisprudenza, huma biss l-impriżi li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom hija konkretament u direttament affettwata mill-għoti ta’ għajnuna li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala kompetituri tal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna. Għalhekk, il-possibbiltà teoretika li l-interessi ta’ impriża jistgħu jkunu affettwati mill-għoti ta’ għajnuna mhijiex suffiċjenti.

28      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kinitx tat indikazzjoni konkreta fir-rikors tagħha li tippermetti li jiġi stabbilit li hija tinsab f’rapport ta’ kompetizzjoni konkreta u diretta ma’ l-isptarijiet pubbliċi Ġermaniżi. Konsegwentement, hija ma tistax tipprevali mill-kwalità ta’ parti interessata, skond l-Artikolu 88(2) KE.

29      B’hekk, ir-rikorrenti mhijiex f’pożizzjoni li titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni fir-rigward tal-kumpens kollu mogħti lill-isptarijiet immexxija mis-settur pubbliku fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti tammetti hija stess fir-rikors tagħha li hija tinsab f’relazzjoni kompetittiva ma’ “ta’ l-inqas uħud” mill-isptarijiet pubbliċi Ġermaniżi, madankollu, hemm aktar minn 700. Fi kwalunkwe każ, is-siltiet tar-rapport legali li tirreferi għalih ir-rikorrenti, isemmu biss erba’ każijiet ta’ relazzjoni kompetittiva konkreta. Minbarra dan, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li “wieħed jista’ faċilment jimmaġina eżempji simili għall-kliniki l-oħra msemmija li jinsabu taħt ir-responsabbiltà tal-mandanti fil-Bavarja u f’Hesse” mhija kkoroborata minn ebda element ta’ prova.

30      Barra minn hekk, il-kumpens imħallas mill-Istat lill-isptarijiet pubbliċi u kkontestat mir-rikorrenti ma jikkostitwixxix skema ġenerali ta’ għajnuna, iżda għall-kuntrarju, jirrappreżenta numru kbir ta’ għajnuniet individwali. Ir-rikorrenti għalhekk kellha tressaq prova għal kull każ individwali li l-isptar pubbliku kkonċernat kien jinsab f’relazzjoni kompetittiva konkreta ma’ wieħed miċ-ċentri tas-saħħa mmexxi minnha.

31      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkunsidra li r-rikorrenti ma jistax ikollha locus standi skond l-Artikolu 88(2) KE abbażi tal-fatt biss li ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni u li topera ċentri tas-saħħa privati. Ir-rikorrenti kellha tippreċiża t-tipi differenti ta’ kliniki kif ukoll is-servizzi mediċi jew l-oqsma mediċi kkonċernati u kellha tispeċifika ż-żoni ġeografiċi in kwistjoni.

32      Ir-rikorrenti ssostni li r-rikors tagħha huwa ammissibbli. Hija tfakkar li l-Artikoli 230 KE u 232 KE huma l-espressjoni ta’ wieħed u l-istess rimedju legali, u li t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 232 KE għandu jkun interpretat fis-sens li persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra istituzzjoni li tkun naqset milli tadotta att li jkun jikkonċernaha direttament u individwalment. L-eżistenza ta’ mezzi ta’ rikors nazzjonali m’għandhomx influwenza fuq l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

33      Ir-rikorrenti ssostni li hija kienet ikkonċernata direttament u individwalment mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni kellha tieħu abbażi ta’ l-Artikolu 4(2)(3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999 fil-kuntest tal-proċedura preliminari ta’ investigazzjoni dwar l-għajnuna.

34      Fir-rigward tal-fatt li hija kkonċernata direttament, ir-rikorrenti ssostni li kompetitur ta’ l-entità li tibbenefika minn għajnuna huwa kkunsidrat bħala direttament ikkonċernata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat meta ma jkun hemm ebda dubju dwar il-volontà ta’ l-awtoritajiet nazzjonali li japprovaw il-proġetti tagħhom ta’ għajnuna u, a fortiori, meta l-għotjiet finanzjarji jkunu diġà ngħataw u jibqgħu jingħataw. Konsegwentement, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, m’hemm ebda dubju dwar il-fatt li hija direttament ikkonċernata.

35      Fir-rigward tal-fatt li hija kkonċernata individwalment, ir-rikorrenti ssostni li fil-qasam ta’ għajnuniet mill-Istat, il-persuni individwalment ikkonċernati huma dawk li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, il-kompetituri tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna. Barra minn hekk, skond il-ġurisprudenza, il-partijiet fil-proċedura, skond l-Artikolu 88(2) KE, jistgħu jikkontestaw deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara li miżura mhijiex għajnuna mill-Istat jew li, anki jekk tammonta għal għajnuna mill-Istat, hija kompatibbli mas-suq komuni, quddiem il-qorti Komunitarja. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, aktar u aktar, tillimita ruħha li tivverifika jekk relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna ma tkunx manifestament eskluża. Konsegwentement, fid-dawl tax-xebh eżistenti bejn il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi għal annulament u għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għandu jiġi segwit approċċ identiku fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 232 KE.

36      Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija kienet individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu, peress li hija f’relazzjoni kompetittiva konkreta ma’ ċerti sptarijiet pubbliċi li jibbenefikaw minn dawn l-għajnuniet. In-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni b’hekk iċaħħadha mid-drittijiet proċedurali li kienet tibbenefika minnhom kieku nfetħet proċedura formali ta’ investigazzjoni.

37      Aktar preċiżament, dwar ir-relazzjoni kompetittiva konkreta tagħha ma’ ċerti sptarijiet pubbliċi Ġermaniżi li jibbenefikaw mill-għajnuniet irrapportati, ir-rikorrenti tafferma li hija tmexxi 39 klinika privata fil-Ġermanja, li jinsabu f’kompetizzjoni ħarxa ma’ dawn l-isptarijiet pubbliċi u tirreferi għar-rapport anness mar-rikors.

38      Min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni tal-kunċett ta’ parti interessata għal dawk il-persuni biss li l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom hija konkretament u direttament affettwata mill-għoti ta’ l-għajnuniet, difiż mill-Kummissjoni, tippreġudika l-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju tal-ħtieġa ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq il-konformità tar-rikors ma’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura

39      Skond l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors introduttiv ta’ istanza għandu jkun fih sunt tal-motivi invokati. Dan is-sunt għandu jkun suffiċjentement ċar u preċiż sabiex jippermetti lill-konvenuta tipprepara d-difiża tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li tagħti s-sentenza fir-rigward tar-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr aktar informazzjoni in sostenn tiegħu.

40      Skond ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li jkun ibbażat fuqhom jirriżultaw, ta’ l-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T‑339/03, punt 133). Jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u komplut, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, b’referenzi għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra m’għandux jikkumpensa għan-nuqqas ta’ argumenti essenzjali fid-dritt, li, skond id-dispożizzjoni imsemmija aktar ’il fuq, għandhom jidhru fir-rikors stess (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49). Minbarra dan, m’huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Novembru 1997, Cipeke vs Il-Kummissjoni, T‑84/96, Ġabra p. II‑2081, punt 34).

41      F’dan il-każ, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi li l-Kummissjoni, billi ma adottatx id-deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4) tar-Regolament Nru 659/1999, fuq l-ilment tagħha ta’ l-20 ta’ Jannar 2003, naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 88 KE kif ukoll ta’ l-Artikolu 10(1) u ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999. Konsegwentement, ir-rikors jidentifika mingħajr ambigwità n-nuqqas li tittieħed azzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun marbuta li tistabbilixxi u li jkun fih espożizzjoni ċara u preċiża tal-motiv invokat. Barra minn hekk, ir-rikors isemmi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt dwar l-għajnuniet irrapportati fl-ilment, l-eżistenza ta’ obbligu li l-Kummissjoni taġixxi u l-allegat nuqqas li din tieħu azzjoni wara l-iskadenza ta’ terminu li jkun allegatament għadda l-limiti ta’ dak li huwa meqjus bħala raġonevoli.

42      Għal dak li jikkonċerna l-allegat nuqqas ta’ indikazzjoni fir-rikors li juri l-eżistenza ta’ relazzjoni suffiċjenti ta’ kompetizzjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit li fih ir-rikorrenti speċifikat li hija tmexxi ċentri tas-saħħa privati fil-Ġermanja u li hija għandha relazzjoni kompetittiva konkreta ma’ l-isptarijiet pubbliċi fil-Ġermanja li jibbenefikaw mill-għajnuniet li hija tikkunsidra illegali. Hija tiċċita bħala eżempju l-isptarijiet li jinsabu fil-Bavarja, billi tagħmel riferiment għall-annessi tar-rikors għal aktar detalji.

43      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, jidher li l-element ta’ fatt essenzjali sabiex jiġi ddeterminat il-locus standi tar-rikorrenti, jiġifieri r-relazzjoni tagħha ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji ta’ l-għajnuna, ġie indikat fit-test tar-rikors b’mod konċiż, ċert, u suffiċjentement ċar u preċiż. Din il-konstatazzjoni mhijiex eskluża minħabba l-użu, mir-rikorrenti, ta’ annessi għall-finijiet li tikkompleta l-informazzjoni mogħtija fit-test tar-rikors, safejn dan ta’ l-aħħar jinkludi elementi ta’ fatt u ta’ dritt essenzjali għall-preparazzjoni, mill-konvenuta tad-difiża tagħha u li jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tagħti s-sentenza fir-rigward tar-rikors.

44      Għaldaqstant, ir-rikors jissodisfa l-kundizzjonijiet magħmula mill-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura, u l-ewwel motiv tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għandu jiġi miċħud.

–       Fuq il-locus standi tar-rikorrenti

45      L-Artikoli 230 KE u 232 KE huma l-espressjoni ta’ wieħed u l-istess rimedju legali. Konsegwentement, bl-istess mod kif ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE jippermetti lill-individwi li jressqu rikors għal annullament kontra att ta’ istituzzjoni li mhuwiex indirizzat lilhom jekk dan l-att jikkonċernahom direttament u individwalment, it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 232 KE, għandu jiġi interpretat bħala li jagħtihom ukoll il-fakultà li jressqu rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra istituzzjoni li tkun naqset milli twettaq att li jikkonċernahom bl-istess mod (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1970, Chevalley vs Il-Kummissjoni, 15/70, Ġabra p. 975, punt 6, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, Air One vs Il-Kummissjoni, T‑395/04, Ġabra p. II‑1343, punt 25).

46      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex locus standi sabiex tressaq rikors għal annulament kontra, ta’ l-inqas, wieħed mill-atti li l-Kummissjoni setgħet tadotta abbażi tal-fażi preliminari ta’ investigazzjoni dwar l-għajnuniet previsti fl-Artikolu 88(3) KE u li kien ikun jikkonsisti f’deċiżjoni li tistabbilixxi li l-miżuri rrapportati ma jikkostitwixxux għajnuna, jew li jikkostitwixxu għajnuna iżda li jirriżultaw li huma kompatibbli mas-suq komuni, jew li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ l-Artikolu 88(2) KE.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta, mingħajr ma tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) KE, il-Kummissjoni tikkonstata, permezz ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tal-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, li għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, il-benefiċjarji ta’ dawn il-garanziji proċedurali, previsti mill-Artikolu 88(2) KE, jistgħu jassiguraw biss il-ħarsien ta’ din il-proċedura jekk ikollhom il-possibbiltà li jikkontestaw dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1993, Cook vs Il-Kummissjoni, C-198/91, Ġabra p. I-2487, u s-sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 45 aktar ’il fuq, punt 30).

48      Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti Komunitarja tiddikjara ammissibbli rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni bħal din, imressaq minn persuna interessata fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE, meta l-għan tal-persuna li tressaq ir-rikors ikun li b’hekk tipproteġi d-drittijiet proċedurali tagħha taħt din id-dispożizzjoni ta’ l-aħħar (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Cook vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 47 aktar ’il fuq, punti 23 sa 26 u Air One vs il-Kummissjoni; punt 45 aktar ’il fuq, punt 31.

49      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-partijiet interessati fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE huma l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jintlaqtu l-interessi tagħhom permezz ta’ l-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, Ġabra p. 3809, punt 16 u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C‑78/03 P, Ġabra p. I‑10737, punt 36; sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 45 aktar ’il fuq, punt 36). Il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Intermills vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq, kienet ġiet imdaħħla fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, li jipprovdi li l-kunċett ta’ partijiet interessati għandu jfisser “kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ”.

50      B’hekk, kompetitur kemm futur jew anki sempliċement potenzjali tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna rrapportata għandu jkun ikkunsidrat bħala parti interessata skond l-Artikolu 88(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, Ġabra p. I‑3203, punt 19, u s-sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 45 aktar ’il fuq, punt 39, rispettivament).

51      F’dan il-każ partikolari, ir-rikorrenti tmexxi 39 ċentru tas-saħħa privat imxerrda fit-territorju kollu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija b’hekk tinsab f’kompetizzjoni ma’ ċerti sptarijiet tas-settur pubbliku li jibbenefikaw mill-għajnuna. Dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex tintwera l-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni suffiċjenti bejn ir-rikorrenti u, ta’ l-inqas, uħud mill-benefiċjarji tal-miżuri rrapportati, sabiex hija tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti interessata skond l-Artikolu 88(2) KE.

52      Għalhekk ikun ammissibbli li hija tikkontesta, permezz ta’ rikors għal annulament, deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda abbażi ta’ l-Artikolu 88(3) KE bil-għan li tikseb il-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tagħha in kwantu parti interessata. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija għandha wkoll locus standi sabiex titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata n-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ deċiżjoni bħal din.

53      Din il-konklużjoni ma ġietx iddubitata minħabba l-argumenti kuntrarji tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti.

54      Fl-ewwel lok, l-argument ta’ l-intervenjenti, li il-prova tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni timplika li r-rikorrenti tispeċifika t-tipi differenti ta’ kliniki, is-servizzi mediċi kif ukoll l-oqsma mediċi kkonċernati u tispeċifika ż-żoni ġeografiċi in kwistjoni, għandu jkun miċħud. Prova bħal din timplika li jiġi ddefinit b’mod preċiż is-suq ikkonċernat kif ukoll li jsiru eżerċizzji kumplessi sabiex jiġi ddeterminat safejn is-servizzi ta’ l-isptarijiet immexxija mir-rikorrenti u s-servizzi ta’ l-isptarijiet pubbliċi jistgħu jissostitwixxu lil xulxin. Dan kollu jmur wisq lilhinn mill-kuntest ta’ l-analiżi tal-kunċett ta’ parti interessata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 li jsemmi biss l-impriżi li huma f’kompetizzjoni flimkien, kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett mill-ġurisprudenza, li jirreferi għal impriżi li l-interessi tagħhom jiġu eventwalment affettwati mill-għajnuniet.

55      Għall-istess raġuni, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jidhirx li huwa neċessarju li r-rikorrenti tressaq prova ta’ l-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni konkreta u diretta ma’ kull sptar benefiċjarju ta’ għajnuna rrapportata sabiex tkun ikkunsidrata bħala parti interessata skond l-Artikolu 88(2) KE. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li hija turi l-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni bħal dan ma’ uħud mill-benefiċjarji ta’ l-għajnuna.

56      Fit-tieni lok, l-argumenti tal-Kummissjoni u ta’ l-intervenjenti bbażati fuq il-fatt li hemm aktar minn 700 sptar pubbliku fil-Ġermanja ma jistgħux jintlaqgħu. In-numru tal-benefiċjarji mhuwiex tali li jaffettwa l-ammissibbiltà tar-rikors, peress li l-għajnuniet allegatament illegali effettivament tħallsu lill-isptarijiet pubbliċi Ġermaniżi u ma jikkostitwixxux, dak li mhuwiex ikkontestat mill-Kummissjoni, sistema ġenerali ta’ għajnuna.

57      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tieni motiv tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà tar-rikors għandu wkoll jiġi miċħud.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

58      Ir-rikorrenti ssostni li n-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni seħħ peress li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li taġixxi, obbligu li huwa impost mill-Artikolu 88 KE kif ukoll mill-Artikolu 10(1) u mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

59      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-ilment tagħha b’mod diliġenti u imparzjali u għandha tadotta deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

60      L-ewwel nett, filwaqt li tfakkar il-kontenut ta’ l-Artikolu 88(1) u (2) KE, ta’ l-Artikolu 10(1) u ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, ir-rikorrenti tenfasizza l-obbligu li ssir investigazzjoni preliminari tal-miżuri nazzjonali li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mogħtija minn Stat illegalment. Dan l-obbligu jibda mill-mument li tiġi rċevuta n-notifika tagħhom għall-miżuri nnotifikati u meta jiġi rċevut l-ilment għall-miżuri li ma ġewx innotifikati. Hija tfakkar li l-Kummissjoni hija marbuta teżamina b’mod diliġenti u imparzjali l-ilmenti fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. L-għan ta’ din l-investigazzjoni preliminari huwa li hija tkun tista’ tifforma l-ewwel opinjoni fuq il-kompatibbiltà parzjali jew totali ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, filwaqt li l-proċedura formali ta’ investigazzjoni ta’ l-Artikolu 88(2) KE tipprovdi għal eżami komplut.

61      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni, għal dak li jikkonċerna l-obbligu li tittieħed deċiżjoni wara din l-investigazzjoni preliminari, li n-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 659/1999 ikun iġġustifikat biss jekk fl-aħħar ta’ l-investigazzjoni preliminari l-Kummissjoni tkun konvinta li l-miżura ta’ l-Istat ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, li għandu jiġi stabbilit permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, jew li hija tikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, li għandu jkun stabbilit permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999.

62      Fl-aħħar nett, dwar it-terminu impost fuq il-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni, għalkemm il-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari ta’ l-għajnuniet mhux innotifikati miftuħa wara l-ilment ta’ terzi ma tkunx ingħalqet f’termini imposti, madankollu hija ma tistax tkun estiża b’mod indefinit. L-istituzzjoni tkun marbuta li tieħu d-deċiżjoni tagħha f’terminu raġonevoli, billi tevalwa, skond iċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża u, b’mod partikolari, skond il-kuntest li taqa’ fih, stadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi, il-kumplessità tal-kawża kif ukoll l-interess tal-partijiet ikkonċernati. Peress li kellu jsir biss l-ewwel eżami tal-kontabbiltà ta’ l-għajnuna u mhux evalwazzjoni kompluta ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni kellha tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni f’terminu ta’ xahrejn.

63      Ir-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-Kummissjoni, sa fejn taf hi, la talbet li jsir rapport ta’ espert, u lanqas m’għamlet talba għal informazzjoni lill-awtoritajiet Ġermaniżi, juri li ma kinitx teħtieġ aktar spjegazzjonijiet sabiex hija tiddeċiedi dwar il-mertu ta’ l-ilment tagħha.

64      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li terminu ta’ għaxar xhur bejn il-preżentata ta’ l-osservazzjonijiet ta’ Stat Membru u d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni għandu jkun ikkunsidrat bħala raġonevoli filwaqt li terminu ta’ 26 xahar għandu jkun ikkunsidrat bħala inġustifikat, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Bl-istess mod, il-fatt li ilment ikun l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip ma jiġġustifikax investigazzjoni preliminari ta’ 19-il xahar, quddiem biss ftit diffikultajiet reali. Madankollu, f’dan il-każ, ebda azzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-fatti m’għadha għaddejja u l-investigazzjoni dwar l-għajnuna rrapportata ma tippreżenta ebda problema legali kbira, li tista’ twassal, skond il-każ, għall-ftuħ ta’ proċedura formali ta’ investigazzjoni.

65      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li għaliha kien neċessarju li tittieħed deċiżjoni malajr. Minn naħa, is-sitwazzjoni attwali tinvolvi distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-settur ta’ l-isptarijiet Ġermaniżi li jkunu ta’ dannu għaliha. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ilment tagħha ma ġiex ittrattat huwa ta’ ħsara għan-negozjati tagħha ma’ l-awtoritajiet pubbliċi Ġermaniżi dwar it-teħid tat-tmexxija ta’ sptarijiet pubbliċi taħt idejha.

66      Fin-nuqqas tal-bżonn tal-Kummissjoni li tikseb spjegazzjonijiet dwar l-għajnuniet irrapportati jew tal-kumplessità partikolari ta’ l-ilment u fid-dawl tal-ħtiġijiet tar-rikorrenti, terminu ta’ aktar minn ħmistax-il xahar bejn l-ilment ta’ l-20 ta’ Jannar 2003 u l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors mhuwiex terminu raġonevoli fir-rigward ta’ l-ewwel eżami ta’ dawn l-għajnuniet. Ir-rikorrenti ssostni li dan it-terminu huwa kjarament itwal minn dak ta’ xahrejn li tiddisponi minnu l-Kummissjoni għall-investigazzjoni preliminari ta’ l-għajnuniet innotifikati u bilkemm inqas minn dak ta’ 18-il xahar li tiddisponi minnu fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni sabiex tadotta deċiżjoni finali. Hija tikkunsidra li dan in-nuqqas ta’ azzjoni f’perijodu ta’ aktar minn 15-il xahar jirrapreżenta ksur ta’ l-obbligi tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 88 KE u taħt l-Artikolu 10(1) u ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

67      Din il-konklużjoni mhijiex eskluża bl-argument tal-Kummissjoni li l-ilment ta’ l-20 ta’ Jannar 2003, billi ma fihx informazzjoni suffiċjenti dwar il-fatti, ma ħoloqx, fir-rigward tagħha, obbligu li tieħu azzjoni. Kuntrarjament, mill-Artikolu 20(2), u mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni li jkollha mingħajr dewmien. Minbarra dan, kuntrarjament għall-Kummissjoni li għandha possibbiltajiet kbar li tistabbilixxi l-fatti, il-possibbiltajiet tal-persuna li tressaq ilment li tipprovdi informazzjoni rilevanti huma limitati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ilment, skond l-Artikolu 20(2) iċċitat aktar ’il fuq, ikun qiegħed biss jipprovdi informazzjoni u jista’ jkun biss inċentiv għall-Kummissjoni sabiex tibda investigazzjoni. Ir-rikorrenti tqis li l-informazzjoni li tinsab fl-ilment ta’ l-20 ta’ Jannar 2003, u, b’mod partikolari, fir-rapport anness miegħu, ikun suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tibda investigazzjoni mingħajr dewmien. Il-persuna li tressaq l-ilment tista’ tiġi meħtieġa biss tagħti informazzjoni li l-kontenut tagħha jkun jista’ jiġġustifika “il-bidu ta’ suspett” ta’ għajnuna illegali. L-informazzjoni mogħtija fl-ittra ta’ l-24 ta’ Jannar 2004 tikkompleta jew tattwalizza dik ipprovduta fl-ilment ta’ l-20 ta’ Jannar 2003.

68      Minbarra dan, ir-rikorrenti ssostni li la l-abbozz tad-deċiżjoni, u lanqas id-Deċiżjoni 2005/842 ma jistgħu jġibu fit-tmiem in-nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, peress li l-adozzjoni ta’ att b’portata ġenerali mhijiex ta’ natura li tiġġustifika jew tiskuża l-interruzzjoni tal-proċedura ta’ eżami ta’ l-ilmenti fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat.

69      Il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-data ta’ l-intimazzjoni, is-26 ta’ Jannar 2004, hija bl-ebda mod ma marret kontra l-ħtieġa ta’ l-investigazzjoni preliminari dwar l-għajnuna f’terminu raġonevoli. B’hekk, ir-rikorrenti ma turix li, f’dik id-data, il-Kummissjoni kellha tadotta deċiżjoni li ġġib fi tmiem in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha, li hija l-unika kwistjoni ġuridikament importanti sabiex tadotta deċiżjoni dwar l-allegat nuqqas li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni.

70      Hija tagħraf li l-investigazzjoni preliminari dwar l-għajnuniet li huma s-suġġett ta’ lment ma tistax tiġi mtawla indefinittivament. Madankollu, it-terminu ta’ xahrejn previst fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jistax jiġi mfixkel mal-ħtieġa ta’ terminu raġonevoli impost fuq il-Kummissjoni sabiex tikkonkludi din l-investigazzjoni. Il-karattru raġonevoli tat-terminu għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi proprji għal kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, ta’ l-istadji differenti proċedurali meħtieġa u ta’ l-interess tad-diversi partijiet ikkonċernati.

71      Ir-rikorrenti kienet introduċiet l-ilment tagħha fil-mument fejn il-proċedura li kienet wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, Ġabra p. I‑7747), kienet waslet fit-tmiem tagħha. Peress li din is-sentenza kienet ta’ importanza kbira għall-evalwazzjoni tal-finanzjament pubbliku ta’ l-isptarijiet, il-Kummissjoni stenniet li tingħata s-sentenza qabel ma ħadet pożizzjoni dwar l-ilment tar-rikorrenti, skond il-prinċipju ta’ l-amministrazzjoni tajba. It-terminu ta’ sitt xhur biss bejn l-ittra ta’ intimazzjoni tar-rikorrenti u l-għoti tas-sentenza kien qasir wisq sabiex jippermetti l-adozzjoni ta’ l-abbozz tad-deċiżjoni li hija kienet qiegħda telabora jew sabiex hija tikkonkludi l-eżami preliminari ta’ l-ilment tar-rikorrenti.

72      Min-naħa l-oħra, anki kieku ddeċidiet li tilqa’ t-talba tar-rikorrenti, sitt xhur xorta ma kinux biżżejjed sabiex twettaq investigazzjoni, anki sommarja, u sabiex tadotta deċiżjoni dwar il-finanzjament ta’ aktar minn 700 sptar pubbliku Ġermaniż ikkonċernat, u dan peress li l-miżuri ta’ kjarifika tal-fatti kienu jkunu neċessarji sabiex l-ilment jiġi evalwat ġuridikament.

73      Il-Kummissjoni tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li fiha ġie kkunsidrat li perijodu utili ta’ għaxar xhur huwa terminu raġonevoli filwaqt li laqgħet rikorsi għal nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni meta kienu għaddew perijodi ta’ aktar minn sentejn bejn l-ilment u l-ittra ta’ intimazzjoni, jiġifieri medda ta’ żmien erba’ darbiet aktar minn dak f’dan il-każ partikolari.

74      Minbarra dan, il-Kummissjoni ssostni li hija aġixxiet b’mod suffiċjenti. L-adozzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ l-abbozz tad-deċiżjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 86(3) KE hija ekwivalenti għall-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2005/842, fit-28 ta’ Novembru 2005, temmet in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha u rrendiet inutili kull verifika individwali tal-finanzjament ta’ kull sptar pubbliku mill-Kummissjoni. Għalhekk m’hemmx aktar lok li tagħti sentenza fir-rigward tar-rikors.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

75      Preliminarjament, l-argumenti tal-Kummissjoni li hija ħadet pożizzjoni dwar l-ilment billi adottat l-abbozz tad-deċiżjoni tagħha, u wara d-Deċiżjoni 2005/842, u għaldaqstant m’hemmx aktar lok li tingħata sentenza dwar ir-rikors għal nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni, għandhom jiġu miċħuda.

76      Ċertament, din id-deċiżjoni tistabbilixxi kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-legalità tal-finanzjamenti mill-Istat ikkritikati mir-rikorrenti. B’hekk, il-kompatibbiltà mas-suq komuni u l-eżenzjoni tan-notifika tal-kumpens huma suġġetti, skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2005/842, bl-eżistenza ta’ att uffiċjali li jispeċifika n-natura, il-portata u t-terminu ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku imposti kif ukoll ta’ l-identità ta’ l-impriżi kkonċernati. Skond l-Artikolu 5 ta’ l-istess deċiżjoni, il-kumpens, li jinkludi kull vantaġġ mogħti mill-Istat, tkun xi tkun il-forma, ma jmurx lilhinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ikkawżati mill-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi tas-servizz pubbliku, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni r-rikavat relatat miegħu kif ukoll benefiċċju raġonevoli. Minbarra dan, mill-Artikolu 6 tagħha jirriżulta li l-Istati jeżiġu li l-impriżi kkonċernati jħallsu lura kull kumpens żejjed. Minn dan jista’ għalhekk jiġi dedott li l-kumpens għat-telf li ma jkunx il-korrispettiv ta’ obbligi tas-servizz pubbliku huwa pprojbit u li s-somom in kwistjoni għandhom ikunu rkuprati mill-Istat.

77      Madankollu, l-iffissar ta’ ċerti kriterji astratti f’deċiżjoni ta’ portata ġenerali ma jikkostitwixxix, fih innifsu, teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ilment speċifiku bħal dak tar-rikorrenti. Fil-fatt, dawn il-kriterji jistabbilixxu biss l-elementi li jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-finanzjamenti komparabbli ma’ dawk ikkritikati mir-rikorrenti. Hija biss l-applikazzjoni konkreta tagħhom mill-Kummissjoni għas-sitwazzjonijiet irrapportati mir-rikorrenti li tindika kjarament il-volontà ta’ l-istituzzjoni fir-rigward tat-talba tagħha u, għalhekk, li tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 232 KE.

78      Din hija l-konklużjoni li wieħed għandu jasal għaliha fir-rigward ta’ l-abbozz tad-deċiżjoni. Il-fatt li l-partijiet ikkonċernati – fosthom ir-rikorrenti – kellhom l-okkażjoni li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kontenut tiegħu ma jippermettix li jiġi assimilat mal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 88(2) KE. Din il-konsultazzjoni ppermettiet biss lir-rikorrenti tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar il-kontenut ta’ deċiżjoni ġenerali, u mhux issostni l-argumenti tagħha fuq l-illegalità tal-miżuri rrapportati, kif kien ikollha d-dritt li tagħmel skond l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 659/1999 kieku l-Kummissjoni kellha tiddeċiedi tiftaħ proċedura formali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 88(2) KE.

79      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li fil-mument li fih ġiet intimata sabiex taġixxi skond l-Artikolu 232 KE, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet pożizzjoni dwar l-ilment tar-rikorrenti.

80      Peress li n-nuqqas li tittieħed azzjoni huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ l-istituzzjoni kuntrarju għad-dritt Komunitarju, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, fil-mument ta’ l-intimazzjoni tagħha, fis-26 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni kellhiex obbligu li taġixxi (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, T‑95/96, Ġabra p. II‑3407, punt 71, u Air One vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 45 aktar ’il fuq, punt 60).

81      Safejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali ta’ lment li jirrapporta l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni (sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 45 aktar ’il fuq, punt 61). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax ittawwal, indefinittivament, l-investigazzjonijiet preliminari ta’ miżuri ta’ l-Istat li huma s-suġġett ta’ ilment. In-natura raġonevoli tat-tul ta’ l-investigazzjoni ta’ lment għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, ta’ l-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża (sentenza Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 80 iċċitat aktar ’il fuq, punt 75.

82      L-ilment u l-intimazzjoni tar-rikorrenti ġew irċevuti rispettivament mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Jannar 2003 u s-26 ta’ Jannar 2004.

83      Mill-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-ilment tar-rikorrenti mingħajr ma talbitha tagħti aktar informazzjoni jew spjegatilha r-raġunijiet li għalihom hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħtiha informazzjoni dwar l-istadju tal-proċeduri. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-terminu li fih il-Kummissjoni għandha tikkonkludi l-investigazzjoni preliminari tagħha dwar il-finanzjamenti kkontestati beda jiddekorri fil-jum meta ġie rċevut l-ilment.

84      B’hekk, fil-mument li fih il-Kummissjoni ġiet intimata skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 232 KE, l-eżami preliminari ta’ l-ilment kien ilu għaddej għal 12-il xahar.

85      Kien ġie deċiż li terminu ta’ kważi 6 xhur sabiex tiġi ttrattata kawża ta’ ċerta kumplessità dwar bosta ajruporti Taljani ma jeċċedix il-limiti tat-terminu raġonevoli (sentenza Air One vs Il-Kummissjoni, punt 45 iċċitat aktar ’il fuq, punti 62 sa 67). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Gestevisíón Telecinco vs Il-Kummissjoni, punt 81 iċċitat aktar ’il fuq, punt 80, it-termini tat-trattament ta’ l-ilmenti ta’ 47 xahar għall-ewwel u ta’ 26 xahar għat-tieni ġew ikkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza bħala li jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa meqjus bħala raġonevoli.

86      Peress li t-termini ffissati previsti fir-Regolament Nru 659/1999 għall-għajnuniet innotifikati ma kinux applikabbli għall-għajnuniet mhux innotifikati, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni għandha, bħala prinċipju, tkun f’pożizzjoni li tieħu deċiżjoni bħal din f’terminu ta’ xahrejn, għandu jiġi eskluż.

87      Fil-mument li tressaq l-ilment, il-proċedura fil-kawża li wasslet għas-sentenza Altmark Trans Regierungspräsidium Magdeburg, punt 71 iċċitat aktar ’il fuq, ma kinitx għadha ġiet konkluża. Minħabba l-importanza kbira ta’ din is-sentenza għall-evalwazzjoni tal-finanzjamenti pubbliċi kkritikati mir-rikorrenti, huwa leġittimu li l-Kummissjoni setgħet tipposponi l-eżami tal-kwistjonijiet ta’ fatt li tqajmu mill-ilment sakemm stenniet li jiġi ċċarat il-kuntest ġuridiku li fid-dawl tiegħu kellu jiġi eżaminat l-ilment.

88      Ċertament, il-preparazzjoni ta’ deċiżjoni ġenerali dwar l-għajnuniet mill-Istat taħt forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi responsabbli mill-ġestjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jeżentax lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tagħmel eżami individwali ta’ l-ilment tar-rikorrenti.

89      Hemm intervall ta’ 6 xhur li jissepara l-għoti tas-senteza Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 71 iċċitat aktar ’il fuq, mill-intimazzjoni. Madankollu, il-kawża hija bla dubju kumplessa. L-ilment ikopri l-isptarijiet kollha tas-settur pubbliku fil-Ġermanja, għal numru ta’ aktar minn 700, mingħajr madankollu ma jidentifikahom individwalment, u jikkritika kemm il-kumpens mill-korpi pubbliċi ta’ telf eventwali ta’ l-isptarijiet kif ukoll l-għoti ta’ garanzija, mingħajr ma jagħti detalji speċifiċi dwar l-għajnuna rċevuta minn kull sptar previst.

90      Fir-rigward tal-kumplessità tal-kawża, dan it-terminu kien, fi kwalunkwe każ, qasir wisq sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi l-investgiazzjoni preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-finanzjamenti rrapportati mir-rikorrenti.

91      Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fid-data ta’ l-intimazzjoni, it-terminu ta’ l-eżami ta’ l-ilment ma kienx jeċċedi l-limiti ta’ dak li huwa meqjus bħala raġonevoli.

92      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

93      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

94      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Minn dan isegwi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Asklepios Kliniken GmbH għandha tbati, flimkien ma’ l-ispejjeż tagħha, dawk tal-Kummissjoni.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Legal

Wiszniewska-Białecka

Moavero Milanesi

Mogħtija fil-qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta’ Lulju 2007.

Reġistratur

 

      President

E. Coulon

 

       H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.