Language of document : ECLI:EU:T:2023:529

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

13 ta’ Settembru 2023 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela – Projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ ċerti oġġetti u servizzi – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ineżattezza materjali tal-fatti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt internazzjonali pubbliku”

Fil-Kawża T‑65/18 RENV,

Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, irrappreżentata minn F. Di Gianni, P. Palchetti, C. Favilli u A. Scalini, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bishop u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja),

komposta minn M. van der Woude, President, S. Papasavvas, D. Spielmann, A. Marcoulli, R. da Silva Passos, M. Jaeger, S. Frimodt Nielsen, H. Kanninen, S. Gervasoni, N. Półtorak, I. Reine (Relatriċi), T. Pynnä, E. Tichy‑Fisslberger, W. Valasidis u S. Verschuur, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara li rat is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) (C‑872/19 P, EU:C:2021:507),

wara s-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela titlob, l-ewwel, l-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2063 tat‑13 ta’ Novembru 2017 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), it-tieni, l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1653 tas‑6 ta’ Novembru 2018 li jimplimenta r-Regolament ikkontestat (ĠU 2018, L 276, p. 1), sa fejn jikkonċerna lilha, u, it-tielet, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1656 tas‑6 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2018, L 276, p. 10), sa fejn tikkonċerna lilha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit‑13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/2074 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Venezwela (ĠU 2017, L 295, p. 60). L-ewwel, din id-deċiżjoni tinkludi, essenzjalment, projbizzjoni li jiġu esportati lejn il-Venezwela armi, tagħmir militari jew kull tagħmir ieħor li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna, kif ukoll tagħmir, teknoloġija jew software ta’ sorveljanza. It-tieni, hija tinkludi projbizzjoni li l-Venezwela tiġi pprovduta servizzi finanzjarji, tekniċi jew ta’ natura oħra b’rabta ma’ dan it-tagħmir u ma’ dawn it-teknoloġiji. It-tielet, hija tipprevedi l-possibbiltà li jittieħdu miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ persuni, entitajiet u korpi. Fid-data tal-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni 2017/2074 ma kienet għadha tinkludi l-isem ta’ ebda persuna jew entità.

3        Skont il-premessa 1 tagħha, id-Deċiżjoni 2017/2074 ġiet adottata minħabba li l-Unjoni Ewropea kienet serjament imħassba dwar id-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela.

4        Fit‑13 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament ikkontestat, abbażi tal-Artikolu 215 TFUE u tad-Deċiżjoni 2017/2074.

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi:

“1.      Għandu jkun ipprojbit:

(a)      li jingħataw, direttament jew indirettament, assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra relatati mal-prodotti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Komuni tal-[Unjoni] ta’ Tagħmir Militari (‘il-Lista Militari Komuni’) u mal-provvista, manufattura, manutenzjoni u użu ta’ prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)      li jingħataw, direttament jew indirettament, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-prodotti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-provvista ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra relatati, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.

[…]”

6        L-Artikolu 3 tar-Regolament ikkontestat jipprovdi:

“Għandu jkun ipprojbit:

(a)      il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)      li tingħata assistenza teknika u servizzi ta’ senerija u servizzi oħrajn relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela;

(c)      li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mat-tagħmir imsemmi fil-punt (a), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Venezwela, jew għall-użu fil-Venezwela.”

7        L-Artikolu 4 tar-Regolament ikkontestat jipprevedi li, b’deroga mill-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ċerti operazzjonijiet taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa.

8        Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ikkontestat:

“1.      Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness II, kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.      L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu jintużaw għar-repressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela jew kwalunkwe persuna jew entità li topera jew f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.      L-Anness II għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-internet jew bit-telefon.

[…]”

9        L-Artikolu 7(1) tar-Regolament ikkontestat jistabbilixxi:

“Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness III, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 6(2), għandu jkun ipprojbit:

(a)      il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software identifikati fl-Anness II, jew relatati mal-istallazzjoni, il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness II jew mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta’ kull software identifikat fl-Anness II, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(b)      il-forniment, direttament jew indirettament, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness II lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Venezwela jew għall-użu fil-Venezwela;

(c)      il-fornuiment ta’ kwalunkwe servizzi ta’ monitoraġġ jew ta’ interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-internet ta’ kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett tal-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela, jew ta’ kwalunkwe persuna jew entità li joperaw f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.”

10      Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament ikkontestat jipprevedi l-iffriżar tal-assi finanzjarji li jappartjenu lil ċerti persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi “elenkati fl-Annessi IV u V [ta’ dan ir-regolament]”. Fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, l-imsemmija annessi ma kienu jsemmu l-isem ta’ ebda persuna jew entità.

11      Bis-saħħa tal-Artikolu 20 tar-Regolament ikkontestat, il-miżuri restrittivi japplikaw:

“(a)      fit-territorju tal-Unjoni, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)      abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)      għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d)      għal kull persuna ġuridika, entità jew korp ġuridiku, fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)      għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ li jkun sar, interament jew parzjalment, fl-Unjoni.”

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Frar 2018, kif adattat permezz ta’ nota ppreżentata fis‑17 ta’ Jannar 2019, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela fetħet kawża sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla, l-ewwel, ir-Regolament ikkontestat, it-tieni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u, it-tielet, id-Deċiżjoni 2018/1656, sa fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-atti jikkonċernaw lilha.

13      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

14      Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (T‑65/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2019:649), fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, permezz tal-kawża tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela kienet qiegħda tirreferi għall-Artikoli 2, 3, 6 u 7 ta’ dan ir-regolament. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kawża f’dan ir-rigward bħala inammissibbli minħabba li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma kinitx direttament ikkonċernata mir-Regolament ikkontestat u minħabba li, għaldaqstant, hija ma kellhiex locus standi. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kawża bħala inammissibbli fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653. Fir-rigward tad-Deċiżjoni 2018/1656, li temenda d-Deċiżjoni 2017/2074, il-kawża ġiet iddikjarata inammissibbli minħabba li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma kinitx talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar fl-att promotur tagħha.

15      Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Il‑Venezwela vs Il‑Kunsill (Inċidenza għal Stat terz) (C‑872/19 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2021:507), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li qieset, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet b’mod definittiv il-kawża tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela sa fejn din kienet intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2018/1656, annullat is-sentenza inizjali sa fejn din tal-aħħar kienet ċaħdet dik il-kawża sa fejn kienet intiża għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri restrittivi inkwistjoni kienu joħolqu effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-uniku aggravju tal-appell u annullat is-sentenza inizjali fuq dan il-punt.

17      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li hija kellha l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-ammissibbiltà tal-kawża tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

18      B’hekk, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela kellha interess ġuridiku. Min-naħa l-oħra, hija qieset li mill-kliem stess tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat kien jirriżulta li l-projbizzjonijiet preskritti minn dawn id-dispożizzjonijiet, bla ħsara għall-miżuri ta’ deroga jew ta’ awtorizzazzjoni li dawn kienu jipprevedu u li ma kinux inkwistjoni fil-kuntest tat-tilwima, ma kinux jinvolvu miżuri ta’ implimentazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

19      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-kundizzjonijiet previsti fit-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE [kienu] ssodisfatti” u li, għaldaqstant, il-kawża li fetħet ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela quddiem il-Qorti Ġenerali kienet ammissibbli sa fejn din kienet intiża għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

20      Il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rriżervat l-ispejjeż, bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżaminaha fil-mertu.

 Ittalbiet talpartijiet wara li l-kawża ntbagħtet lura

21      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla, l-ewwel, ir-Regolament ikkontestat, it-tieni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u, it-tielet, id-Deċiżjoni 2018/1656, sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħhom jikkonċernaw lilha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

22      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad il-kawża;

–        tikkundanna lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għall-ispejjeż.

 Iddritt

23      Insostenn tal-kawża tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tqajjem erba’ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tad-dritt għal smigħ, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tielet wieħed, fuq l-ineżattezza materjali tal-fatti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-Venezwela u, ir-raba’ wieħed, fuq l-impożizzjoni ta’ kontromiżuri illegali u fuq ksur tad-dritt internazzjonali.

 Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq ilportata tattilwima

24      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut, japplika għall-Qorti Ġenerali, meta l-appell ikun fondat u l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-tilwima, din tal-aħħar tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq punti ta’ liġi. B’hekk, wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija adita, skont l-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tiddeċiedi fuq il-motivi kollha ta’ annullament mqajma mir-rikorrent, ħlief għall-elementi tad-dispożittiv mhux annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja u għall-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, peress li dawn ikunu saru res judicata (sentenzi tat‑18 ta’ Novembru 2020, H vs Il‑Kunsill, T‑271/10 RENV II, EU:T:2020:548, punt 38, u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia‑Kosakowo vs Il‑Kummissjoni, T‑263/15 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2021:927, punt 26).

25      Fis-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali sa fejn din kienet ċaħdet il-kawża tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela intiża għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat bħala inammissibbli. Barra minn hekk, mill-punti 75 u 76 tas-sentenza fl-appell jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod definittiv dwar l-ammissibbiltà tal-kawża sa fejn din tirreferi għall-imsemmija artikoli ta’ dan ir-regolament.

26      Kif indikat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 20 tas-sentenza fl-appell, is-sentenza inizjali saret definittiva sa tikkonċerna l-inammissibbiltà tal-kawża fir-rigward tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u tad-Deċiżjoni 2018/1656.

27      Fil-punt 82 tar-replika, ippreżentata wara l-għoti tas-sentenza fl-appell, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, taħt l-ewwel kap tat-talbiet tagħha, tenniet it-talba tagħha għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2018/1653 u tad-Deċiżjoni 2018/1656. Issa, peress li l-ammissibbiltà ta’ dan il-kap ta’ talbiet, sa fejn dan ifittex li jannulla l-atti msemmija iktar ’il fuq, ġiet deċiża b’mod definittiv fis-sentenza inizjali, it-talba għall-annullament ta’ dawn l-atti, sa fejn din ġiet imtennija fir-replika, għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

28      Dan ifisser li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi biss fuq il-fondatezza tal-motivi kollha invokati mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

 Fuq innatura talmiżuri restrittivi inkwistjoni

29      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-portata, individwali jew ġenerali, tal-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat għandha impatt deċiżiv fuq it-tip u l-portata mhux biss tal-istħarriġ li għandha tagħmel il-Qorti Ġenerali, iżda wkoll tad-drittijiet li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tista’ tibbenefika minnhom. Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija miżuri restrittivi għandhomx portata ġenerali jew portata individwali.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li regolament li jistabbilixxi miżuri restrittivi jista’ jinkludi, minn naħa, miżuri restrittivi ta’ portata ġenerali, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikun iddeterminat b’riferiment għal kriterji oġġettivi, u, min-naħa l-oħra, miżuri restrittivi individwali, li jkunu mmirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bank Mellat vs Il‑Kunsill, C‑430/16 P, EU:C:2018:668, punti 55 u 56).

31      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat jikkostitwixxu, skont l-Artikolu 215(1) TFUE, miżuri li jinterrompu jew inaqqsu r-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz fir-rigward ta’ ċerti oġġetti, jiġifieri tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna u tagħmir ta’ komunikazzjoni li jista’ jiġi użat ħażin, u ta’ ċerti servizzi. L-imsemmija miżuri ma humiex immirati lejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi identifikati, iżda japplikaw għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u għal kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

32      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, is-sempliċi riferiment għall-“gvern […] tal-Venezwela” fl-Artikolu 6(2) u fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament ikkontestat ma jistax iqiegħed f’dubju din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet ma jirreferux għar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela iżda jirreferu, fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, għall-“gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela jew kwalunkwe persuna jew entità li topera jew f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom” u, fl-Artikolu 7(1)(c) tal-istess regolament, għall-“benefiċċju dirett jew indirett tal-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Venezwela, jew ta’ kwalunkwe persuna jew entità li joperaw f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom”, jiġifieri kategoriji ġenerali u astratti ta’ persuni jew entitajiet. B’hekk, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma hijiex fil-mira speċifika tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

33      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza fl-appell, li r-Regolament ikkontestat għandu portata ġenerali, “sa fejn jinkludi dispożizzjonijiet bħal dawk tal-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tiegħu li jipprojbixxu lil kategoriji ġenerali u astratti ta’ destinatarji milli jwettqu ċerti tranżazzjonijiet ma’ entitajiet li huma wkoll koperti b’mod ġenerali u astratt”.

34      Dan ifisser li l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat jikkostitwixxu miżuri restrittivi ta’ portata ġenerali.

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur taddritt għal smigħ

36      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni li hija kienet tgawdi mid-dritt għal smigħ qabel l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali ġenerali u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u dan iktar u iktar ladarba għandha locus standi. Peress li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jaffettwawha, ebda raġuni ma tista’ tipprekludi l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt f’dan il-każ.

37      B’mod partikolari, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tilmenta mill-fatt li l-Kunsill adotta r-Regolament ikkontestat mingħajr ma informaha u mingħajr ma semagħha minn qabel dwar, fost oħrajn, l-allegat ksur tal-Kostituzzjoni Venezweljana, tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

38      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

39      Għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li tinbeda fil-konfront ta’ persuna speċifika, li għandu jiġi osservat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni proċedurali, ma jistax jiġi traspost fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 29 TUE u ta’ dik prevista fl-Artikolu 215 TFUE, li twassal, bħal fil-każ ineżami, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, ebda dispożizzjoni ma tobbliga lill-Kunsill jinforma lil kull persuna li tista’ tiġi affettwata minn kriterju ġdid ta’ portata ġenerali bl-adozzjoni ta’ dan il-kriterju (sentenza tas‑17 ta’ Frar 2017, Islamic Republic of Iran Shipping Lines et vs Il‑Kunsill, T‑14/14 u T‑87/14, EU:T:2017:102, punt 98).

40      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tinvoka l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tapplika għal “miżur[i] individwali” meħuda fil-konfront ta’ persuna, b’tali mod li ma tistax tiġi invokata fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ portata ġenerali, bħal f’dan il-każ.

41      Barra minn hekk, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tinvoka sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Settembru 1997 (Proġett Gabčíkovo‑Nagymaros (L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja), sentenza, QIĠ Ġabra 1997, p. 7, paragrafi 83 u 84). Madankollu, dik is-sentenza tirrigwarda biss il-kuntest partikolari ta’ impożizzjoni ta’ kontromiżuri, li ser jiġi eżaminat fil-kuntest tar-raba’ motiv.

42      Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat huwa att ta’ portata ġenerali li jirrifletti għażla tal-Unjoni fil-qasam tal-politika internazzjonali. Fil-fatt, l-interruzzjoni jew it-tnaqqis tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma’ pajjiż terz, skont l-Artikolu 215(1) TFUE, jagħmlu parti mid-definizzjoni stess tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE, sa fejn tali tnaqqis jew interruzzjoni jimplikaw l-adozzjoni ta’ miżuri b’reazzjoni għal sitwazzjoni internazzjonali partikolari, fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni, bil-għan li tiġi eżerċitata influwenza fuq tali sitwazzjoni. Issa, is-smigħ tal-pajjiż terz ikkonċernat, qabel l-adozzjoni ta’ regolament li jimplimenta tali għażla ta’ politika esterna, iwassal sabiex il-Kunsill ikun obbligat jorganizza diskussjonijiet simili għal negozjati internazzjonali ma’ dan il-pajjiż, obbligu dan li jċaħħad mis-sustanza tiegħu l-effett mixtieq mill-impożizzjoni ta’ miżuri ekonomiċi fir-rigward tal-imsemmi pajjiż, jiġifieri li ssir pressjoni fuq dan tal-aħħar sabiex ibiddel l-aġir tiegħu.

43      Barra minn hekk, il-fatt li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hija direttament ikkonċernata mill-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ma jistax, fih innifsu, jagħtiha l-benefiċċju tad-dritt għal smigħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punti 34 u 35, u tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punt 388).

44      Għalhekk, fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma tistax tinvoka d-dritt għal smigħ fir-rigward tal-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

45      L-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talobbligu ta’ motivazzjoni

46      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni li r-Regolament ikkontestat ma huwiex motivat b’mod suffiċjenti. Fil-fatt, l-imsemmi regolament jinkludi premessi vagi u ġenerali. Issa, fil-fehma tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, il-Kunsill kellu, fid-dawl tal-indħil li jirrappreżentaw il-miżuri restrittivi fl-affarijiet interni tagħha, jippreżenta motivazzjoni iktar elaborata.

47      Fit-tieni lok, ir-Regolament ikkontestat, anki jekk jinqara flimkien mad-Deċiżjoni 2017/2074, la jinkludi u lanqas jelenka provi li jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-miżuri restrittivi. Konsegwentement, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela la tista’ tevalwa l-fondatezza tal-miżuri restrittivi u lanqas tista’ tirrispondi għalihom b’mod xieraq.

48      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

49      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u li, fir-rigward ta’ atti ta’ applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li tkun wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa jfittex li jilħaq (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑284/94, EU:C:1998:548, punt 28; tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 120; u tas‑17 ta’ Settembru 2020, Rosneft et vs Il‑Kunsill, C‑732/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:727, punt 68).

50      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit formali essenzjali li għandu jingħażel mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din tal-aħħar taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Cabello Rondón vs Il‑Kunsill, T‑248/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:450, punt 45).

51      F’dan il-każ, fir-rigward tas-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi, mill-premessa 1 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li “[f]id-dawl tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem f’deterjorament kontinwu fil-Venezwela, l-Unjoni kemm‑il darba esprimiet tħassib u talbet lill-atturi politiċi u lill-istituzzjonijiet kollha fil-Venezwela biex jaħdmu b’mod kostruttiv lejn soluzzjoni għall-kriżi fil-pajjiż, b’rispett sħiħ tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istituzzjonijiet demokratiċi u tas-separazzjoni tas-poteri”.

52      Barra minn hekk, mill-premessa 3 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li dan ġie adottat sabiex tiġi implimentata, fil-livell tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2017/2074. Fil-premessa 2 tal-imsemmi regolament jissemmew ukoll il-miżuri restrittivi li jinsabu fid-Deċiżjoni 2017/2074, riprodotti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat. Għalhekk, ir-raġunijiet invokati fid-Deċiżjoni 2017/2074 li sostnew l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jikkostitwixxu l-kuntest tal-adozzjoni tagħhom, fatt li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela setgħet tifhem minn qari tar-Regolament ikkontestat.

53      B’hekk, mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2017/2074 jirriżulta li l-Unjoni kienet “serjament imħassba dwar id-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela”, tħassib li ġie spjegat iktar fil-premessi 2 sa 7 ta’ din id-deċiżjoni.

54      Barra minn hekk, mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2017/2074 jirriżulta li, “fid-dawl tar-riskju ta’ aktar vjolenza, użu eċċessiv tal-forza u vjolazzjonijiet jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, ikun xieraq li jiġu imposti miżuri restrittivi fil-forma ta’ embargo tal-armi, kif ukoll miżuri speċifiċi biex jiġu imposti restrizzjonijiet fuq tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna u biex jiġi pprevenut l-użu ħażin ta’ tagħmir tal-komunikazzjoni.”

55      Konsegwentement, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tal-miżuri restrittivi ġiet spjegata b’mod estensiv mill-Kunsill, u ma setgħetx tiġi injorata mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

56      Fir-rigward tal-għanijiet li l-miżuri restrittivi jfittxu li jilħqu, mill-premessa 8 tad-Deċiżjoni 2017/2074 jirriżulta li l-miżuri restrittivi huma intiżi sabiex jevitaw ir-riskju ta’ iktar vjolenza, ta’ użu eċċessiv ta’ forza u ta’ ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem.

57      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-imsemmija miżuri restrittivi huwa kkonfermat mill-kontenut tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors li fih hija setgħet tidentifika l-fatti preċiżi li fuqhom ġiet ibbażata l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri u setgħet tikkontesta l-eżattezza tagħhom, kif ukoll l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill f’dan ir-rigward. Dan ifisser li l-motivazzjoni li fuqha ġew ibbażati l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ippermettiet lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tifhem u tikkontesta r-raġunijiet tal-imsemmija miżuri u lill-Qorti Ġenerali twettaq l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tagħhom.

58      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ittielet motiv, ibbażat fuq lineżattezza materjali talfatti u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tassitwazzjoni politika filVenezwela

59      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tisħaq li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ġew adottati minħabba, l-ewwel, il-ksur mill-awtoritajiet Venezweljani tal-Kostituzzjoni Venezweljana, tal-Istat tad-dritt u tas-separazzjoni tal-poteri, it-tieni, il-priġunerija ta’ avversarji politiċi fil-Venezwela u l-ksur ta’ prinċipji demokratiċi u, it-tielet, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet Venezweljani. Dan il-ksur jinkludi l-użu eċċessiv ta’ forza mill-pulizija u mill-forzi armati Venezweljani, kif ukoll xkiel għad-dritt ta’ manifestazzjoni pubblika. Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward ta’ dawn l-elementi.

60      B’mod partikolari, minn naħa, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tilmenta mill-ineżattezza tal-fatti invokati mill-Kunsill.

61      Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti mill-Kunsill, b’rabta mas-sitwazzjoni politika fil-Venezwela.

62      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

63      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kunsill għandu, f’dak li għandhom x’jaqsmu r-regoli ġenerali li jiddefinixxu l-modalitajiet tal-miżuri restrittivi, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bil-għan li jiġu adottati tali miżuri ta’ natura ekonomika u finanzjarja abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, konformement ma’ deċiżjoni adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat UE, b’mod partikolari l-Artikolu 29 TUE. Peress li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-provi, tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ tali miżuri minflok dik tal-Kunsill, l-istħarriġ li hija għandha twettaq għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u tar-regoli dwar il-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan l-istħarriġ limitat japplika, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità li fuqhom jiġu bbażati tali miżuri (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, Almaz‑Antey Air and Space Defence vs Il‑Kunsill, T‑255/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:25, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 155).

64      Dan ifisser li l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni dwar l-evalwazzjoni tal-fatti huwa limitat għal dak tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni. Għall-kuntrarju, fir-rigward tal-istħarriġ tal-eżattezza materjali tal-fatti, dan jeħtieġ il-verifika tal-fatti allegati u tal-eżistenza ta’ bażi fattwali soda biżżejjed b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju f’dan ir-rigward ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-kredibbiltà fl-astratt tal-fatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Cabello Rondón vs Il‑Kunsill, T‑248/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:450, punt 64).

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat jirriproduċu, essenzjalment, il-pożizzjoni politika tal-Unjoni mfissra fl-Artikoli 1, 3 u 5 tad-Deċiżjoni 2017/2074, bil-għan li jimplimentawha fil-livell tal-Unjoni. Kif ġie indikat fil-punti 52 u 56 iktar ’il fuq, għall-finijiet tal-analiżi tal-miżuri restrittivi li jimponi r-Regolament ikkontestat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-raġunijiet li għalihom ġew adottati l-imsemmija miżuri, imfissra fid-Deċiżjoni 2017/2074 u, b’mod partikolari, fil-premessa 8 tagħha.

66      B’hekk, mill-premessi 1 u 8 ta’ din id-deċiżjoni, riprodotti fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat, moqrija fid-dawl tal-imsemmija premessi tad-Deċiżjoni 2017/2074, huma bbażati fuq id-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela u fuq vjolenza, użu eċċessiv ta’ forza u ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem, li r-rikorrenza tagħhom kellha tiġi evitata permezz tal-imsemmija miżuri restrittivi. Għalhekk, il-legalità ta’ dawn il-miżuri għandha tiġi mistħarrġa f’dan il-kuntest speċifiku.

67      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-eżattezza materjali tal-fatti, il-Kunsill, fir-risposta tiegħu, iressaq numru ta’ provi li jistgħu jixhdu l-eżattezza tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

68      L-ewwel, il-Kunsill jinvoka l-appell ta’ Human Rights Watch, tal‑11 ta’ Settembru 2017, għal “miżuri min-naħa tal-[Unjoni] b’risposta għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela”.

69      It-tieni, huwa jiċċita stqarrija għall-istampa tal‑31 ta’ Awwissu 2017 tal-Kummissjoni Inter‑Amerikana tad-Drittijiet tal-Bniedem.

70      It-tielet, huwa jibbaża ruħu fuq rapport tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OSA) tad‑19 ta’ Lulju 2017.

71      Ir-raba’, il-Kunsill jinvoka rapport tal-OSA tal‑25 ta’ Settembru 2017.

72      Essenzjalment, dawn il-provi minn sorsi kredibbli jirreferu, b’mod iddettaljat, għar-repressjoni brutali mir-reġim tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tad-dissidenti u tal-opponenti tar-reġim. B’mod partikolari, dawn il-provi jiddeskrivu l-arresti numerużi ta’ opponenti, il-prosekuzzjoni ta’ persuni ċivili quddiem qrati militari, vjolenza serja u l-qtil ta’ numru ta’ dimostranti, abbuż ta’ priġunieri li jikkostitwixxi tortura, attakki kontra l-Assemblea Nazzjonali, il-ksur tad-dritt għal protesta paċifika, tad-dritt għal vot, kif ukoll tal-libertà tal-espressjoni, b’mod partikolari, permezz ta’ aggressjoni u detenzjoni ta’ ġurnalisti. Barra minn hekk, il-Gvern ħabbar li ser iqassam armi lil milizzji ċivili u xewwixhom jikkonfrontaw lid-dimostranti. Sussegwentement, mill-provi tal-Kunsill jirriżulta wkoll li l-Prosekutur Ġenerali tal-Venezwela tneħħiet mill-kariga fil‑5 ta’ Awwissu 2017, filwaqt li hija kienet qiegħda tinvestiga, b’mod partikolari, il-forzi tas-sigurtà li allegatament sparaw fuq xi dimostranti, u hija ġiet ipprojbita milli titlaq mill-Venezwela u l-kontijiet tagħha ġew iffriżati. Barra minn hekk, l-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti waqqfet kummissjoni li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qiesu bħala mekkaniżmu ta’ persekuzzjoni tad-dissidenti. Fl-aħħar nett, l-OSA ċċitat dikjarazzjonijiet tal-President tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ta’ dak iż-żmien li, fl‑24 ta’ Ġunju 2017, quddiem il-forzi armati, staqsa “[X]’jiġri jekk il-[Partit Magħqud Soċjalist tal-Venezwela] isejjaħ rewwixta armata ċivili‑militari sabiex jiġu arrestati l-mexxejja tal-Oppożizzjoni, sabiex ixxolji l-Assemblea Nazzjonali[?]”. Barra minn hekk, fis‑27 ta’ Ġunju 2017, waqt avveniment ta’ promozzjoni tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti, il-President ta’ dak iż-żmien iddikjara: “Jekk il-Venezwela titgħaddas fil-kaos u fil-vjolenza, u r-rivoluzzjoni Bolivarjana tinqered, narmaw għall-ġlied [u] ma naqtgħu qalbna qatt, u dak li ma rnexxilniex niksbu bil-voti, niksbuh bl-armi.”

73      Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, bil-għan li tikkontesta l-fatti deskritti mill-Kunsill, tressaq numru ta’ provi, b’mod partikolari, rapport imħejji fil-qafas tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, deċiżjoni li ttieħdet mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha u riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Ġenerali tagħha.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li kważi l-provi msemmija kollha ma humiex relatati mar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u wisq inqas mal-avvenimenti li seħħew f’dan il-pajjiż. L-unika prova invokata mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela li tikkonċerna dan il-pajjiż tirrigwarda s-sitwazzjoni ekonomika u umanitarja fil-Venezwela fl‑2021. Barra minn hekk, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma identifikatx l-informazzjoni li tinsab fl-imsemmija provi li tista’ tqiegħed f’dubju l-eżattezza tal-fatti invokati mill-Kunsill.

75      Barra minn hekk, sabiex turi li l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet ġudizzjarji Venezweljani kienu partikolarment attivi fil-prosekuzzjoni tal-abbuż jew tal-ksur imwettaq, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tinvoka wkoll żewġ rapporti interni tar-reġim li ma huma kkorroborati minn ebda prova oħra minn sorsi esterni għal dan ir-reġim u li l-valur probatorju tagħhom għandu jitqies, minħabba f’hekk, bħala wieħed dgħajjef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑124/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:63, punt 110). Barra minn hekk, matul is-seduta u fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma sserraħ fuq ebda sors internazzjonali li jista’ jikkorrobora t-teżi tagħha. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, essenzjalment, dawn ir-rapporti huma bbażati fuq azzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Venezweljan li ttieħdu taħt id-direzzjoni tal-Prosekutur Ġenerali li, kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, tneħħiet mill-kariga mir-reġim Venezweljan fil‑5 ta’ Awwissu 2017 u kienet is-suġġett ta’ miżuri ta’ natura restrittiva. Barra minn hekk, l-imsemmija rapporti ma jsemmux li l-investigazzjonijiet li twettqu internament fil-pajjiż irnexxew u lanqas li dawn l-investigazzjonijiet kienu jikkonċernaw persuni responsabbli li jagħmlu parti mill-forzi tas-sigurtà tal-Venezwela.

76      Għalhekk, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma wrietx li l-fatti li abbażi tagħhom ġew adottati l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat huma vvizzjati b’ineżattezzi materjali. Il-fatti invokati mill-Kunsill huma msejsa fuq bażi fattwali soda li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma rnexxilhiex tqiegħed f’dubju.

77      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kunsill tas-sitwazzjoni politika fil-Venezwela abbażi tal-fatti li sejsu l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ġġib il-provi deskritti fil-punt 73 iktar ’il fuq li, fil-fehma tagħha, huma intiżi sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni interna f’dan il-pajjiż. Madankollu, hija ma tipprovdix l-iċken dettall dwar ir-rilevanza tagħhom jew dwar il-konklużjoni li għandha tinstilet minnhom. B’hekk, l-argumenti tagħha u l-imsemmija provi huma iktar kontestazzjoni dwar l-opportunità tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

78      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni twettaq stħarriġ limitat f’dan ir-rigward. Għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-Artikolu 29 TUE, li jawtorizza lill-Kunsill jadotta “deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”, minn naħa, ir-Regolament ikkontestat għandu portata ġenerali li tirrifletti l-pożizzjoni tal-Unjoni fuq kwistjoni relatata mal-PESK u, min-naħa l-oħra, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni minflok dik li jkun għamel il-Kunsill. B’mod partikolari, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ta’ natura politika, fir-rigward tad-definizzjoni tal-imsemmija pożizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2016, National Iranian Oil Company vs Il‑Kunsill, C‑440/14 P, EU:C:2016:128, punt 77).

79      Barra minn hekk, l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiggarantixxu d-dritt li wieħed jipprotesta b’mod paċifiku jew l-allegata kollaborazzjoni tagħha ma’ mekkaniżmi internazzjonali li jħabirku sabiex tissaħħaħ is-sistema tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu miċħuda.

80      Fil-fatt, il-kwistjoni li tqum, f’dan il-każ, ma hijiex dwar jekk it-testi fis-seħħ jiggarantixxux formalment ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela. Minkejja li dawn it-testi ma jistgħux jiġu injorati, kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq informazzjoni kredibbli u affidabbli sabiex jevalwa s-sitwazzjoni fil-Venezwela. Fid-dawl tal-imsemmija informazzjoni, il-Kunsill seta’ jqis li, fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, kienu ppruvati b’mod suffiċjenti vjolenza u użu eċċessiv tal-forza u ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew abbuż tad-demokrazija fil-Venezwela u li kienu jeżistu riskji li tali inċidenti jerġgħu jseħħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill seta’ jikkonkludi, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li kien hemm abbuż tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela (ara l-punt 66 iktar ’il fuq).

81      Konsegwentement, l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bbażati fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-sitwazzjoni politika f’dan il-pajjiż għandhom jiġu miċħuda.

82      Fid-dawl tal-premess, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq irraba’ motiv, ibbażat fuq limpożizzjoni ta’ kontromiżuri illegali u fuq ksur taddritt internazzjonali

83      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni li r-Regolament ikkontestat jimponi fuqha kontromiżuri illegali, u b’hekk jikser id-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-Ftehimiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Fil-fatt, permezz tal-imsemmi regolament, l-Unjoni indirizzat l-allegat ksur tal-prinċipji demokratiċi u tal-Kostituzzjoni Venezweljana. Għal din ir-raġuni, l-Unjoni ddeċidiet li tissospendi l-obbligi tagħha taħt il-Ftehimiet tal-WTO. Barra minn hekk, l-embargo impost ma huwiex proporzjonat u jirrappreżenta ndħil fl-affarijiet interni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. Barra minn hekk, il-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-miżuri restrittivi imposti minn qabel fuq ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela mill-Istati Uniti tal-Amerika.

84      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela targumenta li, għalkemm, kif isostni l-Kunsill, il-miżuri restrittivi imposti fuqha ma jikkostitwixxux kontromiżuri, il-Kunsill ma setax jadotta dawn il-miżuri restrittivi mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Tali miżuri unilaterali jmorru kontra d-dritt internazzjonali, kif jirriżulta mir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u l-Kunsill ma għandux kompetenza jadotta dawn il-miżuri.

85      Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

86      F’dan il-każ, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tinvoka, fl-ewwel lok, allegat ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju minħabba l-impożizzjoni mill-Kunsill ta’ kontromiżuri illegali, li timplika, b’hekk, ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tagħha,  minħabba l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u minħabba l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali. Konsegwentement, meta tadotta att, l-Unjoni hija obbligata tosserva d-dritt internazzjonali fl-intier tiegħu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88      Għandu jiġi rrilevat li l-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jistgħu jiġu invokati minn parti f’kawża għall-finijiet tal-eżami mill-qorti tal-Unjoni tal-validità ta’ att tal-Unjoni sa fejn, minn naħa, dawn il-prinċipji jistgħu jqiegħdu f’dubju l-kompetenza tal-Unjoni sabiex tadotta l-imsemmi att u, min-naħa l-oħra, l-att inkwistjoni jkun jista’ jaffettwa drittijiet li l-parti fil-kawża tislet mid-dritt tal-Unjoni jew joħloq fir-rigward tagħha obbligi fid-dawl ta’ dan id-dritt (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 107).

89      Madankollu, peress li prinċipju tad-dritt internazzjonali konswetudinarju ma għandux l-istess preċiżjoni li jkollha dispożizzjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jasal biss sal-kwistjoni dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta adottaw l-att inkwistjoni, wettqux żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 110).

90      F’dan il-każ, fir-rigward tal-allegata impożizzjoni mill-Kunsill ta’ kontromiżuri illegali, għandu jitfakkar, l-ewwel, li l-Artikolu 49, dwar l-għan u l-limiti tal-kontromiżuri, tal-Abbozz ta’ Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illegali, kif adottat fl-2001 mill-Kummissjoni tad-Dritt Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, jipprovdi:

“1.      L-Istat li jġarrab id-dannu jista’ jieħu kontromiżuri kontra l-Istat responsabbli għal atti internazzjonalment illegali biss sabiex iġiegħel lil dak l-Istat iwettaq l-obbligi tiegħu taħt it-Tieni Parti.

2.      Il-kontromiżuri għandhom ikunu limitati għan-nuqqas temporanju ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi internazzjonali tal-Istat li jieħu l-miżuri fil-konfront tal-Istat responsabbli.

3.      Il-kontromiżuri għandhom, sa fejn ikun possibbli, jittieħdu b’mod li jippermetti t-tkomplija tal-eżekuzzjoni tal-obbligi inkwistjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

91      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 53 u 56 iktar ’il fuq, ir-Regolament ikkontestat ġie adottat f’kuntest ta’ reazzjoni għad-deterjorament kontinwu tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela, bil-għan li jiġu evitati iktar vjolenza, użu eċċessiv ta’ forza u ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem. La r-Regolament ikkontestat u lanqas id-Deċiżjoni 2017/2074, li tal-ewwel jiżgura l-implimentazzjoni tagħha, ma jsemmu l-ksur mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ta’ regola tad-dritt internazzjonali jew in-nuqqas temporanju ta’ eżekuzzjoni mill-Unjoni ta’ obbligu internazzjonali fir-rigward tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela. Għaldaqstant, kif jafferma, ġustament, il-Kunsill, il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ma kellhomx l-għan li jirreaġixxu għal att internazzjonalment illegali imputabbli lir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela permezz ta’ nuqqas temporanju ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Unjoni ma ddepożitatx l-istrumenti li jinnotifikaw tali nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, Proġett Gabčíkovo‑Nagymaros (L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja), sentenza, QIĠ Ġabra 1997, p. 7, paragrafu 84). Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija li għamlet il-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela sostniet li hija ma wettqet ebda att internazzjonalment illegali u ssostni li, għaldaqstant, l-atti kkontestati ma kinux jikkostitwixxu kontromiżuri.

92      Dan ifisser li l-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ma jikkostitwixxux kontromiżuri fis-sens tal-Artikolu 49 tal-Abbozz ta’ Artikoli dwar ir-Responsabbiltà tal-Istati għal Atti Internazzjonalment Illegali. Konsegwentement, l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil fl-affarijiet interni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għandha tiġi miċħuda.

93      Għalhekk, l-argument tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, ibbażat fuq is-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Settembru 1997 (Proġett Gabčíkovo‑Nagymaros (L‑Ungerija vs Is‑Slovakkja), sentenza, QIĠ Ġabra 1997, p. 7, paragrafi 83 u 84), li Stat terz għandu d-dritt li jiġi informat qabel ma Stat ieħor jadotta kontromiżuri, huwa argument ineffettiv sa fejn l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat ma jikkostitwixxux kontromiżuri fis-sens tar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju.

94      Għaldaqstant, l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, ibbażati fuq ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju fid-dawl tal-allegata impożizzjoni ta’ kontromiżuri illegali, għandhom jiġu miċħuda.

95      It-tieni, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, għandu jitfakkar li l-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE mkien ma jippermettu li l-kompetenza li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Unjoni titqies li hija limitata għall-implimentazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Għall-kuntrarju, dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jagħtu lill-Kunsill il-kompetenza jadotta atti li jinkludu miżuri restrittivi awtonomi, distinti minn miżuri li jirrakkomanda speċifikament il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Rosneft et vs Il‑Kunsill, T‑715/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:544, punt 159 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 38(1)(b) tal-Istatut tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ konswetudni internazzjonali hija suġġetta għall-kundizzjoni “ta’ prassi ġenerali aċċettata bħala liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma wrietx l-eżistenza ta’ tali prassi ġenerali li teħtieġ li tinkiseb l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qabel l-adozzjoni, mill-Kunsill, ta’ miżuri restrittivi.

97      Kemm ir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti msemmija mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, ġew adottati b’numru kunsiderevoli ta’ voti kontra jew ta’ astensjonijiet, b’mod partikolari min-naħa tal-Istati Membri tal-Unjoni. B’hekk, ir-riżoluzzjonijiet li fuqhom tibbaża ruħha r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma jistgħux jitqiesu li jirriflettu “prassi ġenerali aċċettata bħala liġi”.

98      Għalhekk, l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill ma kellux il-kompetenza jadotta r-Regolament ikkontestat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għandhom jiġu miċħuda.

99      It-tielet, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-imsemmi prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita, jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li l-miżuri implimentati minn dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu ta’ natura li jilħqu l-għanijiet leġittimi li tfittex il-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan isir (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑124/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:63, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

100    Barra minn hekk, minn naħa, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’oqsma li jimplikaw min-naħa ta’ din tal-aħħar għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fihom huwa jintalab jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Minn dan hija ddeduċiet li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tfittex li tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 146).

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li teżisti relazzjoni raġonevoli bejn, minn naħa, il-miżuri restrittivi li jikkonsistu fil-projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna u ta’ servizzi relatati mal-imsemmi tagħmir u ma’ tagħmir militari u, min-naħa l-oħra, l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ iktar vjolenza, ta’ użu eċċessiv ta’ forza u ta’ ksur jew abbuż tad-drittijiet tal-bniedem.

102    Min-naħa l-oħra, il-miżuri restrittivi previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat huma limitati, essenzjalment, għall-projbizzjoni ta’ bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal finijiet ta’ repressjoni interna u ta’ servizzi relatati mal-imsemmi tagħmir u ma’ tagħmir militari lil kull persuna fiżika jew ġuridika, kull entità jew kull korp fil-Venezwela jew għall-finijiet ta’ użu f’dan il-pajjiż. Barra minn hekk, l-Artikoli 4, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat jipprevedu l-possibbiltà, għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li jagħtu ċerti awtorizzazzjonijiet b’deroga mill-miżuri restrittivi inkwistjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija miżuri ma humiex manifestament mhux xierqa u lanqas ma jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

103    Għalhekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex miksur.

104    Dan ifisser li l-argumenti kollha tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bbażati fuq ksur tad-dritt internazzjonali konswetudinarju għandhom jiġu miċħuda.

105    Fit-tieni lok, minn naħa, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ma ssostnix li r-Regolament ikkontestat jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet tal-WTO. F’dan ir-rigward, dan ir-regolament ma jinkludi ebda riferiment għal dawn il-ftehimiet.

106    Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela la indikat permezz ta’ liema atti u lanqas f’liema okkażjoni l-Unjoni kienet biħsiebha twettaq, permezz tar-Regolament ikkontestat, obbligu partikolari li hija assumiet fil-kuntest tal-WTO.

107    Issa, fir-rigward tal-kompatibbiltà tar-restrizzjonijiet li jimponi r-Regolament ikkontestat mal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Ftehimiet tal-WTO, meta wieħed iqis in-natura u l-istruttura tagħhom, ma humiex, bħala prinċipju, fost dawk ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa biss fil-każ fejn l-Unjoni kellha l-ħsieb twettaq obbligu partikolari li hija tkun assumiet fil-kuntest tal-WTO jew fil-każ fejn l-att tal-Unjoni jkun jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehimiet tal-WTO li l-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tar-regoli tal-WTO (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, PSC Prominvestbank vs Il‑Kunsill, T‑739/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:547, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il‑Kummissjoni, 70/87, EU:C:1989:254, punti 19 sa 22, u tas‑7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il‑Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punti 29 sa 32).

108    Għalhekk, l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bbażati fuq ksur tal-Ftehimiet tal-WTO għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

109    Fit-tielet lok, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela ssostni li l-miżuri adottati mill-Kunsill joħolqu effetti fit-territorju tagħha, jiġifieri lil hinn mit-territorju tal-Unjoni. Konsegwentement, kemm l-evalwazzjoni li l-Kunsill għamel tas-sitwazzjoni fil-Venezwela, billi pprova jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fi ħdan ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, kif ukoll l-effetti tal-miżuri adottati wara din l-evalwazzjoni jimplikaw l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali. Kif saħqet diversi drabi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali jmur manifestament kontra d-dritt internazzjonali. B’mod partikolari, ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tirreferi għal sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Frar 2002 (Mandat ta’ arrest tal‑11 ta’ April 2000 (Ir‑Repubblika Demokratika tal-Kongo vs Il‑Belġju), sentenza, QIĠ Ġabra 2002, p. 3).

110    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 29 TUE jawtorizza lill-Kunsill jieħu “deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-atteġġament ta’ l-Unjoni lejn materja partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika”. Dan l-artikolu jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-linji tal-politika nazzjonali tagħhom ikunu konformi mal-pożizzjonijiet ta’ l-Unjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 215(1) TFUE jipprovdi li l-Kunsill jista’ jadotta deċiżjoni li “tipprevedi l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar”. Dan ifisser li l-għan impliċitu, iżda evidenti, ta’ tali miżuri huwa li jkollhom impatt fuq l-Istat terz ikkonċernat, kif jirriżulta mill-punti 68 u 69 tas-sentenza fl-appell. Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-Kunsill il-kompetenza jadotta miżuri restrittivi bħal dawk previsti fl-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tar-Regolament ikkontestat.

111    Barra minn hekk, kif isostni ġustament il-Kunsill u kif jirriżulta mill-Artikolu 20 tar-Regolament ikkontestat, iċċitat fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-miżuri restrittivi inkwistjoni jirrigwardaw persuni u sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ratione loci jew ratione personae tal-Istati Membri.

112    Ir-riferiment mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela għas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Frar 2002 (Mandat ta’ arrest tal‑11 ta’ April 2000 (Ir‑Repubblika Demokratika tal-Kongo vs Il‑Belġju), sentenza, QIĠ Ġabra 2002, p. 3), ma huwiex rilevanti sa fejn din il-kawża kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik f’dan il-każ. Fil-fatt, dik il-kawża kienet tirrigwarda mandat ta’ arrest internazzjonali maħruġ mir-Renju tal-Belġju kontra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo bil-għan li dan tal-aħħar jiġi arrestat u estradit lejn ir-Renju tal-Belġju, minħabba allegati delitti li jikkostitwixxu “ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali”. Issa, xejn f’din il-kawża ma juri l-eżerċizzju, mill-Unjoni, tal-kompetenzi tagħha fit-territorju jew kontra persuni li jaqgħu b’mod espliċitu taħt il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

113    Għall-kuntrarju, is-setgħa tal-Kunsill li jadotta miżuri restrittivi taqa’ fil-kuntest tal-miżuri awtonomi tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-PESK, konformement mal-għanijiet u mal-valuri tal-Unjoni, kif jinsabu fl-Artikolu 3(5) TUE u fl-Artikolu 21 TUE, jiġifieri, b’mod partikolari, l-għan li jiġu promossi, fil-bqija tad-dinja, id-demokrazija, l-Istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem u l-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali. B’mod partikolari, huma għandhom l-għan li jiżguraw l-osservanza tal-obbligi erga omnes li jiġu osservati l-prinċipji li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali ġenerali u mill-istrumenti internazzjonali ta’ natura universali jew kważi universali, b’mod partikolari l-Artikolu 1 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-projbizzjoni tat-tortura, l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Huwa “interess ġuridiku” komuni li d-drittijiet inkwistjoni jiġu mħarsa (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, Barcelona Traction, Light and Power Company, Limited, sentenza, QIĠ Ġabra 1970, p. 3, par. 33 u 34, u Kwistjonijiet dwar l-obbligu ta’ prosekuzzjoni jew ta’ estradizzjoni (Il‑Belġju vs Is‑Senegal), sentenza, QIĠ Ġabra 2012, p. 422, paragrafi 68 sa 70).

114    Għalhekk, l-argumenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

115    Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-ilmenti tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela bbażati fuq l-obbligu tal-Kunsill li jieħu inkunsiderazzjoni miżuri restrittivi li jimponu Stati terzi, b’mod partikolari l-Istati Uniti tal-Amerika, fuq  in-natura tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, li jikkostitwixxu miżuri restrittivi unilaterali li jmorru kontra d-dritt internazzjonali u fuq l-eżerċizzju ta’ restrizzjoni li hija ta’ ħsara għad-dritt għall-iżvilupp u għad-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjoni tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, għandu jiġi rrilevat li dawn ġew invokati għall-ewwel darba fir-replika.

116    Issa, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat fil-mori tal-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

117    Skont il-ġurisprudenza, l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura japplika wkoll għall-ilmenti jew għall-argumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, AQ vs eu‑LISA, T‑164/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:456, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata) li ma jikkostitwixxux estensjoni tal-motivi jew tal-ilmenti ppreżentati fir-rikors.

118    Issa, mill-proċess ma jirriżultax li l-ilmenti elenkati fil-punt 115 iktar ’il fuq huma bbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura.

119    Għaldaqstant, l-imsemmija lmenti huma inammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

120    Konsegwentement, fid-dawl tal-premess, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

121    Skont l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza li tagħlaq l-istanza. Skont l-Artikolu 219 tal-imsemmija Regoli, hija l-Qorti Ġenerali, meta tagħti deċiżjoni wara annullament u wara li l-kawża tintbagħat lura quddiemha mill-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu.

122    F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza fl-appell, annullat is-sentenza oriġinali u rriżervat l-ispejjeż. F’din is-sentenza għandha għalhekk tingħata deċiżjoni fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali, mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u ma’ din il-proċedura wara li l-kawża ntbagħtet lura.

123    Peress li l-Kunsill tilef fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess, kif ukoll dawk sostnuti mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela marbuta ma’ din il-proċedura.

124    Peress li r-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela tilfet fuq il-mertu fil-proċedura wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-argumenti li hija kienet ressqet fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali qabel ma l-kawża ntbagħtet lura, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż ta’ dawn iż-żewġ proċeduri.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, kif ukoll l-ispejjeż tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela relatati mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C872/19 P.

3)      Ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela hija kkundannata għall-ispejjeż relatati mal-proċedura wara li l-kawża ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T65/18 RENV kif ukoll mal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T65/18.

van der Woude

Papasavvas

Spielmann

Marcoulli

da Silva Passos

Jaeger

Frimodt Nielsen

Kanninen

Gervasoni

Półtorak

Reine

Pynnä

Tichy‑Fisslberger

Valasidis

Verschuur

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑13 ta’ Settembru 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.