Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Duisburg (il-Ġermanja) fil-25 ta’ Lulju 2023 – XK vs Mercedes-Benz Group AG

(Kawża C-478/23, Mercedes-Benz Group)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Duisburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XK

Konvenut: Mercedes-Benz Group AG

Domandi preliminari

Element tad-disinn f’vettura li jħoss t-temperatura, il-veloċità tal-vettura, id-dawrien tal-magna (RPM), it-transmission gear, il-vakwu fil-manifold jew parametru ieħor sabiex jaġġusta, skont ir-riżultat ta’ din l-identifikazzjoni, il-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni fil-magna, jista’ jnaqqas l-effettività tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 1 u, għaldaqstant, jikkostitwixxi apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, meta t-tibdil tal-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni skont ir-riżultati tal-identifikazzjoni magħmula mill-element tad-disinn, minn naħa, ċertament iżid l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda jew iktar ta’ ħsara, pereżempju l-ossidu tan-nitroġenu, iżda, min-naħa l-oħra, inaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda oħra jew iktar ta’ ħsara, pereżempju bħall-partikolat, l-idrokarburi, il-monossidu tal-karbonju u/jew id-diossidu tal-karbonju?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet l-element tad-disinn jikkostitwixxi, f’tali każ, apparat ta’ manipulazzjoni?

Ċirkwit jew kontroll ta’ vettura li jimmodifika l-parametri tal-proċess ta’ kombustjoni li, minn naħa, iżid l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda jew iktar ta’ ħsara, pereżempju l-ossidi tan-nitroġenu, iżda fl-istess ħin, min-naħa l-oħra, inaqqas l-emissjonijiet ta’ sustanza waħda oħra jew iktar ta’ ħsara, pereżempju bħall-partikolat, l-idrokarburi, il-monossidu tal-karbonju u/jew id-diossidu tal-karbonju, jista’ jkun illegali taħt id-dritt Ewropew taħt aspetti differenti minn dak tal-preżenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007?

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv: taħt liema kundizzjonijiet dan huwa l-każ?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: apparat ta’ manipulazzjoni, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, huwa awtorizzat fis-sens tal-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, meta dan l-apparat ma jkunx neċessarju għall-protezzjoni tal-magna minn ħsara jew inċident, iżda jkun madankollu neċessarju għat-tħaddim fis-sigurtà tal-vettura?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimponu li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 jaqa’ kollu kemm huwa fuq ix-xerrej ta’ vettura u, barra minn hekk, anki l-assenza ta’ sitwazzjoni fattwali li tippermetti b’mod eċċezzjonali apparat ta’ manipulazzjoni identifikat, skont il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007, mingħajr ma l-manifattur tal-vettura jkollu jipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-istruttorja tal-kawża, jiksru l-Artikoli 18(1), 26 (1) u 46 tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva Kwadru”) 1 , imsemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2023, QB vs Mercedes-Benz Group AG (C-100/21, ECLI:EU:C:2023:229), sa fejn minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li x-xerrej ta’ vettura għandu jkollu dritt għal kumpens mingħand il-manifattur fil-każ li din tkun mgħammra b’apparat ta’ manipulazzjoni pprojbit (ara l-punti 91 u 93 tal-imsemmija sentenza)?

Fil-każ li r-risposta għas-sitt domanda tkun fl-affermattiv: x’inhu t-tqassim tal-oneru tal-prova taħt id-dritt Ewropew fil-kawża bejn ix-xerrej ta’ vettura u l-manifattur tagħha dwar dritt għal kumpens tal-ewwel wieħed fil-konfront tat-tieni wieħed fir-rigward tal-eżistenza ta’ apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 u tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni fattwali li abbażi tagħha dan huwa eċċezzjonalment awtorizzat skont il-punt (a) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 715/2007? Kull waħda mill-partijiet tibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova u, jekk iva, minn liema minnhom, jew huma għandhom xi obbligi u, jekk iva, liema? Jekk japplikaw l-obbligi: x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità magħhom?

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv: id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jimponu li l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ ċirkwit jew kontroll, li għalkemm ma għandux jiġi kklassifikat bħala apparat ta’ manipulazzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007, huwa pprojbit għal raġunijiet oħra, jaqa’ kollu kemm huwa fuq ix-xerrej ta’ vettura f’kawża kontra l-manifattur tal-vettura, mingħajr ma dan tal-aħħar ikollu jipprovdi informazzjoni f’dan ir-rigward fil-kuntest tal-istruttorja tal-kawża, jiksru l-Artikoli 18(1), 26 (1) u 46 tad-Direttiva 2007/46 imsemmija fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Marzu 2023, QB vs Mercedes-Benz Group AG (C-100/21, ECLI:EU:C:2023:229), sa fejn minn dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jirriżulta li x-xerrej ta’ vettura għandu jkollu dritt għal kumpens mingħand il-manifattur fil-każ li din tkun mgħammra b’ċirkwit jew kontroll ipprojbit (ara l-punti 91 u 93 tal-imsemmija sentenza)?

Fil-każ li r-risposta għat-tmien domanda tkun fl-affermattiv: x’inhu t-tqassim tal-oneru tal-prova taħt id-dritt Ewropew fil-kawża bejn ix-xerrej ta’ vettura u l-manifattur tagħha dwar dritt għal kumpens tal-ewwel wieħed fil-konfront tat-tieni wieħed fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkwit jew kontroll tat-tip imsemmi fit-tmien domanda? Kull waħda mill-partijiet tibbenefika minn tnaqqis fl-oneru tal-prova u, jekk iva, minn liema minnhom, jew huma għandhom xi obbligi u, jekk iva, liema? Jekk japplikaw l-obbligi: x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità magħhom?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46, b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u l-punt 36 tal-Artikolu 3 tagħha, għandhom ukoll l-għan li jipproteġu lix-xerrej individwali ta’ vettura mill-akkwist ta’ vettura li ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, liema akkwist ma kienx ikun jagħmel li kieku kien jaf li l-vettura ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, peress li ma kienx ikun irid jakkwistaha?

Indipendentement mir-risposta għad-domanda preċedenti, fil-każ ta’ ksur imwettaq mill-manifattur ta’ vettura tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/46 jew tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali adottati fuq il-bażi tagħha, b’mod partikolari ksur imwettaq mill-manifattur tal-vettura tal-projbizzjoni tal-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità impreċiż, il-manifattur għandu dejjem jew tal-inqas f’ċerti każijiet jeżenta kompletament lix-xerrej mill-konsegwenzi tal-akkwist ta’ vettura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, liema akkwist seħħ fuq il-bażi ta’ dan il-ksur, u konsegwentement, jirrimborsah fuq talba tiegħu f’dan is-sens, għall-ispejjeż tal-akkwist tal-vettura, jekk ikun il-każ, inkambju b’mod simultanju għall-vettura u t-trasferiment tal-proprjetà, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-valur ta’ kwalunkwe benefiċċju ieħor li x-xerrej seta’ kiseb mill-akkwist tal-vettura? Jekk dan huwa l-każ biss f’ċerti każijiet: liema huma dawn il-każijiet?

Fil-każ li r-risposta għall-ħdax-il domanda tkun fin-negattiv jew tkun fl-affermattiv fir-rigward biss ta’ ċerti każijiet: limitazzjoni tad-dritt għal kumpens tax-xerrej ta’ vettura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tal-egżost u/jew il-kwalità tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tagħha, għall-ammont li x-xerrej ikun ħallas żejjed għall-akkwist tal-vettura b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji marbuta mal-apparat ta’ manipulazzjoni illegali, dejjem tikkonforma mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni meta l-manifattur ikun ħareġ sempliċement minħabba negliġenza ċertifikat ta’ konformità impreċiża għall-vettura, li jiċċertifika l-konformità tagħha mal-atti legali kollha fil-mument tal-kostruzzjoni tagħha? Jekk dan ma huwiex dejjem il-każ: f’liema każijiet dan ma huwiex il-każ?

Fil-każ li r-risposta għat-tnax-il domanda tkun fl-affermattiv: limitazzjoni tad-dritt għal kumpens tax-xerrej ta’ vettura li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet tal-egżost u/jew il-kwalità tas-sistema ta’ kontroll tal-emissjonijiet tagħha, għall-ammont li x-xerrej ikun ħallas żejjed għall-akkwist tal-vettura b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji marbuta mal-apparat ta’ manipulazzjoni illegali, iżda limitat għal 15 % tal-prezz tal-bejgħ, dejjem tikkonforma mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni meta l-manifattur ikun ħareġ sempliċement minħabba negliġenza ċertifikat ta’ konformità impreċiża għall-vettura, li jiċċertifika l-konformità tagħha mal-atti legali kollha fil-mument tal-kostruzzjoni tagħha? Jekk dan ma huwiex dejjem il-każ: f’liema każijiet dan ma huwiex il-każ?

____________

1 ĠU 2007, L 171, p. 1.

1     ĠU 2007, L 263, p. 1.