Language of document : ECLI:EU:C:2019:207

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 1(2) – Artikolu 6(1) – Kuntratt ta’ self ddenominat f’munita barranija – Differenza fir-rati tal-kambju – Sostituzzjoni b’dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ klawżola inġusta ddikjarata nulla – Riskju tal-kambju – Kuntratt li jibqa’ fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżola inġusta – Sistema nazzjonali ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt”

Fil-Kawża C‑118/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Zsuzsanna Dunai

vs

ERSTE Bank Hungary Zrt.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ERSTE Bank Hungary Zrt., minn T. Kende, ügyvéd,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Z. Fehér, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Tokár u A. Cleenewerck de Crayencour, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C-26/13, EU:C:2014:282), tal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza f’għajnejn il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Zsuzsanna Dunai u ERSTE Bank Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem il-“bank”), dwar in-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tipprevedi li r-rata tal-kambju applikabbli għar-rilaxx ta’ self iddenominat f’munita barranija hija bbażata fuq ir-rata tax-xiri applikat mill-bank, filwaqt li r-rata tal-kambju applikabbli għar-rimbors tiegħu hija bbażata fuq ir-rata tal-bejgħ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 93/13/KEE

3        Skont it-tlettax u l-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288):

“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u l-prinċipji jew id-disposizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom huma parti l-Istati Membri jew il-Komunità; billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;

[…]

Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti.”

4        L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

6        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu[.]

L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

7        L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

8        Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

 Id-dritt Ungeriż

 Il-Liġi Fundamentali

9        L-Artikolu 25(3) tal-Alaptörvény (il-Liġi Fundamentali) jgħid li:

“Il-[Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija)] għandha tiżgura […] l-uniformità tal-applikazzjoni tad-dritt mill-qrati u tagħti deċiżjonijiet fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt li torbot lill-qrati.”

 Il-Liġi DH 1

10      Skont l-Artikolu 1(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. Törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal‑2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Relatati mad-Deċiżjoni tal-Kúria [(il-Qorti Suprema)] għall-Armonizzazzjoni tal-Ġurisprudenza dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi mill-Istabbilimenti Finanzjarji mal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 1”):

“Din il-liġi għandha tapplika għall-kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, il-kunċett ta’ ‘kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi’ għandu jkopri l-kuntratti ta’ kreditu, ta’ self jew ta’ leasing finanzjarju bbażati fuq muniti barranin (irreġistrati jew mogħtija f’munita barranija u rrimborsati f’forint Ungeriżi [HUF]) jew fuq forint Ungeriżi u konklużi bejn istituzzjoni finanzjarja u konsumatur, jekk il-kuntratt ikun jinkorpora klawżoli kuntrattwali standard jew kwalunkwe klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, fis-sens tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 4(1).”

11      L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Liġi DH 1 jipprevedi li:

“1.      F’kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi, klawżoli – bl-eċċezzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment – li bis-saħħa tagħhom istituzzjoni finanzjarja tistipula li, għall-finijiet tar-rilaxx tal-flus intiżi għax-xiri tas-suġġett tas-self jew tal-leasing finanzjarju, għandha tapplika r-rata tax-xiri, u li, għall-finijiet tar-rimbors tad-dejn, għandha tapplika r-rata tal-bejgħ, jew rata tal-kambju differenti minn dik stabbilita meta jiġu rrilaxxati l-flus, ikunu invalidi.

2.      Minflok il-klawżola nulla msemmija fil-paragrafu 1 – bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 – għandha tapplika r-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija kkonċernata b’rabta mar-rilaxx tal-flus u r-rimbors tas-self (inkluż ir-radd lura ta’ ħlasijiet bin-nifs u l-ispejjeż, it-tariffi u l-kummissjonijiet kollha espressi fil-munita barranija).”

12      L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jistabbilixxi li:

“1.      Fil-każ ta’ kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumaturi li jipprevedu l-possibbiltà ta’ emenda unilaterali, għandha titqies li hija inġusta kwalunkwe klawżola ta’ tali kuntratt li tippermetti żieda unilaterali fl-interessi, fl-ispejjeż u fit-tariffi – sakemm ma tkunx kundizzjoni kuntrattwali nnegozjata individwalment […]

2.      Klawżola kuntrattwali bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 tkun nulla jekk l-istituzzjoni finanzjarja ma tkunx ressqet proċedura ċivili kontenzjuża […], jew jekk il-qorti tkun ċaħdet ir-rikors jew għalqet il-proċedura, sakemm ma jkunx possibbli li titressaq il-proċedura kontenzjuża […], fir-rigward tal-klawżola kuntrattwali, iżda din il-proċedura ma tressqitx, jew tressqet iżda l-qorti ma kkonstatatx in-nullità tal-klawżola kuntrattwali skont il-paragrafu 2a.

2a.      Klawżola kuntrattwali bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 tkun nulla jekk il-qorti tikkonstata n-nullità tagħha fuq il-bażi tal-liġi speċjali dwar il-bilanċ tal-kontijiet, fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjuża mressqa permezz ta’ rikors ippreżentat mill-awtorità ta’ sorveljanza f’isem l-interess ġenerali.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 u 2a, l-istituzzjoni finanzjarja għandha twettaq bilanċ tal-kontijiet mal-konsumatur skont id-dispożizzjonijiet ta’ liġi speċjali.”

 Il-Liġi DH 2

13      L-Artikolu 37(1) tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi Nru XL tal‑2014 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw il-Bilanċ tal-Kontijiet imsemmi fil-Liġi Nru XXXVIII tal‑2014 dwar Suġġetti Speċifiċi marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria [(il-Qorti Suprema)] li Tarmonizza l-Ġurisprudenza dwar Ftehimiet ta’ Self konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi, u dwar Numru ta’ Dispożizzjonijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 2”) jipprevedi li:

“B’rabta ma’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-partijiet jistgħu jagħmlu rikors lill-qorti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tiegħu (iktar ’il quddiem ‘invalidità parzjali’) – irrispettivament mir-raġunijiet għal tali invalidità – biss jekk huma jitolbu li jiġu applikati l-konsegwenzi legali tal-invalidità, jiġifieri, dikjarazzjoni ta’ validità jew ta’ effettività tal-kuntratt saż-żmien tal-adozzjoni tas-sentenza. Jekk ma jkunx hemm talba bħal din – u wara li tkun ingħatat u ma tteħditx l-opportunità ta’ regolarizzazzjoni – ir-rikors ma jkunx ammissibbli u l-mertu tal-kawża ma jkunx jista’ jiġi eżaminat. Jekk il-partijiet jitolbu li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali ta’ invalidità totali jew parzjali, huma għandhom jindikaw ukoll liema konsegwenza legali l-qorti għandha tapplika. Dwar l-applikazzjoni tal-konsegwenzi legali, il-partijiet għandhom iressqu talba espliċita, iddefinita kwantitattivament, li tkun tinkludi wkoll il-bilanċ tal-kontijiet bejniethom.”

 Il-Liġi DH 3

14      Skont l-Artikolu 10 tal-az egyes fogyasztói kölcsönszerződések devizanemének módosulásával és a kamatszabályokkal kapcsolatos kérdések rendezéséről szóló 2014. évi LXXVII. Törvény (il-Liġi Nru LXXVII tal‑2014 li Tirregola Diversi Materji Relatati mat-Tibdil tal-Munita Barranija li fiha Kuntratti ta’ Self ma’ Konsumaturi jkunu Ddenominati u mad-Dispożizzjonijiet b’Rabta ma’ Interessi, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH 3”):

“Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, l-istituzzjoni finanzjarja li lilha d-dejn ikun dovut hija meħtieġa, fit-terminu stabbilit għat-twettiq tal-obbligu tagħha li twettaq il-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH 2], tikkonverti f’self iddenominat f’forint Ungeriżi d-dejn kollu li jkun ibbażat fuq kuntratt ta’ self b’ipoteka f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, jew id-dejn kollu li jirriżulta minn tali kuntratt, kif ikkalkolat fuq il-bażi tal-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH 2], inklużi l-interessi, it-tariffi, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż mitluba f’munita barranija, u dan billi tapplika r-rata miż-żewġ rati ta’ interessi li ġejjin li

a)      ir-rata tal-kambju medja għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fil-perijodu mis‑16 ta’ Ġunju 2014 sas‑7 ta’ Novembru 2014, jew

b)      ir-rata tal-kambju għall-munita barranija kkonċernata stabbilita uffiċjalment mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija fis‑7 ta’ Novembru 2014

l-iktar tkun favorevoli għall-konsumatur fid-data ta’ referenza”.

15      L-Artikolu 15/A tal-imsemmija liġi jipprevedi li:

“1.      Fi proċeduri pendenti li kienu tressqu għal dikjarazzjoni ta’ invalidità (jew ta’ invalidità parzjali) ta’ kuntratti ta’ self konklużi ma’ konsumatur jew sabiex ikunu ddeterminati l-konsegwenzi legali tal-invalidità, id-dispożizzjonijiet relatati mal-konverżjoni f’forint Ungeriżi, stabbiliti minn din il-liġi, għandhom japplikaw ukoll għall-ammont tad-dejn tal-konsumatur li jirriżulta mill-kuntratt ta’ self f’munita barranija jew ibbażat fuq munita barranija, ikkalkolat skont il-bilanċ tal-kontijiet imwettaq skont [il-Liġi DH 2].

2.      L-ammont imħallas lura mill-konsumatur sad-data tas-sentenza għandu jnaqqas l-ammont tad-dejn tal-konsumatur espress f’forint Ungeriżi fid-data ta’ referenza għall-bilanċ tal-kontijiet.

3.      Meta kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur jiġi ddikjarat validu, id-drittijiet u l-obbligi kuntrattwali speċifiċi tal-partijiet li jirriżultaw mill-bilanċ tal-kontijiet skont [il-Liġi DH 2] għandhom ikunu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi.”

 Il-Liġi Hpt

16      L-Artikolu 213(1) tal‑1996. évi CXII. törvény a hitelintézetekről és a pénzügyi vállalkozásokról (il-Liġi Nru CXII tal‑1996 dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l-Impriżi Finanzjarji, iktar ’il quddiem il-“Liġi Hpt”) jistabbilixxi li:

“Huwa null kull kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li ma jsemmix

[…]

c)      l-ammont globali tal-ispejjeż marbuta mal-kuntratt, inklużi l-interessi, l-ispejjeż anċillari, kif ukoll il-valur annwali tagħhom, espress bħala perċentwali,

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Fl‑24 ta’ Mejju 2007, Z. Dunai kkonkludiet mal-bank kuntratt ta’ self iddenominat fi franki Svizzeri (CHF), filwaqt li, skont dan l-istess kuntratt, is-self kellu jiġi rrilaxxat f’forint Ungeriżi (HUF), billi tiġi applikata r-rata tal-kambju CHF-HUF abbażi tar-rata tax-xiri applikata mill-bank f’dak il-jum, li wassal għal ħlas ta’ HUF 14 734 000, fejn l-ammont tas-self fi franki Svizzeri kien ta’ CHF 115 573. L-imsemmi kuntratt kien jipprevedi wkoll li r-rimborsi tas-self kienu ser isiru f’forint Ungeriżi, fejn ir-rata tal-kambju applikabbli kienet madankollu r-rata tal-bejgħ applikata mill-bank.

18      Ir-riskju tal-kambju marbut mal-varjazzjoni tar-rata tal-kambju tal-muniti kkonċernati, li wassal sabiex l-forint Ungeriż iddgħajjef b’mod qawwi fil-konfront tal-frank Svizzeru, kien sostnut minn Z. Dunai.

19      Peress li l-partijiet fil-kawża prinċipali kienu kkonkludew l-imsemmi kuntratt permezz ta’ att notarili, nuqqas min-naħa tad-debitur kien biżżejjed sabiex l-imsemmi kuntratt jakkwista saħħa eżekuttiva, fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura kontenzjuża quddiem qorti Ungeriża.

20      Fit‑12 ta’ April 2016, in-Nutar ordna, fuq talba tal-bank, l-eżekuzzjoni forzata tal-kuntratt. Z. Dunai ppreżentat, quddiem il-qorti tar-rinviju, oppożizzjoni kontra din l-eżekuzzjoni forzata billi invokat in-nullità tal-kuntratt peress li dan ma jippreċiżax, bi ksur tal-Artikolu 213(1)(c) tal-Liġi Hpt, id-differenza fir-rati tal-kambju bejn ir-rata tal-kambju applikabbli waqt ir-rilaxx tal-flus u dik applikabbli waqt ir-rimbors tas-self.

21      Il-Bank talab iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni.

22      Il-qorti tar-rinviju tindika li, fl‑2014, il-leġiżlatur Ungeriż adotta diversi liġijiet dwar il-kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija u intiżi sabiex jimplimentaw deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt ċivili, fuq il-bażi tal-Artikolu 25(3) tal-Liġi Fundamentali, wara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kúria (il-Qorti Suprema) kienet, b’mod partikolari, qieset bħala inġusti klawżoli, bħal dik inkluża fil-kuntratt ta’ self fil-kawża prinċipali, li jipprovdu li hija r-rata tax-xiri li tapplika waqt ir-rilaxx tal-flus, filwaqt li hija r-rata tal-bejgħ li tapplika għar-rimbors.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija liġijiet, applikabbli fil-kawża prinċipali, jipprevedu b’mod partikolari t-tneħħija, minn tali kuntratti, ta’ klawżoli li jippermettu lill-bank japplika r-rati tiegħu stess tax-xiri u tal-bejgħ ta’ munita barranija, kif ukoll is-sostituzzjoni tagħhom bir-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija korrispondenti. Dan l-intervent tal-leġiżlatur kellu jkollu l-konsegwenza li jelimina d-differenza bejn ir-rati tal-kambju differenti bbażati fuq dawn ir-rati.

24      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minħabba din il-leġiżlazzjoni ad hoc, il-qorti adita ma tistax tikkonstata iktar l-invalidità tal-kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija peress li dan ġab fit-tmiem is-sitwazzjoni li twassal għal raġuni għal invalidità, u jwassal ukoll għall-validità tal-kuntratt, u konsegwentement, tal-obbligu tal-konsumatur li jsostni l-piż finanzjarju li jirriżulta mir-riskju tal-kambju. Peress li huwa preċiżament dan l-obbligu li minnu l-konsumatur irid jeħles billi jintroduċi talba kontra l-bank, ikun kontra l-interessi tiegħu li l-qorti tar-rinviju tqis validu l-imsemmi kuntratt.

25      Fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, huwa ċar li l-leġiżlatur Ungeriż biddel espressament il-kontenut tal-kuntratti ta’ self b’mod li jaffettwa d-deċiżjonijiet tal-qrati aditi f’sens favorevoli għall-banek. Hija tistaqsi jekk dan l-istat ta’ fatt huwiex konformi mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

26      Għal dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet li l-Kúria (il-Qorti Suprema) tista’ tagħti fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt ċivili, fosthom, b’mod partikolari, id-Deċiżjoni Nru 6/2013 PJE, tas‑16 ta’ Diċembru 2013, li timponi, skont il-qorti tar-rinviju, li l-kuntratti ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu validi, din il-qorti tindika li, waqt l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-Kúria (il-Qorti Suprema), la r-rimedju ġudizzjarju stabbilit mil-liġi u lanqas l-osservanza tar-rekwiżiti ta’ proċedura ġusta ma huma żgurati. Issa, filwaqt li l-proċedura li tirregola l-adozzjoni tagħhom ma hijiex kontradittorja, l-imsemmija deċiżjonijiet huma vinkolanti fir-rigward tal-qrati aditi fi proċeduri kontenzjużi ta’ natura kontradittorja.

27      Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, f’dan il-kuntest, għall-punti 69 sa 75 tal-Opinjoni dwar il-Liġi Nru CLXII tal‑2011 dwar l-Istatus Ġuridiku u r-Remunerazzjoni tal-Qrati u l-Liġi Nru CLXI tal‑2011 dwar l-Organizzazzjoni u l-Amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ungerija, adottata mill-Kummissjoni ta’ Venezia waqt id‑90 sessjoni plenarja tagħha, li seħħet f’Venezia (l-Italja) fis‑16 u fis‑17 ta’ Marzu 2012, li minnha jirriżulta li d-deċiżjonijiet mogħtija fl-Ungerija skont il-proċedura msejħa “ta’ uniformità” jistgħu jiġu kkontestati mill-perspettiva tad-drittijiet fundamentali.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budai Központi kerületi bíróság (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-punt 3 [tad-dispożittiv] tas-sentenza [tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282] għandu jinftiehem fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tirrimedja l-assenza ta’ validità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn professjonist [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur meta ż-żamma tal-kuntratt imur kontra l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur?

2)      Huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq li l-parlament ta’ Stat Membru jemenda permezz ta’ liġi kuntratti rregolati mid-dritt privat li jaqgħu taħt kategoriji analogi u konklużi bejn professjonist [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq li l-parlament ta’ Stat Membru jemenda permezz ta’ liġi partijiet ta’ kuntratti ta’ self b’munita barranija għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda b’hekk jikkawża effett li jmur kontra l-interessi leġittimi tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn il-kuntratt ta’ self jibqa’ validu wara l-emendi u l-konsumatur għandu jkompli jsostni l-ispejjeż li jirriżultaw mir-riskju tal-kambju?

4)      Fil-każ ta’ kontenut li jirrigwarda l-kuntratti konklużi bejn professjonist [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq għal kull kwistjoni ta’ dritt ċivili li l-kunsill responsabbli għall-uniformità tal-istanza ġudizzjarja l-iktar għolja ta’ Stat Membru tiggwida l-ġurisprudenza tal-qorti adita permezz ta’ ‘deċiżjonijiet mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt’?

5)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq għal kull kwistjoni ta’ dritt ċivili li l-kunsill responsabbli għall-uniformità tal-istanza ġudizzjarja l-iktar għolja ta’ Stat Membru tiggwida l-ġurisprudenza tal-qorti adita permezz ta’ ‘deċiżjonijiet mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt’, meta l-ħatra tal-mħallfin li huma membri tal-kunsill responsabbli għall-uniformità ma tkunx twettqet b’mod trasparenti, skont regoli predeterminati, meta l-proċedura quddiem l-imsemmi kunsill ma tkunx pubblika, u meta ma jkunx possibbli li wieħed ikun jaf a posteriori l-proċedura segwita, jiġifieri l-perizja u x-xogħlijiet akkademiċi użati jew il-vot tad-diversi membri (opinjoni favorevoli jew kuntrarja)?”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Jannar 2019, Z. Dunai talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

30      Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni, essenzjalment, li l-Avukat Ġenerali esprima, fil-konklużjonijiet tiegħu, dubji dwar it-tifsira preċiża tar-raba’ u tal-ħames domanda dwar id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Kúria (il-Qorti Suprema) fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt. F’dan ir-rigward, Z. Dunai tqis neċessarju li tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja deskrizzjoni tal-elementi li l-għarfien tagħhom huwa, fl-opinjoni tagħha, indispensabbli sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem il-vera kwistjoni tal-imsemmija domandi, li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-fatt li l-qrati Ungeriżi ma għandhom ebda obbligu, la fil-prattika u lanqas bis-saħħa ta’ regola tad-dritt nazzjonali, li ma jieħdux inkunsiderazzjoni deċiżjoni mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt meta din tikser id-dritt tal-Unjoni.

31      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

32      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. Hija tosserva, barra minn hekk, li l-elementi prodotti minn Z. Dunai ma jikkostitwixxux fatti ġodda fis-sens tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

34      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self iddenominat f’munita barranija bbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola tal-kuntratt li tobbliga lill-konsumatur iġarrab l-ispejjeż marbuta mad-differenza fir-rati tal-kambju bejn ir-rata tal-bejgħ u r-rata tax-xiri tal-munita kkonċernata, minkejja li din il-qorti tqis li ż-żamma tal-kuntratt tmur kontra l-interessi tal-konsumatur, peress li dan tal-aħħar ikompli effettivament iġarrab ir-riskju tal-kambju, ikkostitwit mill-piż finanzjarju relatat mal-possibbiltà li r-rata tal-kambju tal-munita nazzjonali, li sservi bħala munita ta’ ħlas, tiddgħajjef fil-konfront tal-munita barranija li fiha għandu jsir ir-rimbors tas-self.

35      Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm l-ewwel sat-tielet domanda jirreferu biss għall-klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju bħala klawżola inġusta li tiġġustifika, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-annullament tal-kuntratt ta’ self, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li huwa sabiex teħles mir-riskju tal-kambju li l-persuna kkonċernata tinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ klawżola dwar ir-riskju tal-kambju għadha rilevanti, speċjalment peress li l-qorti tar-rinviju tista’ tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ tali klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, sabiex il-qorti nazzjonali tingħata risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li għandha quddiemha, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel tliet domandi ukoll fil-kuntest tal-eżami ta’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar ir-riskju tal-kambju.

36      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-leġiżlazzjoni msemmija fl-ewwel tliet domandi tinkludi l-liġijiet DH 1, DH 2 u DH 3, kif esposti fil-punti 9 sa 14 ta’ din is-sentenza, li ġew adottati wara l-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self li huma jkopru sabiex jimplimentaw deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) mogħtija wara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282). Dawn il-liġijiet jikklassifikaw, b’mod partikolari, bħala inġusti u nulli klawżoli dwar id-differenza fir-rati tal-kambju inklużi f’kuntratti ta’ self kif iddefiniti fl-imsemmija liġijiet, u jissostitwixxu, b’effett retroattiv, dawn il-klawżoli bi klawżoli li japplikaw ir-rata tal-kambju uffiċjali stabbilita mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija għall-munita barranija korrispondenti, u, b’effett fil-futur, l-ammont tas-self li jkun għadu dovut b’self iddenominat fil-munita nazzjonali.

37      Għal dak li jirrigwarda dawn l-aħħar klawżoli, li saru, abbażi tal-imsemmija liġijiet, parti integrali b’mod retroattiv tal-kuntratti ta’ self ikkonċernati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 62 sa 64 tas-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750), li tali klawżoli, li jirriflettu dispożizzjonijiet leġiżlattivi obbligatorji, ma jistgħux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, peress li din id-direttiva ma tapplikax, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, għall-kundizzjonijiet inklużi fil-kuntratt bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jkunu ddeterminati minn leġiżlazzjoni nazzjonali.

38      Madankollu, it-tliet domandi preliminari ma jikkonċernawx il-klawżoli kuntrattwali mdaħħla a posteriori mill-imsemmija leġiżlazzjoni fil-kuntratti ta’ self bħala tali, iżda l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq il-garanziji ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 b’relazzjoni mal-klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju inkluża oriġinarjament fil-kuntratti ta’ self ikkonċernati.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 6(1), jeżiġi li l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti ma għandhomx jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini, jekk ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

40      Sa fejn il-leġiżlatur Ungeriż sab rimedju għall-problemi marbuta mal-prattika tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li tikkonsisti fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ self bi klawżoli dwar id-differenza fir-rati tal-kambju, billi emenda dawn il-klawżoli b’mod leġiżlattiv u billi ssalvagwardja, fl-istess ħin, il-validità tal-kuntratti ta’ self, tali approċċ jikkorrispondi mal-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, u b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1) tiegħu. Fil-fatt, dan l-għan jikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tal-ekwilibriju bejn il-partijiet, filwaqt li tinżamm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt b’mod ġenerali, u mhux li jiġu annullati l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 31).

41      Madankollu, għal dak li jirrigwarda dan l-Artikolu 6(1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effett fil-konfront tal-konsumatur, bl-istabbiliment mill-ġdid, bħala konsegwenza, tas-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumatur kien ikun fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

42      Għalkemm l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix li l-Istati Membri jwaqqfu, permezz ta’ leġiżlazzjoni, l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur, xorta jibqa’ l-fatt li l-leġiżlatur għandu, f’dan il-kuntest, josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess direttiva.

43      Fil-fatt, il-fatt li ċerti klawżoli kuntrattwali ġew, permezz ta’ leġiżlazzjoni, iddikjarati inġusti u nulli kif ukoll issostitwiti bi klawżoli ġodda, sabiex l-kuntratt ikkonċernat ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ, ma jistax ikollu l-effett li tiddgħajjef il-protezzjoni ggarantita lill-konsumaturi, kif imfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

44      F’dan il-każ, sa fejn ir-rikors ġie ippreżentat minn Z. Dunai fil-kuntest tal-klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju li kienet inkluża oriġinarjament fil-kuntratt ta’ self konkluż mal-bank, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ddikjarat inġusti l-klawżoli ta’ dan it-tip ippermettietx li tiġi stabbilita mill-ġdid, fid-dritt u fil-fatt, is-sitwazzjoni li Z. Dunai kienet tkun fiha fl-assenza ta’ tali klawżola inġusta, b’mod partikolari billi tistabbilixxi dritt għall-ħlas lura tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tagħha, mill-bejjiegħ jew mill-fornitur abbażi tal-imsemmija klawżola inġusta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 53).

45      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumatur kien ikun fiha fin-nuqqas ta’ din il-klawżola inġusta.

46      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-klawżoli dwar ir-riskju tal-kambju, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank, OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750), li l-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza ma jfissrux li tali klawżoli huma, fl-intier tagħhom, esklużi wkoll mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13, peress li l-emendi li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tal-Liġi DH 1 u mill-Artikolu 10 tal-Liġi DH 3 ma kinux intiżi li jiddeterminaw kompletament il-kwistjoni tar-riskju tal-kambju fir-rigward tal-perijodu bejn il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni u l-konverżjoni tiegħu f’forints Ungeriżi, bis-saħħa tal-Liġi DH 3.

47      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li ma huwiex possibbli, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet DH 1, DH 2 u DH 3, li tannulla l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta n-natura inġusta ta’ klawżola dwar ir-riskju tal-kambju tkun ġiet ippruvat, u tistaqsi dwar jekk tali impossibbiltà hijiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, it-tieni nett, li, għal dak li jirrigwarda l-klawżoli kuntrattwali dwar ir-riskju tal-kambju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali klawżoli, sa fejn jiddefinixxu s-suġġett prinċipali tal-kuntratt ta’ self, jaqgħu taħt l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u jistgħu jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom fil-każ biss li l-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami każ b’każ, li ġew ifformulati mill-bejjiegħ jew mill-fornitur b’mod ċar u li jinftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank, OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Jekk, it-tielet nett, il-qorti tar-rinviju tqis li l-klawżola dwar ir-riskju tal-kambju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex redatta b’mod ċar u li jinftiehem, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 4(2), hija għandha teżamina n-natura inġusta tal-imsemmija klawżola u, b’mod partikolari, tiskopri jekk din toħloqx, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt għad-detriment tal-konsumatur ikkunsidrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 64).

50      Ir-raba’ nett, għal dak li jirrigwarda l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu min-natura eventwalment inġusta ta’ tali klawżola, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jeżiġi, kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jkunu jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx jorbtu lill-konsumaturi, skont il-kundizzjonijiet previsti fid-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, u li l-kuntratt għandu jibqa’ vinkolanti għall-partijiet skont l-istess termini, jekk ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr il-klawżoli inġusti.

51      Għal dak li jirrigwarda, il-ħames nett, il-kwistjoni dwar jekk kuntratt ta’ self bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jiġi annullat fl-intier tiegħu meta jiġi kkonstatat li jkun fih klawżola inġusta, għandu jiġi osservat, minn naħa, kif diġà tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż li jistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn il-partijiet, u mhux li jiġu annullati l-kuntratti kollha li fihom klawżoli abbużivi. Min-naħa l-oħra, dan il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief għal dik li tirriżulta mit-tneħħija tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata), liema fatt għandu jiġi vverifikat skont approċċ oġġettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 32).

52      Issa, f’dan il-każ, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-klawżola dwar ir-riskju tal-kambju tiddefinixxi s-suġġett prinċipali tal-kuntratt. Għalhekk, f’tali każ, iż-żamma tal-kuntratt ma jidhirx legalment possibbli, liema fatt madankollu għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

53      F’dan ir-rigward, jidher li mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li waħda mid-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 37(1) tal-Liġi DH 2, timplika li l-konsumatur, meta jinvoka n-natura inġusta ta’ kwalunkwe klawżola għajr dik dwar id-differenza fir-rati tal-kambju jew dik li tippermetti żieda unilaterali tal-interessi, tal-ispejjeż u tat-tariffi, għandu jitlob ukoll li l-qorti adita tiddikjara li l-kuntratt huwa validu sad-data tad-deċiżjoni tagħha. B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi, bi ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li l-konsumatur ma jkunx marbut mill-klawżola inġusta kkonċernata, jekk ikun il-każ, permezz tal-annullament tal-kuntratt ikkonċernat fl-intier tiegħu jekk dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr l-imsemmija klawżola.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fis-sentenza tagħha tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punti 83 u 84), il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari sabiex il-kuntratt ikun jista’ jibqa’ fis-seħħ, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din il-possibbiltà hija limitata għall-każijiet fejn l-annullament tal-kuntratt fl-intier tiegħu tkun tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’mod li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 74, kif ukoll tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank, OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750, punt 61).

55      Issa, fil-kawża prinċipali, mill-konstatazzjonijiet li saru mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li ż-żamma tal-kuntratt imur kontra l-interessi ta’ Z. Dunai. Għalhekk, jidher li s-sostituzzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma tistax tapplika f’din il-kawża.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi hija li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola tkun tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumatur kien ikun fiha fin-nuqqas ta’ din il-klawżola inġusta, u

–        jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar ir-riskju tal-kambju, meta jiġi kkonstatat li din il-klawżola tkun inġusta u li l-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr l-imsemmija klawżola.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

57      Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ta’ smigħ xieraq, jipprekludix, fid-dawl tal-għan tal-Unjoni li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li l-qrati nazzjonali inferjuri jkunu formalment marbuta, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, mid-deċiżjonijiet ta’ natura astratta u ġenerali mogħtija minn qorti suprema, bħall-Kúria (il-Qorti Suprema), fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt.

58      Qabelxejn, huwa minnu li, sabiex tesprimi d-dubji tagħha dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-proċedura ta’ uniformità inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, fil-motivazzjoni tagħha insostenn tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, mhux biss għall-kompetenzi li għandha l-Unjoni sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni u għall-prinċipji fundamentali bħalma huma d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv u d-dritt għal smigħ xieraq, iżda wkoll xi dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Madankollu, dawn id-domandi jirrigwardaw, b’mod ġenerali ħafna, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Ungeriża u l-mezzi prevista minnha sabiex tiġi ggarantita l-uniformità tal-ġurisprudenza nazzjonali.

59      Issa, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 103 u 106 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, jidher li huwa biss mill-bogħod ħafna li dan l-aspett jirrigwarda l-kawża prinċipali, li tirrigwarda t-talba ta’ konsumatur sabiex jinħeles mill-kuntratt ta’ self iffirmat minnu, minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola li tinsab fih, u, min-naħa l-oħra, jidher li mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li issa huma l-liġijiet DH 1, DH 2 u DH 3 li jorbtu lill-qrati Ungeriżi fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi kontra klawżoli inġusti bħal dawk fil-kawża prinċipali, u mhux id-deċiżjonijiet tal-Kúria (il-Qorti Suprema) dwar dan is-suġġett, peress li dawn il-liġijiet ġew adottati sabiex jiġu implimentati dawn id-deċiżjonijiet.

60      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies għaldaqstant li, permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, tipprekludix li qorti suprema ta’ Stat Membru tadotta, fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt, deċiżjonijiet vinkolanti fir-rigward tal-modalitajiet għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

61      F’dan ir-rigward, tista’ tingħata risposta affermattiva għal dawn il-mistoqsijiet fil-każ fejn, minn naħa, dawn id-deċiżjonijiet ma jippermettux lill-qorti kompetenti tiżgura l-effett sħiħ tar-regoli tad-Direttiva 93/13 billi twarrab, jekk ikun il-każ ex officio, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, inkluża kwalunkwe prattika ġudizzjarja kuntrarja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tagħhom permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ta’ xi proċedura kostituzzjonali oħra, u, min-naħa l-oħra, jiġi mxekkel id-dritt li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE, C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 34, 40 u 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Issa, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-qorti tar-rinviju ma tistax twarrab tali deċiżjonijiet f’każijiet fejn hija tqis li dan ikun neċessarju sabiex jiġi żgurat l-effett sħiħ tad-Direttiva 93/13, u lanqas, kif turi din il-kawża, li hija ma tistax tressaq, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, ebda element fil-proċess ma juri li l-qorti tar-rinviju ma tistax, f’dan il-każ, toffri lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rimedju effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet li hija tista’ tislet minnhom.

63      Barra minn hekk, kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 113 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés (C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643), li ma jistax jiġi eskluż li, fir-rwol tagħhom ta’ armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt u fl-interess taċ-ċertezza legali, il-qrati supremi ta’ Stat Membru jistgħu, fl-osservanza tad-Direttiva 93/13, jistabbilixxu ċerti kriterji li fid-dawl tagħhom il-qrati inferjuri għandhom jeżaminaw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ u għall-ħames domanda hija li d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma tipprekludix li qorti suprema ta’ Stat Membru tadotta, fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt, deċiżjonijiet vinkolanti dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, sakemm dawn la jipprojbixxu lill-qorti kompetenti milli tiżgura l-effett sħiħ tar-regoli previsti fl-imsemmija direttiva u toffri lill-konsumatur rimedju effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet li huwa jista’ jislet minnhom, u lanqas milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar id-differenza fir-rati tal-kambju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sakemm il-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola tkun tippermetti li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt li l-konsumatur kien ikun fiha fin-nuqqas ta’ din il-klawżola inġusta, u

–        jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti adita milli tilqa’ talba intiża għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self ibbażata fuq in-natura inġusta ta’ klawżola dwar ir-riskju tal-kambju, meta jiġi kkonstatat li din il-klawżola tkun inġusta u li l-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ mingħajr l-imsemmija klawżola.

2)      Id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma tipprekludix li qorti suprema ta’ Stat Membru tadotta, fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt, deċiżjonijiet vinkolanti dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, sakemm dawn la jipprojbixxu lill-qorti kompetenti milli tiżgura l-effett sħiħ tar-regoli previsti fl-imsemmija direttiva u toffri lill-konsumatur rimedju effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet li huwa jista’ jislet minnhom, u lanqas milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward, liema fatt madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.