Language of document : ECLI:EU:C:2015:143

Kawża C‑502/13

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Tassazzjoni – VAT – Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa – Provvista ta’ kotba diġitali jew elettroniċi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal‑5 ta’ Marzu 2015

1.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-provvista ta’ kotba diġitali jew elettroniċi – Inammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 282/2011, Artikolu 7(1); Direttiva tal-Kunsill 2006/112, kif emendata bid-Direttiva  2010/88, Artikoli 14(1), 96, 97, u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2), 99, 110 u 114 u Anness III, punti 6 u 9)

2.        Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn direttiva – Eċċezzjonijiet tad-difiża – Kontestazzjoni tal-legalità tad-direttiva – Inammissibbiltà – Limiti – Att ineżistenti

(Artikoli 258 TFUE, 259 TFUE, 263 TFUE u 265 TFUE)

3.        Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa tranżitorja – Applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ 3 % għall-provvista ta’ kotba diġitali jew elettroniċi – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, kif emendata bid-Direttiva 2010/88, Artikoli 98(2) u 110)

1.        Stat Membru li japplika rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ta’ 3 % għall-provvista ta’ kotba diġitali jew elettroniċi jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 96 sa 99, 110 u 114 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/88, moqrija flimkien mal-Annessi II u III tal-imsemmija direttiva u r-Regolament Nru 282/2011, li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112.

Fil-fatt, mill-kliem tal-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li r-rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud hija applikabbli għat-tranżazzjoni li tikkonsisti f’li jiġi pprovdut ktieb li jinsab fuq sostenn fiżiku. Għalkemm, ċertament, il-ktieb elettroniku jeħtieġ, sabiex jinqara’, sostenn fiżiku, bħal kompjuter, madankollu tali sostenn ma huwiex inkluż fil-provvista ta’ kotba elettroniċi. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 98(2) tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ddeċieda wkoll li jeskludi kull possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ VAT għas-servizzi pprovduti elettronikament. Issa, il-provvista ta’ kotba elettroniċi tikkostitwixxi servizz ta’ dan it-tip, ġaladarba hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala provvista ta’ merkanzija, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, peress li l-ktieb elettroniku ma jistax jiġi kkwalifikat bħala proprjetà tanġibbli. Bl-istess mod, il-provvista ta’ kotba elettroniċi tissodisfa d-definizzjoni tas-servizzi pprovduti elettronikament stabbiliti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 282/2011. Barra minn hekk, provvista bħal din lanqas ma taqa’ taħt il-punt 9 tal-Anness III tad-Direttiva 2006/112, li jikkonċerna s-servizzi pprovduti għall-kittieba, kompożituri u interpreti u d-drittijiet tal-awtur dovuti lilhom.

Din l-interpretazzjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni bil-prinċipju ta’ newtralità fiskali, peress li dan il-prinċipju ma jippermettix li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fl-assenza ta’ dispożizzjoni inekwivoka. Issa, il-punt 6 tal-Anness III tad-Direttiva VAT ma huwiex dispożizzjoni li, b’mod inekwivoku, jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rati mnaqqsa ta’ VAT għall-provvista ta’ kotba elettroniċi. Għall-kuntrarju, provvista bħal din ma taqax taħt din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 35, 36, 40-43, 50, 51, 61, 71 u d-dispożittiv)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 56, 57)

3.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 66, 67)