Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2011 - Ben Ali vs Il-Kunsill

(Kawża T-301/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Mehdi Ben Tijani Ben Haj Hamda Ben Haj Hassen Ben Ali (Tuneż, it-Tuneżija) (rappreżentant: A. de Saint Remy, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tadottata miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, intiża għall-iżvelar mill-Kummissjoni tad-dokumenti kollha relatati mal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat;

tannulla r-Regolament (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta' Frar 2011, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent;

fin-nuqqas ta' annullament, tapplika derogi għall-beni finanzjarji bħala bażi, iżda wkoll ċerti spejjeż straordinarji evalwati każ b'każ;

tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrent somma globali ta' EUR 50 000 bħala kumpens għad-danni differenti li huwa sofra;

tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lir-rikorrent somma ta' EUR 7 500 għall-ispejjeż tad-difiża tiegħu insostenn ta' dan ir-rikors;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta' bażi legali suffiċjenti billi l-ewwel nett, is-sanzjoni ma tirrigwardax ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi u s-sigurtà u tikser id-drittijiet individwali tar-rikorrent, it-tieni nett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni fiha inċertezzi u imperfezzjonijiet u, it-tielet nett, il-miżura hija sproporzjonata u mhux iġġustifikata.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur ta' obbligu ta' motivazzjoni peress li l-ewwel nett, l-iffriżar ta' fondi jikkostitwixxi sanzjoni imposta minn korp politiku, it-tieni nett, l-ebda proċedura ta' tħassir ma tissemma' fir-regolament ikkontestat, it-tielet nett, kien hemm ksur tad-drittijiet elementi fundamentali tar-rikorrent f'kull stadju tal-proċedura, u r-raba', il-motivazzjoni ta' miżuri kienet ġenerali, infondata, vaga u impreċiża.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti peress li l-prova tal-involviment tar-rikorrent f'att illegali ma ġietx stabbilita.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq id-dritt ta' proprjetà sa fejn il-miżuri jikkostitwixxu restrizzjoni mhux ġustifikata tad-dritt tal-proprjetà tar-rikorrent.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

Is-seba' motiv huwa bbażat fuq id-dritt għall-ħajja peress li l-iffriżar ta' assi ma għandux ikollu bħala effett li jippreġudika l-mezzi tal-għajxien u d-dritt għall-ħajja tar-rikorrent.

____________