Language of document : ECLI:EU:C:2017:334





Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017 – Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit

(Kawża C-502/15) (1)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 91/271/KEE – Artikoli 3 sa 5 u 10 – Punti A, B u D tal-Anness I – Trattament tal-ilma urban mormi – Sistemi ta’ġbir – Trattament sekondarju jew ekwivalenti – Trattament iktar strett tal-iskariki f’żoni sensittivi”

1.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Produzzjoni ta’ elementi li juru n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Konfutazzjoni li għandha ssir mill-Istat Membru inkwistjoni

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punti 23, 24)

2.      Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Eżami tal-fondatezza mill-Qorti tal-Ġustizzja – Sitwazzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni – Sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata

(Artikolu 258 TFUE)

(ara l-punt 26)

3.      Ambjent – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271 – Issuġġettar għal trattament sekondarju tal-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir – Assenza – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq l-ordinament intern – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikoli 4 u 10, u punt B tal-Anness I)

(ara l-punti 45, 46, 48)

4.      Ambjent – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271 – Issuġġettar għal trattament sekondarju tal-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir – Rekwiżiti fir-rigward tal-iskariki ta’ ilma urban mormi minn impjanti ta’ trattament – Nuqqas ta’ osservanza – Nuqqas li jagħti lok għal ksur tar-rekwiżiti fil-qasam tas-sorveljanza ta’ dawn l-iskariki – Assenza

(Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikoli 4 u 15, u punti B u D tal-Anness I)

(ara l-punti 59, 63)

5.      Ambjent – Trattament tal-ilma urban mormi – Direttiva 91/271 – Trattament inqas strett ta’ skariki tal-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 10 000 – Skariki minn agglomerazzjonijiet mormi f’żona ddeżinjata bħala sensittiva fi żmien il-fatt mingħajr ma kienet suġġetta għal trattament iktar strett – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

(Direttiva tal-Kunsill 91/271, Artikolu 5, u punt B tal-Anness I)

(ara l-punti 84, 85)

Dispożittiv

1)

Billi ma żgurax li l-ilma miġbur f’sistema konġunta li tilqa’ l-ilma urban mormi u l-ilma tax-xita fl-agglomerazzjonijiet ta’ Gowerton u Llanelli jinżamm u jittieħed għal finijiet ta’ trattament, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 3, 4 u 10 ta’ din id-direttiva u taħt il-punti A, u B tal-Anness I tagħha

2)

Billi ma ħoloqx trattament sekondarju għall-ilma urban mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Ballycastle u billi ma ssuġġetta għal ebda trattament l-ilma urban mormi tal-agglomerazzjoni ta’ Gibraltar, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271 u tal-punt B tal-Anness I tagħha.

3)

Billi ma żgurax li l-ilma urban mormi jidħol fis-sistemi ta’ ġbir tal-agglomerazzjonijiet ta’ Tiverton, ta’ Durham (Barkers Haugh), ta’ Chester-le-Street, ta’ Islip, ta’ Broughton Astley, ta’ Chilton, ta’ Witham u ta’ Chelmsford, qabel ma jintrema f’żoni sensittivi, jkun suġġett għal trattament iktar strett minn dak li huwa deskritt fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u taħt il-punt B tal-Anness I tagħha.

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż.


1 ĠU C 16, 18.1.2016.