Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Lulju 2009 - Il-Kummissjoni vs Arci Nuova Associazione Comitato di Cagliari u Gessa

(Kawża T-259/09)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Moretto, avukat, A.M. Rouchaud-Joët, N. Bambara, aġenti)

Konvenuta: Arci Nuova Associazione Comitato di Cagliari (Cagliari, l-Italja), Alberto Gessa (Cagliari, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

tikkundanna lil Arci Nuova Associazione Comitato di Cagliari, kif ukoll lil Alberto Gessa personalment u in solidum, sabiex iħallsu lura s-somma prinċipali dovuta ta' EUR 15 675 00, kif ukoll l-interessi ta' dewmien fil-ħlas bir-rata ta' 7.32 % mill-20 ta' Mejju 2007 sal-ħlas tas-somma kollha dovuta;

tikkundanna lil Arci Nuova Associazione Comitato di Cagliari kif ukoll lill- Alberto Gessa personalment u in solidum għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors preżenti għandu bħala għan il-kundanna tal-assoċjazzjoni msemmija iktar 'il fuq u, in solidum tal-president tagħha, għall-ħlas ta' somma ekwivalenti għall-ammont imħallas mir-rikorrenti għat-twettiq tal-azzjoni msemmija "ONG-2003-204-Cagliari-ARCI-l'Europa dei Migranti". Din l-azzjoni tinkludi serje ta' attività ta' karattru informattiv u ta' dokumentazzjoni, bil-lingwi tal-pajjiżi varji ta' oriġini, fuq l-istituzzjonijiet Ewropej, fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fuq l-istadji tal-kostruzzjoni u tat-tkabbir tal-Ewropa, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-migranti.

Il-ftehim kien jipprovdi l-obbligu li jintbagħat, f'terminu ta' żmien partikolari, ir-rapport finali rigward it-twettiq tal-azzjoni, il-kont finanzjarju definittiv tal-ispejjeż ammissibbli li effettivament saru, kif ukoll ir-rendikont sħiħ tad-dħul u tal-ħruġ konness mal-azzjoni.

Peress li dan l-obbligu ma ġiex rispettat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

____________