Language of document : ECLI:EU:T:2004:312

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

21 ta' Ottubru 2004 (*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Att li jikkonċerna individwalment lir-rikorrenti – Artikolu 87(1) KE – Ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid tal-ħlas ta' djun u l-ħlas lura tagħhom – Kriterju tal-kreditur privat"

Fil-kawża T-36/99,

Lenzing AG, stabbilita f'Lenzing (l-Awstrija), inizjalment irrappreżentata minn H.-J. Niemeyer, u wara minn I. Brinker u U. Soltész, avocats,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Kreuschitz u D. Triantafyllou, bħala aġenti, assistiti minn M. Núñez-Müller, avocat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

                                                                                           intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/395/KE, tat-28 ta' Ottubru 1998, dwar l-għajnuna mogħtija minn Spanja lil Sniace SA, stabbilita f'Torrelavega, Kantabrija (ĠU 1999 L 149, p. 40), kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/43/CE, ta' l-20 ta' Settembru 2000 (ĠU 2001, L 11, p. 46),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla Estiża),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, P. Lindh, J. D. Cooke, H. Legal u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Ottubru 2003,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli

1       Skond l-Artikolu 20 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1994, ta' l-20 ta' Ġunju 1994, li japprova t-test ikkodifikat tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (BOE Nru 154, tad-29 ta' Ġunju 1994, p. 20658, iktar 'il quddiem il-"liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali"):

"1. Djun fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew ta' kontribuzzjonijiet miżjuda, kif ukoll djun fir-rigward ta' riżorsi ta' sigurtà soċjali li mhumiex kontribuzzjonijiet, jistgħu jiġu ppjanati mill-ġdid jew imħallsa bin-nifs.

[…]

3. L-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas lura bin-nifs ta' djun fir-rigward tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu akkordati taħt il-forma u l-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni. Sabiex tkun valida, id-deċiżjoni amministrattiva li tawtorizza l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas lura bin-nifs għandha tipprovdi għal garanzija li tkopri l-obbligu, skond id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fis-seħħ, billi jiġu kkostitwiti drittijiet reali jew personali, ħlief jekk hemm raġunijiet eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-għoti ta' deroga.

4. L-ippjanar mill-ġdid jew il-ħlas lura bin-nifs ta' djun fir-rigward tas-sigurtà soċjali jagħtu lok, mid-data li fiha tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni għall-ippjanar mill-ġdid jew għall-ħlas lura bin-nifs sad-data tal-ħlas, għall-ħlas ta' mgħaxijiet bir-rata ta' mgħax statutorja li tkun fis-seħħ fiż-żmien ta' l-awtorizzazzjoni, b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi 24/1984, tad-29 ta' Ġunju 1984, dwar l-emenda tar-rata ta' mgħax statutorja."

2       Skond l-Artikolu 27 tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali, id-djun ippjanati mill-ġdid huma suġġetti għal penalitajiet għal ħlas tardiv.

3       Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas lura bin-nifs ta' djun fir-rigward tas-sigurtà soċjali huma stipulati fid-Digriet Irjali Nru 1637/1995, tas-6 ta' Ottubru 1995, li japprova r-Regolament Ġenerali dwar il-ġbir tar-riżorsi tas-sistema ta' sigurtà soċjali (BOE Nru 254, ta' l-24 ta' Ottubru 1995, p. 30844). L-Artikolu 40(1) ta' dan id-Digriet Irjali jipprovdi b'mod partikolari li:

"Il-ħlas ta' djun fir-rigward tas-sigurtà soċjali jista' jiġi ppjanat mill-ġdid jew isir bin-nifs, kemm matul il-perijodu ta' ħlas volontarju kif ukoll matul l-eżekuzzjoni imposta, fuq it-talba tad-debituri li minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħhom, u ċirkustanzi speċjali oħra, li l-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali jevalwa, ma jistgħux iħallsu d-djun tagħhom."

4       L-ippjanar mill-ġdid tad-djun fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali huwa rregolat ukoll mill-Artikoli 11 sa 27 tad-Digriet tal-Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tat-22 ta' Frar 1996 li jimplementa r-Regolament Ġenerali dwar il-ġbir tar-riżorsi tas-sistema ta' sigurtà soċjali (BOE Nru 52, tad-29 ta' Frar 1996, p. 7849).

5       Il-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta' Garanzija tas-Salarji, iktar 'il quddiem il-"Fogasa") huwa organizzazzjoni indipendenti taħt il-kontroll tal-Ministeru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali, li għandu personalità ġuridika u l-kapaċità li jaġixxi legalment sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu. Il-funzjoni prinċipali tiegħu tikkonsisti, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 33 tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv Nru 1/1995, ta' l-24 ta' Marzu 1995, li japprova t-test ikkodifikat tal-liġi dwar l-Istatut tal-ħaddiema (BOE Nru 75, tad-29 ta' Marzu 1995, p. 9654, iktar 'il quddiem l-"Istatut tal-ħaddiema"), fi ħlas "lill-ħaddiema tas-salarji tagħhom li ma jkunux tħallsu minħabba insolvenza, sospensjoni ta' ħlasijiet, falliment jew sitwazzjoni ta' konkorrenza bejn il-kredituri tan-negozju". Ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 33 jimponi fuq il-Fogasa l-obbligu li jissurroga ruħu fil-jeddijiet u l-azzjonijiet tal-ħaddiema sabiex jikseb il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa.

6       Il-formalitajiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jinkiseb dan il-ħlas lura huma stipulati fid-Digriet Irjali Nru 505/85, tas-6 ta’ Marzu 1985, dwar l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Fogasa (BOE Nru 92, tas-17 ta’ April 1985, p. 10203), li jissupplimenta l-Istatut tal-ħaddiema. L-Artikolu 32 ta’ dan id-Digriet Irjali jipprovdi li:

"1. Sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru ta’ l-ammonti dovuti, il-[Fogasa] jista’ jilħaq ftehim ta’ ħlas lura li jiddefinixxu l-aspetti li għandhom x’jaqsmu mal-forma, mat-termini ta' żmien u mal-garanziji, billi jorbot l-effett ta’ l-azzjoni surrogatorja mar-rekwiziti li l-impriża tkompli titmexxa u li jinżammu l-impiegi.

L-ammonti li l-ħlas lura tagħhom ikun ġie ppjanat mill-ġdid għandhom ikunu suġġetti għal imgħax bir-rata statutorja fis-seħħ.

2. Il-qorti li quddiemha jkunu nfetħu proċedimenti ta’ eżekuzzjoni imposta għandha, fejn xieraq, tiġi informata meta jintlaħaq ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid tal-ħlas lura tad-dejn.

3. In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-ftehim iwassal għar-rexissjoni tal-ftehim; [Fogasa] għandu jeżerċita l-azzjonijiet kollha li huwa obbligat jeżerċita u jista’ jitlob il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti li jkunu ġew sospiżi.

[…]"

7       It-tilħiq ta’ ftehim dwar ħlas lura ta’ l-ammonti mħallsa minn Fogasa huwa rregolat mid-Digriet tal-Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċali ta’ l-20 ta’ Awwissu 1985 (BOE Nru 206, tat-28 ta’ Awwissu 1985, p. 27071). Dan id-Digriet jiffissa l-kriterji oġġettivi li l-Fogasa għandu josserva, filwaqt li jispeċifika li dawn japplikaw "fil-limiti tad-diskrezzjoni neċessarja li tippermetti li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ". L-Artikolu 2(1) ta’ l-istess Digriet jistabbilixxi t-termini massimi ta’ żmien li matulhom id-dejn jista’ jiġi ppjanat mill-ġdid. L-Artikolu 3 tiegħu jipprovdi li għandha tintalab garanzija "meqjusa suffiċjenti". Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 6(3), il-Fogasa jista’ jirrifjuta kull talba ta’ ppjanar mill-ġdid jew ta’ ħlas lura bin-nifs.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8       Lenzing AG (iktar ‘il quddiem ir-"rikorrenti") hija kumpannija Awstrijaka li tippoduċi u tikkummerċjalizza fibri taċ-ċelluloża (viscose, modal u lyocell).

9       Sniace SA (iktar ‘il quddiem "Sniace"), hija kumpannija Spanjola li tipproduċi ċelluloża, karti, fibri tal-viscose, fibri sintetiċi u sulfat tas-sodju. Hija stabbilita f’Kantabrija (Spanja), li, minn Settembru ta' l-1995, hija reġjun li huwa eliġibbli sabiex jibbenefika minn għajnuna taħt l-Artikolu 92(3)(a) tat-Trattat KE [li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(3)(a) KE].

10     F’Marzu 1993, il-qrati Spanjoli ordnaw is-sospensjoni ta’ ħlasijiet minn Sniace, li kienet ilha tinsab f’diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji għal ħafna snin. F’Ottubru ta' l-1996, il-kredituri privati ta’ Sniace laħqu ftehim fejn iddeċidew li jikkonvertu 40% tad-djun dovuti lilhom f’ishma fil-kumpannija; ftehim li rriżulta fir-revoka ta’ l-ordni ta' sospensjoni tal-ħlasijiet. Billi użaw id-dritt tagħhom ta’ astensjoni, il-kredituri pubbliċi ta’ Sniace ddeċidew li ma jieħdux sehem f’dan il-ftehim.

11     Fil-5 ta’ Novembru 1993 u l-31 ta’ Ottubru 1995, Sniace laħqet diversi ftehim mal-Fogasa dwar il-ħlas lura lil dan ta’ l-aħħar ta' l-arretrati tas-salarji u l-indennizzi li dan kien ħallas lill-impjegati ta’ Sniace. L-ewwel ftehim kien jipprovdi għall-ħlas lura tas-somma ta’ 897 652 789 pesetas Spanjoli (ESP), flimkien ma’ ESP 465 055 911 bħala mgħaxijiet ikkalkulati bir-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 10%, imħallsa bin-nifs darba kull sitt xhur għal perijodu ta’ tmien snin (iktar ‘il quddiem il-"ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993"). It-tieni ftehim kien jipprovdi għall-ħlas lura tas-somma ta’ ESP 229 424 860 flimkien ma’ ESP 110 035 018 bħala mgħaxijiet ikkalkulati bir-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9%, imħallsa bin-nifs darba kull sitt xhur għal perijodu ta’ tmien snin (iktar ‘il quddiem il-"ftehim tal-31 ta’ Ottubru 1995"). Sabiex tingħata garanzija għad-djun dovuti lill-Fogasa, Sniace kkostitwiet favur dan ta’ l-aħħar, fl-10 ta’ Awwissu 1995, ipoteka fuq żewġ proprjetajiet tagħha. L-ammont imħallas lura minn Sniace fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ ftehim kien ta' ESP 186 963 594 f’Ġunju ta' l-1998.

12     Fit-8 ta’ Marzu 1996, il-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali (iktar ‘il quddiem l-"FĠSS") laħaq ftehim ma’ Sniace sabiex id-djun ta’ din ta’ l-aħħar fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li kienu jammontaw għas-somma totali ta’ ESP 2 903 381 848 għall-perijodu minn Frar ta' l-1991 sa Frar ta' l-1995 jiġu ppjanati mill-ġdid (iktar ‘il quddiem il-"ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996"). Dan il-ftehim kien jipprovdi għall-ħlas lura ta’ din is-somma, flimkien ma’ l-imgħaxijiet ikkalkulati bir-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9%, imħallsa bin-nifs kull xahar għall-perijodu ta’ 96 xahar li jispiċċa f’Marzu ta' l-2004. Dan ġie emendat permezz ta’ ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996, li kien jipprovdi għal differiment b’sena tal-ħlas, il-ħlas lura bin-nifs kull xahar għall-perijodu ta’ 84 xahar u l-applikazzjoni tar-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9% (iktar ‘il quddiem il-"ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996"). Peress li dawn il-ftehim ma ġewx rispettati minn Sniace, huma ġew issostitwiti minn ftehim ġdid li ntlaħaq fit-30 ta’ Settembru 1997 bejn din il-kumpannija u l-FĠSS (iktar ‘il quddiem il-"ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997"). Is-somma li kellha titħallas lura telgħat għal ESP 3 510 387 323, liema somma kienet tikkorrispondi għal arretrati ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-perijodu minn Frar ta' l-1991 sa Frar ta' l-1997, flimkien mal-penalitajiet għal ħlas tardiv li kienu jammontaw għal ESP 615 056 349, u kellha titħallas fuq perijodu ta’ għaxar snin. Matul l-ewwel sentejn, kellhom jitħallsu biss l-imgħaxijiet, ikkalkulati bir-rata annwali ta’ 7.5%, filwaqt li l-ħlasijiet li kellhom jiġu affettwati fis-snin ta’ wara kienu jkopru kemm il-kapital kif ukoll l-imgħaxijiet. F’April ta' l-1998, Sniace kienet ħallset lura ESP 216 118 863 fil-kuntest tal-ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997.

13     Fl-4 ta’ Lulju 1996, ir-rikorrenti ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni dwar numru ta’ sitwazzjonijiet ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat li kienet allegatament ingħatat lil Sniace matul diversi snin mill-aħħar tas-snin 80. Hija bagħtet informazzjoni supplimentari lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tas-26 ta’ Novembru u tad-9 ta’ Diċembru 1996. L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 1997.

14     Permezz ta’ ittra ta’ l-10 ta’ Marzu 1997, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li ebda azzjoni ma kienet ser tittieħed fir-rigward ta’ l-ilment tagħha minħabba l-fatt li ma kinux ingħataw provi biżżejjed li juru li Sniace kienet ibbenefikat minn għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE).

15     Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ April 1997, ir-rikorrenti bagħtet informazzjoni supplimentari lill-Kummissjoni in sostenn ta' l-ilment tagħha, inkluż pjan ta’ vijabbiltà fir-rigward ta’ Sniace, imfassal f’Awwissu ta' l-1996 minn kumpannija privata ta’ konsulenza fuq talba tal-Ministeru ta' l-Industrija tal-Gvern Reġjonali ta’ Kantabrija. Ir-rikorrenti kellha laqgħa mal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 1997. Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 1997, hija tat lil din ta’ l-aħħar ċertu informazzjioni dwar is-suq Ewropew tal-fibri ta’ viscose.

16     Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni informat lill-Gvern Spanjol li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(2) KE) fir-rigward ta’ wħud mill-allegati għajnuniet li lmentat dwarhom ir-rikorrenti, fosthom il-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 u tal-31 ta’ Ottubru 1995 u n-"nuqqas ta’ rkupru tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mill-1991", u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri l-oħra u l-partijiet ikkonċernati ġew informati bil-ftuħ ta’ din il-proċedura u ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din l-ittra fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-14 ta’ Frar 1998 (ĠU C 49, p. 2). Il-Gvern Spanjol bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 1997. Ċerti partijiet terzi interessati, inkluża r-rikorrenti permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 1998, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li fuqhom ikkummenta l-Gvern Spanjol permezz ta’ ittra ta’ l-24 ta’ Ġunju 1998. Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ April 1998, dan ta’ l-aħħar irrisponda d-domandi magħmula mill-Kummissjoni f’ittra tat-23 ta’ Frar 1997.

17     Fit-28 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/395/KE dwar l-għajnuna mogħtija minn Spanja lil Sniace SA, stabbilita f'Torrelavega, Kantabrija (ĠU 1999 L 149, p. 40; "id-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998").

18     Il-parti operattiva ta’ din id-Deċiżjoni tgħid li ġej:

"Artikolu 1

L-għajnuna li ġejja mogħtija minn Spanja lil [Sniace] hija inkompatibbli mas-suq komuni:

a)       il-ftehim tat-8 ta’ Marzu 1996 (emendat mill-ftehim tas-7 ta’ Mejju 1996) bejn Sniace u l-[FĠSS] dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ dejn għas-somma totali ta’ ESP 2 903 381 848, bħala kapital, kif emendat għal darb’oħra mill-ftehim tat-30 ta’ Settembru 1997 dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ djun għas-somma totali ta’ ESP 3 510 387 323, bħala kapital, safejn ir-rata ta’ mgħax kienet inferjuri għar-rati tas-suq; u

b)       il-ftehim tal-5 ta’ Novembru 1993 u tal-31 ta’ Ottubru 1995 bejn Sniace u l-[Fogasa] dwar żewġ ammonti ta’ ESP 1 362 708 700 u ESP 339 459 878 rispettivament (imgħaxijiet inklużi), safejn ir-rata ta’ mgħax kienet inferjuri għar-rati tas-suq.

Għal dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet l-oħra koperti mill-proċeduri li nbdew skond l-Artikolu [88(2) KE], jiġifieri garanzija ta’ self li tammonta għal biljun [ESP] u awtorizzata bil-liġi 7/93, l-arranġamenti finanzjarji għall-kostruzzjoni ta’ impjant għat-trattament ta’ l-iskart u t-tħassir parzjali ta’ djun mill-Kunsill Muniċipali ta’ Torrelavega, dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux għajnuna u l-proċedura tista’ tingħalaq. Madankollu, Spanja għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni dwar l-istimi emendati mill-Kunsill Muniċipali ta’ Torrelavega tat-taxxa fuq l-attivitajiet ekonomiċi li għandha titħallas minn Sniace għas-sena 1995 u s-snin ta’ wara. Għal dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet għall-ħarsien ta’ l-ambjent li ma tħallsux għall-perijodu 1987-1995, il-Kummissjoni ser tadotta deċiżjoni separata iktar ‘il quddiem.

Artikolu 2

1. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupra mill-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 u mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu illegalment.

2. L-irkupru ta’ l-għajnuna għandu jiġi effettwat skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali. L-ammonti li għandhom jinġabru lura għandhom ikunu suġġetti għal imgħaxijiet li jibdew jiddekorru mill-ġurnata li fiha huma tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sa l-irkupru effettiv tagħhom. L-imgħaxijiet huma kkalkulati abbażi tar-rata ta’ referenza applikabbli.

Artikolu 3

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu magħha.

 Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta’ Spanja."

 Is-sentenza Tubacex u d-Deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 2000

19     Permezz ta’ talba ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti fl-24 ta’ Diċembru 1998, ir-Renju ta’ Spanja ressaq rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998 (kawża C-479/98). Il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża għall-ewwel darba, permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1999, sakemm tiġi deċiża s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-342/96, Spanja vs Il-Kummissjoni, li kienet qajmet kwistjonijiet simili.

20     Din l-aħħar kawża kellha bħala suġġett rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/21/KEFA, KE, tat-30 ta’ Lulju 1996, dwar għajnuna mogħtija mill-Istat lill-Compañía Española de Tubos por Extrusión SA, li tinsab f'Llodio (Álava) (ĠU 1997, L 8, p. 14). Permezz ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet sabet li ċerti ftehim dwar ħlas lura li kienu ntlaħqu bejn il-Compañía Española de Tubos por Extrusión (iktar ‘il quddiem "Tubacex"), il-kumpannija sussidjarja tagħha Acería de Álava u l-Fogasa kif ukoll li ċerti ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas bin-nifs ta’ kontribuzzjonijiet li ntlaħqu bejn l-istess impriżi u l-FĠSS kien fihom elementi ta’ għajnuna mogħtija illegalment u inkompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87 KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 3855/91/KEFA, tas-27 ta’ Novembru 1991, li tistabbilixxi r-regoli Komunitarji għall-għajnuna mogħtija lill-industrija ta’ l-azzar (ĠU L 362, p. 57), "inkwantu r-rata ta’ mgħax applikata [kienet] inferjuri għar-rati tas-suq". Skond il-Kummissjoni, fil-fatt, l-applikazzjoni tar-rata ta’ mgħax statutorja ta’ 9% għall-ftehim in kwistjoni ma kinitx tikkorispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq, li fihom ir-rata medja ta’ mgħax applikata mill-banek privati ta’ Spanja għal self għal perijodu itwal minn tliet snin kienet konsiderevolment ogħla.

21     Fid-29 ta' April 1999, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża C-342/96 (Ġabra p. I-2459, iktar 'il quddiem is-"sentenza Tubacex"). Qabel kollox, hija kkonstatat li l-Fogasa ma kienx jislef flus lil impriżi fi stat ta' falliment jew f'diffikultà, iżda kien jissodisfa t-talbiet leġittimi kollha ppreżentati mill-ħaddiema bil-flus li huwa kien iħallas u wara jirkupra mill-impriżi. Hija żiedet tgħid li l-Fogasa seta' jilħaq ftehim dwar ħlas lura li jippermettulu jippjana mill-ġdid jew li jippermetti li l-ħlas isir bin-nifs u li, bl-istess mod, l-FĠSS seta' jilħaq ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas bin-nifs tad-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat sussegwentement li l-Istat ma kienx aġixxa bħala investitur pubbliku li l-intervent tiegħu kellu jiġi mqabbel ma' l-aġir ta' investitur privat li jinvesti l-kapital tiegħu bl-għan li jagħmel profitt fi żmien relattivament qasir, iżda bħala "kreditur pubbliku li, bħal kreditur privat, jipprova jirkupra l-ammonti dovuti lilu u li, għal dak il-għan, jilħaq ftehim mad-debitur, li bis-saħħa tagħhom id-djun akkumulati jiġu ppjanati mill-ġdid jew imħallsa bin-nifs sabiex jiġi ffaċilitat il-ħlas lura tagħhom" (punt 46). Hija ppreċiżat li l-ftehim in kwistjoni kienu ntlaħqu minħabba ċ-ċirkustanza li kienet teżisti qabel l-obbligu stipulat mil-liġi għal Tubacex li tħallas lura is-salarji mħallsa mill-Fogasa u li tħallas id-djun fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u li l-ftehim ma ħolqux għalhekk djun ġodda dovuti minn Tubacex lill-awtoritajiet pubbliċi (punt 47). Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li "[l-] imgħaxijiet li normalment japplikaw għal dawn it-tipi ta' djun huma dawk li huma intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għad-danni subiti mill-kreditur minħabba d-dewmien fl-eżekuzzjoni min-naħa tad-debitur ta' l-obbligu tiegħu li jħallas id-dejn, jiġifieri l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv", u li, "[f']każ li r-rata ta' l-imgħax għal ħlas tardiv applikabbli għad-djun dovuti lil kreditur pubbliku mhijiex l-istess bħar-rata applikabbli għad-djun dovuti lil kreditur privat, għandha tiġi applikata din l-aħħar rata f'każ li hija ogħla minn ta' l-ewwel" (punt 48). Fid-dawl ta' dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Deċiżjoni 97/21 "f'dak illi hija tiddikjara li l-miżuri adottati mir-Renju ta' Spanja fir-rigward ta' [Tubacex] huma inkompatibbli ma' l-Artikolu [87 KE] inkwantu r-rata ta' imgħax ta' 9% applikata għas-somom dovuti minn din ta' l-aħħar lill-Fogasa u lill-FĠSS hija inferjuri għar-rati applikabbli fis-suq".

22     Fil-kawża C-479/98, il-Kummissjoni għarrfet lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta' ittta tas-17 ta' Ġunju 1999, li fid-dawl tas-sentenza Tubacex, hija kellha l-intenzjoni li tipproċedi bir-revoka parzjali tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 u li terġa tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE sabiex tirċievi minn qabel l-osservazzjonijiet ta' partijiet terzi kkonċernati. Għaldaqstant, hija talbet, skond l-Artikolu 82a(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sospenzjoni tal-proċedura f'din il-kawża sakemm isseħħ l-imsemmija revoka parzjali. Permezz ta' deċiżjoni ta' l-1 ta' Lulju 1999, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa' din it-talba.

23     Wara s-sentenza Tubacex, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid id-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998. Permezz ta' ittra tas-16 ta' Frar 2000, hija informat lill-Gvern Spanjol bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta' "elementi ta' għajnuna […] meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq komuni u msemmija fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998]" u stednitu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. L-Istati Membri oħrajn u l-partijiet ikkonċernati ġew informati bil-ftuħ ta' din il-proċedura u ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom permezz tal-pubblikazzjoni ta’ din l-ittra fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta’ l-15 ta’ April 2000 (ĠU C 110, p. 33). Il-Gvern Spanjol bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta' ittra tad-19 ta' April 2000.

24     Fl-20 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/43/KE li temenda d-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 (ĠU 2001, L 11, p. 46, iktar 'il quddiem id-"Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000").

25     Il-punt V "Evalwazzjoni" tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 jgħid li ġej:

"(20) Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra jekk l-elementi meqjusa bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998] jikkostitwixxux jew le għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) [KE]. Jekk jidher li ngħatat għajnuna mill-Istat fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni jkollha tivverifika jekk din hijiex kompatibbli mas-suq komuni.

(21)      L-elementi ta' fatt u ta' dritt li jinsabu fis-sentenza Tubacex huma simili għal dawk li invokat Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża C-479/98 u dawk imqajma minn Sniace quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-190/99 kontra d-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998]. Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja f'din is-sentenza japplikaw ukoll għall-ftehim li ntlaħqu bejn Sniace u l-Fogasa u għal dawk li ntlaħqu bejn Sniace u l-[FĠSS], li fid-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998] ġew meqjusa bħala li fihom għajnuna mogħtija mill-Istat.

(22)      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li Sniace kienet diġà suġġetta għall-obbligu statutorju pre-eżistenti li tħallas lura s-salarji mħallsa bil-quddiem mill-Fogasa u li tħallas id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Il-ftehim in kwistjoni ma ħolqux għalhekk dejn ġdid dovut minn Sniace lill-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, fil-ftehim dwar ħlas lura tal-Fogasa u fil-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid ta' l-[FĠSS], l-Istat ma aġixxiex bħala investitur puibbliku li l-intervent tiegħu għandu jiġi mqabbel ma' l-aġir ta' investitur privat li jinvesti l-kapital tiegħu bl-għan li jagħmel profitt minn dan, iżda bħala kreditur pubbliku li, bħal kreditur privat, jipprova jirkupra l-ammonti li huma dovuti lilu. Konsegwentement, għall-iskopijiet ta' l-evalwazzjoni ta' l-għajnuna mogħtija mill-Istat ikkontestata, il-Kummissjoni għandha tqabbel l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv applikabbli għad-djun dovuti lill-kreditur pubbliku ma' dawk li huma applikabbli għad-djun dovuti lill-kredituri privati f'ċirkustanzi simili.

(23)      Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sitwazzjonijiet partikolari tad-debituri u tal-kredituri jistgħu jrendu iktar ikkumplikata d-determinazzjoni tal-komportament komuni li jadottaw il-kredituri privati li jippruvaw jirkupraw l-ammonti dovuti lilhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq analiżi tal-komportament ta' kredituri privati każ b'każ.

(24)      F'din il-kawża, wara t-talba ppreżentata minn Sniace fl-1992, il-qrati Spanjoli ordnaw is-sospensjoni ta' ħlasijiet f'Marzu ta' l-1993. Billi użaw id-dritt tagħhom ta’ astensjoni, il-kredituri pubbliċi ta’ Sniace ddeċidew li ma jieħdux sehem fil-ftehim ta' Ottubru ta' l-1996 li ntlaħaq bejn il-kredituri fil-kuntest tal-proċedura ta' sospensjoni ta' ħlasijiet. Kif ikkonstatat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni li fiha ddeċidiet tiftaħ il-proċeedura, billi użaw id-dritt tagħhom ta' astensjoni, il-kredituri pubbliċi kienu qed jipproteġu l-krediti kollha tagħhom.

(25)      Il-ftehim bejn il-Fogasa u Sniace, minn naħa, u bejn is-sigurtà soċjali u Sniace, min-naħa l-oħra, ma tawx lil din l-impriża trattament preferenzjali meta mqabbel mat-trattament previst fil-ftehim bejn il-kredituri privati.

(26)      Madankollu, il-kundizzjonijiet offerti lill-kredituri privati ma kinux l-istess bħal dawk mogħtija lill-kredituri pubbliċi minħabba l-istatus tagħhom, il-garanziji pprovduti u d-dritt ta' astensjoni li jgawdu minnu l-awtoritajiet pubbliċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali trattament komparattiv ma jikkostitwixxix f'dan il-każ applikazzjoni korretta tal-kriterju ta' "kreditur privat", kif iddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja, li – kif hija enfasizzat sussegwentement fis-sentenza tagħha tad-29 ta' Ġunju 1999 fil-kawża DMT (C-256/97) – jippresupponi li l-komportament tal-kredituri pubbliċi in kwistjoni għandu jiġi mqabbel ma' dak ta' kreditur privat ipotetiku li jinsab, safejn hu possibbli, fl-istess sitwazzjoni.

(27)      Il-Kummissjoni tikkonstata li l-Artikolu 1108 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol jiddisponi li r-rata ta' mgħax statutorja hija dik li tapplika għall-kumpens għad-dannu soffert mill-kreditur meta d-debitur ma jħallasx fiż-żmien stipulat u meta ma tkunx ġiet stibbilita rata oħra ta' mgħax. Barra minn hekk, l-Artikolu 312 tal-Liġi Kummerċjali Spanjola jiddisponi li, f'każ ta' self ta' flus u meta ma jeżistix ftehim speċifiku bejn il-partijiet, id-debitur għandu jħallas lura l-valur legali [...] tad-dejn fid-data li jsir il-ħlas lura. Għaldaqstant, ir-rata ta' mgħax statutorja tkun l-għola rata li kreditur privat jista' jistenna li jikseb li kieku jipprova jikseb l-irkupru tad-dejn b'mezzi legali.

(28)      Għaldaqstant, kreditur privat ma setax jikseb mid-debitur rata ta' mgħax fuq il-ħlasijiet b'lura għola mir-rata ta' mgħax statutorja bħala kumpens talli ma pprovax jikseb l-irkupru tad-dejn b'mezzi legali.

(29)      Fl-aħħar nett, għandha tiġi enfasizzata s-sitwazzjoni partikolari ta' Sniace fid-data meta laħqet il-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid mal-Fogasa u ma' l-[FĠSS]. Din l-impriża kienet tinsab f'diffikultajiet finanzjarji serji, li wasslu għas-sospensjoni ta' ħlasijiet u li kkompromettew serjament is-sopravivenza tagħha. Kif indikat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tagħha [tat-28 ta' Ottubru 1998], billi evita li jipproċedi għall-irkupru sabiex ma jipprovokax l-istralċ ta' impriża, l-[FĠSS] aġixxa b'mod li żied sakemm l-aktar seta' l-prospetti tiegħu li jirkupra d-dejn.

(30)      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu, il-Kummissjoni taċċetta li, f'dan il-każ, billi ppjanat mill-ġdid id-djun dovuti minn Sniace u billi applikat r-rata ta' mgħax statutorja, Spanja pprovat iżżid sakemm l-aktar setgħet il-prospetti tagħha li tirkupra l-ammonti kollha dovuti lilha mingħajr ma ssofri telf finanzjarju. Għaldaqstant, Spanja aġixxiet daqs li kieku kienet kreditur privat ipotetiku li jinsab fl-istess sitwazzjoni fil-konfront ta' Sniace."

26     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, fid-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, li "il-ftehim dwar ħlas lura li ntlaħqu bejn il-Fogasa u Sniace u l-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid bejn is-sigurtà soċjali u Sniace ma [jikkostitwixxux] għajnuna mogħtija mill-Istat" (premessa 31) u li, għaldaqstant, "[kien] hemm lok li tiġi emendata d-Deċiżjoni tagħha [tat-28 ta' Ottubru 1998]" (premessa 32).

27     Il-parti operattiva tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 tipprovdi:

"Artikolu 1

Id-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998] hija emendata kif ġej:

1)      L-Artikolu 1(1) huwa sostitwit mill-paragrafu li ġej:

         ‘Il-miżuri li ġejjin implementati minn Spanja favur [Sniace] ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat:

a)il-ftehim tat-8 ta' Marzu 1996 (emendat mill-ftehim tas-7 ta' Mejju 1996) bejn Sniace u l-[FĠSS] dwar l-ippjanar mill-ġdid ta' dejn għas-somma totali ta' [ESP] 2 903 381 848 (jew EUR 17 449 676,34), bħala kapital, kif emendat għal darb’oħra mill-ftehim tat-30 ta' Settembru 1997 dwar l-ippjanar mill-ġdid ta’ djun għas-somma totali ta’ [ESP] 3 510 387 323 (jew EUR 21 097 852,72), bħala kapital u

b) il-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995 bejn Sniace u l-[Fogasa] dwar żewġ ammonti ta' [ESP] 1 362 708 700 (jew EUR 8 190 044.23) u ta' [ESP] 339 459 878 (jew EUR 2 040 194.96) rispettivament.'

2)      L-Artikolu 2 huwa mħassar.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja."

28     Id-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, kif emendata mid-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, ser tiġi msejħa iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata".

29     Permezz ta' digriet ta' l-4 ta' Diċembru 2000, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna t-tħassir tal-kawża C-479/98 mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Proċedura

30     Permezz ta' talba ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-11 ta' Frar 1999, ir-rikorrenti ressqet rikors għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998.

31     Permezz ta' att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fl-21 ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni qajjmet eċċezzjoni ta' inammissibbiltà skond l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

32     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Lulju 1999, ir-Renju ta' Spanja talab li jkun parti intervenjenti f'din il-kawża in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta' digriet tal-11 ta' Ottubru 2001, il-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza laqa' din it-talba.

33     Permezz ta' digriet ta' l-10 ta' Diċembru 1999 tal-President tal-Ħames Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim'Istanza, dawn il-proċedimenti ġew sospiżi sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża C-479/98, skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 47 ta' l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja (li sar it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 54 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja), l-Artikolu 77(a) u l-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza.

34     Permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Jannar 2001, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza stieden il-partijiet prinċipali jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-kontinwazzjoni ta' dawn il-proċedimenti fid-dawl tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 u tad-digriet għat-tħassir tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-4 ta' Diċembru 2000, iċċitat iktar 'il fuq. Ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha permezz ta' ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Frar 2001 u li fiha hija mmodifikat it-talbiet tagħha (ara l-punt 41 iktar 'il quddiem). Permezz ta' ittra rreġistrata fir-Reġistru fis-16 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni ddikjarat, essenzjalment, li s-suġġett ta' dawn il-proċedimenti ma kienx ġie affettwat mid-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000.

35     Fil-11 ta' April 2001, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta' innammissibbiltà.

36     Permezz ta' digriet tat-8 ta' Ottubru 2001, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) irrinvijat id-deċiżjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà għas-sentenza finali.

37     Ir-Renju ta' Spanja ppreżenta n-nota ta' l-intervent tiegħu fl-14 ta' Frar 2002, u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarhom.

38     Fuq rapport ta' l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-Kummissjoni tippreżenta ċerti dokumenti u lir-Renju ta' Spanja jirrispondi għad-domandi bil-miktub u jippreżenta dokument. Il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja kkonformaw ruħhom ma' dawn it-talbiet fiż-żmien preskritt. Il-Qorti tal-Prim'Istanza stiednet ukoll lir-rikorrenti tirrispondi oralment għal domanda waqt is-seduta.

39     Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-seduta tat-23 ta' Ottubru 2003.

 It-talbiet tal-partijiet

40     Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 f'dak illi l-Kummissjoni tiddikjara li:

"1. in-nuqqas ta' rkupru tad-djun, il-penalitajiet għal ħlas tardiv u l-imgħaxijiet favur l-[FĠSS], kif ukoll il-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid tad-dejn li ntlaħaq bejn Sniace u l-[FĠSS] fit-8 ta' Marzu 1996, fis-7 ta' Mejju 1996 u fit-30 ta' Settembru 1997, u

2. in-nuqqas ta' rkupru tad-djun u ta' l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv favur il-[…] Fogasa, kif ukoll il-ftehim li ntlaħqu bejn Sniace u l-[…] Fogasa fil-5 ta' Novembru 1993 u fil-31 ta' Ottubru 1995,

bl-eċċezzjoni tar-rati ta' mgħax differenti mir-rati tas-suq, ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu [87(1) KE]";

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

41     Fl-ittra tagħha tat-12 ta' Frar 2001 (ara l-punt 34 iktar 'il fuq), ir-rikorrenti mmodifikat l-ewwel kap tat-talbiet tagħha kif ġej:

"tannulla l-Artikolu 1 tad-[deċiżjoni kkontestata], f'dak illi l-Kummissjoni tiddikjara li:

in-nuqqas ta' rkupru tad-djun, il-penalitajiet għal ħlas tardiv u l-imgħaxijiet dovuti lill-[FĠSS], kif ukoll il-ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid tad-dejn li ntlaħqu bejn Sniace u dan l-korp fit-8 ta' Marzu 1996, fis-7 ta' Mejju 1996 u fit-30 ta' Settembru 1997, u

in-nuqqas ta' rkupru tad-djun u ta' l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv dovuti lill-Fogasa, kif ukoll il-ftehim li ntlaħqu bejn Sniace u l-Fogasa fil-5 ta' Novembru 1993 u fil-31 ta' Ottubru 1995,

ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu [87(1) KE]".

42     Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tiddikjara li r-rikors huwa ammissibbli.

43     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       f'kull każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

44     Ir-Renju ta' Spanja, l-intervenjent, jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–       tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

45     Il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà tar-rikors peress li r-rikorrenti, minn naħa, ma wrietx interess ġuridku u, min-naħa l-oħra, mhijiex ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq in-nuqqas ta' interess ġuridiku

 L-argumenti tal-partijiet

46     Il-Kummissjoni tosserva li, fid-deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, hija kkonstatat li la l-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid tal-ħlas tad-djun u ħlas lura bħala tali u lanqas ir-rati ta' mgħax li huma jipprovdu għalihom ma jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE. Hija ssostni li din id-deċiżjoni saret definittiva peress li r-rikorrenti m'għamlitx rikors għal annullament kontriha u li għalhekk huma t-talbiet, kif ifformulati fir-rikors, li jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża. Dawn it-talbiet jagħmlu referenza biss għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, u dan biss safejn in-nuqqas ta' rkupru min-naħa ta' l-FĠSS u tal-Fogasa tad-"djun, penalitajiet għal ħlas tardiv u mgħaxijiet" minn Sniace mhuwiex ikkunsidrat bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE.

47     Il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti m'għandhiex interess ġuridiku. Hija targumenta li jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tilqa' t-talbiet għal annullament tar-rikors, dan "ma jaffettwax il-karattru definittiv tad-Deċiżjoni [ta' l-20 ta' Settembru 2000] u ma jbiddel xejn fil-verżjoni tad-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998] kif emendata". Fil-fatt, "tibqa' applikabbli, anki wara l-annullament ta' l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998] skond il-kundizzjonijiet mitluba mir-rikorrenti, il-verżjoni definittiva ta' l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998] kif emendata mid-Deċiżjoni [ta' l-20 ta' Settembru 2000], li stabbilixxa espressament li l-miżuri in kwistjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat".

48     Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni targumenta li d-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 "mhijiex sempliċi 'emenda' tad-Deċiżjoni [tat-28 Ottubru 1998], u lanqas ma tissostitwixxi tali deċiżjoni, iżda tikkostitwixxi għall-kuntrarju evalwazzjoni ġdida ta', fost oħrajn, l-għajnuna li kienet diġà ġiet meqjusa bħala kompatibbli mas-suq komuni fid-Deċiżjoni [tat-28 ta' Ottubru 1998]". Hija tippreċiża li l-proċedura li nfetħet skond l-Artikolu 88(2) KE wara s-sentenza Tubacex (ara l-punt 23 iktar 'il fuq) ma tkoprix biss il-kwistjoni dwar ir-rati ta' mgħax iżda tkopri "il-miżuri kollha li wasslu għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni [tat-28 Ottubru 1998], iżda issa billi tittieħdet in kunsiderazzjoni [din is-sentenza]". Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, hija kienet "eżaminat u evalwat b'mod espliċitu u fit-totalità tagħhom dawn il-miżuri mill-perspettiva ġuridika ta' l-għajnuna, b'mod partikolari l-ftehim li ntlaħqu bejn il-Fogasa jew l-[FĠSS] u Sniace". Għaldaqstant, ir-rikorrenti kien imissha "wkoll" ressqet rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000.

49     Ir-Renju ta' Spanja jsostni li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 ġie "mneżża' mill-kontenut tiegħu permezz tal-modifika introdotta bid-Deċiżjoni [ta' l-20 ta' Settembru 2000]" u li għaldaqstant dan ir-rikors huwa nieqes minn kull skop.

50     Ir-rikorrenti tosserva li t-talbiet għal annullament fir-rikors jirreferu biss għad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 safejn il-Kummissjoni ddikjarat li "in-nuqqas ta' rkupru tad-djun, il-penalitajiet għal ħlas tardiv u l-imgħaxijiet dovuti lill-[FĠSS], kif ukoll il-ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid tad-dejn li ntlaħqu bejn Sniace u dan il-korp u n-nuqqas ta' rkupru tad-djun u ta' l-imgħaxijiet għal ħlas tardiv dovuti lill-[…] Fogasa, kif ukoll il-ftehim li ntlaħqu bejn Sniace u l-Fogasa, ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu [87(1) KE]". Dawn it-talbiet ma jirreferux għad-dikjarazzjoni fl-Artikolu 1 ta' din id-deċiżjoni, li "id-differenza bejn ir-rati ta' mgħax miftehma fil-ftehim, minn naħa, u r-rata iktar għolja applikata fis-suq, min-naħa l-oħra, tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat".

51     Ir-rikorrenti tispjega li d-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 emendat parzjalment id-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 fis-sens li l-Kummissjoni tikkunsidra f'din ta' l-aħħar li d-differenza bejn ir-rati ta' mgħax lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Id-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 ma timmodifikax l-aspetti l-oħra tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 u, b'mod iktar partikolari, mhux l-aspett ikkritikat fir-rikors. Għaldaqstant, is-suġġett tal-kawża, kif ifformulat fir-rikors, jibqa' l-istess.

52     Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk id-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000 għandha tiġi kkunsidrata bħala li abrogat u ssostitwiet dik tat-28 ta' Ottubru 1998, hija tista' tbiddel, kif għamlet fl-ittra tagħha tat-12 ta' Frar 2001 (ara l-punti 34 u 41 iktar 'il fuq), it-talbiet tagħha. Hija tinvoka, f'dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta' Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni (14/81, Ġabra p. 749).

53     Għal dawn ir-raġunijiet differenti, ir-rikorrenti ssostni li hija għandha interess ġuridiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

54     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li emenda, matul il-proċedimenti, tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi element ġdid li jippermetti lir-rikorrenti tbiddel ir-raġunijiet u t-talbiet tagħha (sentenza Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 8; sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-3 ta' Frar 2000, CCRE vs Il-Kummissjoni, T-46/98 u T-151/98, Ġabra p. II-167, punti 33 sa 36, u tat-28 ta' Frar 2002, Kvaerner Warnow Werft vs Il-Kummissjoni, T-227/99 u T-134/00, Ġabra p. II-1205, punt 22).

55     Fid-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni kkunsidrat b'mod partikolari li l-ftehim tat-8 ta' Marzu 1996, kif emendat mill-ftehim tas-7 ta' Mejju 1996 u tat-30 ta' Settembru 1997, li ntlaħaq bejn Sniace u l-FĠSS u l-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995 li ntlaħqu bejn Sniace u l-Fogasa ma jikkostitwixxux għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE ħlief "safejn ir-rata ta' mgħax kienet inferjuri għar-rata tas-suq". Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament ta' dan l-aspett tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 billi ssostni b'mod partikolari li "l-għajnuna mogħtija mill-Istat tinkludi […] it-totalità ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għadhom dovuti, flimkien mal-penalitajiet għal ħlas tardiv u l-imgħaxijiet bir-rata tas-suq [kif ukoll] l-ammonti kollha dovuti lill-Fogasa, flimkien ma' l-imgħaxijiet bir-rata tas-suq". Għal dak li jirrigwarda l-FĠSS, ir-rikorrenti ssostni, b'mod partikolari, li jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat il-fatt li dan il-korp jippermetti, mill-inqas mill-1991, li Sniace ma tħallasx id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, li, fl-1996 u fl-1997, huwa ma pproċediex għall-irkupru ta' dawn id-djun minkejja li Sniace ma kinitx osservat il-ftehim tat-8 ta' Marzu u tas-7 ta' Mejju 1996 iżda li, għall-kuntrarju, huwa laħaq it-tielet ftehim dwar ippjanar mill-ġdid, li huwa ma talabx l-għoti ta' garanziji reali u li huwa rrinunzja għall-ħlas ta' penalitajiet għal ħlas tardiv u ta' mgħaxijiet bir-rata tas-suq. Għal dak li jirrigwarda l-Fogasa, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mogħtija mill-Istat il-fatt li dan il-korp ma pproċediex għall-irkupru tad-djun dovuti minn Sniace, minkejja li din il-kumpannija ma kinitx osservat il-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995, u li huwa ma pprovdiex f'dawn il-ftehim għall-ħlas ta' penalitajiet għal ħlas tardiv u ta' mgħaxijiet għal ħlas tardiv.

56     Permezz tad-deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni emendat id-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, mingħajr ma abrogat jew issostitwiet din id-deċiżjoni. L-unika tibdila hija li, billi applikat il-kriterju tal-kreditur privat minflok dak ta' l-investitur privat, hija kkunsidrat li r-rati ta' mgħax applikati mill-FĠSS u mill-Fogasa fil-kuntest tal-ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas lura li ntlaħqu ma' Sniace lanqas ma kienu jikkostitwixxu għajnuna mogħtija mill-Istat. Għaldaqstant, l-aspett tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 imsemmi fit-talbiet għal annullament fir-rikors huwa affettwat biss b'mod inċidentali mid-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000. Din l-aħħar deċiżjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala element ġdid li jippermetti lir-rikorrenti tbiddel ir-raġunijiet u t-talbiet tagħha, kif għamlet fl-ittra tat-12 ta' Frar 2001. Fil-fatt, li kieku r-rikorrenti kienet obbligata tressaq rikors ġdid għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra id-Deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Settembru 2000, dan kien imur kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u rekwiżit ta’ ekonomija proċedurali.

57     Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha interess li tara li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata.

 Fuq il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti hijiex ikkonċernata individwalment

 L-argumenti tal-partijiet

58     Il-Kummissjoni tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, persuni differenti minn dawk li lilhom hija indirizzata deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba ċirkustanzi li fihom huma jistgħu jiġu identifikati fost persuni oħrajn u, b’hekk, jiġu identifikati individwalment bħal fil-każ ta’ persuna li lilha hija indirizzata deċiżjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197).

59     Hija ssostni li, fil-qasam tal-kontroll ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedimenti li nbdew skond l-Artikolu 88(2) KE tikkonċerna individwalment l-impriżi li kienu ressqu l-ilment li wassal għal dawn il-proċedimenti u li l-osservazzjonijiet tagħhom kienu nstemgħu, liema osservazzjonijiet iddeterminaw l-iżvolġiment tal-proċedimenti, jekk, madankollu, il-pożizzjoni tagħhom fis-suq hija affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ l-imsemmija deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1986, COFAZ et vs Il-Kummissjoni, 169/84, Ġabra p. 391, punti 24 u 25, u tat-23 ta’ Mejju 2000, Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, C-106/98 P, Ġabra p. I-3659, punt 40; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il-Kummissjoni, T-435/93, Ġabra p. II-1281, punt 63, u tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-11/95, Ġabra p. II-3235, punt 72). Hija tenfasizza li fis-sentenza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li "[g]ħaldaqstant, impriża ma tistax tistrieħ biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward ta’ l-impriża li tirċievi l-għajnuna, iżda għandha turi wkoll, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-grad tagħha ta’ parteċipazzjoni eventwali fil-proċedimenti u l-gravità tad-dannu lill-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija tinsab f’ċirkustanzi li jidentifikawha bl-istess mod kif jidentifikaw lill-impriża li tirċievi l-għajnuna" (punt 41).

60     F'din il-kawża, ir-rikorrenti, fir-rikors tagħha, ma turix b'mod dettaljat biżżejjed li l-pożizzjoni tagħha fis-suq ġiet affettwata sostanzjalment mill-għajnuna allegatament mogħtija lil Sniace u lanqas ma tistrieħ fuq ċirkustanzi ta' fatt li jidentifikawha bl-istess mod kif jidentifikaw l-impriża li tirċievi l-għajnuna. Hija tqajjem biss argumenti ta' natura ġenerali u ma tagħti ebda indikazzjoni dwar l-effetti li l-għajnuna allegatament mogħtija kellha fuq is-sitwazzjoni partikolari tagħha.

61     F'kull każ, ma jidhirx, skond il-Kummissjoni, li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet affettwat sostanzjalment il-pożizzjoni tar-rikorrenti.

62     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva, l-ewwel nett, li r-rikorrenti hija "bil-bosta" il-produttur l-iktar importanti ta' fibri tal-viscose u li, mill-1991, hija tjiebet b'mod konsiderevoli r-riżultati tagħha f'dan is-suq. In sostenn tad-dikjarazzjonijiet tagħha, hija ssemmi l-elementi li gejjin:

–       il-grupp li għalih tappartjeni r-rikorrenti jipproduċi kull sena madwar 275000 tunnellata ta' fibri taċ-ċelluloża u huwa wieħed mit-tliet leaders dinjija fis-suq tal-fibri tal-viscose;

–       ir-rikorrenti u l-kumpanniji Säteri u Courtaulds plc flimkien jirrappreżentaw madwar 90% tal-produzzjoni Komunitarja ta' fibri tal-viscose;

–       bejn l-1991 u l-1997, is-sehem tar-rikorrenti mis-suq dinji tal-fibri tal-viscose artifiċjali u sintetiċi għall-għażil żdied b'mod kostanti, minn 9.2 għal 16.4%;

–       bejn l-1991 u l-1997, il-produzzjoni tar-rikorrenti żdiedet regolarment, minn 152700 tunnellata fis-sena għal 270800 tunnellata fis-sena;

–       għal dak li jirrigwarda r-rikorrenti, "is-sena 1995 kienet […] ikkaratterizzata minn domanda kbira ħafna, l-1996 mill-użu sħiħ tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni, l-1997 minn produzzjoni rekord u, fl-aħħar nett, l-1998 minn riżultati rekord";

–       ir-rikorrenti ħabbret riżultati tajbin għall-ewwel tliet xhur tas-sena 1999;

–       għat-tielet perijodu ta' tliet xhur tas-sena 1997, hija ħabbret żieda fil-prezzijiet tal-bejgħ tagħha, "l-indipendenza tagħha li dejjem tikber fir-rigward tal-pressjoni tal-prezzijiet fis-suq dinji" u n-neċessità li timporta sabiex tissodisfa d-domanda;

–       il-fatturat ikkonsolidat tar-rikorrenti żdied bi 7.2% bejn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2000 u l-istess perijodu ta' l-2001.

63     Fir-risposta tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni żżid li jirriżulta mill-informazzjoni li ngħatat mir-rikorrenti li hija rnexxielha żżid is-sehem tagħha mis-suq fil-Komunità bejn l-1995 u s-sena 2000 filwaqt li, matul l-istess perijodu, dak tal-kompetituri tagħha (bl-eċċezzjoni ta' Säteri) naqas b'mod kostanti.

64     It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-problemi li jeżistu fis-suq u li kkawżaw tnaqqis fid-domanda, kapiċitajiet temporanjament eċċessivi ta' produzzjoni u tnaqqis fil-prezzijiet ma rriżultawx mill-għajnuna allegatament mogħtija lil Sniace, iżda minn fatturi esterni bħall-importazzjonijiet mill-Asja, in-numru żgħir ta' opportunitajiet għall-esportazzjoni fl-Asja, l-ostakli għall-kummerċ fir-rigward ta' l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi li jiltaqgħu magħhom il-produtturi Ewropej u t-tnaqqis fix-xiri ta' oġġetti abbażi ta' viscose fl-Ewropa.

65     It-tielet nett, il-Kummissjoni tindika li Sniace tipproduċi biss 25000 tunnellatta ta' fibri tal-viscose kull sena u li hija fost il-produtturi ż-żgħar Ewropej u dinjija. Hija tippreċiża li din il-kumpannija kellha tiffaċċja diversi diffikultajiet ekonomiċi kif ukoll kunflitti industrijali, li ġegħluha tissospendi l-produzzjoni tagħha matul il-parti l-kbira tas-snin 90. Hija tfakkar li Sniace kienet waqfet tħallas minn Marzu ta' l-1993 sa Ottubru ta' l-1996.

66     Ir-Renju ta' Spanja jżid jgħid li r-rikorrenti ma turi ebda ċirkustanza speċifika li tidentifikaha bl-istess mod bħall-persuna li lilha hija indirizzata d-deċiżjoni kkontestata. Huwa jenfasizza li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti hija impriża kompetitriċi ta' dik li tirċievi l-għajnuna allegatament mogħtija mhuwiex biżżejjed sabiex jidentifikaha.

67     Ir-rikorrenti ssostni li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

68     L-ewwel nett, hija tfakkar li hija kienet ressqet l-ilment li wassal għal dawn il-proċedimenti skond l-Artikolu 88(2) KE u li hija pparteċipat b'mod attiv f'dawn il-proċedimenti.

69     It-tieni nett, ir-rikorrenti tiddikjara li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet ta' dannu konsiderevoli għall-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-fibri tal-viscose. Hija ssostni li teżisti kompetizzjoni kiefra bejnha u Sniace f'dan is-suq, li ilu snin dejjem imur lura b'mod kostanti u li jsofri minn kapaċitajiet eċċessivi ta' produzzjoni sinjifikanti. Il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet hija qawwija u Sniace tista', bis-saħħa ta' l-għajnuna allegatament mogħtija, tbiegħ il-prodotti tagħha 20% irħas mill-kompetituri tagħha fl-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li l-indikazzjonijiet li hija tat fir-rikors tagħha u fl-annessi magħha, kif ukoll ir-referenzi li hija għamlet għall-osservazzjonijiet tal-kompetituri tagħha riprodotti fid-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, huma suffiċjenti sabiex juru li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Hija tiddikjara li l-elementi li hija tinvoka fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha juru li "il-kompetituri kollha ta' Sniace jiffaċċjaw kompetizzjoni sinjifikanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' prezzijiet u huma obbligati, għalkemm l-istruttura ta' spejjeż tagħhom hija aħjar, jieħdu miżuri oħrajn ta' razzjonalizzazzjoni, għaliex Sniace qiegħda tinzamm ħajja b'mod artifiċjali" u li "[d]in is-sitwazzjoni kollha, li hija sfavorevoli, tikkonċerna wkoll lir-rikorrenti li tagħmel l-aħjar użu mit-tagħmir tagħha u mill-istruttura ta' spejjeż tagħha u tikseb riżultati tajbin bis-saħħa ta' politika kummerċjali mibnija fuq bażijiet ġodda u minkejja ambjent ekonomiku diffiċli". Hija tammetti li d-diffikultajiet li jinsab fihom is-suq tal-fibri tal-viscose jaffettwaw il-prezzijiet ta' dan il-prodott iżda ppreċiżat li, "fi ħdan il-kuntest ikkreat mill-informazzjoni esterna tas-suq", l-għajnuna allegatament mogħtija obbligat il-kompetituri ta' Sniace jniżżlu l-prezzijiet tagħhom u jieħdu miżuri ta' razzjonalizzazzjoni.

70     Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tistax tinnega l-locus standi tagħha minħabba l-fatt li hija għandha pożizzjoni importanti fis-suq jew li hija żdiedet il-bejgħ tagħha matul il-perijodu kkonċernat. Fis-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni, il-qorti Komunitarja bl-ebda mod ma tat kas ta' tali fatturi meta ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment mid-deċiżjonijiet ikkontestati. Fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Novembru 1997, Ducros vs Il-Kummissjoni (T-149/95, Ġabra p. II-2031), il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ikkunsidrat li s-sitwazzjoni fis-suq ta' l-impriża kkonċernata kienet ġiet affettwata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-għoti ta' għajnuna peress li kienet teżisti relazzjoni ta' kompetizzjoni bejn din l-impriza u dik li rċeviet l-għajnuna. Ir-rikorrenti żżid li r-riżultati pożittivi li hija kisbet kienu jkunu aħjar li kieku Sniace ma setgħetx timplementa l-"politika agressiva ta' prezzijiet … li kienet possibbli permezz ta' l-għajnuna". Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-għajnuna allegatament mogħtija tat lil din il-kumpannija l-possibbiltà li żżomm lilha nfisha fis-suq b'mod artifiċjali meta l-għajbien tagħha kien jirriżulta, għall-kompetituri tagħha, fi tnaqqis tal-kapaċitajiet eċċessivi u f'titjib tas-sitwazzjoni kummerċjali.

71     Ir-rikorrenti ssostni li "iċ-ċirku ta' impriżi li għandhom locus standi għandu jiġi ddeterminat b’referenza għall-iskop tad-dipożizzjonijiet dwar l-għajnuna". Hija ssostni, għaldaqstant, li l-kriterji użati mill-Kummissjoni u mill-qorti Komunitarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ "distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni" skond l-Artikolu 87(1) KE jistgħu wkoll jiġu applikati biex jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex locus standi. Hija tosserva li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, il-kompetizzjoni dejjem tiġi affettwata skond din id-dispożizzjoni meta l-għajnuna tingħata, bħal f'din il-kawża, f’"settur partikolarment problematiku" u l-għajnuna lill-impriżi li jinsabu f’diffikultà għandha t-tendenza, minħabba n-natura tagħha stess, li tirriżulta f’distorsjoni tal-kompetizzjoni. Hija tinvoka wkoll il-ġurisprudenza li tgħid li "l-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir ta’ impriża li tirċievi l-għajnuna ma jeskludux a priori l-possibbiltà li jiġi affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri (sentenzi ASPEC et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 64, et BP Chemicals vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 72). Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tesponi li l-għajnuna allegatament mogħtija lil Sniace kienet għajnuna għat-tħaddim u li din prattikament dejjem tirriżulta f’distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni.

72     It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni ta’ Sniace fis-suq tal-fibri tal-viscose huma f’kontradizzjoni diretta ma’ ċerti konstatazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998. Hija tindika, b’mod partikolari, li s-sehem ta’ Sniace mis-suq fil-Komunità huwa bejn 10.3 u 13% u li, fi Spanja, din il-kumpannija kellha sehem mis-suq ta’ 35.5% fis-sena 2000. Hija żżid li l-home page tas-sit ta’ l-internet ta’ Sniace ssemmi li din il-kumpannija hija waħda mill-produtturi l-iktar importanti ta’ fibri tal-viscose fl-Ewropa.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

73     Skond ġurisprudenza kostanti, persuni differenti minn dawk li lilhom hija indirizzata deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief jekk din id-deċiżjoni "taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba ċirkustanzi li fihom huma jistgħu jiġu identifikati fost persuni oħrajn u, b’hekk, jiġu identifikati individwalment bħal fil-każ ta’ persuna li lilha hija indirizzata deċiżjoni" (sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, Ġabra p. 197, 223, u Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 39).

74     Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq proċedimenti li nbdew skond l-Artikolu 88(2) KE, fir-rigward ta’ għajnuna individwali, tikkonċerna individwalment mhux biss l-impriża li tirċievi l-għajnuna iżda wkoll l-impriżi li qiegħdin jikkompetu ma’ din ta’ l-aħħar u li kellhom rwol attiv fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, bil-kundizzjoni li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tkun affettwata sostanzjalment mill-miżura ta’ għajnuna li hija s-suġġett ta’ l-imsemmija deċiżjoni (sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 25).

75     Impriża ma tistax tistrieħ biss fuq il-kwalità tagħha ta’ kompetitriċi fir-rigward ta’ l-impriża li tirċievi l-għajnuna, iżda għandha turi wkoll, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni il-grad tagħha ta’ parteċipazzjoni eventwali fil-proċedimenti u l-gravità tad-dannu lill-pożizzjoni tagħha fis-suq, li hija tinsab f’ċirkustanzi li jidentifikawha bl-istess mod kif jidentifikaw l-impriża li lilha hija indirizzata deċiżjoni (sentenza Comité d’entreprise de la Société française de production et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).

76     F'din il-kawża, huwa paċifiku li r-rikorrenti u Sniace huma preżenti fis-suq tal-fibri tal-viscose. Barra minn hekk, f’diversi partijiet tad-Deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 1998, il-Kummissjoni tiddeskrivi espressament lir-rikorrenti bħala kompetitriċi ta’ Sniace. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat safejn il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedimenti u l-effett ta’ l-għajnuna fuq il-pożizzjoni tagħha fis-suq huma ta’ natura li jidentifikawha, skond l-Artikolu 230 KE.

77     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-parteċipazzjoni fil-proċedimenti, għandu jiġi kkonstatat li huwa l-ilment iddettaljat ta' l-4 ta' Lulju 1996, imressqa mir-rikorrenti u kkompletat permezz ta' l-ittri tagħha tas-26 ta' Novembru u tad-9 ta' Diċembru 1996, li ta bidu għall-proċedimenti. Bla ebda dubju, il-Kummissjoni inizjalment ħasbet li ma ngħatawx biżżejjed provi li Sniace kienet ibbenefikat minn għajnuna mogħtija mill-Istat u, għaldaqstant, iddikjarat li kellha l-intenzjoni li ma tiħux passi ulterjuri. Madankollu, kien preċiżament minħabba l-informazzjoni supplimentari u dettaljata mogħtija mir-rikorrenti permezz ta' ittri tas-17 ta' April u tat-18 ta' Ġunju 1997 u fil-laqgħa tas-17 ta' Mejju 1997 li l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha u ddeċidiet li tibda l-proċedimenti skond l-Artikolu 88(2) KE.

78     Għandu jiġi kkonstatat ukoll li din id-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedimenti tibbaża ruħha prinċipalment fuq l-argumenti u l-elementi ta' prova mressqa mir-rikorrenti. Barra minn hekk, din ta' l-aħħar ippreżentat osservazzjonijiet dettaljati, permezz ta' ittra tas-27 ta' Marzu 1998, wara l-pubblikazzjoni ta' l-imsemmija deċiżjoni.

79     Għaldaqstant, huwa stabbilit li r-rikorrenti kienet ressqet l-ilment li ta bidu għall-proċedimenti u li hija pparteċipat b'mod attiv fihom.

80     It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-gravità tad-dannu lill-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, kif jirriżulta mill-punt 28 tas-sentenza COFAZ et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, mhuwiex il-kompitu tal-qorti Komunitarja, meta tkun qed teżamina l-ammissibbiltà, li tiddeċiedi definittivament dwar relazzjoni kompetittiva bejn ir-rikorrenti u l-impriżi li jirċievu l-għajnuna. F'dan il-kuntest, hija biss ir-rikorrenti li għandha tindika r-raġunijiet rilevanti għalfejn id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tista' tkun ta' ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq in kwistjoni.

81     Għandu jiġi kkonstatat, f'din il-kawża, li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti enfasizzat il-fatt li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet affettwat ħażin il-pożizzjoni tagħha bħala kompetitriċi fis-suq tal-fibri tal-viscose u billi kienet ippermettiet lil Sniace tibqa' topera b'mod artifiċjali filwaqt li s-suq kien ikkaratterizzat minn numru limitat ħafna ta' produtturi, kompetizzjoni kiefra u sitwazzjoni ta' kapaċità eċċessiva ħafna.

82     Sabiex turi l-eżistenza ta' din il-kapaċità eċċessiva, ir-rikorrenti għamlet referenza speċifika għal ċerti paġni ta' l-osservazzjonijiet li hija kienet ippreżentat fis-27 ta' Marzu 1998 wara li kienu bdew il-proċedimenti previsti fl-Artikolu 88(2) KE u li jinsabu f'anness mar-rikors tagħha. Dawn il-paġni fihom informazzjoni dwar il-konsum, il-produzzjoni u l-kapaċità ta' produzzjoni ta' fibri tal-viscose fil-Komunità mill-1992 sa l-1997, liema informazzjoni ngħatat mill-Comité international de la rayonne et des fibres synthétiques (CIRFS).

83     Barra minn hekk, fis-seduta, ir-rikorrenti għamlet referenza għal ċerta informazzjoni li tinsab fl-ilment ta' l-4 ta' Lulju 1996, ukoll inkluż f'anness mar-rikors tagħha. F'dan l-ilment, hija tat indikazzjonijiet dwar is-suq tal-fibri tal-viscose, identifikat il-produtturi tal-viscose li f'dak iż-żmien kienu jinsabu fis-suq, billi tat stima tal-kapaċità rispettiva tagħhom ta' produzzjoni, u tat dettalji dwar il-kwantitajiet ta' fibri tal-viscose mibjugħa minn Sniace mill-1991 sa l-1995, billi ddistingwiet b'mod partikolari l-kwantitajiet mibjugħa fi Spanja minn dawk esportati lejn l-Italja.

84     Il-Kummissjoni ma ppreżentat ebda element li seta' jqajjem dubbju dwar l-eżattezza ta' l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti. Għall-kuntrarju, hija tirrikonoxxi, kemm fl-eċċezzjoni tagħha ta' inammissibbiltà kif ukoll fid-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, li s-suq tal-fibri tal-viscose sofra minn kapaċità eċċessiva. Għaldaqstant, fl-74 premessa ta' din id-deċiżjoni, hija ssemmi espressament li "Sniace topera f'settur li qed imur lura, fatt li ġiegħel ċerti kompetituri tagħha jnaqqsu l-kapaċitajiet tagħhom", li "[i]l-produzzjoni ta' dawn il-fibri fiż-ŻEE naqset minn 760000 tunnellata fl-1992 għal 684000 tunnellata fl-1997 (jiġifieri tnaqqis ta' 10%) u l-konsum matul l-istess perijodu naqas bi 11%" u li "ir-rata medja ta' użu tal-kapaċità matul dan il-perijodu kienet ta' madwar 84%, li hija baxxa għal settur li jikkonċentra daqstant fuq il-kapital".

85     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet, kemm fid-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 (premessa 80) kif ukoll f'dik ta' l-20 ta' Settembru 2000 (premessa 29), li d-diffikultajiet finanzjarji sinjifikanti li ffaċċjat Sniace kienu affettwaw ħażin il-possibbiltajiet tagħha li tkompli topera u li jekk l-FĠSS kien ipproċeda sabiex jirkupra d-djun dovuti lilu, dan seta' jwassal għall-għeluq tal-kumpannija. Meta wieħed jikkunsidra n-numru ridott ħafna ta' produtturi fis-suq u l-kapaċità eċċessiva ta' produzzjoni li kienet teżisti f'dan is-suq, l-għeluq ta' Sniace seta' jkollu effetti tajbin fuq il-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi l-oħra fil-forma ta' tnaqqis fil-kapaċitajiet eċċessivi tagħhom u titjib tas-sitwazzjoni kummerċjali tagħhom. Għalkemm Sniace ma kinitx waħda mill-ikbar produtturi tal-fibri tal-viscose tal-Komunità, il-pożizzjoni tagħha fis-suq bl-ebda mod ma kienet insinjifikanti. Għalhekk, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ddikjarat, fil-premess 9 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, li l-kapaċità ta' produzzjoni ta' fibri tal-viscose ta' Sniace "[kienet toqreb] it-32000 tunnellata (madwar 9% tal-kapaċità totali fuq il-livell Komunitarju)".

86     Għandu jiġi kkonstatat li dawn l-elementi huma ta' natura li jistabbilixxu li l-pożizzjoni tar-rikorrenti fis-suq hija affettwata sostanzjalment mid-deċiżjoni kkontestata.

87     Barra minn hekk, ir-rikorrenti enfasizzat il-fatt li l-għajnuna allegatament mogħtija kienet ippermettiet lil Sniace tbiegħ il-prodotti tagħha, fil-Komunità, bi prezzijiet li kienu inferjuri b'madwar 20% meta mqabbla mal-prezzijiet medji tal-kompetituri tagħha. In sostenn ta' din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti għamlet referenza għad-dikjarazzjonijiet tal-kumpanniji Courtauld plc u Säteri, imsemmija fil-premessi 15 u 17 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998. Fir-replika tagħha, hija sostniet iktar din id-dikjarazzjoni permezz ta' referenza espressa għall-ittra tagħha tat-18 ta' Ġunju 1997, li tinsab f'anness mar-rikors tagħha, li fiha hija kienet tat lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari fuq is-suq Ewropew tal-fibri tal-viscose. F'din l-ittra, wieħed isib tabelli li jindikaw, b'mod partikolari, għas-snin 1989 sa l-1996, il-kwantitajiet ta' fibri tal-voscose u ta' modal ikkunsinnati minn Sniace u mir-rikorrenti fi Spanja kif ukoll minn Sniace u l-produtturi Awstrijaċi fi Franza u fl-Italja. L-imsemmija ittra fiha wkoll indikazzjonijiet dwar il-prezzijiet għall-importazzjoni applikati fi Franza u fl-Italja, mill-1989 sa l-1996, minn Sniace u minn produtturi oħrajn. Barra minn hekk, ir-rikorrenti hemżet f'anness mar-replika tagħha t-tabelli li fihom jinsabu l-istess indikazzjonijiet għas-snin 1997 sa nofs l-2001. Jirriżulta minn dawn l-indikazzjonijiet differenti li, fil-maġġoranza tal-każijiet, bl-eċċezzjoni tal-produtturi tal-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant, il-prezzijiet ta' Sniace kienu inferjuri għal dawk ta' produtturi Ewropej oħrajn.

88     Il-Kummissjoni ma tikkontestax li Sniace biegħet il-prodotti tagħha bi prezzijiet inferjuri għal dawk tal-kompetituri Ewropej tagħha. Hija ssostni biss li t-tnaqqis ġenerali fil-prezzijiet ta' iktar minn 30% osservat fis-suq bejn l-1990 u l-1996 mhuwiex riżultat ta' l-għajnuna allegatament mogħtija lil Sniace iżda ta' fatturi esterni, inklużi l-importazzjonijiet mill-Asja. Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li skond l-artiklu tal-pubblikazzjoni speċjalizzata European Chemical News ippreżentat mill-Kummissjoni f'anness ma' l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tagħha, "[l]-osservaturi tas-suq jaffermaw li Sniace qed tkompli teżerċita influwenza negattiva fuq il-prezzijiet li teċċedi l-kapaċità żgħira tagħha għal dak li jirrigwarda l-pożizzjoni fis-suq".

89     Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-għajnuna allegatament mogħtija, li partijiet minnha ġew deskritti bħala "vantaġġ konsiderevoli" mill-Kummissjoni stess (premessa 80 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998), ippermettiet lil Sniace tbiegħ il-prodotti tagħha bi prezzijiet inferjuri għal dawk tal-kompetituri tagħha, fosthom ir-rikorrenti.

90     Fl-aħħar nett, l-argument li l-Kummissjoni ddeduċiet mill-fatt li, matul is-snin in kwistjoni, ir-rikorrenti kellha riżultati tajbin u żiedet il-produzzjoni huwa nieqes minn kull rilevanza. L-effett sostanzjali fuq il-pożizzjoni fis-suq tal-persuna kkonċernata mhux bilfors, fil-fatt, għandu jfisser tnaqqis fid-dħul tagħha, tnaqqis tas-sehem tagħha mis-suq jew telf mill-operat. Il-kwistjoni f'dan il-kuntest hija jekk il-persuna kkonċernata kinitx tinsab f'sitwazzjoni iktar favorevoli li kieku ma kinitx teżisti d-deċiżjoni li hija qed tipprova tannulla. Kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, dan jista' jkopri validament is-sitwazzjoni li fiha hija titlef l-opportunità li tagħmel dħul għaliex l-awtoritajiet pubbliċi taw vantaġġ lil wieħed mill-kompetituri tagħha.

91     Jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li r-rikorrenti indikat b'mod rilevanti ir-raġunijiet li għalihom id-deċiżjoni kkontestata setgħet tkun ta' ħsara għall-interessi leġittimi tagħha billi taffettwa sostanzjalment il-pożizzjoni tagħha fis-suq. Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li hija kkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

92     Minn dan jirriżulta li r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq il-mertu

93     Ir-rikorrenti tinvoka żewġ raġunijiet in sostenn tar-rikors tagħha. L-ewwel raġuni hija ibbażata fuq ksur ta' l-Artiklu 87(1) KE u t-tieni fuq ksur ta' l-obbligu li jingħataw raġunijiet.

 L-argumenti tal-partijiet

94     Fil-kuntest ta' l-ewwel raġuni, ir-rikorrenti ssostni, qabel kollox, li, fis-sentenza Tubacex, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss fuq il-kwistjoni jekk ċerti modalitajiet tal-ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas lura ta' djun li ntlaħqu bejn l-FĠSS u l-Fogasa, u b'mod partikolari r-rati ta' mgħax previsti, kienx fihom xi elementi ta' għajnuna mogħtija mill-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar il-ftehim fihom infushom u lanqas ma eżaminat il-kwistjonijiet legali li tqajmu fil-kuntest ta’ din il-kawża. Billi tagħmel referenza għall-kliem tal-punt 46 tas-sentenza Tubacex, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-premessa tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta’ rkupru, miż-żewġ korpi msemmija, tad-djun dovuti lilhom ma akkwistax il-karattru ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, hija madankollu ma adottatx tali premessa fid-deċiżjoni tagħha. Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tiddeċiedi dwar tali premessa, għaliex din ma kinitx ġiet ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja u għaliex ma kinitx ta' dannu għal dan ta’ l-aħħar.

95     Ir-rikorrenti tikkonkludi li ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Tubacex li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, bħala regola, li l-ftehim dwar il-ħlas lura u l-ippjanar mill-ġdid ta' djun li ntlaħqu bejn l-FĠSS u l-Fogasa, minn naħa, u l-impriżi li jinsabu f’diffikultà, min-naħa l-oħra, ma jikkostitwixxux fihom infushom għajnuna mogħtija mill-Istat. Din il-kwistjoni għandha tiġi eżaminata f'kull każ individwali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża u abbażi tal-kriterju tal-kreditur privat.

96     Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-FĠSS u l-Fogasa għandhom diskrezzjoni sabiex jipposponu jew le l-ħlas u, fejn xieraq, sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet ta' dan. Għaldaqstant, il-kundizzjoni li l-għajnuna għandha tkun relatata ma' impriża speċifika, li hija waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, hija sodisfatta f'din il-kawża.

97     Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma applikatx b’mod korrett il-kriterju tal-kreditur privat f'din il-kawża.

98     L-ewwel nett, hija tiddikjara li l-Kummissjoni tibbaza l-argument tagħha fuq il-premessa żbaljata li "l-irkupru ta’ dejn skadut jirrikjedi ġustifikazzjoni partikolari". Hija tispjega, f’dan ir-rigward, li, meta debitur ikollu flus biżżejjed biex iħallas dejnu, kreditur privat jipproċedi għall-irkupru tad-djun li għandhom jitħallsu lilu malli dawn jiskadu. Bl-istess mod, bħala regola ġenerali, meta debitur jinsab f'diffikultajiet ekonomiċi, kreditur privat ma jkunx dispost li jagħtih iktar żmien biex iħallas, iżda jeżerċita direttament id-drittijiet tiegħu, jekk hemm bżonn billi jdur fuq il-garanziji fil-pussess tiegħu. Kreditur privat jiddeċiedi ma jipproċedix għall-irkupru tad-djun dovuti lilu biss meta din tikkostitwixxi l-iktar soluzzjoni raġonevoli minn perspettiva ekonomika, per eżempju jekk tippermetti lill-kreditur, meta mqabbla ma' soluzzjonijiet oħrajn disponibbli, li jirkupra l-ikbar proporzjon tad-djun dovuti lilu jew li jevita telf iktar sostanzjali.

99     It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, f'din il-kawża, l-aġir ta' l-FĠSS u tal-Fogasa ma kienx konsistenti ma' dak mistenni minn kreditur privat ipotetiku li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħalhom.

100   L-ewwel nett, in sostenn ta' din id-dikjarazzjoni hija ssostni li l-proċedura ta' sospensjoni ta' ħlasijiet ma twaqqafx dawn il-korpi milli jirkupraw id-djun dovuti lilhom. Hija tispjega li "il-protezzjoni ġurisdizzjonali ta' debitur fil-kuntest ta' [din il-proċedura] tillimita ruħha għad-djun li nħolqu qabel ma bdiet [l-imsemmija] proċedura". Għaldaqstant, id-djun dovuti lill-FĠSS u lill-Fogasa li nħolqu wara ma bdiet il-proċedura ta' sospensjoni ta' ħlasijiet setgħu jiġu rkuprati f'kull ħin. Għal dak li jirrigwarda d-djun li nħolqu fl-1991 u fl-1992, dawn setgħu jiġu rkuprati dak iż-żmien. F'kull każ, huma setgħu jiġu eżegwiti mix-xahar ta' Ottubru 1996.

101   It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li kreditur privat li, bħall-FĠSS u l-Fogasa, jiddisponi minn privileġġi u garanziji, ma kienx jagħti faċilitajiet ta' ħlas lil debitur li jinsab f'diffikultajiet finanzjarji, iżda kien jipproċedi għall-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilu. Hija tikkontesta l-mertu ta' l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, f'din il-kawża, ebda kreditur privat ta' Sniace ma pproċeda għal tali eżekuzzjoni, inkluż il-Bank Spanjol Banesto, li madankollu d-dejn dovut lilu kien iggarantit b'ipoteka. Hija ssostni li l-pożizzjoni ta' dawn il-kredituri kollha, bl-eċċezzjoni ta' Banesto, kienet inqas tajba minn dik ta' l-FĠSS u tal-Fogasa. Hija żżid li, la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ma tagħti xi indikazzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk dawn il-kredituri kinux jinsabu f'sitwazzjoni li setgħet tiġi mqabbla ma' dik ta' dawn il-korpi. B'mod partikolari, ma ngħatat ebda informazzjoni dwar "il-prospetti ta' rkupru tad-djun li rrinunzjaw għalihom il-kredituri privati", dwar l-ammont tad-djun dovuti lilhom u dwar il-garanziji li minnhom huma jiddisponu. Skond ir-rikorrenti, xi konklużjonijiet jistgħu jiġu dedotti mill-aġir attwali ta' Banesto biss jekk "diversi jew anki l-maġġoranza tal-kredituri privati li jinsabu f'sitwazzjoni li tista' tiġi mqabbla ma' dik tal-Fogasa kienu jagħmlu l-istess bħal Banesto". Fl-aħħar nett, hija tindika li ma jistax jiġi eskluż li xi wħud mill-kredituri privati ta' Sniace kienu wkoll azzjonisti tagħha.

102   Ir-rikorrenti ssostni wkoll li ma jistax jingħad li t-tilħiq tal-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura in kwistjoni kien intiż sabiex jippreserva d-djun dovuti lill-FĠSS u l-Fogasa. Skond hi, kreditur privat "kien, mingħajr dewmien, jipprova jagħmel tajjeb għad-djun billi jdur għall-assi tad-debitur, sabiex għall-inqas jirkupra parti mid-djun dovuti lilu". Hija tirrepeti li, għal tali kreditur, "l-estensjoni taż-żmien għall-ħlas u l-ippjanar mill-ġdid tiegħu huma ġġustifikati biss jekk dawn jassiguraw, meta mqabbla ma' soluzzjonijiet oħrajn, li l-kreditur ser jirkupra l-ikbar parti possibbli tad-djun dovuti lilu" u li "jiġu sospiżi l-ħlasijiet biss jekk huwa jista' jistrieħ fuq il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur tiegħu ser titjieb". Tali titjib ma kienx previst f'din il-kawża, u dan minħabba r-raġunijiet li ġejjin:

–       il-fatturat ta' Sniace kien naqas ħafna fl-1995 u fl-1996;

–       ebda miżura ta' ristrutturar kapaċi li tassigura l-profittabbiltà u l-vijabbiltà ta' l-impriża ma kienet prevista u l-pjan ta' vijabbiltà mfassal f'Awwissu ta' l-1996 ma kienx ġie kkunsidrat mill-Gvern Spanjol bħala li jikkostitwixxi pjan ta' ristrutturar uffiċjali;

–       fl-1996, is-suq tal-fibri tal-viscose kien qiegħed isofri minn kapaċitajiet eċċessivi konsiderevoli;

–       kien previst tnaqqis ulterjuri fid-domanda għall-fibri tal-viscose fil-Komunità għas-snin ta' wara.

103   Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza ta' l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li d-djun dovuti lill-FĠSS u lill-Fogasa huma ggarantiti bi privileġġi. Hija ssostni li li kieku Sniace falliet, id-djun dovuti lil dawn iż-żewġ korpi ma kinux jiġu "rkuprati b'mod illimitat", peress li d-djun iggarantiti minn garanziji fuq proprjetà immobbli għandhom prijorità. Hija tindika b'mod partikolari li l-Fogasa kien ikollu "prijorità assoluta fir-rigward tal-kredituri l-oħra biss għal dak li jikkonċerna l-aħħar 30 ġurnata li jiġu qabel il-mument meta jintalab il-ħlas tad-dejn". Għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta' qabel, il-kredituri li għandhom garanziji fuq proprjetà immobbli kien ikollhom prijorità fuq dan il-korp.

104   It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li kreditur privat qatt ma kien jastjeni milli jipproċedi għall-irkupru tad-djun dovuti lilu fir-rigward ta' debitur li jinsab f'diffikultajiet finanzjarji u fl-istess ħin jaċċetta li dan jakkumula djun ġodda fil-konfront tiegħu.

105   Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-Fogasa, hija tirrileva li, wara li ntlaħaq il-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993, li jikkonċerna biss id-djun li nħolqu qabel din id-data, dan il-korp kompla jħallas kull xahar is-salarji tal-ħaddiema ta' Sniace. Skond hi, il-fatt li l-Fogasa kien obbligat bil-liġi li jibqa' jħallas kull xahar dawn is-salarji ma jiġġustifikax il-fatt li huwa seta' jastjeni milli jirkupra d-djun li kienu skadew, billi jirrikorri għal eżekuzzjoni imposta fejn neċessarju, u jippermetti għalhekk li d-djun jibqgħu jakkumulaw.

106   Skond ir-rikorrenti, l-FĠSS ippermetta wkoll li d-djun ta' Sniace jakkumulaw. Hija tindika, f'dan ir-rigward, li d-djun ta' Sniace fir-rigward ta' l-FĠSS żdiedu minn ESP 746 miljun fl-1991 għal ESP 3.2 biljun fl-1995, u li sa' l-1996 dan il-korp ma ħa ebda passi sabiex jirkupra d-djun dovuti lilu. Hija ssemmi li, fl-1995, l-arretrati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta' Sniace kienu jammontaw għal ħafna iktar mill-kapital tagħha stess, li kien jammonta għal ESP 1.73 biljun. Hija tilmenta dwar il-fatt li l-FĠSS ma biegħx l-assi li huwa kien qabad minn Sniace, u tippreċiża li, fil-31 ta' Diċembru 1993, l-assi maqbuda kienu jammontaw għas-somma totali ta' ESP 1.034 biljun u d-djun ta' din l-impriża għal dak li jirrgwarda l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kienu jammontaw diġà għal madwar ESP 2.4 biljun.

107   Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li kreditur privat qatt ma kien jagħti faċilitajiet ġodda ta' ħlas lil debitur li ma kienx wettaq l-obbligi preċedenti tiegħu ta' ħlas lura. Hija ssemmi li, għalkemm Sniace ma kinitx implementat il-ftehim tat-8 ta' Marzu u tas-7 ta' Mejju 1996, l-FĠSS aċċetta li jilħaq il-ftehim tat-30 ta' Settembru 1997. Għal dak li jirrigwarda l-Fogasa, hija tindika li dan laħaq il-ftehim tal-31 ta' Ottubru 1995 għalkemm Sniace kienet implimentat parzjalment biss il-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993. F'Ġunju ta' l-1998, din l-impriża kienet ħallset biss terz ta' l-ammonti li kellhom jitħallsu skond iż-żewġ ftehim. B'mod iktar ġenerali, fid-data ta' l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, dawn iż-żewġ korpi kienu rkupraw biss parti żgħira ħafna tad-djun dovuti lilhom minn Sniace.

108   Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li kreditur privat kien jirrikjedi garanziji biżżejjed qabel ma jaċċetta li jagħti faċilitajiet ta' ħlas lil debitur li jinsab f'sitwazzjoni finanzjarja diffiċli.

109   Hija ssemmi li, għad-differenza ta' diversi istituzzjonijiet finanzjarji li kienu kredituri ta' Sniace u li kienu kisbu garanziji ipotekarji li jkopru d-djun kollha dovuti lilhom, l-FĠSS ma talabx dawn il-garanziji minn Sniace għas-snin mill-1991 sa l-1996 talli ma rkuprax id-djun li kienu dovuti lilu. Hija tilmenta, b'mod iktar partikolari, dwar il-fatt li dan il-korp ma talabx garanziji reali meta ntlaħaq il-ftehim tat-30 ta' Settmebru 1997. Sniace pproponiet biss, fl-1996, lill-FĠSS u lill-Fogasa "ipoteka konġunta", iżda din qatt ma ġiet ikkostitwita, għalkemm il-valur effettiv tal-kapital ta' l-operat ta' din il-kumpannija kien jammonta għal ESP 25 biljun fil-31 ta' Diċembru 1996. Hija tikkunsidra bħala totalment irrilevanti l-fatt li l-FĠSS kien kiseb, f'Awwissu ta' l-1998, garanzija fuq il-makkinarju kollu ta' Sniace, peress illi din iċ-ċirkustanza seħħet ħafna wara ma ntlaħqu l-ftehim tat-8 ta' Marzu u tas-7 ta' Mejju u tat-30 ta' Settembru 1997. Hija żżid li l-Kummissjoni ma tistax tgħid li l-FĠSS kien "relativament ċert" li jirkupra d-djun dovuti lilu f'każ ta' insolvenza ta' Sniace billi jargumenta li l-assi mingħajr piżijiet ta' din l-impriża kienu jammontaw għal madwar ESP 20 biljun. Hija tindika li dan il-korp ħa r-riskju li Sniace tikkonferixxi garanziji fuq dawk l-assi lil terzi sabiex tikseb kapital u tfakkar li kredituri ipotekarji għandhom prijorità fuq il-kredituri l-oħrajn kollha li m'għandhomx garanziji reali, inklużi l-kredituri privileġġjati.

110   Għal dak li jirrigwarda l-ipoteka mogħtija lill-Fogasa, ir-rikorrenti tosserva li, fil-premessa 89 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni tindika li, "[m]inkejja t-talbiet ripetuti, il-Gvern Spanjol ma ta ebda informazzjoni dwar il-natura [tagħha]".

111   Is-sitt nett, ir-rikorrenti tiddikjara li kreditur privat ma kienx jastjeni milli jipproċedi għall-irkupru tad-djun dovuti lilu ħlief jekk dan iwassal għal vantaġġ finanzjarju. Hija tikkunsidra li l-imgħaxijiet u l-penalitajiet għal ħlas tardiv li Sniace kellha tħallas lill-FĠSS u lill-Fogasa ma kinux jirrappreżentaw vantaġġ għal dawn il-korpi, għaliex il-ħlas tagħhom kien inċert daqs il-ħlas tal-kapital dovut.

112   Qabel kollox, il-Kummissjoni, billi tirreferi għall-punti 45 sa 47 tas-sentenza Tubacex, issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f'din is-sentenza, li "la l-ammonti mħallsa mill-Fogasa lill-impjegati ta' impriża f'diffikultà u lanqas il-ftehim intiżi sabiex jippermettu lill-impriża tħallas lura dawn l-ammonti lill-Fogasa ma għandhom fihom infushom il-karattru ta' għajnuna mogħtija mill-Istat". F'kwistjonijiet bħal dawn, "il-kontroll mill-perspettiva ġuridika ta' l-għajnuna huwa limitat għalhekk għall-eżaminazzjoni ta' ċerti modalitajiet fil-ftehim dwar ħlas lura". Skond il-Kummissjoni, l-istess konklużjonijiet japplikaw għall-estensjoni taż-żmien għall-ħlas tad-djun fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti mill-FĠSS kif ukoll għall-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid li ntalħqu minnu. Minn naħa, l-intervent ta' kull wieħed minn dawn il-korpi m'għandux jiġi mqabbel ma' l-aġir ta' investitur privat, iżda ma' dak ta' kreditur privat, u, min-naħa l-oħra, dawn il-ftehim differenti ma jagħtux lill-impriża kkonċernata l-benefiċċju ta' riżorsi pubbliċi ġodda. Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza Tubacex, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx biss dwar il-kwistjoni tar-rati ta' mgħax, iżda evalwat, b'mod iktar ġenerali, il-ftehim li ntlaħqu bejn il-Fogasa u l-FĠSS, minn naħa, u l-impriżi Spanjoli f'diffikultà, min-naħa l-oħra, skond ir-regoli dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Fl-aħħar nett, hija tenfasizza li kien partikolarment billi ttrasponiet din is-sentenza li hija adottat id-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000.

113   Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-FĠSS u l-Fogasa aġixxew skond ir-regoli leġiżlattivi li kienu applikabbli għalihom u li huma kienu suġġetti għal "limitazzjonijiet u għal rekwiżiti li llimitaw id-diskrezzjoni tagħhom". Fil-kontroreplika tagħha, hija tindika li "il-miżuri kkontestati tal-Fogasa u ta' l-[FĠSS] ma jiffavorixxux b'mod selettiv ċerti impriżi speċifiċi, kif jippresupponi l-Artikolu 87(1) KE". Ir-Renju ta' Spanja jsostni li, billi ppjana mill-ġdid id-djun ta' Sniace fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-FĠSS aġixxa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Huwa jippreċiża li din il-leġiżlazzjoni tapplika b'mod ġenerali għal kull impriża li tinsab f'waħda mis-sitwazzjonijiet ikkunsidrati, b'mod illi d-deċiżjoni ta' dan il-korp li jippjana mill-ġdid id-djun ta' Sniace hija "miżura ta' karattru ġenerali, u mhux deċiżjoni adottata b'mod arbitrarju mill-awtoritajiet kompetenti".

114   Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta' Spanja, tikkontesta l-fatt li hija applikat ħażin il-kriterju tal-kreditur privat f'din il-kawża.

115   L-ewwel nett, il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jsostnu li r-rikorrenti tibbaża r-rikors tagħha fuq il-premessa żbaljata li l-FĠSS u l-Fogasa rrinunzjaw milli jipproċedu għall-irkupru tad-djun dovuti lilhom jew li rrinunzjaw għall-ħlas lura ta' xi djun. Il-Kummissjoni tiddikjara li l-fatt li dawn il-korpi laħqu ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura ma' Sniace juri, għall-kuntrarju, li huma kellhom l-intenzjoni li din ta' l-aħħar tħallas lura id-djun tagħha. Hija tinvoka wkoll il-fatt li l-imsemmija korpi ma ħadux sehem fil-ftehim ta' Ottubru ta' l-1996.

116   It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-FĠSS u l-Fogasa aġixxew, f'din il-kawża, bħalma kien jaġixxi kreditur privat.

117   L-ewwel nett, hija tispjega li, matul il-proċedura ta' sospensjoni tal-ħlasijiet, kien impossibbli għall-FĠSS li jġiegħel lil Sniace tħallas id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għall-1991 u l-1992. Barra minn hekk, xejn ma jagħti l-idea li, qabel il-ftuħ ta' din il-proċedura, l-FĠSS ma ppruvax jikseb il-ħlas lura ta' l-ammonti dovuti. Għal dak li jirrigwarda d-djun li għandhom x'jaqsmu mal-kontribuzzjonijet tas-sigurtà soċjali għall-perijodu kopert mill-proċedura ta' sospensjoni tal-ħlasijiet, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dawn setgħu jiġu rkuprati matul din il-proċedura, iżda tikkunsidra li rkupru impost ma kienx indispensabbli peress li dan il-korp jiddisponi minn garanziji biżżejjed. Hija żżid li Sniace kienet waqfet l-attivitajiet tagħha matul parti kbira tas-snin 1993 u 1996, kif ukoll fil-bidu tas-sena 1997, u għaldaqstant ma kellhiex dħul minn fejn tħallas il-kontribuzzjonijiet tagħha.

118   It-tieni nett, hija tikkontesta l-fatt li l-FĠSS u l-Fogasa kien imisshom ipproċedew b'eżekuzzjoni imposta tad-djun dovuti lilhom minflok jilħqu ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura.

119   F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tinvoka, qabel kollox, il-fatt li dawn il-korpi jiddisponu minn garanziji aħjar mill-kredituri privati. Hija tindika li d-djun dovuti lill-FĠSS huma pprivileġġjati f'każ ta' insolvenza tad-debitur. Hija tosserva li, wara li jitnaqqsu l-garanziji ipotekarji miżmuma mill-kredituri privati, "l-assi mingħajr piżijiet ta' […] Sniace kienu jammontaw għal madwar ESP 20 biljun", b'mod illi, bħala kreditur ipprivileġġjat, l-FĠSS seta', f'każ ta' insolvenza ta' din l-impriża, ikun "relativament ċert" li jirkupra d-djun dovuti lilu. Il-Kummissjoni żżid li Sniace kienet qed tinnegozja, fi żmien il-ftehim tat-30 ta' Settembru 1997, il-ħolqien ta' ipoteka fl-ewwel pożizzjoni ta' preferenzja fuq l-art u l-installazzjonijiet tagħha favur l-FĠSS u l-Fogasa flimkien. Eventwalment din l-ipoteka ma ġietx ikkostitwita u, fil-31 ta' Awwissu 1998, ġie deċiż li l-ippjanar mill-ġdid tad-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġi ggarantit billi jinżammu maqbuda diversi assi mobbli u immobbli ta' Sniace. F'dan il-kuntest, l-FĠSS kiseb b'mod partikolari, fis-6 ta' Lulju 1998, garanzija fuq il-makkinarju kollu ta' din l-impriża u għalhekk "akkwista dritt fir-rigward ta' ammont nominali ta' ESP 3 485 038 195", jiġifieri ammont li jikkorrispondi għall-kapital kważi kollu tad-dejn. Għal dak li jirrigwarda l-Fogasa, il-Kummissjoni tosserva li dan il-korp huwa wkoll kreditur ipprivileġġjat u li ipoteka, li tiggarantixxi t-totalità tad-dejn, ġiet ikkostitwita fil-konfront tiegħu fl-10 ta' Awwissu 1995.

120   Il-Kummissjoni ssostni wkoll li ebda kreditur privat ta' Sniace ma pproċeda għall-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilhom. Hija tenfasizza, b'mod partikolari, li l-kreditur privat prinċipali ta' din l-impriża, Banesto, ma eżegwixxiex id-djun dovuti lilu anki jekk dawn kienu ggarantiti b'ipoteka, għas-somma ta' ESP 5 biljuni. Barra minn hekk, hija tikkontesta l-allegazzjoni li kreditur privat li jkun f'sitwazzjoni li tista' tiġi mqabbla ma' dik tal-Fogasa kien jeżegwixxi l-ipoteka mogħtija lilu minn Sniace. Hija tikkunsidra li dan il-korp kellu inqas raġunijiet biex jipproċedi għall-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilu u dan għaliex huwa kien ikun kreditur ipprivileġġjat f'każ ta' insolvenza ta' Sniace.

121   Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-FĠSS u l-Fogasa "adottaw linja iktar stretta u effikaċi mill-kredituri privati ta' l-impriża". Il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jinsistu fuq il-fatt li dawn il-korpi ma ħadux sehem fil-ftehim ta' Ottubru ta' l-1996. Huma jispjegaw li, minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja ħafna ta' Sniace, il-kredituri privati, billi ħadu sehem f'dan il-ftehim u billi kkonvertew, skond l-istess ftehim, 40% tad-djun dovuti lilhom f'ishma f'din il-kumpannija, fir-realtà rrinunzjaw għal 40% tad-djun dovuti lilhom. Il-Kummissjoni żżid li l-modalitajiet għall-ħlas lura tad-djun previsti fil-ftehim ta' Ottubru ta' l-1996 huma ħafna inqas favorevoli minn dawk miftiehma ma' l-FĠSS u l-Fogasa. Fil-fatt, dan il-ħlas lura kellu jsir fuq perijodu ta' tmien snin mingħajr ma jiddekorri ebda mgħax fuq il-kapital.

122   It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Spanjoli tawha assigurazzjoni "kredibbli" li l-FĠSS kien aġixxa "bl-għan li jippreserva d-drittijiet kollha li huwa kellu fir-rigward ta' Sniace". Ir-Renju ta' Spanja jiddikjara li l-ftehim ikkontestati żiedu l-probabbiltà li l-FĠSS u l-Fogasa jitħallsu tad-djun dovuti lilhom milli kieku huma talbu l-ħlas immedjat ta' dawn id-djun. Il-Kummissjoni tammetti li hija ma ħadet in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-għajnuna allegatament mogħtija, la l-pjan ta' vijabbiltà mfassal f'Awwissu ta' l-1996 u lanqas il-pjan ta' ristrutturazzjoni li għalihom irreferew l-awtoritajiet Spanjoli matul il-proċedura amministrattiva.

123   Ir-raba' nett, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti ma tippreżenta ebda element ta' prova in sostenn ta' l-allegazzjoni tagħha li l-FĠSS ippermetta li d-djun ta' Sniace fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jakkumulaw bejn l-1991 u l-1996 mingħajr ma jieħu passi. Hija terġa' tiddikjara li, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-proċedura ta' sospensjoni tal-ħlasijiet, "parti minn dawn l-ammonti ma setgħetx tiġi rkuprata legalment" u li Sniace kienet waqfet l-attivitajiet tagħha matul parti kbira mill-perijodu rilevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jfakkru li l-Fogasa għandu l-obbligu stipulat mil-liġi li jħallas lill-ħaddiema s-salarji li ma ġewx imħallsa lilhom minħabba, b'mod partikolari, sospensjoni tal-ħlasijiet u li wara jissurroga lilu nnifsu fid-drittijiet u fl-azzjonijiet tal-ħaddiema sabiex jikseb il-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa.

124   Il-ħames nett, il-Kummissjoni ssostni li m'hemmx provi li jippermettu li jingħad li Sniace ma osservatx il-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura.

125   Is-sitt nett, il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja jikkunsidraw li l-FĠSS u l-Fogasa jiddisponu minn garanziji suffiċjenti (ara l-punt 119 iktar 'il quddiem).

126   Is-seba' nett, il-Kummissjoni tirrimarka li, skond il-leġiżlazzjoni Spanjola, l-arretrati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiżdiedu awtomatikament b'20% u rata ta' mgħax statutorja annwali ta' mill-inqas 9% hija applikata lilhom. In-nuqqas li jiġu rkuprati d-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew l-estensjoni taż-żmien għall-ħlas tagħhom ma jagħtux għalhekk awtomatikament vantaġġ finanzjarju sostanzjali lill-impriża kkonċernata. Ir-Renju ta' Spanja, billi jirreferi għall-punt 47 tas-sentenza Tubacex, iżid li l-ftehim dwar l-ippjanar mill-ġdid u l-ħlas lura tad-djun ma joħolqux djun ġodda dovuti minn Sniace lill-awtoritajiet pubbliċi, b'mod illi ma jistax jingħad illi Sniace kisbet xi vantaġġ ekonomiku.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

127   Skond l-Artikolu 87(1) KE, "[b]la ħsara ta' kull deroga kontemplata f’dan it-Trattat, kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni".

128   Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni li għajnuna għandha tkun favur impriża speċifika, li hija waħda mill-karatteristiċi tal-kunċett ta' għajnuna mogħtija mill-Istat, hijiex sodisfatta f'din il-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-1 ta' Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, Ġabra p. I-7907, punt 40, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-29 ta'Settembru 2000, CETM vs Il-Kummissjoni, T-55/99, Ġabra p. II-3207, punt 39).

129   Għandu jiġi mfakkar li miżuri li għandhom skop purament ġenerali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, il-ġurisprudenza stabbiliet diġà li anki interventi li, prima facie, huma applikabbli għall-impriżi kollha jistgħu jippreżentaw element ta' selettività u, għaldaqstant, jiġu kkunsidrati bħala miżuri intiżi sabiex jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Dan huwa l-każ, b'mod partikolari, meta l-amministazzjoni li għandha l-kompitu tapplika r-regola ġenerali tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' l-att (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Settembru 1996, Franza vs Il-Kummissjoni, C-241/94, Ġabra p. I-4551, punti 23 u 24; Ecotrade, iċċitata iktar 'il fuq, punt 40, u tas-17 ta' Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 39).

130   F'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-FĠSS u l-Fogasa jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali kemm biex jilħqu ftehim dwar ippjanar mill-ġdid jew dwar ħlas lura kif ukoll sabiex jiddeterminaw ċerti modalitijiet ta' dawn il-ftehim, bħal meta għandu jsir il-ħlas lura, l-iskadenzi u l-karattru suffiċjenti tal-garanziji mogħtija għall-ħlas tad-djun. Minn naħa, dan jirriżulta b'mod ċar mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-attività ta' dawn iż-żewġ korpi. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-FĠSS, jirriżulta espressament mill-Artikolu 20 tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali u mill-Artikolu 40(1) tad-Digriet Irjali tas-6 ta' Ottubru 1995 li jista' jagħżel li d-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġu ippjanati mill-ġdid jew jitħallsu bin-nifs. Jirriżulta wkoll mill-Artikolu 40(1) tad-Digriet Irjali tas-6 ta' Ottubru 1995 li l-FĠSS jiddisponi mis-setgħa li jevalwa ċ-"ċirkustanzi partikolari oħrajn" li jwaqqfu d-debituri milli jħallsu d-djun tagħhom. Għal dak li jirrigwarda l-Fogasa, l-Artikolu 32 tad-Digriet Irjali tas-6 ta' Marzu 1985 jistabbilixxi li anki dan il-korp jista' jagħżel li jilħaq ftehim dwar ħlas lura. Barra minn hekk, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali La Pergola fil-punt 8 tal-konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Tubacex (Ġabra p. I-2461), l-elementi tad-Digriet tal-Ministru għax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali ta' l-20 ta' Awwissu 1985 identifikati fil-punt 7 iktar 'il fuq jikkonfermaw li l-Fogasa jiddisponi minn marġni diskrezzjonali ta' evalwazzjoni f'dan il-qasam. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni stess tikkonstata, fil-premessi 81 u 89 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, li l-FĠSS u l-Fogasa għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex id-djun jiġu ppjanati mill-ġdid jew jitħallsu bin-nifs u sabiex jistabbilixxu ċerti modalitajiet. Għaldaqstant, fil-premessa 81, hija tosserva li "[h]uwa […] ċar li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali tagħti lill-awtoritajiet ċertu setgħa diskrezzjonali meta jitrattaw każijiet individwali, liema setgħa ntużat f'din il-kawża". Fil-premessa 89, hija tindika li "il-Fogasa għandha setgħa diskrezzjonali sabiex testendi ż-żmien għall-ħlas lura jew tipprovdi li l-ħlasijiet isiru bin-nifs, u dan għal perijodu massimu ta' tmien snin".

131   Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkritikax biss il-fatt li ntlaħqu, mill-FĠSS u mill-Fogasa, ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura ma' Sniace. Hija tilmenta wkoll dwar il-fatt li huma aċċettaw li din il-kumpannija ma tosservax dawn il-ftehim u, għal dak li jirrigwarda l-FĠSS, il-fatt li huwa ppermetta, minbarra kull ftehim dwar ippjanar mill-ġdid, li l-imsemmija kumpannija ma tħallasx id-djun tagħha fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali matul diversi snin mill-inqas minn Frar ta' l-1991. Huwa ċar li dan jirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali ta' l-imsemmija korpi.

132   Barra minn hekk, ir-Renju ta' Spanja ma jistax jiddeduċi argument mill-fatt li d-deċiżjoni ta' l-FĠSS li jipproċedi għall-ippjanar mill-ġdid tad-djun ta' Sniace ma kinitx arbitrarja. Sabiex jiġi eskluż li tkun deskritta bħala miżura ġenerali, mhuwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-aġir tal-korp Statali kkonċernat huwiex arbitrarju. Huwa biżżejjed jekk jiġi stabbilit, kif fil-fatt sar f'din il-kawża, li l-imsemmi korp jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali għal dak li jikkonċerna t-tilħiq ta' ftehim dwar ippjanar mill-ġdid jew ħlas lura u d-determinazzjoni ta' ċerti modalitajiet ta' dawn il-ftehim.

133   Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni li għajnuna għandha tkun favur impriża speċifika hija sodisfatta f'din il-kawża.

134   Għandu jiġi mfakkar sussegwentement li, skond ġurisprudenza kostanti, l-Artikolu 87(1) KE għandu bħala skop li jevita li l-kummerċ bejn Stati Membri ma jiġix affettwat mill-vantaġġi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li, taħt forom diversi, iwasslu għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni billi jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-24 ta' Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni, 310/85, Ġabra p. 901, punt 8; tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 12, u tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I-3547, punt 58). Il-kunċett ta' għajnuna għalhekk ma jkoprix biss benefiċċji pożittivi, bħal sussidji, self jew it-teħid ta' ishma f'impriżi, iżda wkoll interventi li, taħt forom diversi, inaqqsu l-piżijiet li normalment huma inklużi fil-baġit ta' impriża u li, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma ta' l-istess natura u għandhom effetti identiċi (sentenza Banco Exterior de España, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13).

135   F'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li ċerti aspetti ta' l-aġir ta' l-FĠSS u tal-Fogasa, li dwarhom tilmenta r-rikorrenti, taw vantaġġ kummerċjali sinjifikanti lil Sniace.

136   Għaldaqstant, għal dak li jirigwarda l-FĠSS, jirriżulta mill-proċess li dan il-korp ippermetta li Sniace ma tħallasx id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal perijodu li dam mill-inqas minn Frar 1991 sa Frar 1997, u b'hekk ippermetta lil din il-kumpannija takkumula djun li jammontaw għas-somma totali ta' ESP 3 510 387 323, flimkien mal-penalitajiet għal ħlas tardiv li jammontaw għas-somma totali ta' ESP 615 056 349 u mgħaxijiet bir-rata statutorja. B'mod partikolari, kien biss fit-8 ta' Marzu 1996 li l-FĠSS iddeċieda li jilħaq l-ewwel ftehim dwar ippjanar mill-ġdid, u dan meta Sniace naqset milli tħallas id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Madankollu, minbarra l-fatt li dan il-ftehim qatt ma ġie eżegwit minn Sniace (ara l-punt 138 iktar 'il quddiem), l-FĠSS ippermetta li din il-kumpannija takkumula djun ġodda fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali sa Frar 1997, minbarra dawk koperti mill-ftehim tat-8 ta' Marzu 1996.

137   Issa m'hemmx dubbju li l-kondotta ta' korp pubbliku kompetenti sabiex jiġbor il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jippermetti li l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma jitħallsux fil-ħin, tagħti lill-impriża li tibbenefika minnha vantaġġ kummerċjali sinjifikanti billi tnaqqas, fir-rigward tagħha, il-piż assoċjat ma' l-applikazzjoni normali tas-sistema tas-sigurtà soċjali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Ġunju 1999, DM Transport, C-256/97, Ġabra p. I-3913, punt 19).

138   Huwa wkoll stabbilit li Sniace ma osservatx il-ftehim tat-8 ta' Marzu 1996, kif emendat minn dak tas-7 ta' Mejju 1996. Kif jindika r-Renju ta' Spanja, dan il-ftehim qatt ma daħal fis-seħħ għaliex Sniace "ma [kinitx] ipproċediet għall-ħlas lura tad-djun dovuti minnha". Madankollu, minflok talab il-ħlas immedjat tas-somma totali tad-dejn, kif huwa kellu dritt li jagħmel f'ċirkustanzi bħal dawn, l-FĠSS aċċetta li jilħaq ma' Sniace, fit-30 ta' Settembru 1997, ftehim ieħor dwar ippjanar mill-ġdid. Billi aġixxa b'dan il-mod, l-FĠSS ikkonferixxa mingħajr dubju vantaġġ sinjifikanti lil Sniace. Kif jirriżulta mill-premessa 80 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, irkupru impost tad-dejn dovut minn din il-kumpannija seta' jwassal, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja partikolarment diffiċli tagħha, għall-għeluq tagħha.

139   L-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li, skond il-leġiżlazzjoni Spanjola applikabbli, imgħaxijiet u penalitajiet għal ħlas tardiv huma applikati awtomatikament lill-arretrati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, l-imgħaxijiet u l-penalitajiet għal ħlas tardiv li taf ikollha tħallas impriża li tinsab f'diffikultajiet finanzjarji serji talli ngħatat faċilitajiet ta' ħlas ġenerużi, bħal dawk li ngħataw mill-FĠSS lil Sniace f'din il-kawża, ma jistgħux jikkumpensaw totalment għall-vantaġġ li bbenefikat minnu l-imsemmija impriża (ara, f'dan is-sens, is-sentenza DM Transport, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

140   Għal dak li jirrigwarda l-Fogasa, jirriżulta mill-proċess li dan il-korp kien laħaq ma' Sniace, fil-5 ta' Novembru 1993, ftehim li fih ġie stipulat li din ta' l-aħħar obbligat ruħha tħallas lura ESP 897 652 789 għall-kapital, flimkien ma' ESP 465 055 911 bħala mgħaxijiet ikkalkulati bir-rata statutorja ta' 10% jiġifieri s-somma totali ta' ESP 1 362 708 700, imħallsa bin-nifs kull sitt xhur għal perijodu ta' tmien snin. Is-somma ta' ESP 897 652 789 tikkorrispondi għall-ammonti mħallsa mill-Fogasa bħala salarji u konċessjonijiet dovuti minn Sniace lill-persunal tagħha.

141   L-Anness 1 ma' dan il-ftehim, ippreżentat mir-Renju ta' Spanja bħala risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 38 iktar 'il fuq), jindika li s-somma mħallsa bin-nifs kull sitt xhur relativa għall-kapital żdiedet gradwalment kif ġej: ESP 20 000 000 (it-tieni perijodu ta' sitt xhur tas-sena 1994 u l-ewwel perijodu ta' sitt xhur tas-sena 1995), ESP 35 000 000 (it-tieni perijodu ta' sitt xhur tas-sena 1995 u l-ewwel perijodu ta' sitt xhur tas-sena 1996), 55 000 000 ESP (it-tieni perijodu ta' sitt xhur tas-sena 1996 u l-ewwel perijodu ta' sitt xhur tas-sena 1997), ESP 80 000 000 (mill-1998 sa l-2000) u ESP 71 326 395 (is-sena 2001). Il-ħlas ta' l-imgħaxijiet tħalla għas-sena 2000 (erba' ħlasijiet bin-nifs darba kull sitt xhur ta' ESP 116 263 978).

142   Jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija mir-Renju ta' Spanja bħala risposta għal domanda oħra tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 38 iktar 'il fuq) li Sniace osservat biss parzjalment il-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993. B'hekk, fl-1994, hija kienet ħallset biss ESP 10 000 000 minn ESP 20 000 000 previsti, fl-1995 biss ESP 30 000 000 minn ESP 55 000 000 previsti, fl-1996 biss ESP 35 000 000 minn ESP 90 000 000 previsti, fl-1997 biss ESP 15 000 000 ESP minn ESP 110 000 000 previsti u fl-1998 biss ESP 120 000 000 minn ESP 160 000 000 previsti. Barra minn hekk, permezz ta' ftehim tat-18 ta' Marzu 1999, il-pjan ta' ħlas lura fl-Anness 1 mal-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 ġie emendat b'mod retroattiv.

143   Fil-31 ta' Ottubru 1995, il-Fogasa laħaq it-tieni ftehim ma' Sniace, li fih ġie stipulat li din ta' l-aħħar obbligat ruħha tħallas lura ESP 229 424 860 għall-kapital, flimkien ma' ESP 110 035 018 bħala mgħaxijiet ikkalkulati bir-rata statutorja ta' 9% jiġifieri s-somma totali ta' ESP 339 459 878, imħallsa bin-nifs kull sitt xhur għal perijodu ta' tmien snin. Is-somma ta' ESP 229 424 860 tikkorrispondi għall-ammonti li l-Fogasa kien kompla jħallas wara l-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 bħala salarji u konċessjonijiet dovuti minn Sniace lill-persunal tagħha.

144   L-Anness 1 tal-ftehim tal-31 ta' Ottubru 1995, ippreżentat mir-Renju ta' Spanja bħala risposta għal domanda tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 38 iktar 'il fuq), jindika li s-somma mħallsa bin-nifs kull sitt xhur relativa għall-kapital żdiedet gradwalment kif ġej: ESP 10 000 000 (l-1 ta' Mejju 1996, l-1 ta' Novembru 1996, l-1 ta' Mejju 1997, l-1 ta' Novembru 1997, l-1 ta' Mejju 1998 u l-1 ta' Novembru 1998), ESP 15 000 000 (l-1 ta' Mejju 1999, l-1 ta' Novembru 1999, l-1 ta' Mejju 2000, l-1 ta' Novembru 2000, l-1 ta' Mejju 2001 u l-1 ta' Novembru 2001), ESP 20 000 000 (l-1 ta' Mejju 2002, l-1 ta' Novembru 2002 u l-1 ta' Mejju 2003) u ESP 19 424 860 (l-1 ta' Novembru 2003). Il-ħlas ta' l-imgħaxijiet tħalla għall-aħħar ħlas bin-nifs.

145   Jirriżulta mill-informazzjoni mogħtija mir-Renju ta' Spanja bħala risposta għal domanda oħra tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 38 iktar 'il fuq) li Sniace lanqas ma osservat il-ftehim tal-31 ta' Ottubru 1995. Fil-fatt, sa Diċembru ta' l-1998, hija kienet ħallset lura biss ESP 30 000 000 minn ESP 60 000 000 previsti. Bejn Diċembru ta' l-1998 u Diċembru ta' l-2001, hija kienet ħallset biss ESP 50 000 000 minn ESP 90 000 000 previsti. Barra minn hekk, permezz ta' ftehim tat-18 ta' Marzu 1999, il-pjan ta' ħlas lura fl-Anness 1 mal-ftehim tal-31 ta' Ottubru 1995, bħal dak fl-Anness mal-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993, ġie emendat b'mod retroattiv.

146   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tirrikonoxxi li, billi aċċetta li jħallas is-salarji u l-konċessjonijiet li huma s-suġġett tal-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995, il-Fogasa kien qiegħed jissodisfa talbiet leġittimi ppreżentati mill-personal ta' Sniace. Dan l-aspett ta' l-intervent ta' dan il-korp ma fihx elementi ta' għajnuna mogħtija mill-Istat. Madankollu, is-salarji u l-konċessjonijiet dovuti lill-impjegati ta' impriża jifformaw parti mill-ispejjeż normali ta' l-attività tagħha, li hija, bħala regola, għandha toħroġ mir-riżorsi tagħha stess. Għaldaqstant, kull intervent pubbliku intiż sabiex jiffinanzja dawn l-ispejjeż jista' jikkostitwixxi għajnuna kull darba li dan iwassal għall-għoti ta' vantaġġ lill-impriża, kemm jekk il-ħlasijiet isiru direttament lill-impriża jew lill-impjegati tagħha permezz ta' korp pubbliku. Billi ppermetta li l-iskadenzi għall-ħlas lura tad-dejn imġarrab bħala konsegwenza tal-ħlasijiet imsemmija hawn fuq ma ġewx rispettati, il-Fogasa ta vantaġġ kummerċjali lil Sniace billi naqqas il-piżijiet li normalment huma inklużi fil-baġit tagħha. Dan il-vantaġġ huwa iktar u iktar ovvju għaliex, meta jittieħed in kunsiderazzjoni n-nuqqas ta' osservanza minn Sniace ta' l-obbligi imposti fuqha skond il-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995, il-Fogasa seta' jitlob il-ħlas lura immedjat ta' l-ammont totali tad-djun dovuti lilu, jekk neċessarju billi jdur fuq l-ipoteka favur tiegħu.

147   Il-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika l-aġir ta' l-FĠSS u tal-Fogasa bil-fatt li Sniace kienet waqfet il-ħlasijiet minn Marzu ta' l-1993 sa Ottubru ta' l-1996. Minn naħa, dan ma jispjegax għalfejn l-FĠSS ippermetta li Sniace tibqa' ma tħallasx id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-snin 1991 u 1992. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza tal-proċedura ta' sospensjoni tal-ħlasijiet ma kinitx timpedixxi lil Sniace milli tonera l-obbligi ta' ħlas imposti fuqha skond il-ftehim dwar ħlas lura li ntlaħqu bejn l-FĠSS u l-Fogasa, u dan iktar u iktar għaliex dawn il-ftehim, bl-eċċezzjoni ta' dak tat-30 ta' Settembru 1997, kienu ntlaħqu mal-riċevitur ġudizzjarju maħtur mill-qrati Spanjoli fil-kuntest ta' din il-proċedura. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti u l-Kummissjoni jaqblu li d-djun ta' Sniace fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li nħolqu wara l-ftuħ tal-proċedura ta' sospensjoni tal-ħlasijiet setgħu, f'kull każ, ikunu s-suġġett ta' rkupru impost matul din il-proċedura. F'kull każ, id-djun kollha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li kellhom jitħallsu wara Frar ta' l-1991 kif ukoll id-djun dovuti lill-Fogasa koperti mill-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995 setgħu, ukoll f'kull każ, ikunu s-suġġett ta' rkupru impost meta għalqet il-proċedura ta' sospensjoni tal-ħlasijiet, jiġifieri fix-xahar ta' Ottubru ta' l-1996.

148   L-argument ibbażat fuq il-fatt li Sniace kienet waqfet l-attivitajiet tagħha matul parti tas-snin 1993 u 1996 kif ukoll fil-bidu tas-sena 1997 lanqas ma jgħin lill-Kummissjoni. Minn naħa, din iċ-ċirkustanza terġa' ma tiġġustifikax għalfejn Sniace ma ħallsitx id-djun tagħha fir-rigward ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għas-snin 1991 u 1992. Hija lanqas ma tispjega għalfejn id-dħul magħmul minn din il-kumpannija fl-1994 u fl-1995 ma kienx biżżejjed sabiex tkun tista' tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal dawn is-sentejn. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 u tal-31 ta' Ottubru 1995, il-Kummissjoni ma tiħux in kunsiderazzjoni l-fatt li s-somma li kellha titħallas bin-nifs kull sitt xhur kienet ħafna iktar baxxa fil-bidu tal-perijodu ta' ħlas lura milli lejn l-aħħar ta' dan l-istess perijodu (ara l-punti 141 u 144 iktar 'il fuq). Barra minn hekk, il-ħlas ta' l-imgħaxijiet kien tħalla għall-aħħar sentejn tal-perijodu ta' ħlas lura fil-każ tal-ftehim tal-5 ta' Novembru 1993 (jiġifieri s-snin 2000 u 2001) u għall-aħħar ħlas bin-nifs fil-każ tal-ftehim tal-31 ta' Ottubru 1995 (l-1 ta' Novembru 2003).

149   Madankollu, sabiex il-vantaġġi msemmija hawn fuq jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat skond l-Artikolu 87(1) KE, irid jiġi stabbilit li Sniace ma kinintx tista' tikseb dawn il-vantaġġi f’kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenzi SFEI et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 60, u DM Transport, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22). B’mod iktar preċiż, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ċar ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-FĠSS u l-Fogasa aġixxew bl-istess mod bħal kreditur privat ipotetiku li jsib ruħu, safejn huwa possibbli, fl-istess sitwazzjoni fir-rigward tad-debitur tiegħu bħal dawn iż-żewġ korpi.

150   F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, safejn l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-kreditur privat timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħall-applikazzjoni tal-kriterju ta’ l-investitur privat, din hija, skond ġurisprudenza kostanti, suġġetta għal kontroll limitat għall-verifika dwar jekk ġewx osservati r-regoli tal-proċedura u ta’ l-għoti ta’ raġunijiet, dwar l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati u dwar jekk kienx hemm żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew abbuż ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 11, u tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, Ġabra p. I-4035, punt 39; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Lulju 2002, HAMSA vs Il-Kummissjoni, T-152/99, Ġabra p. II-3049, punt 127).

151   Qabel ma jsir dan l-eżami, għandha tiġi miċħuda d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li, fis-sentenza Tubacex, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bħala regola, la l-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid li ntlaħqu mill-FĠSS u lanqas il-ftehim dwar ħlas lura li ntlaħqu mill-Fogasa ma jikkostitwixxu fihom infushom għajnuna mogħtija mill-Istat u li biss ċerti modalitajiet ta’ dawn il-ftehim jistgħu jkunu suġġetti għal kontroll fid-dawl tar-regoli dwar għajnuna mogħtija mill-Istat. Kif tirrimarka ġustament ir-rikorrenti, fid-deċiżjoni kkontestata fil-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, il-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li l-ftehim li ntlaħqu bejn dawn iż-żewġ korpi u ż-żewġ impriżi Spanjoli in kwistjoni kien fihom elementi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat biss inkwantu r-rata ta’ mgħax applikata kienet inferjuri għar-rati applikati fis-suq. F’dik il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja, ir-rikorrent, kien qiegħed jitlob l-annullament biss ta’ dan l-aspett tad-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx mitluba tiddeċiedi dwar jekk il-fatt stess li ntlaħqu dawk il-ftehim u l-modalitajiet l-oħra tagħhom setgħux jikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat.

152   Fir-realtà, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tivverifika, f’kull każ individwali u skond iċ-ċirkustanzi ta’ każ, jekk id-deċiżjoni ta' l-FĠSS jew tal-Fogasa li jippermettu li d-djun ta’ impriża f’diffikultà jiġu ppjanati mill-ġdid kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ dan l-ippjanar mill-ġdid humiex konformi mal-kriterju tal-kreditur privat.

153   Għandu jingħad ukoll li l-argument li l-Kummissjoni tipprova tiddeduċi mis-sentenza Tubacex ma jistax, f’kull każ, jirnexxi. Fil-fatt, f'din il-kawża, l-FĠSS u l-Fogasa jiġu kkritikati mhux biss talli laħqu ftehim dwar ippjanar mill-ġdid tad-djun ma’ Sniace, iżda wkoll, u b’mod partikolari, talli ppermettew li din ta’ l-aħħar ma tosservax dawk il-ftehim.

154   Jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Kummissjoni li hemm tliet raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-FĠSS u l-Fogasa aġixxew bħala kreditur privat.

155   L-ewwel nett, il-Kummissjoni tagħmel paragun bejn l-aġir ta' dawn iż-żewġ korpi u dak tal-kredituri privati ta' Sniace. Hija tibbaża l-argument tagħha prinċipalment fuq il-fatt li l-FĠSS u l-Fogasa, billi użaw id-dritt tagħhom ta' astensjoni, ma ħadux sehem fil-ftehim ta' Ottubru 1996 u li, għaldaqstant, ma rrinunzjawx de facto, għad-differenza tal-kredituri privati, għal 40% tad-djun dovuti lilhom. Hija żżid li l-kundizzjonijiet ta' ħlas lura previsti f'dan il-ftehinm huma ħafna inqas favorevoli għall-kredituri privati milli dawk miftiehma ma' l-FĠSS u mal-Fogasa (premessi 24 u 25 tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, punti 17, 52, 60, 65, 101 u 106 tar-risposta tad-difiża, u punt 26 tal-kontroreplika).

156   Dan l-ewwel paragun huwa manifestament żbaljat. L-FĠSS u l-Fogasa kienu jinsabu f'sitwazzjoni differenti mill-kredituri privat ta' Sniace. Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li dawn il-korpi għandhom id-dritt ta' astensjoni, li d-djun dovuti lilhom huma pprivileġġjati u li huma jiddisponi minn ċerti garanziji, jiġifieri drittijiet ta' rahan fil-każ ta' l-FĠSS u ipoteka fil-każ tal-Fogasa. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-premessa 26 tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000, il-Kummissjoni tenfasizza hija stess li "il-kundizzjonijiet offerti lill-kredituri privati ma kinux l-istess bħal dawk mogħtija lill-kredituri pubbliċi minħabba l-istatus tagħhom, il-garanziji pprovduti u d-drittijiet ta' astensjoni li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom" u li l-"paragun" bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' kredituri ma jikkostitwixxix applikazzjoni korretta tal-kriterju tal-kreditur privat f'din il-kawża.

157   It-tieni nett, il-Kummissjoni tinvoka l-fatt li Banesto ma pproċediex għall-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilu għalkemm kienu ggarantiti b'ipoteka (punti 53 u 90 tar-risposta tad-difiża, u punt 26 tal-kontroreplika).

158   Għandu jiġi kkonstatat li dan it-tieni paragun mhuwiex iktar konvinċenti mill-ewwel wieħed. M'hemm xejn fil-proċess li minnu jista' jiġi dedott li Banesto kien jinsab f'sitwazzjoni li setgħet tiġi pparagunata ma' dik ta' l-FĠSS u tal-Fogasa. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-proċeess ma fih ebda indikazzjoni, anki sommarja, dwar iċ-ċirkustanzi li wasslu għad-deċiżjoni ta' dan il-bank li ma jipproċedix għall-irkupru impost tad-djun dovuti lilu. B'mod partikolari, ma tingħata ebda informazzjoni dwar il-modalitajiet ta' ħlas lura tad-dejn ta' Sniace fir-rigward ta' Banesto, dwar il-kwistjoni jekk Sniace kienitx osservat sa dak iż-żmien l-obbligi kuntrattwali tagħha lejn Banesto u dwar jekk dan ta' l-aħħar kienx, bħall-FĠSS, ippermetta li d-djun jakkumulaw matul is-snin. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-FĠSS, għandu jiġi kkonstatat li, għad-differenza ta' Banesto, id-dejn dovut lilu ma kienx iggarantit b'ipoteka. Skond l-indikazzjonijiet mogħtija mir-Renju ta' Spanja fis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati minnu, kien biss fit-tieni perijodu ta' sitt xhur ta' l-1998 li Sniace tat garanziji suffiċjenti lill-FĠSS bħala korrispettiv għall-ippjanar mill-ġdid tad-djun tagħha.

159   It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li, billi laħqu l-ftehim dwar ippjanar mill-ġdid u ħlas lura kkonċernati, l-FĠSS u l-Fogasa "ppruva[w] [iżidu] sakemm l-aktar setgħ[u] il-prospetti tagħh[om] li [j]irkupra[w] l-ammonti kollha dovuti lilh[om] mingħajr ma [j]sofr[u] telf finanzjarju" (premessa 30 tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 2000). Fil-premessa 29 tad-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Settembru 1998, hija tippreċiża, fir-rigward ta' l-FĠSS, li, "billi evita li jipproċedi għall-irkupru sabiex ma jipprovokax l-istralċ ta' impriża, [dan il-korp] aġixxa b'mod li żied sakemm l-aktar seta' l-prospetti tiegħu li jirkupra d-dejn".

160   Għandu jiġi kkonstatat li ma ngħatawx provi in sostenn ta' dawn id-dikjarazzjoni. Minn naħa, dawn huma f’kontradizzjoni diretta ma' l-allegazzjoni ripetuta tal-Kummissjoni li l-FĠSS u l-Fogasa jiddisponu minn privileġġi u garanziji suffiċjenti, b'mod illi ma kienx hemm l-inċentiv sabiex jipproċedu bl-eżekuzzjoni tad-djun dovuti lilhom. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni m'għandhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tevalwa b'konoxxensa sħiħa tal-fatti l-prospetti ta' Sniace f'dak li jirrigwarda l-profittabbiltà u l-vijabbiltà tagħha. Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li, meta ġie mistieden mill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 38 iktar 'il fuq), sabiex jikkomunika l-iżviluppi fir-riżultati (id-dħul u l-profitti jew it-telf) u fil-volum tad-djun ta' Sniace mill-1991 sa l-2000, ir-Renju ta' Spanja rrikonoxxa li huwa ma kellux din l-informazzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jistrieħ fuq id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li "il-Gvern Spanjol ta […] assigurazzjoni kredibbli lill-konvenuta li s-Sigurtà Soċjali kienet aġixxiet bl-għan li tippreserva d-drittijiet kollha li hija kellha fir-rigward ta' Sniace". Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ngħatat ebda pjan ta' ristrutturazzjoni kredibbli u realistiku fir-rigward ta' Sniace. Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-pjan ta' vijabbiltà mfassal f'Awwissu ta' l-1996, kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-Renju ta' Spanja enfasizzaw diversi drabi li ma kienx aċċettabbli u li ma ddeterminax l-aġir ta' l-awtoritajiet Spanjoli (ara b'mod partikolari d-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura skond l’Artikolu 87(2) KE, u l-premessa 103 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998). Fir-risposta tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li dan il-pjan ta' vijabbiltà ma setax iservi ta' bażi għall-evalwazzjoni tagħha (punt 68 tar-risposta tad-difiża). Għal dak li jirrigwarda l-pjan ta' ristrutturazzjoni li għalih tagħmel referenza l-Kummissjoni fil-punt 70 tar-risposta tad-difiża tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija tammetti, fl-istess punt, li l-pjan ma ġiex ippreżentat lilha. Fil-premessa 102 tad-Deċiżjoni tat-28 ta' Ottubru 1998, hija tosserva, barra minn hekk, li l-awtoritajiet Spanjoli ma "ippruvawx juru l-eżistenza ta' pjan validu ta' ristrutturazzjoni". Meta ġiet mistoqsija dwar dan il-pjan fis-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li hija ma kinitx ħaditu in kunsiderazzjoni għall-iskopijiet tad-deċiżjoni kkontestata.

161   Minn dak kollu li ntqal għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta' evalwazzjoni meta waslet għall-konklużjoni li l-aġir ta' l-FĠSS u tal-Fogasa li dwarha lmentat ir-rikorrenti kienet tissodisfa l-kriterju tal-kreditur privat.

162   Minn dan jirriżulta li l-ewwel raġuni hija fondata u, għaldaqstant, li l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat mingħajr ma huwa neċessarju li tiġi eżaminata t-tieni raġuni.

 Fuq it-talba li jiġu ppreżentati dokumenti

163   Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti, billi tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 21 ta' l-Istatut (KE) tal-Qorti tal-Ġustizzja (li sar l-Artikolu 24 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja) u l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza tisdieden lill-Kummissjoni tippreżenta d-diversi osservazzjonijiet magħmula mill-Gvern Spanjol wara li kienet ippreżentat l-ilment tagħha u wara l-ftuħ tal-proċedura skond l-Artikolu 88(2) KE.

164   Fir-replika tagħha, hija tindika li t-talba tagħha kienet kjarament intiża sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tadotta miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura skond l-Artikolu 64(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

165   Il-Kummissjoni u r-Renju ta' Spanja kkontestaw din it-talba. Huma jsostnu li r-rikorrenti qiegħda tagħmel din it-talba sabiex tiġi adottata miżura istruttorja, skond l-Artikolu 65 tar-Regoli tal-Proċedura, iżda li hija ma tispeċifikax il-fatti in kwistjoni li l-preżentazzjoni ta' dawn id-dokumenti għandha turi. Huma jżidu li l-osservazzjonijiet ikkomunikati minn Stat Membru fil-kuntest ta' proċedura amministrattiva għandhom karattru kunfidenzjali.

166   Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti rrinunzjat it-talba tagħha għal miżura istruttorja, sabiex tissostitwiha b'talba għal miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura. Minn dan hija tikkonkludi li r-rikorrenti għandha, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 87(5) tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi ordnata tbati l-ispejjeż li jikkorrispondu għall-kap ta' talbiet li għalih hija rrinunzjat.

167   Il-Kummissjoni kkomunikat, fil-kuntest tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura meħuda mill-Qorti tal-Prim'Istanza (ara l-punt 38 iktar 'il fuq), id-dokumenti differenti li r-rikorrenti talbet li jiġu ppreżentati. F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar din it-talba, li m'għadx għandha skop.

 Fuq l-ispejjeż

168   Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tar-rikorrenti, kif mitlub minn din ta' l-aħħar.

169   Il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li mhemmx lok li tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż marbuta mal-kap tat-talbiet intiż sabiex jiġu adottati miżuri istruttorji, liema talba hija rrinunzjat għaliha fir-replika tagħha. Huwa ċar li, mill-bidu, ir-rikorrenti kellha l-intenzjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza tordna li jiġu ppreżentati ċerti dokumenti bħala miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, u mhux bħala miżura istruttorja. Il-preċiżazzjoni magħmula mir-rikorrenti dwar dan il-punt fir-replika tagħha m'għandhiex tiġi meqjusa bħala rinunzja, iżda bħala rettifika ta' sempliċi żball fl-indikazzjoni tad-dispożizzjoni applikabbli tar-Regoli tal-Proċedura.

170   Skond l-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/395/KE, tat-28 ta' Ottubru 1998, dwar l-għajnuna mogħtija minn Spanja lil Sniace SA, stabbilita f'Torrelavega, Kantabrija, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/43/CE, ta' l-20 ta' Settembru 2000, huwa annullat.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.

3)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

García-Valdecasas

Lindh       Cooke

Legal

 

      Martins Ribeiro       

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-21 ta' April 2004.

H. Jung

 

      R. García-Valdecasas

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-Kawża: il-Ġermaniż.