Language of document : ECLI:EU:F:2007:167

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

tas-27 ta’ Settembru 2007

Kawża F-120/06

Noémi Dálnoky

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Kompetizzjoni ġenerali – Avviż ta’ kompetizzjoni – Ammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih N. Dálnoky talbet, b’mod partikolari, l-annullament ta’ l-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/47/06, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċċjali ta’ l-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Ġunju 2006 (ĠU C 145 A, p.3), safejn jeżiġi mill-applikanti għarfien approfondit tal-lingwa Rumena.

Deċiżjoni:         Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Appell – Ilment amministrattiv preċedenti – Assenza – Inammissibbiltà – Eċċezzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(2), u Anness III, Artikolu 1(1))

2.      Uffiċjali – Appell – Suġġett – Ordnijiet fil-konfront ta’ l-amministrazzjoni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

1.      Skond l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, appell quddiem il-qorti Komunitarja huwa ammissibbli biss jekk l-awtorità tal-ħatra tkun qabel irċeviet ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra l-att li jikkawża preġudizzju lill-uffiċjal.

Bl-eċċezzjoni tal-każ fejn l-appell jitressaq kontra att li mhuwiex ta’ l-awtorità tal-ħatra stess, bħalma hija deċiżjoni ta’ bord ta’ l-għażla jew bħalma huwa rapport ta’ evalwazzjoni, in-nuqqas ta’ ilment preċedenti mressaq fit-terminu previst jirriżulta fl-inammissibbiltà manifesta ta’ l-appell.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(1) ta’ l-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li avviż ta’ kompetizzjoni huwa att adottat mill-awtorità tal-ħatra. Għalhekk, il-kontestazzjoni ta’ avviż ta’ kompetizzjoni għandha tkun preċeduta minn ilment imressaq skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 35 sa 37)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Ġunju 1987, Pomar vs Il-Kummissjoni, 317/85, Ġabra p. 2467, punti 11 u 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 20 ta’ Ġunju 1990, Burban vs Il-Parlament, T‑133/89, Ġabra p. II‑245, punt 17; 16 ta’ Lulju 1992, Della Pietra vs Il-Kummissjoni, T‑1/91, Ġabra p. II‑2145, punt 23; 2 ta’ Mejju 2001, Barleycorn Mongolue u Boixader Rivas vs Il-Kunsill u Il-Parlament, T‑208/00, ĠabraSP p. I‑A‑103 u II‑479, punti 30 sa 32

2.      Il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti sabiex toħroġ ordnijiet fil-konfront ta’ l-amministrazzjoni jew sabiex tagħmel dikjarazzjonijiet ta’ dritt fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità abbażi ta’ l-Artikolu 91 tar-Regolamenti.

(ara l-punt 42)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Ġunju 1994, X vs Il-Kummissjoni, T‑94/92, ĠabraSP p. I‑A‑149 u II‑481, punt 33; 5 ta’ Novembru 1996, Mazzocchi-Alemanni vs Il-Kummissjoni, T‑21/95 u T‑186/95, ĠabraSP p. I‑A‑501 u II‑1377, punt 44; 12 ta’ Ġunju 2002, Mellone vs Il-Kummissjoni, T‑187/01, ĠabraSP p. I‑A‑81 u II‑389, punt 16; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 63