Language of document : ECLI:EU:T:2007:215

Kawża T-167/04

Asklepios Kliniken GmbH

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Sptarijiet pubbliċi — Kumpens għal telf mill-operat u għoti ta’ garanziji — Ilment — Nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni — Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Locus standi — Ammissibbiltà — Terminu raġonevoli — Regolament (KE) Nru 659/1999”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Ommissjonijiet li jikkonċernawhom direttament u individwalment

(Artikoli 88(2) u (3) KE, 230 KE u 232 KE)

2.      Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni — Teħid ta’ pożizzjoni skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 232 KE — Kunċett

(Artikolu 88(2) KE u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 232 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 20)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Investigazzjoni mill-Kummissjoni

(Artikolu 88(3) KE)

1.      Peress li l-Artikoli 230 KE u 232 KE huma l-espressjoni ta’ wieħed u l-istess rimedju legali, jirriżulta li meta jkun ammissibbli rikors għal annullament imressaq mill-kompetitur attwali jew potenzjali tal-benefiċjarji ta’ għajnuna mill-Istat, bil-għan li jiġu mħarsa d-drittijiet proċedurali tiegħu in kwantu parti interessata, mogħtija lilu mill-Artikolu 88(2) KE, kontra deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-Kummissjoni meħuda mingħajr ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni, ikun ammissibbli r-rikors imressaq minnu sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 88(3) KE wara lment tiegħu, mingħajr ma jkun neċessarju, sabiex ikun rikonoxxut li huwa parti interessata, li tintwera l-eżistenza ta’ rapport ta’ kompetizzjoni bejnu u bejn  il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna rrapportata, u mingħajr ma l-ammissibbiltà ta’ tali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni tiġi affettwata min-numru kbir ta’ benefiċjarji ta’ l-għajnuniet allegatament illegali, sakemm dawn ikunu ġew effettivament imħallsa u ma jkunux jikkostitwixxu skema ġenerali ta’ għajnuna.

(ara l-punti 45, 48, 50, 55-56)

2.      L-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni ta’ portata ġenerali li tiffissa kriterji astratti ta’ evalwazzjoni tal-legalità tal-finanzjamenti mill-Istat, simili għal dawk li huma s-suġġett ta’ lment speċifiku kontra miżuri nazzjonali li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat ma tistax tikkostitwixxi, fiha nfisha, teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ilment, peress li hija biss l-applikazzjoni konkreta, mill-Kummissjoni, ta’ dawn il-kriterji għas-sitwazzjonijiet irrapportati li tista’ titqies bħala teħid ta’ pożizzjoni skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 232 KE. Bl-istess mod, il-fatt li l-partijiet ikkonċernati, inkluża l-persuna li tressaq l-ilment, setgħu jagħmlu l-kummenti tagħhom dwar l-abbozz ta’ tali deċiżjoni ġenerali ma jistax jiġi assimilat mal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 88(2) KE.

(ara l-punti 77-78)

3.      Safejn hija għandha kompetenza esklużiva sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha, fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali ta’ lment li jirrapporta l-eżistenza ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni, li ma jeżonerahiex milli tipprepara deċiżjoni ġenerali dwar il-kategorija ta’ għajnuniet li taqa’ fiha l-miżura rrapportata.

Madankollu, in-natura raġonevoli tat-tul ta’ l-investigazzjoni ta’ lment dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża u, b’mod partikolari, tal-kuntest tagħha, ta’ l-istadji proċedurali differenti li l-Kummissjoni għandha ssegwi u tal-kumplessità tal-kawża, u l-Kummissjoni tista’ leġittimament tipposponi l-eżami ta’ ċerti aspetti ta’ lment sakemm tistenna kjarifika tal-kuntest ġuridiku, li l-investigazzjoni ta’ l-imsemmi lment għandha ssir fid-dawl tiegħu, li ġġib magħha l-konklużjoni ta’ proċeduri sinjifikattivi quddiem il-qorti Komunitarja għall-evalwazzjoni ta’ l-għajnuna rrapportata.

(ara l-punti 81, 87-89)