Language of document : ECLI:EU:C:2019:303

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl-10 ta’ April 2019 (1)

Kawża C-709/17 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/776 – Importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini – Estensjoni għal dawn l-importazzjonijiet tad-dazju antidumping definittiv stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw miċ-Ċina – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Artikolu 13 – Evażjoni – Operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – Provenjenza diretta u indiretta tal-komponenti kkonċernati – Regoli li jirregolaw il-prova ta’ evażjoni”






1.        Ir-realtà ekonomika attwali hija kkaratterizzata minn globalizzazzjoni dejjem tikber tal-kummerċ internazzjonali, li toffri iktar u iktar lill-kumpaniji l-possibbiltà li jittrasferixxu l-produzzjoni tal-oġġetti f’pajjiżi differenti, partikolarment għal dawk b’kontenut teknoloġiku żgħir. F’dan il-kuntest ekonomiku globali, qed isir dejjem iżjed importanti għall-Unjoni Ewropea li tiddisponi minn strumenti għad-difiża tal-kummerċ adegwati sabiex jirrispondu b’mod effettiv għall-isfidi li joħloq tali ambjent kummerċjali, billi toffri protezzjoni effettiva għall-industrija tal-Unjoni kontra l-importazzjonijiet ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping. Fost dawn l-istrumenti, ir-regoli kontra l-evażjoni jgawdu rwol fundamentali sabiex jiżguraw l-effettività tal-miżuri antidumping adottati mill-Unjoni.

2.        Fil-kawża preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba qiegħda tittratta prattiki ta’ evażjoni kumplessi li jikkonsistu f’xi operazzjonijiet ta’ assemblaġġ suċċessivi u multipli li seħħew f’pajjiżi terzi differenti. Id-domanda fundamentali li tqajjem din il-kawża hija dik sabiex isir magħruf kif, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiffaċċjaw tali prattiki, jistgħu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ evażjoni.

3.        Din id-domanda tqajmet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ appell mibdija mill-Kumissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni (T-435/15 (2), iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din annullat lir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/776 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”), li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati b’mod partikolari, mill-Pakistan sa fejn jikkonċerna lill-kumpannija Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd. (iktar ’il quddiem “Kolachi”).

4.        Għaldaqstant, il-kawża preżenti tgawdi importanza kunsiderevoli fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni antidumping tal-Union, sa fejn ser tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina għall-ewwel darba r-rekwiżiti li jirrigwardaw il-prova li huma suġġetti għalihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-każ ta’ prattiki ta’ evażjoni kumplessi.

I.      Il-kuntest ġuridiku

5.        Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fl-oriġini tal-kawża, id-dispożizzjonijiet li kienu jirregolaw l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping mill-Unjoni kienu jidhru fir-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (4).

6.        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament kien jikkonċerna l-evażjoni u kien jipprovdi kif ġej:

“1.      Id-dazji ta’ kontra d-dumping imposti skond dan ir-Regolament jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, ta’ prodotti simili, kemm jekk ftit modifikati kemm jekk le; jew għal importazzjonijiet ta’ prodotti simili ftit modifikati mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri; jew għal partijiet minnhom, meta tkun qed issir evażjoni mill-miżuri fis-seħħ. Id-dazji ta’ kontra d-dumping li ma jeċċedux d-dazju residwu ta’ kontra d-dumping impost skond l-Artikolu 9(5) jistgħu jiġu estiżi għal importazzjonijiet minn kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali fil-pajjiżi li huma suġġetti għall-miżuri fejn qed titwettaq l-evażjoni. Evażjoni għandha tiġi mfissra bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn pajjiżi terzi u l-Komunità jew bejn kumpanniji individwali fil-pajjiż soġġett għall-miżuri u l-[Unjoni], li tinħoloq minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom hemm raġuni tajba jew ġustifikazzjoni ekonomika insuffiċjenti ħlief l-imposizzjoni ta’ dazju, u fejn ikun hemm xhieda ta’ ħsara jew li l-effetti tad-dazju biex iġibu rimedju qiegħdin jiddgħajfu fir-rigward tal-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet ta’ prodott simili, u fejn ikun hemm xhieda ta’ dumping rigward il-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk ikun neċessarju skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 2.

Il-prattika, proċess jew ħidma msemmija fl-ewwel subparagrafu jinkludu, inter alia, […] fiċ-ċirkostanzi imsemmija fil-paragrafu 2, l-assemblaġġ ta’ partijiet minn operazzjoni ta’ l-assemblaġġ [fl-Unjoni] jew f’pajjiż terz.

2.      Operazzjoni ta’ assembleġġ [fl-Unjoni] jew pajjiż terz għandha tiġi kkunsidrata li tevadi l-miżuri fis-seħħ meta:

a)      l-operazzjoni bdiet jew żdiedet sostanzjalment minn meta, jew eżatt qabel, il-bidu ta’ l-investigazzjoni kontra dumping u l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri, u

b)      il-partijiet jikkostitwixxu 60% jew iktar mill-valur totali tal-partijiet tal-prodott mibni, ħlief li f’ebda każ ma għandha l-evażjoni tiġi meqjusa li tkun qiegħda isseħħ fejn il-valur miżjud mal-partijiet miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assembleġġ jew ta’ kompletazzjoni, jkun ikbar minn 25% ta’ l-ispiża tal-fabbrikazzjoni, u

c)      l-effetti ta’ rimedju tad-dazju ma jkunux qegħdin jiġu kkunsidrati fejn jidħlu l-prezzijiet u/jew il-kwantitajiet tal-prodott simili mibni u hemm evidenza ta’ dumping fejn għandhom x’jaqsmu l-valuri normali qabel stabbiliti għal prodotti simili jew bħalhom.

3.      L-investigazzjonijiet għandhom jinbdew skond dan l-Artikolu fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew fuq talba ta’ l-Istati Membri jew xi parti interessata fuq il-bażi ta’ xiedha suffiċjenti rigward il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 1. […]

L-investigazzjonijiet għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, li tista’ tkun assistita minn awtoritajiet doganali u għandhom jintemmu fi żmien disa’ xhur.

Meta l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-estensjoni tal-miżuri, dan għandu jsir mill-Kunsill […].

5.      Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jimpedixxi l-applikazzjoni normali tad-dispożizzjonijiet infurzati li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.”

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament kontenzjuż

7.        Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-Regolament kontenzjuż huma esposti, rispettivament, fil-punti 1 sa 19 u fil-punti 20 sa 27 tas-sentenza appellata, li ser nirreferi għalihom għal iktar dettalji.

8.        Għall-bżonnijiet tal-proċedura preżenti, ser nillimita ruħi sabiex infakkar li fil-1993, l-Unjoni diġà kienet imponiet dazju antidumping fuq ir-roti li joriġinaw fiċ-Ċina li, sussegwentement, kien is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid f’diversi okkażjonijiet u fl-aħħar ġiet stabbilit, fl-2013, għar-rata ta’ 48.5 % (5).

9.        Fl-2013, fit-tmiem tal-ewwel investigazzjoni kontra l-evażjoni, l-Unjoni, permezz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru°501/2013 (6), estendiet dan id-dazju antidumping għall-importazzjoni ta’ roti kkunsinnati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija.

10.      Wara li rċeviet ilment ġdid fl-2014, il-Kummissjoni fetħet it-tieni investigazzjoni kontra l-evażjoni li kkonċernat, din id-darba, l-evażjoni possibbli tal-miżuri antidumping stabbiliti fl-2013 fuq l-importazzjonijiet tar-roti Ċiniżi permezz ta’ xi importazzjonijiet ta’ roti kkunsinnati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini.

11.      F’dak li jikkonċerna speċifikament lill-Pakistan, Kolachi, l-uniku produttur ta’ roti f’dan il-pajjiż, ipparteċipat f’din it-tieni investigazzjoni. Minn din l-investigazzjoni rriżulta li Kolachi ma kinitx tipproduċi l-komponenti tar-rota fil-Pakistan, iżda li kienet tixtrihom mis-Sri Lanka u miċ-Ċina sabiex jiġu assemblati f’roti fil-Pakistan (7). Il-maġġoranza tal-fornituri ta’ Kolachi kienu xi kumpanniji mis-Sri Lanka li kienu parti mill-grupp li hija parti minnu – fejn il-propjetarju hija persuna ta’ oriġini Ċiniża – u li fil-konfront tagħhom kien diġà ġie kkonstatat li dawn kienu pparteċipaw f’xi attivitajiet ta’ evażjoni mid-dazju antidumping impost mill-Unjoni fuq l-importazzjoni tar-roti Ċiniżi (8). L-investigazzjoni wriet ukoll, minn naħa, li l-fornitur li mingħandu Kolachi kienet tixtri l-maġġoranza (93 %) tal-komponenti tar-roti li kienu jintużaw ukoll fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-Pakistan, jiġifieri l-kumpannija Flying Horse Pvt Ltd, kienet intermedjarja li kienet tixtri volum importanti minn dawn il-komponenti mingħand manifattur tal-komponenti tar-rota stabbilit fis-Sri Lanka u, min-naħa l-oħra, dan il-manifattur ma kien ħadd ħlief il-kumpannija Great Cycles Pvt Ltd, waħda mill-imsemmija kumpanniji marbuta ma’ Kolachi. Minn din l-investigazzjoni rriżulta li l-maġġoranza tal-komponenti importati mis-Sri Lanka mixtrija mingħand Flying Horse, kienu ġew prodotti minn Great Cycles billi intuża, għal parti sinjifikattiva mhux ħażin, xi materjali Ċiniżi. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li kienu jeżistu serje ta’ anomaliji li rrendew dubjużi r-relazzjonijiet bejn Flying Horse u Kolachi (9).

12.      Fit-18 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat lir-Regolament kontenzjuż, li permezz tiegħu estendiet id-dazju antidumping definittiv ta’ 48.5 % applikabbli għall-importazzjonijiet tar-roti li joriġinaw miċ-Ċina għall-importazzjonijiet tar-roti kkunsinnati, b’mod partikolari, mill-Pakistan, kemm jekk kienu ddikjarati bħala li joriġinaw minn dan il-pajjiż u kemm jekk le (10).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Lulju 2015, Kolachi ppreżentat rikors intiż għall-annullament tar-Regolament kontenzjuż sa fejn jikkonċernaha. Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, European Bicycle Manufacturers Association (EBMA) ġiet awtorizzata sabiex tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni (11).

14.      Insostenn tat-talba tagħha għal annullament, Kolachi invokat motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Fl-ewwel parti tal-motiv uniku tagħha, Kolachi kkontestat l-analiżi tal-Kummissjoni li kkonċernat in-natura insuffiċjentement probatorja taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A” li Kolachi kienet ipprovdiet waqt l-investigazzjoni sabiex turi li l-komponenti mmanifatturati minn Great Cycles kienu effettivament joriġinaw mis-Sri Lanka. Fir-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet injorat lil dawn il-formoli minħabba diversi inkonsistenzi. Fit-tieni parti tal-motiv uniku tagħha, Kolachi kienet sostniet li l-Kummissjoni kienet applikat bi żball lill-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku bħala regola ta’ oriġini fuq xi operazzjonijiet ta’ manifattura ta’ komponenti ta’ rota fis-Sri Lanka, filwaqt li l-istħarriġ kien jirrigwarda evażjoni possibbli fil-Pakistan.

15.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żviluppat raġunament maqsum f’żewġ fażijiet.

16.      Fl-ewwel lok, fil-punti 77 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeterminat ir-regoli li jirregolaw il-prova ta’ kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li jikkostitwixxu prattiki ta’ evażjoni.

17.      B’hekk, billi bbażat ruħha fuq il-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway vs Il-Kunsill (T-80/97, EU:T:2000:216, iktar ’il quddiem is-“sentenza Starway”), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 83 tas-sentenza appellata, li, għalkemm, bħala regoli ġenerali, huwa biżżejjed li jsir riferiment għas-sempliċi “provenjenza” tal-komponenti użati għall-assemblaġġ tal-prodott finali għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(2)(b), tar-Regolament bażiku, jista’ jkun madankollu neċessarju, fil-każ ta’ dubju, li jiġi vverifikat jekk il-komponenti “li jkunu ġejjin” minn pajjiż terz joriġinawx, fil-fatt, minn pajjiż ieħor.

18.      Sussegwentement, fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat il-kliem “huma mill-”, użati fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, fis-sens li għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għall-“importazzjonijiet”.

19.      Fuq din il-bażi, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, qabel kollox iddeċidiet li, sa fejn mill-inqas 47 % tal-komponenti li jintuża għall-assemblaġġ tar-roti fil-Pakistan ġew importati mis-Sri Lanka wara li jkunu tħaddmu f’dan il-pajjiż, dawn il-komponenti setgħu jitqiesu bħala “li ġejjin” mis-Sri Lanka u, ikkunsidrat sussegwentement li din il-konstatazzjoni ma pprekludietx madankollu lill-Kummissjoni milli tivverifika, fil-każ ta’ dubju, jekk il-komponenti “li jkunu ġejjin” mis-Sri Lanka oriġinawx, fil-fatt, minn pajjiż suġġett għall-miżuri, f’dan il-każ iċ-Ċina.

20.      Huwa fuq il-bażi ta’ dan il-qari tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku li, fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali pproponiet sabiex tivverifika, fil-punti 94 sa 119 tas-sentenza appellata, jekk il-Kummissjoni setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkonkludi li l-komponenti tar-rota ġejjin mis-Sri Lanka kienu, fil-fatt, ta’ oriġini Ċiniża.

21.      B’hekk, fil-punti 94 sa 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tal-motiv uniku ta’ Kolachi li kkonċernat il-valur probatorju taċ-ċertifikati ta’ oriġini “Formola A”. Din il-parti tas-sentenza ma hijiex suġġett tal-appell.

22.      Bil-kontra, fil-punti 107 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-motiv uniku ta’ Kolachi u ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi billi applikat “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku lill-komponenti tar-rota mixtrija mis-Sri Lanka mingħajr ma vverifikat l-oriġini tagħhom fil-kuntest tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-Pakistan. Fil-fatt, billi għamlet hekk, skont il-Qorti Ġenerali, minn naħa, il-Kummissjoni kienet fir-realtà eżaminat jekk il-manifattura ta’ komponenti tar-roti fis-Sri Lanka kkostitwixxietx evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq ir-roti li joriġinaw miċ-Ċina, li ma kienx is-suġġett tal-investigazzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija kienet applikat, “b’analoġija” dispożizzjoni li kienet l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku li ma kinitx tikkostitwixxi regola ta’ ordni, u għaldaqstant ma setgħetx tiġi applikata sabiex tiġi determinata l-oriġini ta’ merkanzija.

23.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali annullat lir-Regolament kontenzjuż sa fejn jikkonċerna lil Kolachi.

IV.    It-talbiet tal-partijiet

24.      Fit-8 ta’ Diċembru 2017 il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata. Permezz ta’ dan l-appell, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla lis-sentenza appellata, li tiċħad lir-rikors fl-ewwel istanza, u sabiex tikkundanna lil Kolachi għall-ispejjeż, jew sussidjarjament, sabiex tirrinvija lill-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid u sabiex tirriżerva l-ispejjeż fiż-żewġt istanzi.

25.      Fir-risposta tagħha, Kolachi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad lill-appell fit-totalità tiegħu, jew sussidjarjament, sabiex tikkorreġi lis-sentenza appellata u tikkonferma d-dispożittiv tagħha. Hija talbet ukoll sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundanata għall-ispejjeż tagħha sostnuti fil-kuntest tal-appell, kif ukoll dawk sostnuti minn Kolachi, u tikkundanna lil EMBA għall-ispejjeż tagħha sostnuti fil-kuntest tal-appell.

26.      EBMA talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla lis-sentenza appellata, li tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Kolachi għall-ispejjeż sostnuti fiż-żewġt istanzi, jew sussidjarjament, sabiex tirrinvija lill-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid, tirriżerva l-ispejjeż sostnuti fil-proċedura fl-ewwel istanza u tikkundanna lil Kolachi għall-ispejjeż sostnuti fil-proċedura ta’ appell.

V.      Analiżi tal-appell

A.      Sunt qasir tal-argumenti tal-partijiet

27.      Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn EBMA, tqajjem aggravju uniku, maqsum f’żewġ partijiet, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Dan l-aggravju huwa dirett kontra l-punti 83 sa 93 u 107 sa 119 tas-sentenza appellata.

28.      Il-Kummissjoni tirreferi b’mod partikolari għall-interpretazzjoni miżmuma mill-Qorti Ġenerali (12) li kienet, essenzjalment, stabbilixxiet preżunzjoni li abbażi tagħha, komponent ikun meqjus biss “li jkun[…] ġej[…]” minn pajjiż fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, meta jiġi importat f’dan il-pajjiż, jew fi kliem ieħor meta dan jintbagħat minnu, sakemm il-Kummissjoni ma turix li dan il-komponent “joriġina” minn pajjiż suġġett għal miżura antidumping.

29.      Fl-ewwel parti tal-aggravju uniku tagħha, il-Kummissjoni ssostni li din l-interpretazzjoni hija żbaljata peress li timplika li l-“provenjenza” tal-komponenti użati għall-assemblaġġ ma tistax tintwera minn mezz ieħor għajr ir-regoli ta’ oriġini, li ma għandha l-ebda bażi fit-test tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku u tkun kuntrarja għar-rieda tal-leġiżlatur meta ġiet adottata lis-sistema kontra l-evażjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema ġuridika distinta u indipendenti għar-regoli ta’ oriġini. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni miżmuma mill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-effettività tal-istrument kontra l-evażjoni. Fil-fatt, il-kriterji stabbiliti mir-regoli ta’ oriġini għandhom jiġu vverifikati għal kull komponent individwali, ħaġa li tkun impossibbli fil-kuntest ta’ investigazzjoni kontra l-evażjoni.

30.      Fit-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku fih restrizzjoni tat-tip ta’ prova li tista’ tintuża sabiex tintwera l-“provenjenza” tal-komponenti użati għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fil-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, li tipprojbixxiha milli tressaq prova abbażi ta’ mezz ieħor għajr ir-regoli ta’ oriġini.

31.      Kolachi tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni. F’dak li jikkonċerna l-ewwel parti, hija tenfasizza li la r-Regolament bażiku, u lanqas ir-regolamenti preċedenti ma jiddefinixxu l-kliem “li jkunu ġejjin”. B’hekk dan il-kunċett ma huwiex kunċett awtonomu, iżda jrid jiġi interpretat fid-dawl ta’ kunċetti analogi għal dawk tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħal, b’mod partikolari, il-kunċett doganali ta’ “oriġini”, li jirriżulta, barra minn hekk, mill-Artikolu 13(5) tar-Regolament bażiku.

32.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet qari żbaljat tas-sentenza appellata. Il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-wirja ta’ provenjenza, iżda fuq il-possibbiltà, għall-Kummissjoni, sabiex “tivverifika” l-oriġini tal-komponenti. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma llimitatx il-mezzi li tiddisponi minnhom il-Kummissjoni u lanqas ma kienet iddeċidiet li l-kunċett ta’ “provenjenza” huwa bbażat fuq ir-regoli ta’ oriġini. F’kull każ, ir-regoli ta’ oriġini, bħal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni doganali, jikkostitwixxu kriterju adattat sabiex tiġi ddeterminata l-“provenjenza” tal-komponenti. Tali interpretazzjoni tkun ikkoroborata mill-obbligi tal-Unjoni fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Bil-kontra, il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku ma jkunux rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini ta’ komponent. Barra minn hekk, ma huwiex ipprovat bl-ebda mod li l-interpretazzjoni miżmuma mill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-effettività tar-regoli kontra l-evażjoni.

33.      F’dak li jikkonċerna lit-tieni parti, Kolachi ssostni li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita li tikkonċerna l-użu ta’ kriterji li jidhru fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-komponenti, tali użu ma huwiex awtorizzat. Peress li din id-dispożizzjoni tifforma eċċezzjoni mis-sistema ġenerali dwar l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping, għandha jkollha interpretazzjoni stretta. Barra minn hekk, l-ebda rabta loġika ma tista’ tiġi stabbilita bejn il-kriterji li jidhru fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku u d-determinazzjoni tal-provenjenza tal-komponenti inkwistjoni.

34.      Sussidjarjament, fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi, Kolachi titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi, billi tissostitwixxi fis-sentenza appellata, lir-referenzi għall-oriġini tal-komponenti b’referenza għall-provenjenza tagħhom.

B.      Evalwazzjoni

1.      Osservazzjonijiet preliminari

35.      L-appell tal-Kummissjoni, sostnuta minn EBMA, jipprevedi kemm il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 107 sa 119 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi billi applikati “b’analoġija” l-Artikolu 13(2)(b), tar-Regolament bażiku lill-komponenti mixtrija mis-Sri Lanka, u kemm il-premessa teoretika/interpretattiva li fuqha hija bbażat din il-konstatazzjoni, jiġifieri l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 83 u 93 tal-imsemmija sentenza, tar-regoli li jirregolaw il-prova tal-kundizzjonijiet prevista fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li tikkostitwixxi prattika kontra l-evażjoni.

36.      Qabel ma nanalizza l-argumenti dwar l-aggravju uniku mqajjem mill-Kummissjoni kontra s-sentenza appellata, inqis opportun li nfakkar ċerti prinċipji li jikkonċernaw lil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-evażjoni, bħal dawk stabbiliti fil-ġurisprudenza.

2.      Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-evażjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza

37.      Qabel kollox, għandu jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni tal-Unjoni li hemm fir-Regolament bażiku ma ssibx il-bażi tagħha fil-Kodiċi tal-1994 (13), iżda ġiet adottata unilateralment mill-Unjoni (14). Fil-fatt, minkejja li l-kwistjoni ta’ evażjoni kienet ġiet diskussa fil-kuntest tan-negozjati WTO-GATT, ma ntlaħaq l-ebda ftehim f’dan il-kuntest (15).

38.      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-evażjoni, li hemm fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, tikkostitixxi qafas regolatorju li, minkejja li hija parti mil-leġiżlazzjoni antidumping tal-Unjoni, tiddisponi, madankollu, minn natura speċifika ħafna.

39.      F’dak li jikkonċerna l-għanijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-possibbiltà sabiex tikkjarifika li, skont l-iskop u l-istruttura tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-premessa 19 u l-Artikolu 13 tagħha, regolament li jestendi dazju antidumping huwa intiż biss sabiex jiżgura l-effettività tiegħu, u sabiex jevita li ssir evażjoni tiegħu u li, konsegwentement, miżura li testendi dazju antidumping definittiv hija biss ta’ natura anċillari fir-rigward tal-att inizjali li jistabbilixxi dan id-dazju li jipproteġi l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri definittivi (16).

40.      Għaldaqstant, huwa fid-dawl ta’ dan il-għan, jiġifieri dak li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri antidumping adottati mill-Unjoni u sabiex jiġi evitat li jkun hemm evażjoni tagħhom, li għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet kontra l-evażjoni tal-Unjoni.

41.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tat diversi indikazzjonijiet fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tal-prova tal-erba’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni (17).

42.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, mir-Regolament bażiku, u partikolarment mill-Artikolu 13(3) tiegħu, jirriżulta li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ evażjoni hija imposta fuq l-istituzzjonijiet. B’hekk, meta l-istituzzjonijiet jiddeċiedu li jestendu għal pajjiż ieħor id-dazji antidumping li huma kienu stabbilixxew fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw minn ċertu pajjiżi, huma għandhom l-oneru li jistabbilixxu li jkunu ssodisfatti l-elementi kollha li jikkostitwixxu evażjoni ta’ dawn id-dazji, kif indikati fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku (18).

43.      Għalkemm ma hemm l-ebda dubju li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni hija imposta fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, sabiex jiġu ddeterminati r-regoli dwar il-livell tal-prova ta’ evażjoni, wieħed għandu jżomm f’moħħu żewġ kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza.

44.      B’hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota li d-definizzjoni ta’ evażjoni li hemm fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku hija fformulata bi kliem ġenerali ħafna li jħallu marġni diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet (19). Ir-rikonoxximent ta’ dan il-marġni diskrezzjonali huwa barra minn hekk koerenti mad-diskrezzjoni wiesgħa li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, igawdu minnha b’mod ġenerali l-istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fil-qasam ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li dawn għandhom jeżaminaw (20).

45.      Dan il-marġni diskrezzjonali jimplika, barra minn hekk, li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti adottati sabiex titwettaq l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ żnaturament tal-poter (21).

46.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, f’investigazzjonijiet dwar l-eżistenza eventwali ta’ prattiki ta’ evażjoni, is-setgħat li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma pjuttost limitati. B’mod kuntrarju għal oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħal, pereżempju, fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, dawn l-istituzzjonijiet ma għandhomx il-poter li jġiegħlu lill-produtturi/esportaturi msemmija sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni jew sabiex jipproduċu informazzjoni. Għalhekk, dawn huma biss tributarji tal-kooperazzjoni volontarja tal-partijiet ikkonċernati sabiex jipprovdulhom l-informazzjoni neċessarja(22).

47.      Barra minn hekk, investigazzjonijiet bħal dawn normalment isiru l-aktar f’pajjiżi li jinsabu barra l-Unjoni u huma suġġetti għal limitazzjonijiet stretti ħafna ta’ natura temporanja. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjonijiet kontra l-evażjoni għandhom jiġu konklużi f’terminu ta’ disa’ xhur.

48.      Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex il-possibbiltà sabiex tanalizza speċifikament ir-regoli li jirregolaw il-prova tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li jikkostitwixxu prattiki ta’ evażjoni abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

49.      L-uniku preċedent ġurisprudenzjali rilevanti f’dan ir-rigward hija s-sentenza Starway li għaliha l-Qorti Ġenerali, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, rreferiet fis-sentenza appellata sabiex tibbaża l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

50.      Fis-sentenza Starway, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet li, skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, sabiex operazzjoni ta’ assemblaġġ tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tevadi l-miżuri antidumping fis-seħħ, huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom juru li l-komponenti li jikkostitwixxu 60% jew iktar tal-valur totali tal-komponenti tal-prodott assemblat ikunu ġejjin mill-pajjiż suġġett għall-miżuri. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija istituzzjonijiet ma humiex marbuta sabiex juru li dawn il-komponenti joriġinaw ukoll minn dan il-pajjiż. Bil-kontra, huwa l-operatur ikkonċernat, li jekk ikun irid li l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ tiegħu ma jiġux ikkunsidrati bħala prattiki ta’ evażjoni, li għandu jressaq il-prova li l-imsemmija komponenti joriġinaw minn pajjiż ieħor (23).

3.      Fuq l-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-” abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku

51.      Huwa fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza u esposti fil-kapitolu preċedenti li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, sostnuta mill-EBMA, kontra s-sentenza appellata. Dawn l-argumenti jipprevedu, qabel kollox, l-interpretazzjoni miżmuma mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata tal-kliem “huma mill-” li jintużaw fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku.

52.      F’dan ir-rigward, infakkar li, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prattiki ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping fis-seħħ, huwa neċessarju, b’mod partikolari, li l-komponenti kkonċernati “huma mill-” pajjiż suġġett għall-miżuri.

a)      Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata

53.      Hekk kif ġie nnotat fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 84 u 85, interpretat lill-kliem “huma mill-”, li jintużaw fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, billi qabblithom mal-kunċett ta’ “importazzjoni”.

54.      B’hekk, fl-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali, xi komponenti ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala “li ġejjin” mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping, abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku sakemm ma ġewx importati minn dan il-pajjiż. Fil-każ fejn il-komponenti kkonċernati kienu ġew importanti – fil-pajjiż fejn seħħew l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ – min pajjiż differenti, f’dan il-każ, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu dan inkunsiderazzjoni fl-analiżi li hija twettaq fis-sens tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li tevita l-miżura antidumping f’żewġ każijiet biss: fil-każ ta’ sempliċi tranżitu tal-komponenti minn dan il-pajjiż differenti (intermedjarju); jew jekk hija tivverifika li, minkejja li l-komponenti kienu ġew importanti minn pajjiż differenti (intermedjarju), dawn, fir-realtà, joriġinaw minn pajjiż suġġett għall-miżuri.

55.      Għaldaqstant, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali jipprevedi, tip ta’ analiżi f’żewġ fażijiet li l-Kummissjoni għandha twettaq għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-provenjenza tal-komponenti kkonċernati skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. L-ewwel nett, huwa neċessarju li tiddetermina jekk il-komponenti kkonċernati jkunux importati mill-pajjiż suġġett għall-miżuri anti-dumping. Jekk dan ma huwiex il-każ, fit-tieni lok, ikun permessibbli għaliha sabiex tivverifika li, anki jekk il-komponenti huma importati minn pajjiż ieħor, dawn joriġinaw fil-fatt minn pajjiż suġġett għall-miżuri.

56.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat l-interpretazzjoni tagħha tal-kliem “huma mill-” fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, fuq bażi doppja. Minn naħa, hija rreferiet għall-fatt li diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku (24) jassoċjaw sistematikament lill-kliem “huma mill-” mal-kelma “importazzjoni”, li huwa kkonfermat mill-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Min-naħa l-oħra, hija rreferiet għall-għan tal-effettività tal-miżuri intiżi għall-ġlieda kontra l-evażjoni, li huwa l-bażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

b)      L-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-”

57.      Il-Kummissjoni u l-EBMA jsostnu li, l-interpretazzjoni miżmuma mill-Qorti Ġenerali tal-kliem “huma mill-” hija żbaljata u tmur kontra l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet kontra l-evażjoni.

58.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi evalwat jekk l-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-” miżmuma mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hijiex korretta.

59.      Qabel kollox, ninnota, bħall-Qorti Ġenerali, li r-Regolament bażiku ma fihx definizzjoni tal-kliem inkwistjoni.

60.      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (25).

61.      Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni litterali, ninnota, qabel kollox, li l-kliem tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku ma fihom l-ebda referenza espliċita għall-kunċett ta’ importazzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta wkoll mill-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex tibbaża l-interpretazzjoni tagħha fuq il-kliem inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ma rreferiet bl-ebda mod għall-kliem tad-dispożizzjoni li qegħdin fiha, iżda, bil-kontra, ippreferiet approċċ tat-tip kuntestwali u teleoloġiku.

62.      Madankollu, f’dan il-kuntest, minix ċert li l-fatt li fid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li bil-kontra ta’ dak li huwa l-każ għad-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur kien iddeċieda sabiex ma jassoċjax il-kliem “huma mill-” mal-kelma “importazzjoni”, jargumenta favur interpretazzjoni li tqabbel lil dawn iż-żewġ kunċetti.

63.      Bil-maqlub, meta fid-dispożizzjonijiet imsemmija mill-Qorti Ġenerali, ir-Regolament bażiku jassoċja dawn it-termini, il-kliem “li jkunu ġejjin” jissodisfaw funzjoni ta’ spjegazzjoni tal-kelma “importazzjoni”, sa fejn iservu sabiex jindikaw minn liema pajjiż l-importazzjonijiet “huma mill-”. Bil-kontra, fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku l-kliem “huma mill-” ma jirreletaw bl-ebda mod għat-terminu “importazzjonijiet”, li ma jinsabx fid-dispożizzjoni, iżda jirreferu għall-komponenti kkonċernati. L-imsemmija kliem jissodisfaw funzjoni spjegattiva tal-kelma “komponenti”, u huma intiżi sabiex jindikaw li, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi li tikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, il-komponenti kkonċernati għandhom “jiġu” speċifikament minn pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping.

64.      Fir-realtà, li ssir artifiċjalment assoċjazzjoni bejn il-kunċett ta’ “provenjenza” u dak ta’ “importazzjoni”, filwaqt li tali assoċjazzjoni ma hijiex prevista espliċitament, twassal sabiex tiġi llimitata l-portata tal-ewwel minn dawn il-kunċetti. Fil-fatt, minn perspettiva litterali, fil-lingwa Franċiża, il-kelma “minn” tfisser kemm “jiġi minn” kif ukoll “joriġina minn” (26). Interpretazzjoni li tirrestrinġi t-tifsira ta’ din il-kelma għal sitwazzjoni unika, li tikkorrispondi għall-ewwel tifsira, li fiha hemm provenjenza fiżika diretta tal-komponenti – jiġifieri l-importazzjoni tagħhom – mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, tillimita b’mod kunsiderevoli l-portata tal-kunċett ta’ “minn”. Fil-fatt, tali interpretazzjoni teskludi, kull sitwazzjoni, korrispondenti għat-tieni tifsira tal-kelma “minn”, li fihom ikun hemm provenjenza indiretta mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, jiġifieri xi sitwazzjonijiet fejn, minkejja li l-komponenti kkonċernati ma jiġux fiżikament direttament mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, jistgħu madankollu jiġu kkunsidrati bħala li ħarġu minn dan il-pajjiż.

65.      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “minn” miżmuma mill-Qorti Ġenerali hija kontradetta mill-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni, jiġifieri l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, li hija analiżi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx fis-sentenza appellata (27).

66.      Fil-fatt, filwaqt li diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jużaw kelma ekwivalenti għat-termini Franċiżi “ġejjin minn” (28), xi verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħalma huma l-verżjonijiet tal-lingwi Ġermaniża u dik Taljana jirreferu espliċitament għall-oriġini tal-komponenti “mill-pajjiż li hu soġġett għall-miżuri” (29) u verżjonijiet lingwistiċi oħra wkoll jużaw xi kliem li jidhru iktar ambigwi, sa fejn jistgħu jirreferu kemm għall-provenjenza u kemm għall-oriġini (30).

67.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li l-analiżi litterali tad-dispożizzjoni inkwistjoni targumenta pjuttost kontra interpretazzjoni li tillimita l-portata tal-kliem “huma mill-” għal sempliċi “importazzjonijiet” mill-aħħar pajjiż ta’ esportazzjoni tal-komponenti kkonċernati.

68.      Bil-kontra, approċċ li jieħu inkunsiderazzjoni kemm it-tifsiriet differenti tal-verb “minn”, u kemm il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni jargumenta pjuttost favur interpretazzjoni iktar wiesgħa ta’ dan il-kunċett li tmur lil hinn mis-sempliċi kunċett ta’ “importazzjoni” u li tinkludi kemm il-provenjenza diretta, kif ukoll il-provenjenza indiretta tal-komponenti kkonċernati minn pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping.

69.      Fit-tieni lok, f’dak li jikkonċerna l-kuntest li fih taqa’ d‑dispożizzjoni inkwisjtoni, għandu jiġi nnotat li, hekk kif jirriżulta mill‑punti 37 u 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sa fejn il‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-evażjoni, li hemm fl-Artikolu 13 tar‑Regolament bażiku, ma ssibx il-bażi tagħha fil-Kodiċi antidumping tal‑1994, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala qafas regolatorju speċifiku fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-antidumping.

70.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li jekk il-Qorti Ġenerali trid tibbaża l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku b’referenza għal dispożizzjonijiet oħra tal-istess regolament, fejn uħud partikolarment jistgħu jikkostitwixxu traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-obbligi partikolari li hemm fil-Kodiċi tal-antidumping tal-1994 (31), ikun neċessarju li tispjega r-raġunijiet li minħabba fihom din ir-referenza tkun iġġustifikata, li l-Qorti Ġenerali ma għamlitx f’dan il-każ.

71.      Għaldaqstant, din il-kunsiderazzjoni targumenta wkoll kontra r-raġunament miżmum mill-Qorti Ġenerali sabiex tiġġustifika t-tqabbil bejn il-kunċett tal-“provenjenza” ma’ dak tal-“importazzjoni”.

72.      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni restrittiva tal-kliem “huma mill-” miżmuma mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, konformi mal-għan tal-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni tal-Unjoni li, hekk kif jirriżulta mill-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa li tiżgura l-effettività tal-miżuri antidumping adottati mill-Unjoni u li tevita li ssir evażjoni minn dawn.

73.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, hekk kif diġà esponejt fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fir-realtà ekonomika attwali, li hija kkaratterizzata minn globalizzazzjoni tal-kummerċ internazzjonali u minn possibbiltà ikbar li tiġi rrilokata l-produzzjoni tal-oġġetti, b’mod partikolari, dawk b’kontenut teknoloġiku żgħir, sar relattivament sempliċi li jiġu implementati forom ta’ evażjoni li qed isiru iktar u iktar kumplessi. F’tali kuntest, huwa fundamentali li l-Unjoni tiddisponi minn strumenti ta’ difiża kummerċjali adattati sabiex tirrispondi b’mod effettiv għal tali sfidi billi tiżgura protezzjoni effettiva tal-industrija tal-Unjoni kontra l-importazzjonijiet ta’ prodotti li huma s-suġġett ta’ dumping. Huwa taħt din il-perspettiva li għandhom jiġu interpretati id-dispożizzjonijiet kontra l-evażjoni previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

74.      F’dan il-kuntest, ninnota li l-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-” abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku miżmuma mill-Qorti Ġenerali tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tibbaża ruħha fuq is-sempliċi konstatazzjoni ta’ moviment fiżiku (jiġifieri, is-sempliċi importazzjoni) tal-komponenti minn pajjiż suġġett għal miżuri lejn il-pajjiż ta’ assemblaġġ sabiex jiġi kkunsidrat li l-komponenti “huma” mill-ewwel pajjiż.

75.      Issa, huwa minnu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li tali approċċ jiffaċilita l-prova tal-kundizzjoni ta’ “provenjenza” f’każijiet ta’ evażjoni mill-assemblaġġ ta’ komponenti li jistgħu jiġu deskritti bħala “klassiċi”, jiġifieri f’każijiet fejn il-partijiet finalment assemblati fil-prodott finali huma importati direttament mill-pajjiż suġġett għall-miżuri.

76.      Fil-fatt, f’tali każ, din l-interpretazzjoni għandha bħala konsegwenza li s-sempliċi konstatazzjoni mill-Kummissjoni tal-importazzjoni tal-komponenti mill-pajjiż suġġett għall-miżuri toħloq tip ta’ preżunzjoni ta’ “provenjenza” minn dan il-pajjiż, li tista’ eventwalment tiġi kkonfutata mill-operaturi kkonċernati (32).

77.      Madankollu, is-sitwazzjoni hija kompletament differenti fil-każ ta’ prattiki ta’ evażjoni “kumplessi”, li jinkludu assemblaġġ suċċessiv jew multiplu li jseħħ f’pajjiżi differenti, li huma prattiki li għandhom huma wkoll jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

78.      Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li huwa l-każ għall-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ “klassiċi”, fil-każ ta’ prattiki ta’ evażjoni “kumplessi”, l-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-” miżmuma mill-Qorti Ġenerali għandha bħala konsegwenza li toħloq tip ta’ preżunzjoni ta’ “provenjenza” – abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku – tal-komponenti kkonċernati mill-pajjiż ta’ importazzjoni. Dan ifisser li, skont l-approċċ f’żewġ fażijiet miżmum mill-Qorti Ġenerali, f’dawn il-każijiet, anki fil-preżenza ta’ elementi ta’ indizju b’saħħithom li jistgħu jibbażaw is-suspetti leġittimi fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni, l-oneru tal-prova (33) tal-oriġini tal-imsemmija komponenti taqa’ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mhux fuq l-operaturi kkonċernati.

79.      Issa, tali approċċ fih tkabbir sinjifikanti tal-oneru tal-prova impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex juru l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kumplessi. Barra minn hekk, dan huwa kuntrarju għall-approċċ miżmum fis-sentenza Starway li għaliha l-Qorti Ġenerali stess għamlet referenza (34).

80.      Fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni li għandha bħala konsegwenza tkabbir kunsiderevoli tal-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ evażjoni li taqa’ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma tistax titqies konformi mal-għan ta’ effettività sottostanti għar-regoli kontra l-evażjoni mfakkra fil-punti 39, 40 u 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Tali konklużjoni tapplika iktar fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura ta’ investigazzjonijiet kontra l-evażjoni kif ukoll tal-poteri li jiddisponu minnhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dan il-kuntest esposti fil-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

81.      Barra minn hekk u fir-raba’ lok, hekk kif innotat ġustament il-Kummissjoni, intepretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku li tqiegħed l-oneru tal-prova sabiex jistabbilixxu l-oriġini tal-komponenti fuq l-Unjoni tidher li tkun kuntrarja għar-rieda tal-leġiżlatur li jirrinunzja li tintalab il-prova tal-oriġini mill-istituzzjonijiet – fis-sens tekniku tal-leġiżlazzjoni doganali – tal-komponenti kkonċernati mill-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ. Fil-fatt, filwaqt li, inizjalment, ir-regoli kontra l-evażjoni tal-Unjoni pprevedew il-possibblità li jiġu estiżi d-dazji antidumping definittivi fil-każ ta’ assemblaġġ ta’ “komponenti […] oriġinarji mill-pajjiż ta’ esportazzjoni tal-prodott soġġett għad-dażju” (35), mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 3283/94 (36), il-kelma “oriġini” ġiet issostitwita, fid-dispożizzjoni li tikkonċerna l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, bil-kliem “huma mill-”, li jwassal sabiex jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli li tali emenda tirrefletti r-rieda tal-leġiżlatur sabiex jirrinunzja għall-kunċett ta’ “oriġini” fis-sens tekniku ta’ dan il-kuntest (37) u li jemenda, fir-rigward ta’ dan l-aspett, il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ operazzjonijiet ta’ evażjoni (38). Minn dan isegwi li, wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli ġodda, ikkonfermati fil-verżjoni tar-Regolament bażiku applikabbli fil-kawża preżenti, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għadhomx marbuta sabiex jistabbilixxu l-“oriġini” tal-komponenti, fis-sens tekniku tal-leġiżlazzjoni doganali, iżda għandhom biss juru li ġejjin minn pajjiż suġġett għall-miżuri, li jwassal sabiex il-kunċett ta’ “provenjenza” għandu jinftiehem f’sens iktar flessibbli u iktar wiesa’ minn dak tal-“oriġini”(39).

82.      Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, interpretazzjoni restrittiva tal-kliem “huma mill-” abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, miżmuma mill-Qorti Ġenerali fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, li tqabbel dawn il-kliem mal-kunċett ta’ “importazzjoni”, hija żbaljata.

83.      Bil-kontra, inqis li jirriżulta minn interpretazzjoni litterali, kuntestwali, teleoloġika u storika ta’ din id-dispożizzjoni, li l-kliem “mill-pajjiż soġġett għall-miżuri” għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’, fis-sens li l-kunċett ta’ “provenjenza” ikopri kemm il-provenjenza diretta tal-komponenti kkonċernati, u kemm il-provenjenza indiretta tagħhom f’dan il-pajjiż.

4.      Fuq ir-regoli li jirregolaw il-prova tal-eżistenza tal-prattiki ta’ evażjoni fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku

84.      Fis-sentenza appellata, huwa fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-” u tad-distinzjoni li tirriżulta minnha, bejn, minn naħa, il-provenjenza tal-komponenti kkonċernati, li tirriżulta, skont il-Qorti Ġenerali, mill-importazzjoni, u, min-naħa l-oħra, mill-oriġini ta’ dawn il-komponenti, li l-Kummissjoni jkollha eventwalment tivverifika jekk il-Qorti Ġenerali bbażatx id-determinazzjoni tagħha tar-regoli li jirregolaw il-prova li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkollhom iressqu sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni li jikkonsistu f’operazzjonijiet ta’ assemblaġġ abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

85.      F’dan l-appell, il-Kummissjoni, sostnuta minn EBMNA, tikkontesta wkoll dan l-aspett tas-sentenza appellata.

86.      F’dan ir-rigward, infakkar qabel kollox li, hekk kif jirriżulta mill-punti 41 u 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ evażjoni jaqa’ fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minkejja dan, madankollu, għandu jiġi vverifikat kif dan l-oneru tal-prova għandu japplika in concreto u liema huwa l-livell tal-prova meħtieġ mill-istituzzjonijiet fiċ-ċirkustanzi li jistgħu jippreżentaw ruħhom.

87.      F’dan il-kuntest, inqis li huwa neċessarju li titwettaq distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ każijiet: minn naħa, il-każ, li jien semmejt l-evażjoni “klassika”, jiġifieri dik li fiha l-komponenti kkonċernati – li fl-aħħar jiġu assemblati fil-prodott finali – ġejjin direttament mill-pajjiż suġġett għall-miżuri antidumping u, min-naħa l-oħra, il-każ tal-operazzjonijiet ta’ evażjoni “kumplessi”, li fihom assemblaġġ suċċessiv jew multiplu li jseħħ f’pajjiż wieħed jew f’pajjiżi differenti u li fihom hemm provenjenza indiretta tal-komponenti kkonċernati fil-pajjiż ta’ assemblaġġ.

88.      F’dan l-ewwel każ, sabiex tintwera l-provenjenza diretta tal-komponenti kkonċernati mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, ikun, fl-opinjoni tiegħi, suffiċjenti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u hekk kif jirriżulta wkoll mill-punti 74 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-komponenti kkonċernati ġew importati minn pajjiż suġġett għal miżuri antidumping. F’tali każ, ladarba l-provenjenza diretta tal-komponenti ġiet stabbilita, tibqa l-possibbiltà għall-operaturi kkonċernati sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ provenjenza diretta li tirriżulta mill-importazzjoni tal-komponenti minn pajjiż suġġett għal miżuri, billi juru li, fir-realtà, il-komponenti inkwistjoni joriġinaw minn pajjiż ieħor (40).

89.      Tali determinazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-prova f’dan it-tip ta’ każ, hija, fl-opinjoni tiegħi, kompletament konformi mal-għan tal-effettività tar-regoli ta’ kontra l-evażjoni.

90.      Fit-tieni tip ta’ każ, madankollu, jiġifieri l-każ li fih l-istituzzjonijiet huma affaċjati bi provenjenza indiretta tal-komponenti kkonċernati mill-pajjiż suġġett għall-miżuri, apparti mis-sempliċi tranżitu tal-komponenti mill-pajjiż intermedjarju, il-prova tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni kumplessi li jikkonsistu fl-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ multipli ma tistax tkun daqshekk immedjata.

91.      Madankollu, fil-każ fejn fil-kors tal-investigazzjoni jirriżulta li, minkejja li l-komponenti li kienu assemblati fil-prodott finali kienu ġew importati minn pajjiż differenti għal dak suġġett għall-miżuri, huma fil-fatt ikkostitwiti għal parti sinjifikattiv minn komponenti li oriġinalment kienu prodotti f’pajjiż suġġett għal miżuri jew li ġew prodotti billi intuża ammont sinjifikattiv ta’ elementi jew materjali li oriġinaw f’dan il-pajjiż tal-aħħar, fl-opinjoni tiegħi, il-livell ta’ prova meħtieġ mill-Kummissjoni għall-konstatazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ evażjoni jista’ jitnaqqas.

92.      Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, f’tali ċirkustanzi jkun raġonevoli li l-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża ruħa fuq “firxa ta’ indizji konkordanti” (41) sabiex tistabbilixxi l-provenjenza indiretta ta’ dawn il-komponenti mill-pajjiż suġġett għall-miżuri abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi li hija twettaq abbażi tal-Artikolu 13(2)(b) tal-imsemmi regolament. L-eżistenza ta’ rabtiet bejn il-kumpanniji implikati fil-fażijiet differenti tal-katina ta’ produzzjoni, il-parteċipazzjoni ta’ wħud minn dawn il-kumpanniji f’prattiki ta’ evażjoni preċedenti, xi indikazzjonijiet ta’ valur miżjud dgħajjef waqt l-assemblaġġ intermedjarju, kollha jikkostitwixxu xi eżempji ta’ elementi ta’ prova li, f’sitwazzjoni ta’ dan it-tip jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-provenjenza indiretta tal-komponenti kkonċernati.

93.      F’tali każ, ladarba l-Kummissjoni ddeterminat, fuq il-bażi ta’ “firxa ta’ indizji konkordanti”, li l-komponenti kkonċernati ġejjin indirettament minn pajjiż suġġett għall-miżuri abbażi tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku, l-operatur ikkonċernat ikollu dejjem il-possibbiltà sabiex juri li, minkejja li dawn il-komponenti, importati minn pajjiż intermedjarju, huma kkostitwiti għal parti sinjifikattiva tagħhom minn komponenti li joriġinaw minn pajjiż suġġett għall-miżuri jew li kienu ġew prodotti billi intuża ammont sinjifikattiv ta’ elementi jew materjali li joriġinaw minn dan il-pajjiż, u minkejja l-preżenza ta’ elementi ta’ indizju importanti li jsostnu b’mod ċar is-suspett tal-eżistenza ta’ evażjoni, dawn il-komponenti joriġinaw fir-realtà mill-imsemmi pajjiż intermedjarju, jew, jekk ikun il-każ, minn pajjiż ieħor. Għal dan il-għan, l-imsemmi operatur ikun jista’ jipproduċi, pereżempju, ċertifikati affidabbli li jattestjaw l-oriġini tal-komponenti inkwistjoni minn pajjiż intermedjarju. Huwa jkun jista’ juri wkoll li fil-pajjiż intermedjarju dawn il-komponenti ġew realment suġġetti għal xogħlijiet tant sostanzjali li tbiddlet in-natura tagħhom kif ukoll it-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet intermedjarji huma bbażati fuq raġunijiet ekonomiċi li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ katina ta’ produzzjoni li tinsab f’pajjiżi differenti.

94.      Tali karatterizzazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-prova fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ multipli tippermetti, fl-opinjoni tiegħi, li jiġi rrispettat il-prinċipju li jgħid li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom iressqu provi ta’ prattiki ta’ evażjoni, filwaqt li jkunu, ukoll, konformi mal-għan ta’ effettività tar-regoli kontra l-evażjoni. Hija tieħu inkunsiderazzjoni wkoll tan-natura partikolari tal-poteri li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’investigazzjonijiet kontra l-evażjoni u tar-restrizzjonijiet ta’ ħin li huma suġġetti għalihom f’dan it-tip ta’ investigazzjoni, kif ġie rrilevat fil-punti 46 u 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

95.      Bil-kontra, l-approċċ f’żewġ fażijiet issuġġerit mill-Qorti Ġenerali u deskritt fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

5.      Konklużjoni

96.      Id-determinazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-prova ta’ evażjoni jirriżultaw mill-interpretazzjoni, fl-opinjoni tiegħi, żbaljata tal-kunċett ta’ “provenjenza” miżmuma fis-sentenza appellata li hija l-bażi tar-raġunament kollu li wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi u li, bħala konsegwenza, ir-Regolament kontenzjuż kellu jiġi annullat. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, il-komponenti kienu ġew importati – u, għaldaqstant, fl-opinjoni tagħha “ġejjin mill-” – Sri Lanka, il-Kummissjoni kienet marbuta sabiex tivverifika l-oriġini Ċiniza, jekk riedet toħodhom inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ abbażi tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Kien b’hekk billi vverifikat l-oriġini Ċiniża ta’ dawn il-komponenti li hija kienet wettqet l-allegat żball ta’ liġi sa fejn hija kienet użat, għal dan il-għan, “b’analoġija” il-kriterji previsti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku.

97.      Minn dan isegwi li l-iżball tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-kliem “huma mill-” kellu bħala konsegwenza determinazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tar-regoli li jirregolaw il-prova tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ prattiki ta’ evażjoni kumplessi permezz tal-assemblaġġ, abbażi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, li hija elaborazzjoni li hija fil-bażi tal-konstatazzjoni, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tal-iżball ta’ liġi tal-Kummissjoni.

98.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku li jimminaw il-bażi l-konklużjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fl-imsemmija sentenza. Minn dan isegwi li, fl-opinjoni tiegħi, l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni, sostnuta minn EBMA, għandu jiġi milqugħ, u li konsegwentement, is- sentenza appellata għandha tiġi annullata (42).

VI.    Fuq ir-rikors fl-ewwel istanza

99.      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din, f’każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Inqis li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

100. Insostenn tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, Kolachi ppreżentat motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Essenzjalment, Kolachi akkużat il-Kummissjoni, l-ewwel nett, li applikat lil din id-dispożizzjoni fuq xi operazzjonijiet ta’ manifattura fis-Sri Lanka, filwaqt li l-investigazzjoni kienet tipprevedi l-allegata evażjoni permezz ta’ assemblaġġ fil-Pakistan, fit-tieni lok, li wettqet żball ta’ liġi billi ttrattat lill-imsemmija dispożizzjoni bħala regola ta’ oriġini, u t-tieni nett, li ma ħadet l-ebda miżura sabiex tapplika lir-regoli ta’ oriġini previsti mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni.

101. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat qabel kollox li, skont l-informazzjoni pprovduta minn Kolachi stess waqt l-investigazzjoni, 93% tal-komponenti li intużaw fl-assemblaġġ tar-roti fil-Pakistan kienu ġew ipprovduti mill-intermedjarju ta’ Flying Horse. Dawn il-komponenti kienu ġew importati parzjalment – ammont li jirrappreżenta 46 % mit-total tal-komponenti assemblati – miċ-Ċina u parzjalment – ammont li jirrapreżenta 47 % tat-total tal-komponenti assemblati – mis-Sri Lanka. L-investigazzjoni wriet li l-maġġoranza tal-komponenti importati mis-Sri Lanka mixtrija mingħand Flying Horse, jiġifieri frejms, frieket, rimmijiet tal-liga u roti tal-plastik, fil-fatt ġew immanifatturati minn Great Cycles bl-użu, għal parti relattivament importanti ta’ materjali Ċiniżi. Barra minn hekk, mill-investigazzjoni irriżulta li Great Cycles kienet kumpannija relatata ma’ Kolachi, li kienet ġiet implikata preċedentement f’operazzjonijiet ta’ evażjoni. Hekk kif jirriżulta mill-premessa 99 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kienet ikkonstatat ukoll li r-relazzjonijiet bejn Flying Horse u Kolachi kienu dubbjużi. Dawn il-fatti kollha ġew ivverifikati u ma ġewx ikkontestati minn Kolachi. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, wara xi domandi preċiżi li ġew magħmula, Kolachi kkonfermat espliċitament ukoll li l-komponenti maħduma fis-Sri Lanka kienu ġew “ikkonvertiti” minn komponenti ta’ oriġini Ċiniża.

102. Huwa fid-dawl tal-konstatazzjonijiet li rriżultaw mill-investigazzjoni li għandhom jiġu evalwati l-premessi 98 sa 101 tar-Regolament kontenzjuż, fejn il-Kummissjoni kkonkludiet li Kolachi kienet wettqet operazzjonijiet ta’ assemblaġġ li jikkostitwixxu prattiki ta’ evażjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

103. Issa, mill-premessi 98 u 99 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-komponenti mixtrija minn Kolachi mingħand Flying Horse, minkejja li kienu ġew importati mis-Sri Lanka, kienu ġejjin fir-realtà (indirettament) miċ-Ċina, fis-sens tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-elementi li ġejjin: minn naħa fuq il-konstatazzjoni li Kolachi ma rnexxilhiex turi l-oriġini mis-Sri Lanka ta’ dawn il-komponenti (43) u, min-naħa l-oħra, fuq diversi elementi ta’ indizju li jdaħħlu fid-dubju r-relazzjonijiet bejn Flying Horse, li taġixxi bħala intermedjarja ta’ kumpannija marbuta ma’ Kolachi – jiġifieri Great Cycle – u Kolachi stess. Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi li l-Kummissjoni kkonkludiet, fl-aħħar sentenza tal-premessa 99 tar-Regolament kontenzjuż li l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku kienu ġew issodisfatti fil-kawża preżenti.

104. Kien biss bħala risposta għal argument imressaq minn Kolachi, kif spjegat fil-qosor fl-aħħar sentenza tal-premessa 100 tar-Regolament kontenzjuż, li akkużat lill-Kummissjoni li użat l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku bħala regola ta’ oriġini li din, fl-aħħar sentenza tal-premessa 101 tar-Regolament kontenzjuż, wara li nnotat “li l-Artikolu 13(2)(b) tar-regolament bażiku mhuwiex bħala tali tabilħaqq regola dwar l-oriġini”, qieset li kien fondat li “qieset li dawn il-komponenti kienu manifatturati b’aktar minn 60% minn materja prima miċ-Ċina, u li l-valur miżjud kien inqas minn 25 % tal-ispejjeż tal-manifattura, u setgħet tikkonkludi li dawn il-komponenti nnifishom ġejjin miċ-Ċina”.

105. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha li rriżultaw mill-investigazzjoni u minn qari tar-Regolament kontenzjuż, inqis, l-ewwel nett li, bl-applikazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-prova ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ “kumplessi”, li pproponejt fil-punti 91 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi, fil-kawża preżenti, li l-komponenti mixtrija minn Flying Horse u importati mis-Sri Lanka, iżda prodotti minn Great Cycle ġew indirettament miċ-Ċina. Fil-fatt, minn naħa, irriżulta li dawn il-komponenti kienu mmanifatturati fis-Sri Lanka bl-użu, għal parti relattivament sinjifikattiva, ta’ elementi u materjali Ċiniżi. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ddisponiet minn firxa ta’ indizji konkordanti li sostnew b’mod ċar is-suspett tal-intervent ta’ Kolachi f’xi operazzjonijiet ta’ evażjoni kumplessi. F’tali kuntest, bl-applikazzjoni tal-imsemmija regoli li jirregolaw il-prova, kienet Kolachi li kellha turi l-oriġini mis-Sri Lanka tal-komponenti kkonċernati, u huwa ċert li din il-kumpannija ma rnexxilhiex tagħmel dan.

106. Fit-tieni lok, minn dan isegwi li, f’tali ċirkustanzi, sabiex tiġi ddeterminata l-provenjenza indiretta tal-imsemmija komponenti miċ-Ċina, il-Kummissjoni ma kienet marbuta bl-ebda mod li tivverifika kwalunkwe regoli ta’ oriġini abbażi tad-dritt doganali jew billi tapplika “b’analoġija” lill-kriterji tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku bħala regola ta’ oriġini.

107. Fit-tielet lok, fl-opinjoni tiegħi, minn qari tal-premessi rilevanti tar-Regolament kontenzjuż jirriżulta li l-Kummissjoni, f’kull każ, ma użatx “b’analoġija” il-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku bħala regola ta’ oriġini sabiex tiddetermina l-provenjenza indiretta tal-komponenti kkonċernati miċ-Ċina. Il-konstatazzjoni tal-provenjenza indiretta miċ-Ċina tal-komponenti tirriżulta, fil-fatt, mill-konklużjonijiet espliċiti li wasslet għalihom il-Kummissjoni fl-aħħar sentenza tal-premessa 98 u tas-sentenza ta’ qabel tal-aħħar tal-premessa 99 tar-Regolament kontenzjuż fuq il-bażi tal-elementi ta’ indizju importanti li kienet tiddisponi minnhom. Il-fatt li l-Kummissjoni, b’risposta għal argument preċiż imqajjem minn Kolachi, kienet ikkonstatat ukoll li l-kriterji tal-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku kienu ġew issodisfatti wkoll f’dak li jikkonċerna l-komponenti inkwistjoni maħduma fis-Sri Lanka, ma jikkostitwixxix għajr element ta’ indizju addizzjonali li jista’ jsostni iktar il-konklużjoni li diġà kienet wasslet għaliha l-Kummissjoni u li kienet Kolachi, jekk ikun il-każ, li kellha tikkonfutaha billi tipproduċi provi affidabbli tal-oriġini mis-Sri Lanka tal-imsemmija komponenti.

108. Fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, t-tliet ilmenti tal-motiv uniku mressaq minn Kolachi għandhom jiġu miċħuda, u li, bħala konsegwenza, ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Kolachi għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VII. Fuq l-ispejjeż

109. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

110. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta l-evalwazzjonijiet tiegħi li jikkonċernaw l-appell tal-Kummissjoni, tkun Kolachi li titlef. F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Kummissjoni u EBMA talbu l-kundanna tagħha għall-ispejjeż nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkundanna lil Kolachi għall-ispejjeż sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell preżenti mill-Kummissjoni u EBMA.

VIII. Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-10 ta’ Ottubru 2017, Kolachi Raj Industrial vs Il-Kummissjoni (T‑435/15, EU:T:2017:712), hija annullata.

2)      Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd, quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-435/15 huwa miċħud.

3)      Kolachi Raj Industrial (Private) Ltd hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedura ta’ appell mill-Kummissjoni Ewropea u mill-European Bicycle Manufacturers Association (EBMA).


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      EU:T:2017:712.


3      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tat-18 ta’ Mejju 2015, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 502/2013 fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal fuq importazzjonijiet ta’ roti kkonsenjati mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kambodja, mill-Pakistan u mill-Filippini kif ukoll jekk le (ĠU 2015, L 122, p. 4).


4      Regolament, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, u rettifika ĠU 2010, L 7, p. 22), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).


5      Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 502/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 990/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ roti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2013, L 153, p. 17). Ara l-punti 1 sa 5 tas-sentenza appellata għar-referenzi għar-regolamenti preċedenti.


6      Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 501/2013, tad-29 ta’ Mejju 2013, li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 990/2011 fuq importazzjonijiet ta’ biċikletti li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ biċikletti kkunsinjati mill-Indoneżja, mill-Malasja, mis-Sri Lanka u mit-Tuneżija, kemm jekk iddikjarati bħala li joriġinaw fl-Indoneżja, il-Malasja, is-Sri Lanka u t-Tuneżija kif ukoll jekk le (ĠU 2013, L 153, p. 1).


7      Ara l-punt 8 tas-sentenza appellata.


8      Ara l-punti 9 u 11 tas-sentenza appellata.


9      Punti 12 u 13 tas-sentenza appellata.


10      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament kontenjuż.


11      Digriet tal-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2016.


12      Il-Kummissjoni tipprevedi, b’mod partikolari, il-punti 83, 87, 92 u 108 tas-sentenza appellata.


13      Il-Ftehim dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (ĠU 1994 L 336, p. 103) li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li stabbilixxa l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU 1994 L 336, p. 1), li ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).


14      Ara l-premessa 19 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Maxcom et vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C‑253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2016:712, punt 5), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Simon, Evers & Co. (C-21/13, EU:C:2014:261, punti 10 u 11).


15      Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 19 tar-Regolament bażiku.


16      Ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2013, Paltrade (C-667/11, EU:C:2013:368, punt 28) u tas-17 ta’ Diċembru 2015, APEX (C-371/14, EU:C:2015:828, punti 50 u 53). F’dan ir-rigward, ara wkoll il-premessa 19 tar-Regolament bażiku, kif ukoll punt 85 tas-sentenza, Starway.


17      Mid-definizzjoni li tinsab fit-tielet sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jirriżulta li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ evażjoni, għandhom jiġu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet: l-ewwel nett, għandu jkun hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn il-pajjiżi terzi inkwistjoni u l-Unjoni; fit-tieni lok, din il-bidla għandha tirriżulta minn prattiki, operazzjonijiet jew ħidmiet li għalihom ma hemmx motivazzjoni suffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju; fit-tielet lok, għandu jkun hemm il-prova tal-eżistenza ta’ preġudizzju, u, fir-raba’ lok, għandu jkun hemm il-prova tal-eżistenza ta’ dumping.


18      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Maxcom et vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2016:712, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C-253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2017:61, punti 56 sa 58).


19      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C-21/13, EU:C:2014:2154, punt 48).


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Maxcom et vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2016:712, punt 44) kif ukoll is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29) u tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2017:61, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


21      Ibidem.


22      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi magħquda Maxcom et vs Chin Haur Indonesia (C-247/15 P, C-253/15 P u C‑259/15 P, EU:C:2016:712, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


23      Ara l-punti 84, 85 u 88, tas-sentenza Starwaykif ukoll il-punti 79 sa 81 tas-sentenza appellata.


24      Fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssemmi speċifikament lill-premessa 8, kif ukoll l-Artikolu 2(7)(a), l-Artikolu 3(4), l-Artikolu 9(5) u (6) u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.


25      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2017, Tigers (C-156/16, EU:C:2017:754, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


26      Ara d-definizzjoni tal-kelma “minn” mogħtija mil-Le petit Larousse illustré, édition 2011, Larousse, Paris. F’dan il-kuntest, madankollu, il-kelma “oriġini” ma tistax tinftiehem fis-sens tekniku tal-leġiżlazzjoni doganali bħal “oriġini”.F’dan ir-rigward, ara l-kunsiderazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni storika tad-dispożizzjoni inkwisjtoni fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      F’dan ir-rigward, ninnota li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tad-dispożizzjoni inkwistjoni, iżda wettqet analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-artikoli tar-Regolament bażiku, imsemmija fil-punt 84 tas-sentenza appellata u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 hawn fuq, li jassoċjaw il-kliem “huma mill-” mat-terminu “importazzjoni”.


28      Jiġifieri, il-verżjoni fil-lingwa Spanjola (“procedan del”), dik fil-lingwa Griega (“προέρχονται από”), dik fil-lingwa Ingliża (“are from”), dik fil-lingwa Kroata (“iz”), dik fil-lingwa Latvjana (“nāk no”), dik fil-lingwa Litwana (“ira iš”).dik fil-lingwa Portugiża (“provenientes do”) u dik fil-lingwa Rumena (“provin din”).


29      Il-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża tuża l-kelma “Ursprung”, dik tal-lingwa Taljana l-kelma “originari”.


30      Ara, b’mod partikolari, il-verżjoni tal-lingwa Ċeka (“pochazeji) tal-lingwa Pollakka (“pochodzą z”),  u dik tal-lingwa Slovakka (“pochádzajú z”). Dan jidher li huwa l-każ ukoll għall-kliem li jintużaw fil-verżjoni tal-lingwa Estonjana “pärinevad riigist”.


31      Ma huwiex neċessarju f’dan il-kuntest sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 9(5) u (6) tar-Regolament bażiku għandhomx bħala għan li jittrasponu tali obbligi. F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association (C-465/16 P, EU:C:2018:794), punti 184 et seq.


32      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistabbilixxu l-eżistenza ta’ evażjoni fuq l-iskala ta’ pajjiż terz, il-produtturi-esportaturi kkonċernati jistgħu juru li s-sitwazzjoni speċifika tagħhom tiġġustifika l-għoti ta’ eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs Chin Haur Indonesia, C‑247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2017:61, punt 59). Għaldaqstant, dawn il-produtturi għandhom jiddisponu mill-possibbiltà li juru li l-komponenti li “ġejjin mill-” pajjiż suġġett għall-miżuri, fir-realtà, “joriġinaw” minn pajjiż terz, fis-sens li l-assemblaġġ tagħhom ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi evażjoni. Dan l-approċċ huwa, barra minn hekk, dak miżmum mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza Starway (punti 85, 86 u 88), iċċitat ta’ spiss mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata (ara speċifikament, il-punti 80 u 81 tas-sentenza appellata).


33      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tuża l-kelma “tivverifika” pjuttost milli dak li “tistabbilixxi” jew “turi l-prova” tal-oriġini (ara, b’mod partikolari, il-punti 87, 92, 107 u 114). Madankollu, minn qari tas-sentenza appellata kollha (u b’mod partikolari tal-punti 107 sa 114) jirriżulta li, finalment, l-approċċ fiż-żewġ fażijiet previsti mill-Qorti Ġenerali u esposti fil-punti 54 u 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iwasslu, fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ assemblaġġ “kumplessi”, sabiex iqiegħdu fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-oneru tal-prova tal-oriġini fis-sens doganali tal-komponenti kkonċernati.


34      Ara l-punt 50 fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Ara l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1987 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2176/84 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping jew ta’ sussidji minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1987, L 167, p. 9), li daħħal ir-regoli kontra l-evażjoni fid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Simon, Evers & Co. (C-21/13, EU:C:2014:261, punti 9 et seq).


36      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3283/94 tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 1994, L 349, p. 1).


37      Tali qari tar-rieda tal-leġiżlatur huwa msaħħaħ mid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni [COM (94) 414 final, tal-5 ta’ Ottubru 1994, pp. 164 u 165], skont liema “r-regoli ta’ oriġini qed jirriżultaw bħala li huma dejjem iktar u iktar inadattati biex jinqabdu każijiet ta’ evażjoni flagranti”.


38      Ara, f’dan l-istess sens, il-punt 83 tas-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Starway.


39      Fl-opinjoni tiegħi, din il-konklużjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni mill-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ċerti verżjonijiet lingwistiċi, tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament bażiku żammew xi referenzi għall-kelma “oriġini”. Fil-fatt, fl-ewwel lok, dawn il-verżjonijiet huma ovvjament minuri fost il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tar-Regolament bażiku, u, fit-tieni lok, interpretazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni li tobbliga lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-provenjenza skont din id-dispożizzjoni sabiex turi l-oriġini tal-komponenti fis-sens doganali tkun kuntrarja għall-għan tal-leġiżlazzjoni kontra l-evażjoni, li tiġi żgurata l-effettività tal-miżuri antidumping imsemmija fil-punti 39, 40 u 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li sostniet Kolachi, tali obbligu ma jistax jiġi bbażat bl-ebda mod fuq l-Artikolu 13(5) tar-Regolament bażiku.


40      Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Dan il-kriterju ta’ determinazzjoni fuq il-livell tal-prova meħtieġa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ evażjoni huwa l-istess wieħed li ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiddeċiedu, fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-partijiet interessati jew, mill-inqas, ta’ parti sinjifikattiva ta’ dawn tal-aħħar, fuq il-bażi tal-informazzjoni disponiblli. Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Simon, Evers & Co. (C-21/13, EU:C:2014:2154, punti 35 sa 37);u Maxcom vs Chin Haur Indonesia (C‑247/15 P, C-253/15 P u C-259/15 P, EU:C:2017:61, punti 63 sa 66), tas-26 ta’ Jannar 2017, Maxcom vs City Cycle Industries (C‑248/15 P, C-254/15 P u C-260/15 P, EU:C:2017:62, punti 65 sa 68).


42      Fil-każ fejn l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali jikkonċernaw il-kliem “huma mill-” u d-determinazzjoni konsegwenti żbaljata tar-regoli li jirregolaw il-prova ta’ prattiki ta’ evażjoni mill-assemblaġġ li timmina r-raġunament kollu miżmum mill-Qorti Ġenerali, it-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi ppreżentati minn Kolachi u msemmija fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tistax tirnexxi.


43      Ara l-premessa 98 tar-Regolament kontenzjuż. Din l-analiżi ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali u ma kinitx is-suġġett ta’ appell (ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet).