Language of document :

Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2021 minn Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (it-Tielet Awla) fis-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-541/18, Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-123/21 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (rappreżentanti: K. Adamantopoulos, dikigoros, P. Billiet, advocaat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Distillerie Bonollo SpA, Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA u Caviro Distillerie Srl

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Diċembru 2020 fil-Kawża T-541/18;

tilqa’ t-talbiet tal-appellanti fl-azzjoni tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u tannulla r-regolament ikkontestat 1 , sa fejn dan jirrigwarda lill-appellanti jew, fl-alternattiv, fit-totalità tiegħu, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-konvenuta u lill-intervenjenti għall-ispejjeż tal-appellanti ta’ dan l-appell u tal-proċedimenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-541/18; jew

fl-alternattiv, tirreferi l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni dwar xi talbiet jew it-talbiet kollha tal-appellanti, kif iġġustifikat bl-istat tal-proċedimenti; u

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju tal-appell: il-punti 64, 65 u 74 tas-sentenza kkontestata huma vvizzjati bi żball ta’ liġi meta jitqies li l-legalità ta’ atti tal-Unjoni adottati skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku 2 ma tistax tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-Protokoll ta’ Adeżjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mad-WTO (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Adeżjoni”). Alternattivament, is-sentenza kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi billi tonqos milli tirrikonoxxi li l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku huwa eċċezzjoni mill-Artikoli 2(1) sa (6) tar-Regolament Bażiku li speċifikament tista’ tiġi applikata biss għal importazzjonijiet miċ-Ċina fl-Unjoni skont d-dispożizzjonijiet 15(a)(ii) u (d) tal-Protokoll ta’ Adeżjoni u sakemm dawn id-dispożizzjonijiet huma fis-seħħ. L-użu mill-Kummissjoni tal-Arġentina bħala pajjiż analogu fil-każ tal-appellanti kien żbaljat kemm taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tad-WTO. Dan l-approċċ irriżulta f’konstatazzjoni mill-Kummissjoni li kien hemm marġni ta’ dumping għoli ħafna għall-appellanti fejn ma kien ikun hemm xejn, li kieku l-Kummissjoni minflok applikat id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) sa (6) tar-Regolament Bażiku għall-appellanti.

It-tieni aggravju tal-appell: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 103, 106, 109 sa 112, 114, 116, 117, 120 u 121 tas-sentenza kkontestata huma vvizzjati bi żball manifest fl-applikazzjoni tal-liġi meta tiddetermina li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 3(1), (2) u (5) kif ukoll 11(2) u (9) tar-Regolament Baziku u d-dmir tagħha ta’ diliġenza u amministrazzjoni tajba billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tal-istat tal-industrija tal-aċidu tartariku tal-Unjoni tal-prestazzjoni u l-attivitajiet kummerċjali ta’ Distilerie Mazzari, l-ikbar produttur tal-aċidu tartariku tal-Unjoni, profitabbli u l-iktar li jagħmel suċċess, kif ukoll il-fatt li deċiżjonijiet ta’ investiment maħsuba ħażin ta’ ċerti produtturi tal-aċidu tartariku tal-Unjoni affettwaw il-prestazzjoni tagħhom b’mod ħażin.

It-tielet aggravju tal-appell: il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 138, 139, 145 sa 147, 150 u 152 tas-sentenza kkontestata huma vvizzjati bi żbalji manifesti fl-applikazzjoni tal-liġi meta tiddetermina li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikoli 3(1), (2) u (5) kif ukoll 11(2) tar-Regolament Bażiku u d-dmir ta’ diliġenza tagħha u amministrazzjoni tajba billi rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni tal-attivitajiet ta’ Hangzhou Bioking, l-ikbar esportatur tal-aċidu tartariku lejn l-Unjoni, kif ukoll l-impatt ta’ bidliet fil-klima u d-differenzi bejn l-użu aħħari ta’ aċidu tartariku prodott b’mod sintetiku u naturali fl-evalwazzjoni tagħha tal-possibbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu.

Ir-raba’ aggravju tal-appell: il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi fil-punti 171 u 173 sa 177 tas-sentenza kkontestata meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet żvelat il-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali kollha fi żmien xieraq lill-appellanti f’din il-kawża. Li kieku l-Kummissjoni kkonformat mad-doveri tagħha taħt l-Artikoli 3(2), 11(2), 6(7), 19(2) u (4), u 20(2) u (4) tar-Regolament Bażiku kif ukoll l-Artikoli 6(4) u 6(2) tal-Ftehim Antidumping tad-WTO, l-appellanti kienet tissottometti kummenti siewja lill-Kummissjoni u l-vulnerabbiltà riżultanti tal-Unjoni u d-determinazzjonijiet tal-possibbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu kienu jkunu differenti u ta’ benefiċċju għall-appellanti.

Barra minn hekk, l-appellanti tissottometti bir-rispett li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta evalwat, taħt l-Artikolu 296 TFUE, it-talbiet tal-appellanti fuq (1) in-nuqqas ta’ bażi legali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku mir-regolament ikkontestat fil-punt 187 tas-sentenza kkontestata; (2) l-istat tal-industrija tal-aċidu tartariku tal-Unjoni fil-punt 188 tas-sentenza kkontestata; u (3) il-possibbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu u r-rilevanza tal-prestazzjoni ta’ Hangzhou Bioking fil-punt 189 tas-sentenza kkontestata. Dawn it-talbiet misshom ġew ittrattati rispettivament fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ talba msemmija fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

____________

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/921 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' aċidu tartariku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 164, p. 14).

2 Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).