Language of document : ECLI:EU:T:2016:62

Kawża T-676/13

Italian International Film Srl

vs

Aġenzija Eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA)

“Programm ta’ għajnuna għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) – Miżuri ta’ għajnuna għad-distribuzzjoni transnazzjonali tal-films Ewropej – Sejħa għal proposti fil-kuntest tal-iskema ‘selettiva’ 2013 – Att tal-EACEA li jinforma lir-rikorrenti biċ-ċaħda tal-kandidatura tagħha relatata mal-film ‘Only God Forgives’ – Att tal-EACEA li jikkonferma ċ-ċaħda iżda li jinkludi raġunijiet ġodda – Kompetenza – Tqassim tal-kompiti bejn il-Kummissjoni u l-EACEA – Kompetenza limitata – Rikors għal annullament – Att li jista’ jiġi kkontestat – Ammissibbiltà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Linji Gwida permanenti 2012-2013 – Ftehim ta’ distribuzzjoni materjali jew fiżika – Assenza ta’ komunikazzjoni preliminari lill-EACEA – Ineliġibbiltà tal-kandidatura”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-4 ta’ Frar 2016

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Ittra tal-Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA) li ttenni ċ-ċaħda mill-Kummissjoni ta’ talba għal għajnuna iżda li tinkludi raġunijiet ġodda – Inklużjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1718/2006)

2.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva

(Artikolu 263 TFUE)

3.      Kultura – Programmi tal-Unjoni – Programm MEDIA – Talbiet ta’ finanzjament għad-distribuzzjoni ta’ films – Trattament mill-Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA) – Kompetenza tal-EACEA – Portata – Adozzjoni ta’ deċiżjoni, wara talba għal eżami mill-ġdid, ibbażata fuq raġuni li ma ġietx inkluża mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inizjali ta’ ċaħda – Esklużjoni

(Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1718/2006)

4.      Rikors għal annullament – Motivi – Inkompetenza tal-istituzzjoni awtriċi tal-att ikkontestat – Annullament li jista’ jwassal biss għal deċiżjoni ġdida identika fuq il-mertu – Motiv ineffettiv

(Artikolu 263 TFUE)

5.      Kultura – Programmi tal-Unjoni – Programm MEDIA – Talbiet ta’ finanzjament għad-distribuzzjoni ta’ films – Obbligu tal-applikant li jipprovdi informazzjoni kompleta – Portata

(Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1718/2006)

6.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Talbiet intiżi li tinkiseb ordni diretta lil istituzzjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

1.      Ma huwiex biżżejjed li ittra tkun intbagħtet minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni Ewropea lid-destinatarju tagħha, b’risposta għal talba mressqa minn dan tal-aħħar, sabiex din tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, u b’hekk tipprovdi l-possibbiltà ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, għalkemm ir-rikors għal annullament huwa miftuħ kontra d-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, kif ukoll, skont il-każ, fil-kundizzjonijiet u skont il-metodi partikolari awtorizzati mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet adottati mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni, dan huwa bil-kundizzjoni, meta r-rikors ikun ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tagħha, billi jibdlu b’mod kunsiderevoli l-pożizzjoni legali tagħha.

Dan jinkludi l-każ ta’ ittra tal-Aġenzija eżekuttiva “Édukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA) li tenniet deċiżjoni ta’ ċaħda tal-kandidatura ta’ impriża għall-għoti ta’ għajnuna għal film, wara sejħa għal offerti ppubblikata fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006 dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007), meta, fil-kuntest tal-imsemmija ittra, l-EACEA marret lil hinn minn dak li kienet timplika sempliċi spjegazzjoni tad-deċiżjoni preċedenti u ma llimitatx ruħha sabiex tikkjarifika l-imsemmija deċiżjoni, iżda ħadet pożizzjoni fis-sens taċ-ċaħda tat-talba għal sussidju mressqa mill-impriża. Tali ittra tikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

(ara l-punti 26, 27, 32, 34)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 35)

3.      Il-kompetenza tal-Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA), fil-qasam ta’ sussidji mogħtija fil-qasam ta’ sejħa għal proposti, ippubblikata fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006, dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007), hija limitata, l-ewwel nett, għall-investigazzjoni tal-fajl ta’ kull min għamel it-talba sabiex tiġi ppreparata proposta ta’ għażla li għandha ssir mill-Kummissjoni skont il-proċedura tal-komitoloġija, it-tieni nett, għan-notifika lill-benefiċjarji tagħhom tad-deċiżjonijiet individwali dwar l-għoti ta’ sussidji u, it-tielet nett, għall-ipproċessar tat-talbiet intiżi għall-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ sussidji.

Konsegwentement, f’ċirkustanzi fejn kandidat jitlob l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni ta’ ċaħda, l-EACEA għandha l-għażla, sabiex tipproċessa din it-talba, bejn li tillimita ruħha biex tispjega d-deċiżjoni ta’ ċaħda jew tirreferiha lill-Kummissjoni sabiex din tibdilha, jew fis-sens li tagħti sussidju, jew fis-sens li tirrifjuta, iżda għal raġunijiet oħra differenti minn dawk mogħtija inizjalment. F’dan ir-rigward, l-EACEA ma tista’, bl-ebda mod, tkun kompetenti sabiex tibdel deċiżjoni li hija ma kellhiex il-kompetenza li tadotta. Minn dan isegwi li meta, wara talba għal eżami mill-ġdid, l-EACEA tagħti hi stess rifjut ibbażat fuq raġuni li ma kinitx mogħtija mill-Kummissjoni, hija tivvizzja d-deċiżjoni tagħha minħabba nuqqas ta’ kompetenza.

(ara l-punti 49, 51, 53)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 54, 65)

5.      Kif jirriżulta mill-punt 5.1 tal-Linji gwida permanenti tal-programm MEDIA 2007 annessi mas-sejħa għal proposti fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1718/2006, dwar l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ appoġġ lis-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007), l-għoti ta’ sussidju għad-distribuzzjoni jippreżupponi li l-applikant jiddistribwixxi hu stess il-film fis-swali fit-territorju kkonċernat. Madankollu, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà, għad-distributur, li jirrikorri b’mod limitat għal ftehimiet ta’ sullokazzjoni, bil-kundizzjoni li l-Aġenzija eżekuttiva “Edukazzjoni, awdjoviżiv u kultura” (EACEA) tkun ġiet informata b’dan. F’dan il-kuntest, il-punt 5.1 jinkludi, fil-verità, tqassim tal-ftehimiet ta’ distribuzzjoni fi tliet kategoriji, li jikkorrispondu, rispettivament, għall-ftehimiet ta’ sullokazzjoni, għall-ftehimiet ta’ tqassim ta’ attivitajiet ta’ distribuzzjoni bejn diversi operaturi kif ukoll ftehimiet dwar l-użu ta’ distributuri fiżiċi għal servizzi speċifiċi, li ma humiex eliġibbli għas-sussidji. Madankollu, il-fatt li dawn id-distributuri fiżiċi ma humiex eliġibbli għas-sussidji ma jfissirx li l-ftehimiet li jipprevedu l-użu tagħhom għal dawn is-servizzi partikolari ma għandhomx jiġu kkomunikati lill-EACEA. Barra minn hekk, għall-finijiet li tiġi vverifikata l-eżistenza materjali ta’ tali ftehim ta’ distribuzzjoni fiżika u l-fatt li ma jeċċedix dan il-kamp preċiż, kull applikant għandu jinforma kemm jista’ jkun possibbli lill-EACEA bl-elementi neċessarji għall-eżami tat-talba għal sussidju, inkluż l-elementi li jistgħu, minħabba nuqqas ta’ komprensjoni tal-portata tagħhom, jostakolaw ir-riżultat favorevoli tat-talba għal sussidju.

Din l-interpretazzjoni tapplika iżjed u iżjed minħabba l-fatt li l-fatt li distributur jirrikorri b’kuntratt għal kumpanniji terzi sabiex jiżgura parti mill-kompiti ta’ distribuzzjoni jikkostitwixxi eċċezzjoni fl-ambitu tal-prinċipju li huwa għandu jiżgura huwa stess id-distribuzzjoni tal-film, li jimplika li din għandha tkun interpretazzjoni stretta. L-interpretazzjoni li tirrikjedi l-informazzjoni l-iktar kompluta u adatta possibbli tal-EACEA hija, fil-fatt, l-unika waħda kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, b’mod iktar partikolari, ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u ta’ stħarriġ tal-użu tal-mezzi baġitarji tal-Unjoni għall-finijiet previsti. Fil-fatt, informazzjoni kompleta jew żbaljata pprovduta mill-applikant ma tistax twassal lill-EACEA sabiex tirrakkomanda lill-Kummissjoni l-finanzjament tad-distribuzzjoni ta’ film, meta jeżisti dubju dwar il-kwistjoni dwar jekk id-distributur jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regolament applikabbli.

(ara l-punti 56, 59, 60, 63)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 67)