Language of document : ECLI:EU:C:2009:716

Kawżi magħquda C-402/07 u C-432/07

Christopher Sturgeon et

vs

Condor Flugdienst GmbH

u

Stefan Böck u Cornelia Lepuschitz

vs

Air France SA

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof u

mill-Handelsgericht Wien)

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikoli 2(l), 5, 6 u 7 — Kunċetti ta’ ‘dewmien’ u ta’ ‘kanċellazzjoni’ ta’ titjira — Dritt għal kumpens fil‑każ ta’ dewmien — Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi straordinarji’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 2(l), 5 u 6)

2.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 5, 6 u 7)

3.        Trasport – Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Kumpens u assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikolu 5(3))

1.        L-Artikoli 2(l), 5 u 6 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira mdewma, indipendentement mit-tul tad-dewmien, anki jekk sinjifikattiv, ma tistax titqies li hija kkanċellata meta ssir skont l-iskeda inizjalment stabbilita mit-trasportatur tal-ajru.

Fil-fatt, titjira hija “imdewma” skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, jekk tkun saret skont l-iskeda inizjalment stabbilita u jekk il-ħin effettiv tat‑tluq huwa tardiv meta mqabbel mal-ħin tat-tluq skedat, filwaqt li, skont l-Artikolu 2(l) ta’ dan l-istess regolament, il-kanċellazzjoni hija l‑konsegwenza tal-fatt li t-titjira inizjalment skedata ma tkunx saret.

(ara l-punti 32, 33, 39 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li b’hekk jistgħu jinvokaw id‑dritt għal kumpens stipulat fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, tali dewmien ma jagħtix dritt għal kumpens favur passiġġieri jekk it-trasportatur tal-ajru jkun f’pożizzjoni li jipprova li d-dewmien twil huwa dovut għal ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati minkejja li ttieħdu l-miżuri kollha raġonevoli, jiġifieri ċirkustanzi li fuqhom it‑trasportatur tal-ajru ma għandux kontroll effettiv.

(ara l-punt 69 u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, għandu jiġi interpretat fis-sens li problema teknika fuq ajruplan li twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien ta’ titjira ma taqax taħt il-kunċett ta’ “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din il‑problema tirriżulta minn avvenimenti li, minħabba n-natura jew l-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat‑trasportatur tal-ajru kkonċernat u li fuqhom it-trasportatur ma għandux kontroll effettiv.

(ara l-punt 72 u d-dispożittiv 3)