Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2023 minn Dow Silicones Corp. et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) fl-20 ta’ Settembru 2023 fil-Kawżi T-858/16 u T-867/16, Dow Silicones et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-752/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Dow Silicones Corp., li kienet Dow Corning Corp.; Dow Silicones Belgium, li kienet Dow Corning Europe; Vinventions, li kienet Nomacorc (rappreżentanti: H. Gilliams, L. Goossens, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appellanti f’din il-kawża, kif ukoll fil-Kawżi T‑858/16 u T‑867/16, u

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna li tirrigwarda l-eżenzjoni tal-qligħ eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju 1 jew, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 2 tagħha.

Sussidjarjament:

tannulla s-sentenza appellata, u

tibgħat il-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa dirett kontra l-konstatazzjoni fis-sentenza appellata li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/1699 iddefinixxiet korrettement il-qafas ta’ referenza kif ukoll li kienet iġġustifikata li ssib li l-iskema tidderoga mis-sistema ta’ referenza.

It-tieni aggravju huwa dirett kontra l-konstatazzjoni fis-sentenza appellata li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/1699 kienet iġġustifikata li tikkwalifika l-iskema bħala miżura selettiva.

It-tielet aggravju huwa dirett kontra l-konstatazzjoni fis-sentenza appellata li l-ordni ta’ rkupru, kif espress fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2016/1699, kien iġġustifikat.

____________

1 ĠU 2016, L 260, p. 61.