Language of document : ECLI:EU:C:2021:794

Kawża C52/19 P

Banco Santander SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Ottubru 2021

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Sistema fiskali – Dispożizzjonijiet dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li jippermettu lill-impriżi ddomiċiljati fi Spanja għall-finijiet ta’ taxxa jammortizzaw l-avvjament li jirriżulta minn akkwisti ta’ ishma f’impriżi ddomiċiljati barra minn dan l-Istat Membru għall-finijiet ta’ taxxa – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Kundizzjoni dwar is-selettività – Sistema ta’ riferiment – Deroga – Differenza fit-trattament – Ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament”

1.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tikkonferixxi vantaġġ fiskali – Parametru rilevanti biex tiġi stabbilita s-selettività tal-miżura – Introduzzjoni bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli ta’ differenzazzjoni mhux iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ta’ sistema fiskali ġenerali

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 23 sa 28, 81, 106)

2.        Appell – Aggravji – Motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell – Inammissibbiltà – Motiv intiż biss sabiex jikkontesta l-fondatezza tas-sentenza appellata – Motiv imnissel mis-sentenza appellata stess – Ammissibbiltà

(Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 170(1))

(ara l-punti 37 sa 41, 92, 113)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tikkonferixxi vantaġġ fiskali – Kuntest ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Delimitazzjoni materjali – Miżura li tikkostitwixxi l-kuntest ta’ riferiment tagħha stess – Kundizzjonijiet – Sistema fiskali ddelimitata b’mod ċar, skont għanijiet speċifiċi – Assenza

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 42 sa 48, 57 sa 59)

4.        Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Interpretazzjoni tal-motivazzjoni ta’ att amministrattiv – Limiti

(Artikoli 263 u 264 TFUE)

(ara l-punti 52, 53, 60 sa 62, 65)

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tikkonferixxi vantaġġ fiskali – Kuntest ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ – Kriterji – Introduzzjoni ta’ eċċezzjoni għal regola fiskali ġenerali – Portata

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 76, 77)

6.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Miżura li tikkonferixxi vantaġġ fiskali – Miżura ta’ natura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha – Miżura mhux applikabbli għal operazzjonijiet paragunabbli għal dawk li jikkundizzjonaw l-għoti tagħha – Introduzzjoni ta’ differenzazzjoni mhux iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ta’ sistema fiskali ġenerali – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Miżura li tista’ tiġi kkwalifikata bħala selettiva

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 81, 121)

7.        Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-provi – Inammissibbiltà – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi – Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kwalifika legali mogħtija lill-fatti tal-kawża – Inklużjoni

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punt 94)

8.        Appell – Aggravji – Motivi ta’ sentenza vvizjati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni – Dispożittiv ibbażat fuq motivi oħra ta’ liġi – Ċaħda

(il-punt (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

(ara l-punti 105, 109, 110)

9.        Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Natura selettiva tal-miżura – Għajnuna fiskali għall-esportazzjoni – Inklużjoni – Kundizzjonijiet

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punt 108)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jikkonfermaw il-klassifikazzjoni tal-iskema fiskali Spanjola bħala deprezzament tal-avvjament finanzjarju (goodwill) bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern

Fl-2007, wara diversi mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-membri tal-Parlament Ewropew, kif ukoll ilment ta’ operatur privat, il-Kummissjoni fetħet proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-kompatibbiltà, mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola dwar l-amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju (goodwill) fil-każ ta’ akkwisti ta’ ishma minn kumpanniji residenti f’impriżi oħra.

Bis-saħħa ta’ miżura fiskali introdotta fl-2001 fil-liġi Spanjola dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji (iktar ’il quddiem il-“miżura fiskali inkwistjoni”), l-avvjament finanzjarju li jirriżulta minn akkwist ta’ ishma ta’ mill-inqas 5 % minn impriża residenti f’kumpannija barranija jista’ jitnaqqas, fil-forma ta’ amortizzazzjoni, mill-bażi tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-impriża residenti, bil-kundizzjoni li hija żżomm dan l-akkwist ta’ ishma mingħajr interruzzjoni għal mill-inqas sena. Min-naħa l-oħra, l-akkwisti ta’ ishma minn impriżi taxxabbli fi Spanja f’impriżi residenti oħra ma jagħtux lok għal amortizzazzjoni tal-avvjament finanzjarju, ħlief fil-każ ta’ grupp ta’ impriżi.

Permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ottubru 2009 (1) u tat-12 ta’ Jannar 2011 (2) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Kummissjoni ddikjarat li l-miżura fiskali inkwistjoni kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, u imponiet fuq Spanja li tirkupra l-għajnuna mogħtija.

Adita b’diversi rikorsi għal annullament ippreżentati minn impriżi stabbiliti fi Spanja (3), il-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija deċiżjonijiet b’sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2014 (4), billi qieset li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet in-natura selettiva tal-miżura fiskali inkwistjoni - peress li s-selettività hija waħda mill-kriterji neċessarji u kumulattivi li jippermettu li miżura nazzjonali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

Wara l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-imsemmija sentenzi, għar-raġuni, essenzjalment, li dawn kienu bbażati fuq kunċett żbaljat tal-kundizzjoni ta’ selettività ta’ vantaġġ, u rrinvijat il-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali (5). Fuq rinviju, din tal-aħħar ikkonfermat in-natura selettiva tal-miżura fiskali inkwistjoni u ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati (6).

Adita b’appelli ppreżentati din id-darba mill-impriżi rikorrenti u mir-Renju ta’ Spanja (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiċħadhom billi tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha fil-qasam tas-selettività ta’ miżuri fiskali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad il-motivi ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, li skont hija ċerti argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-appelli tagħhom ma kinux tqajmu quddiem il-Qorti Ġenerali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-motivi u l-argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha, ma jistgħux jitqiesu li jbiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, l-argumenti li permezz tagħhom l-appellanti jikkontestaw il-konsegwenzi bbażati fuq is-soluzzjoni legali mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-motivi diskussi quddiemha huma ammissibbli.

Fir-rigward tas-selettività tal-miżura fiskali inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża, sussegwentement, li s-sempliċi fatt li l-imsemmija miżura hija ta’ natura ġenerali, sa fejn tista’ a priori tibbenefika lill-impriżi kollha suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, skont jekk dawn iwettqux jew le ċerti tranżazzjonijiet, ma jeskludix li din tista’ tkun ta’ natura selettiva. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-kundizzjoni tas-selettività tkun issodisfatta meta l-Kummissjoni jirnexxielha turi li tali miżura tidderoga mis-sistema fiskali normali applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat, u b’hekk tintroduċi, permezz tal-effetti konkreti tagħha, trattament differenzjat bejn operaturi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali normali, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

Sabiex tkun tista’ tikklassifika miżura fiskali nazzjonali bħala selettiva, il-Kummissjoni għandha ssegwi metodu fi tliet stadji. L-ewwel nett, hija għandha tidentifika s-sistema fiskali komuni jew normali applikabbli fl-Istat Membru. Sussegwentement, hija għandha turi li l-miżura fiskali inkwistjoni tidderoga minn din is-sistema ta’ riferiment billi tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali komuni jew normali, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Fl-aħħar nett, hija għandha tivverifika jekk id-differenzazzjoni introdotta tkunx iġġustifikata peress li tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li tagħmel parti minnha.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fil-kuntest tal-Kawżi C51/19 P u C64/19 P, C52/19 P, C53/19 P u C65/19 P, C54/19 P u C55/19 P, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq l-ilment tal-appellanti bbażat fuq allegat żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment għandha tirriżulta minn eżami oġġettiv tal-kontenut, tal-artikolazzjoni u tal-effetti konkreti tar-regoli applikabbli skont id-dritt nazzjonali. Konsegwentement, meta l-miżura fiskali ineżami tkun indiviżibbli mis-sistema fiskali ġenerali tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jsir riferiment għal tali sistema. Min-naħa l-oħra, meta jidher li l-miżura inkwistjoni tkun isseparata b’mod ċar mill-imsemmija sistema ġenerali, ma jistax jiġi eskluż li l-kuntest ta’ riferiment li jkollu jittieħed inkunsiderazzjoni jkun iktar limitat minn din is-sistema ġenerali, jew li hija tidentifika ruħha ma’ din l-istess miżura, meta din tkun tippreżenta ruħha bħala regola li għandha loġika ġuridika awtonoma. Barra minn hekk, fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi li jikkostitwixxu t-taxxa, hekk kif ikunu ddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, ma hemmx lok, matul dan l-ewwel stadju tal-eżami tas-selettività, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur waqt l-adozzjoni tal-miżura suġġetta għall-eżami.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, l-ewwel nett, li mid-deċiżjonijiet ikkontestati jirriżulta b’mod ċar li s-sistema ta’ riferiment użata mill-Kummissjoni hija kkostitwita mid-dispożizzjonijiet ġenerali tas-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji li jirregolaw l-avvjament b’mod ġenerali.

Sussegwentement, hija tiċħad l-argument tal-appellanti li, sabiex tiddetermina s-sistema ta’ riferiment, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq it-teknika leġiżlattiva magħżula mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jadotta l-miżura fiskali inkwistjoni, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ deroga mir-regola ġenerali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-użu, mil-leġiżlatur nazzjonali, ta’ teknika leġiżlattiva partikolari, bħal dik tal-introduzzjoni ta’ deroga minn regola ġenerali, ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiddefinixxi s-sistema ta’ riferiment rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tas-selettività. Tali natura derogatorja tista’ madankollu tirriżulta rilevanti meta minn dan jirriżulta, bħal f’dan il-każ, li żewġ kategoriji ta’ operaturi ikunu distinti u jkunu a priori s-suġġett ta’ trattament differenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ħadet inkunsiderazzjoni, fost kunsiderazzjonijiet oħra, in-natura derogatorja tal-miżura fiskali inkwistjoni għall-finijiet tal-eżami tan-natura selettiva tagħha.

Fil-kuntest tal-Kawża C‑50/19 P, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma, barra minn hekk, li miżura nazzjonali tista’ tkun selettiva anki fil-każ fejn il-benefiċċju tal-vantaġġ li hija tipprevedi ma jiddependix mill-karatteristiċi tal-impriża benefiċjarja iżda mit-tranżazzjoni li din tiddeċiedi jew le li twettaq. B’hekk, miżura tista’ titqies li tkun selettiva anki jekk ma tidentifikax ex ante kategorija partikolari ta’ benefiċjarji u jekk l-impriżi kollha stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mid-daqs, mill-forma ġuridika, mis-settur ta’ attività jew minn karatteristiċi oħra partikolari għalihom, potenzjalment ikollhom aċċess għall-benefiċċju previst minn din il-miżura bil-kundizzjoni li jipproċedu b’tip speċifiku ta’ investiment. Fil-fatt, konstatazzjoni ta’ selettività ma tirriżultax neċessarjament minn impossibbiltà għal ċerti impriżi li jibbenefikaw mill-vantaġġ previst mill-miżura inkwistjoni minħabba l-karatteristiċi proprji tagħha, iżda tista’ tirriżulta mis-sempliċi konstatazzjoni li teżisti tranżazzjoni li, filwaqt li tkun paragunabbli ma’ dik li tikkundizzjona l-għoti tal-vantaġġ inkwistjoni, ma tagħtix dritt għal dan il-vantaġġ, billi tiffavorixxi, konsegwentement, biss lill-impriżi li jagħżlu li jwettqu din l-operazzjoni tal-aħħar.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fil-kawżi kollha inkwistjoni, billi identifikat, fil-kuntest tat-tieni stadju tal-analiżi dwar is-selettività, iż-żamma ta’ ċerta koerenza bejn it-trattament fiskali u t-trattament kontabbli tal-avvjament bħala għan tas-sistema ta’ riferiment, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tad-deċiżjonijiet ikkontestati u wettqet, minħabba f’hekk, żball ta’ liġi.

Madankollu, dan l-iżball ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tas-sentenzi appellati, sa fejn id-dispożittiv tagħhom huwa bbażat fuq motivi oħra ta’ liġi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-Qorti Ġenerali rreferiet ġustament għall-ġurisprudenza tagħha li tgħid li l-eżami tal-paragunabbiltà li għandu jitwettaq waqt it-tieni fażi tal-analiżi tas-selettività għandu jitwettaq fid-dawl tal-għan tas-sistema ta’ riferiment, u mhux ta’ dak tal-miżura kkontestata. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji mhux residenti jinsabu, fid-dawl tal-għan imfittex mit-trattament fiskali tal-avvjament, f’sitwazzjoni legali u fattwali paragunabbli għal dik tal-impriżi li jakkwistaw ishma f’kumpanniji residenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma kienx irnexxilhom, b’mod iktar partikolari, jistabbilixxu li l-impriżi li jwettqu akkwisti ta’ ishma f’kumpanniji mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni legali u fattwali differenti u, għaldaqstant, mhux paragunabbli ma’ dik tal-impriżi li jwettqu akkwisti ta’ ishma fi Spanja.


1      Deċiżjoni 2011/5/KE, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 7, p. 48).


2      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/282/KE, tat-12 ta’ Jannar 2011, dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1) Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ żewġ rettifiki ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-3 ta’ Marzu 2011 u fis-26 ta’ Novembru 2011.


3      B’mod partikolari Autogrill España SA (attwalment World Duty Free Group SA), Banco Santander SA, u Santusa Holding SL.


4      Sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2014, Autogrill España vs Il-Kummissjoni (T-219/10, EU:T:2014:939) u Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T-399/11, EU:T:2014:938, CP 145/14).


5      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C-20/15 P u C-21/15 P, EU:C:2016:981, CP 139/16).


6      Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2018, Banco Santander vs Il-Kummissjoni (T-227/10, mhux ippubblikata, EU:T:2018:785), Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni (T-239/11, mhux ippubblikata, EU:T:2018:781), Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni (T-405/11, mhux ippubblikata, EU:T:2018:780), Prosegur Compañía de Seguridad vs Il-Kummissjoni (T-406/11, mhux ippubblikata, EU:T:2018:793), World Duty Free Group vs Il-Kummissjoni (T-219/10 RENV, EU:T:2018:784), u Banco Santander u Santusa vs Il-Kummissjoni (T-399/11 RENV, EU:T:2018:787, 175/18).