Language of document : ECLI:EU:C:2016:763

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

12 ta’ Ottubru 2016 *(1)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 6(3) – Kunċett ta’ ‘kontrotalba’ – Talba bbażata fuq arrikkiment indebitu – Pagament ta’ ammont dovut bis-saħħa ta’ deċiżjoni annullata – Applikazzjoni ratione temporis”

Fil-Kawża C‑185/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2015, fil-proċedura

Marjan Kostanjevec

vs

F&S Leasing GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F&S Leasing, GmbH, minn M. Rihtar u B. Potočan, avukati,

–        għall-Gvern Sloven, minn T. Mihelič Žitko, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Žebre, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat 2 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1), tal-Artikolu 6(3) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Marjan Kostanjevec, iddomiċiljat fl-Islovenja u F&S Leasing GmbH (iktar ’il quddiem “F&S”), li s-sede tagħha hija stabbilita fl-Awstrija, dwar in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ leasing finanzjarju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan tal-aħħar huwa intiż sabiex, fl-interess tal-funzjonament korrett tas-suq intern, jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzali”.

4        Il-premessi 11 sa 13 u 15 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il‑prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal‑konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal‑litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)      B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

5        Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti permezz tal-imsemmi regolament jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu. Dan il-kapitolu fih b’mod partikolari s-Sezzjonijiet 1, 2 u 4, rispettivament intitolati “Disposizzjonijiet ġenerali”, “Ġurisdizzjoni speċjali” u “Ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur”.

6        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 1 tal-imsemmi kapitolu, huwa fformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jinsab ukoll fl-imsemmija sezzjoni, jiddisponi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

8        Skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2 tal-istess Kapitolu II:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)      (a)   f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

(b)      għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

–        fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

–        fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, fejn ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi,

(ċ) jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]”

9        Taħt l-Artikolu 6(3) tal-istess regolament, li jinsab ukoll f’din is-Sezzjoni 2, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija “fuq kontro talba li toriġina mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali, fil-qorti li fiha tkun pendenti t-talba oriġinali”.

10      L-Artikolu 15(1)(ċ) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 4 ta’ dan l-istess Kapitolu II, jipprevedi:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jkun meqjus ‘l hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 4 u punt 5 tal-Artikolu 5, jekk:

[…]

(ċ)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, b’xi meżżi, imexxi tali attivitajiet għal dak l-Istat Membru jew għal diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u li l-kuntratt jidħol fl-iskop ta' attivitajiet bħal dawk.”

11      L-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt jew fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih jkun domiċiljat dak il-parti jew fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.      Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati ta’ l-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jinċidi fuq id-dritt li tiġi preżentata kontrotalba fil-qorti li fiha, skond din it-Taqsima, tkun pendenti t-talba oriġinali.”

12      L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din is-Sezzjoni, qorti għandha tkun meqjusa bħala invokata:

(1)      fil-waqt meta d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jkun ippreżentat fil-qorti, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex ikollu s-servizz effettwat fuq il-konvenut, jew

(2)      jekk id-dokument għandu jkun servut qabel ma jkun ippreżentat fil-qorti, fil-waqt meta jitwassal għand l-awtorità responsabbli għas-servizz, basta illi l-attur ma jkunx sussegwentament naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex jara li d-dokument ikun ippreżentat lill-qorti.”

13      Skont l-Artikolu 66 ta’ dan l-istess regolament, li jinsab fil-Kapitolu VI ta’ dan, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti u għal dokumenti formalment imħejjija jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.      B’dana kollu, jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu qabel id-dħul b’effett ta’ dan ir-Regolament, sentenza mogħtija wara dik id-data għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwibbli skond il-Kapitolu III,

(a)      jekk il-proċedimenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini infetħu wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussel jew il-Konvenzjoni ta’ Lugano, kemm fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u fl-Istat Membru indirizzat;

(b)      fil-każi l-oħra kollha, jekk il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata fuq ir-regoli li kienu mogħtija ma’ dawk li hemm disposizzjoni dwarhom jew f’Kapitolu II jew f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru indirizzat li kienet tapplika meta nfetħu l-proċedimenti.”

 Id-dritt Sloven

14      L-Artikolu 183 taż-Zakon o pravdnem postopku (kodiċi tal-proċedura ċivili), dwar il-kontrotalba, jipprevedi:

“Il-konvenut jista’ jressaq kontrotalba sat-tmiem tat-trattament tal-kawża prinċipali quddiem l-istess qorti:

1)      jekk il-kontrotalba hija marbuta mat-talba oriġinali jew

2)      jekk it-talba oriġinali u l-kontrotalba jistgħu jiġu rrikonċiljati jew

3)      jekk il-kontrotalba titlob ir-rikonoxximent ta’ dritt jew ta’ relazzjoni ġuridika, li l-eżistenza jew l-assenza tagħha taffettwa d-deċiżjoni dwar it-talba oriġinali kollha kemm hija jew parzjalment.

Kontrotalba tista’ tiġi mressqa biss jekk qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni fuq il-mertu tal-kontrotalba jew jekk tip ieħor ta’ proċedura huwa previst għal deċiżjoni dwar il-kontrotalba.

Kontrotalba tista’ titressaq anki jekk din it-talba trid tiġi deċiża mill-istess qorti b’kompożizzjoni differenti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      F&S, li għandha s-sede tagħha fl-Awstrija, fl-14 ta’ Jannar 1994, ikkonkludiet kuntratt ta’ leasing finanzjarju ma’ M. Kostanjevec. Minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti dovuti ta’ kull xahar taħt dan il-kuntratt, F&S talbet mingħandu, fis-26 ta’ Ottubru 1995, il-pagament tas-somma ta’ EUR 16 692.22, peress li din it-talba għal eżekuzzjoni hija bbażata fuq att awtentiku. Konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-oppożizzjoni magħmula minn M. Kostanjevec kontra din it-talba għal eżekuzzjoni rriżultat fir-riferiment għall-Okrožno sodišče v Ptuju (qorti reġjonali ta’ Ptuj, is-Slovenja) u fil-bidu tal-proċedura ġudizzjarja fuq il-bażi ta’ din it-talba għal eżekuzzjoni.

16      Din il-qorti, b’sentenza tat-28 ta’ April 2004, ikkundannat lil M. Kostanjevec iħallas is-somma ta’ EUR 16 692.22, miżjuda bl-interessi kuntrattwali u bl-spejjeż tal-kawża.

17      Permezz tas-sentenza tal-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor, is-Slovenja) tal-11 ta’ April 2006, li ċaħdet l-appell ta’ M. Kostanjevec, is-sentenza tal-qorti fl-ewwel istanza tat-28 ta’ April 2004 kisbet l-awtorità ta’ res judicata u saret eżekuttiva.

18      M. Kostanjevec ippreżenta rikors għal reviżjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja). Qabel ma’ din il-qorti ddeċidiet dwar dan ir-rikors, F&S u M. Kostanjevec ikkonkludew, fil-31 ta’ Lulju 2006, tranżazzjoni extraġudizzjarja li permezz tagħha waslu għall-qbil li dan tal-aħħar kien ser iħallas sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Awwissu 2006 is-somma prinċipali, jiġifieri EUR 16 692.22, kif ukoll l-ispejjeż tal-kawża u tal-eżekuzzjoni.

19      Il-qorti tar-rinviju, b’digriet tad-9 ta’ Lulju 2008, annullat is-sentenza tat-28 ta’ April 2004 tal-Okrožno sodišče v Ptuju (qorti reġjonali ta’ Ptuj) kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ April 2006 tal-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor) u bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza sabiex din tiġi deċiża mill-ġdid.

20      Wara dan ir-rinviju, M. Kostanjevec adixxa lill-Okrožno sodišče vs Ptuju (qorti reġjonali ta’ Ptuj) b’kontrotalba fejn talab ir-rimbors mingħand F&S tas-somma ta’ EUR 18 678.45, li tikkorrispondi għall-ammont li huwa kien ħallas fit-30 ta’ Awwissu 2006, b’eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni konkluża ma’ din il-kumpannija fil-31 ta’ Lulju 2006, miżjuda bl-interessi moratorji.

21      Fid-deċiżjoni l-ġdida tagħha, l-Okrožno sodišče vs Ptuju (qorti reġjonali ta’ Ptuj), permezz tas-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2009, ċaħdet it-talba għal irkupru ta’ F&S u laqgħet il-kontrotalba ta’ M. Kostanjevec abbażi tal-fatt li dan tal-aħħar ma kienx kiseb l-oġġett li kien is-suġġett tal-kuntratt ta’ leasing, b’tali mod li F&S ma kinitx issodisfat l-obbligu kuntrattwali tagħha ta’ kunsinna ta’ dan l-oġġett.

22      F&S appellat din id-deċiżjoni quddiem il-Višje sodišče v Mariboru (qorti tal-appell ta’ Maribor), li permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Marzu 2010 iddeċidiet li l-kontrotalba ta’ M. Kostanjevec kienet inammissibbli għaliex “ir-rimedji huma f’tali relazzjoni ta’ interdipendenza li jeskludu lil xulxin”. Din il-qorti madankollu kkunsidrat li l-qrati Sloveni kellhom ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

23      Din l-aħħar sentenza, li permezz tagħha s-sentenza tal-ewwel istanza kisbet l-awtorità ta’ res judicata, kienet mill-ġdid is-suġġett ta’ rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Sloveni sabiex jiddeċiedu dwar il-kontrotalba. F&S tqis li l-kundizzjonijiet ta’ kontrotalba ma humiex issodisfatti u li l-istess jgħodd għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tilwim relatat mal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi, minħabba li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirriżultax minn kuntratt ta’ leasing finanzjarju jew minn kuntratt konkluż ma’ konsumatur, iżda għall-kuntrarju tirrigwarda azzjoni bbażata fuq arrikkiment indebitu.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ kontrotalba fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-rikors li ġie ppreżentat inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali wara li, fil-kuntest ta’ proċedura għal ‘reviżjoni’, sentenza li għandha saħħa ta’ res judicata u li saret eżekuttiva, mogħtija f’proċedura sussegwenti għar-rikors oriġinali tal-konvenuta, kienet ġiet annullata u li din l-istess kawża kienet ġiet irrinvijata lill-qorti tal-prim’istanza sabiex tiġi deċiża mill-ġdid, fejn ir-rikorrent madankollu jitlob fil-kontrotalba tiegħu bbażata fuq l-arrikkiment indebitu ir-rimbors tal-ammont li kien obbligat li jħallas skont is-sentenza annullata?

2)      Il-kunċett ta’ kawża ‘f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi’ fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll is-sitwazzjoni li fiha l-konsumatur jippreżenta rikors li permezz tiegħu huwa jressaq talba li tallega l-arrikkiment indebitu inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali fir-rigward ta’ rikors oriġinali li madankollu jikkostitwixxi kawża li tirrigwarda materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata tar-Regolament Nru 44/2001, u fejn ir-rikorrent – il-konsumatur – jitlob permezz tar-rikors tiegħu r-rimbors ta’ somma li huwa kien obbligat li jħallas skont sentenza annullata (iktar tard) sussegwentement għal proċedura mibdija permezz tar-rikors oriġinali tal-konvenuta, u għalhekk jitlob ir-rimbors ta’ ammont li jirriżulta minn kawża li tirrigwarda materji li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi?

3)      Jekk il-ġurisdizzjoni ma tistax tkun fondata fil-każ deskritt, la fuq ir-regoli tal-ġurisdizzjoni applikabbli għall-kontrotalbiet, u lanqas fuq ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-konsumaturi,

a)      il-kunċett ta’ ‘materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt’ skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll ir-rikors li permezz tiegħu l-konsumatur iressaq talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu, iżda li huwa jintroduċi inkwantu kontrotalba skont id-dritt nazzjonali, flimkien mar-rikors oriġinali tal-konvenuta li jikkonċerna r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, meta s-suġġett tat-talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu jkun madankollu r-rimbors tal-ammont li huwa kien obbligat li jħallas skont sentenza annullata (iktar tard) sussegwentement għal proċedura skont ir-rikors oriġinali tal-konvenuta u għalhekk ir-rimbors ta’ ammont li jirriżulta minn kawża li tikkonċerna materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt;

u jekk tista’ tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti

b)      fil-każ deskritt, il-ġurisdizzjoni skont il-post ta’ eżekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001 għandha tiġi evalwata skont ir-regoli applikabbli għall-eżekuzzjoni tal-obbligi li jirriżultaw minn talba bbażata fuq l-arrikkiment indebitu?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

25      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni Ewropea teċċepixxi l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tfakkar li, skont l-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 44/2001, id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar għandhom japplikaw biss għal azzjonijiet ġudizzjarji istitwiti wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-każ tar-Repubblika tas-Slovenja, dawn id-dispożizzjonijiet huma għalhekk applikabbli fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru wara l-adeżjoni tiegħu mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri mill-1 ta Mejju 2004.

26      Skont il-Kummissjoni, jekk il-kawża prinċipali pendenti għandha tiġi kkunsidrata bħala kontinwazzjoni tal-azzjoni mibdija insegwitu għat-talba għal eżekuzzjoni forzata ta’ F&S tas-26 ta’ Ottubru 1995, din manifestament tmur lura għal data qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 44/2001 fl-Islovenja. Dan ir-regolament ikun jista’ japplika biss f’każijiet fejn it-talba ta’ M. Kostanjevec, għar-rimbors tas-somma mħallsa minnu taħt it-tranżazzjoni li kkonkluda ma’ F&S fil-31 ta’ Lulju 2006 fuq il-bażi tas-sentenza li kienet sussegwentement annullata, tikkostitwixxi fiha nnifisha “azzjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

27      Madankollu, hekk kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, talba għal rimbors, imressqa fil-kuntest ta’ eżami mill-ġdid ta’ azzjoni inizjali bħala konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni li din l-azzjoni kienet waslet għaliha u li kellha l-awtorità ta’ res judicata, għandha tiġi kklassifikata bħala “azzjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 44/2001.

28      Fil-fatt, jekk is-soluzzjonijiet adottati mid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri jistgħu jkunu differenti fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, il-fatt li, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali rilevanti, tali deċiżjoni finali tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata huwa biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li rikors ieħor intiż li jasserixxi fil-qorti dritt permezz ta’ arrikkiment indebitu kontra l-parti l-oħra jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “azzjoni ġudizzjarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

29      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001 fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-proċess issottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-domandi kollha magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-azzjoni ġudizzjarja bbażata fuq arrikkiment indebitu mressqa minn M. Kostanjevec fl-2008, b’tali mod li din l-azzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

31      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-forum magħżul permezz ta’ din id-dispożizzjoni għall-kontrotalba għandux ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba, intiża għar-rimbors, taħt arrikkiment indebitu, ta’ somma li tikkorrispondi għall-ammont miftiehem fil-kuntest ta’ ftehim extraġudizzjarju, peress li din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ġdida bejn l-istess partijiet, insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni li kienet ingħatat fil-kuntest tal-azzjoni inizjali bejniethom u li l-eżekuzzjoni tagħha rriżultat f’dan il-ftehim extraġudizzjarju.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li fil-punt 12 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1995, Danvaern Production (C‑341/93, EU:C:1995:239), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà interpretat il-kunċett ta’ “kontrotalba” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 bħala li essenzjalment jikkonċerna talba separata intiża għall-kundanna tar-rikorrent u li, skont il-każ, tista’ tikkonċerna ammont ogħla minn dak mitlub mir-rikorrent u li jista’ jibqa’ jiġi mitlub anki jekk it-talba tar-rikorrent tkun miċħuda.

33      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kontrotalba għalhekk għandha tkun separabbli mill-azzjoni tar-rikorrent u trid tkun intiża sabiex tinkiseb kundanna distinta.

34      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, it-talba għar-rimbors tal-pagament effettwat b’eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inizjali, qabel din ġiet annullata, tikkostitwixxi talba awtonoma ta’ min jieħu l-leasing, liema hija intiża sabiex tinkiseb kundanna distinta ta’ min jagħti l-leasing sabiex jirrimborsa l-ammonti mħallsa mingħajr ma kienu dovuti. Għalhekk, tali talba ma tikkostitwixxix sempliċi motiv ta’ difiża kontra r-rikjesta tal-pagament mill-kontroparti.

35      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jitlob li l-kontrotalba toriġina “mill-istess kuntratt dwar fatti li fuqhom kienet ibbażata t-talba oriġinali”.

36      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-frażi għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu, billi jitqiesu l-għanijiet tar-Regolament Nru 44/2001.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-forum speċjali tal-kontrotalba jagħmilha possibbli lill-partijiet sabiex dawn iħallu l-pretensjonijiet reċiproċi tagħhom, li għandhom oriġini komuni, jiġu deċiżi fl-istess proċedura u quddiem l-istess qorti. Għalhekk, jiġu evitati proċeduri multipli u li ma humiex meħtieġa.

38      F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kontrotalba għal rimbors taħt arrikkiment indebitu għandha tiġi kkunsidrata bħala li toriġina minn kuntratt ta’ leasing, li kien għall-oriġini tal-azzjoni inizjali ta’ min jagħti l-leasing. Fil-fatt, l-allegat arrikkiment sa l-ammont tas-somma mħallsa b’eżekuzzjoni tas-sentenza li sadanittant ġiet annullata ma kienx iseħħ mingħajr dan il-kuntratt.

39      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’tali ċirkustanzi, kontrotalba għal rimbors, taħt arrikkiment indebitu, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001, tirriżulta mill-kuntratt ta’ leasing konkluż bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-forum magħżul permezz ta’ din id-dispożizzjoni għall-kontrotalba għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba, intiża għar-rimbors, taħt arrikkiment indebitu, ta’ somma li tikkorrispondi għall-ammont miftiehem fil-kuntest ta’ ftehim extraġudizzjarju, peress li din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ġdida bejn l-istess partijiet, insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni li kienet ingħatat fil-kuntest tal-azzjoni inizjali bejniethom u li l-eżekuzzjoni tagħha rriżultat f’dan il-ftehim extraġudizzjarju.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

41      Sa fejn, konformement għar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, il-forum magħżul għall-kontrotalba permezz tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu ġurisdizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, u li din ir-risposta tippermetti lill-qorti tar-rinviju li tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domandi.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-forum magħżul permezz ta’ din id-dispożizzjoni għall-kontrotalba għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar din it-talba, intiża għar-rimbors, taħt arrikkiment indebitu, ta’ somma li tikkorrispondi għall-ammont miftiehem fil-kuntest ta’ ftehim extraġudizzjarju, peress li din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ġdida bejn l-istess partijiet, insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni li kienet ingħatat fil-kuntest tal-azzjoni inizjali bejniethom u li l-eżekuzzjoni tagħha rriżultat f’dan il-ftehim extraġudizzjarju.

Firem


1* Lingwa tal-kawża: is-Sloven.