Language of document : ECLI:EU:T:2013:371

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

11 ta’ Lulju 2013 (*)

“Fond ta’ Koeżjoni — Regolament (KE) Nru 1164/94 — Proġett għal sistema ta’ trattament tal-ilma f’Zaragoza — Kanċellament parzjali tal-għajnuna finanzjarja — Kuntratti pubbliċi — Kunċett ta’ xogħol — Artikolu 14(10) u (13) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/38/KEE — Qsim ta’ kuntratti — Aspettattivi leġittimi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni — Determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji — Artikolu H(2) tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94 — Proporzjonalità — Preskrizzjoni”

Fil-Kawża T‑358/08,

Ir-Renju ta’ Spanja, inizjalment irrappreżentat minn J. Rodríguez Cárcamo, sussegwentement minn A. Rubio González, abogados del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u A. Steiblytė, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 3249, tal-25 ta’ Ġunju 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija taħt il-Fond ta’ Koeżjoni lir-Renju ta’ Spanja għall-proġett Nru 96/11/61/018 – “Tindif ta’ Zaragoza” permezz tad‑Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (96) 2095, tas-26 ta’ Lulju 1996,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn L. Truchot, President, M. E. Martins Ribeiro u A. Popescu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni C (96) 2095, tas-26 ta’ Lulju 1996 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-1996”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej approvat, taħt il-Fond ta’ Koeżjoni, l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja ta’ EUR 8 850 689 għall-proġett Nru 96/11/61/018 – “Tindif ta’ Zaragoza” (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ tindif ta’ Zaragoza”. Dan il-proġett, li għandu bħala għan li jitjiebu u li jitlestew installazzjonijiet ta’ tindif u purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ tal-belt ta’ Zaragoza (Spanja), kien jinkludi żewġ gruppi ta’ operazzjonijiet. L-ewwel grupp ta’ operazzjonijiet, imsejjaħ “Pjan ta’ bdil tad-dranaġġ” (iktar ’il quddiem il-“fażi FIMMA 96”), kien jipprevedi l-bdil tad-dranaġġ f’ċerti kwartieri tal-belt. It-tieni grupp ta’ operazzjonijiet, imsejjaħ “Programm ta’ tindif taż-żona tal-punent tal-belt (baċir tal-impjant ta’ purifikazzjoni ta’ Almozara)” (iktar ’il quddiem il-“fażi SPWS”), kien jinkludi, b’mod partikolari, il-kostruzzjoni ta’ kolletturi, ta’ netwerk sekondarju ta’ kolletturi u ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita. Il-muniċipalità ta’ Zaragoza kienet il-benefiċjarja finali tal-għajnuna finanzjarja u kienet responsabbli mill-ġestjoni tal-proġett li l-implementazzjoni tiegħu kienet prevista matul il-perijodu inkluż bejn l-1 ta’ Mejju 1996 u l-31 ta’ Diċembru 1998.

2        Fuq talba tar-Renju ta’ Spanja, id-Deċiżjoni tal-1996 ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (97) 2601, tad-29 ta’ Lulju 1997 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-1997”), bil-għan li jiġu inklużi tmien operazzjonijiet addizzjonali (iktar ’il quddiem il-“fażi FIMMA 97”). Seba’ operazzjonijiet kienu għat-tibdil, għat‑trasformazzjoni kif ukoll għall-kostruzzjoni tal-kolletturi u operazzjoni kienet tikkonsisti fil‑kostruzzjoni ta’ impjant tat-trattament tal-ħama. It-terminu għat-tmiem tax-xogħlijiet ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 1999.

[omissis]

 Deċiżjoni kkontestata

13      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat irregolaritajiet li kienu jaffettwaw tmien kuntratti tal-fażi SPWS u, b’mod partikolari, erbgħa tal-fażi FIMMA 97.

14      It-tmien kuntratti tal-fażi SPWS kienu dawn li ġejjin:

–        kollettur ta’ lqugħ fix-xmara Èbre;

–        kollettur tal-kwartier ta’ Los Palos;

–        kollettur taż-żona Martín Arpal;

–        kollettur ta’ Valles Verdes;

–        kollettur ta’ San Lamberto – Vistabella;

–        kollettur fir-rotta ta’ Madrid;

–        netwerk sekondarju ta’ kolletturi;

–        kollettur fiż-żona tal-limitu tat-territorju muniċipali.

15      L-erba’ kuntratti tal-fażi FIMMA 97 kienu dawn li ġejjin:

–        kollettur tan-naħa l-leminija tax-xmara Huerva;

–        impjant tat-trattament tal-ħama;

–        kolletturi tax-xmara Gállego;

–        kollettur ta’ kollegament tal-installazzjoni ta’ purifikazzjoni ta’ Almozara.

16      Fil-premessa 20 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 14(1), (10) u (13) tad‑Direttiva 93/38, il-kuntratti kontenzjużi kienu jikkostitwixxu lottijiet ta’ biċċa xogħol waħda, li fir-rigward tagħhom l-inizjattiva kienet ir-responsabbiltà ta’ entità kontraenti waħda, u li dawn il-kuntratti kellhom ikunu suġġetti għad‑dispożizzjonijiet tal‑imsemmija direttiva. Hija kkunsidrat li l‑imsemmija kuntratti kienu ġew maqsuma, bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, ta’ dawk li jirrigwardaw il-limitu, il-pubblikazzjoni u l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-offerenti.

[omissis]

18      L-ewwel nett, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ irregolaritajiet fis-sens tal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94, il‑Kummissjoni qabel kollox fakkret id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 1(4)(b), tal-Artikolu 4(2), u tal-Artikolu 14(1)(10) u (13) tad-Direttiva 93/38 (premessi 19, 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Sussegwentement, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, li, fl-avviżi kollha tal-kuntratti ppubblikati fil‑Boletín Oficial de Aragón u fil-mezzi tax-xandir lokali, il-Kunsill muniċipali ta’ Zaragoza kien il-korp kontraenti li lilu kellhom jiġu indirizzati l-offerti. Hija rrilevat ukoll ix-xebh tad-deskrizzjoni tax‑xogħlijiet li kellhom jiġu eżegwiti fin-netwerk tad-dranaġġ u tat‑trattament tal-ilma tad-dranaġġ u kkunsidrat li x-xogħlijiet kellhom jaqdu l-istess funzjoni ekonomika u teknika. Hija kkunsidrat li, f’dan il-każ, kienet involuta serje ta’ xogħlijiet speċifiċi ta’ manutenzjoni, ta’ tkabbir u ta’ rijabilitazzjoni tan-netwerk tad-dranaġġ u tat-trattament tal-ilma użat eżistenti li, ladarba jitlestew, kellhom jirriżultaw fit-titjib globali tan-netwerk għall-utenti finali. Il‑Kummissjoni ppreċiżat li x-xogħlijiet kienu marbuta ma’ kolletturi tal-ilma tad-dranaġġ, ma’ kolletturi ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita, ma’ impjant tat-trattament tal-ħama u ma’ kollettur tal-ilma tad-dranaġġ bejn iż-żewġ stazzjonijiet tal‑purifikazzjoni ta’ Almorzara u ta’ Cartuja. Hija kkunsidrat li d‑differenza bejn it-tipi differenti ta’ xogħlijiet kienet funzjonali, u mhux teknika jew ekonomika, u li, konsegwentement, ma kienx meħtieġ xi għarfien tekniku speċifiku sabiex jitwettqu. Fl-aħħar nett, hija rrilevat li, mill-perspettiva ekonomika, l-utenti finali kellhom iħallsu lill-fornitur tas-servizzi skont l-użu tagħhom.

20      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna t-tmien proġetti tal-fażi SPWS, il‑Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 24(a) tad-deċiżjoni kkontestata, li x-xogħlijiet kellhom għan simili, bl-unika differenza tkun li ġew imwettqa f’setturi ġeografikament differenti. Hija kkunsidrat li l-għan ewlieni tax-xogħlijiet kien li jiġu pprovduti jew li jiġu rinnovati s‑sistemi tad-dranaġġ għal setturi differenti, inkluża l-installazzjoni tal‑kolletturi tad-dranaġġ u tal-ilqugħ.

21      It-tieni nett, fir-rigward tal-erba’ proġetti tal-fażi FIMMA 97, imsemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq, li għalihom id-deroga tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 ma setgħetx tiġi invokata, il‑Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 24(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li x-xogħlijiet kellhom għan simili, bl-unika differenza tkun li twettqu f’setturi ġeografikament differenti. Hija kkunsidrat li l‑għan ewlieni tax-xogħlijiet kien li jiġu installati kolletturi matul ix‑xmajjar Huerva u Gállego sabiex jaqdu ż-żoni li kienu għadhom iferrgħu direttament fix-xmajjar u li jiġu rrijabilitati ż-żewġ installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma tad-dranaġġ li lejhom kien jitwassal l-ilma tad‑dranaġġ.

22      Fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, dwar il-ksur tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, il-kuntratti kellhom jiġu kkunsidrati bħala li huma intiżi għat-twettiq ta’ biċċa xogħol waħda meta jkunu marbuta b’mod, kif inhuma f’dan il-każ, li impriża Komunitarja tkun tista’ tikkunsidrahom bħala operazzjoni ekonomika waħda u b’mod li tkun tista’ tissottometti offerta waħda għall-operazzjoni kollha. Il-Kummissjoni indikat li din l-interpretazzjoni kienet koerenti mal-għan tad-Direttiva 93/38, li huwa li jiġi żgurat li l-impriżi ta’ Stati Membri oħra jkunu jistgħu jwieġbu għas‑sejħiet għal offerti, meta jkollhom interess, għal raġunijiet oġġettivi li jirrigwardaw il-valur tal-kuntratti. Tali impriża setgħet riedet tkun informata bil-valur tal-lottijiet kollha li jifformaw ix-xogħlijiet, anki jekk ma kinitx f’pożizzjoni li twettaqhom kollha. Il-Kummissjoni żiedet li din kienet l-unika possibbiltà li tiġi evalwata l-portata eżatta tal-kuntratt u li jiġi aġġustat il-prezz skont in-numru ta’ lottijiet li għalih kien ikkunsidrat li jiġu sottomessi offerti.

23      Fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tmien proġetti tal-fażi SPWS, meħuda flimkien, u l-erba’ proġetti tal-fażi FIMMA 97, meħuda flimkien, kienu jaqdu funzjoni ekonomika u teknika waħda u li, għalhekk, l-awtoritajiet Spanjoli kienu qasmu artifiċjalment ix‑xogħlijiet li jirrigwardaw il-manutenzjoni, it-tkabbir u r-rijabilitazzjoni tan-netwerk tad-dranaġġ u tat-trattament tal-ilma tad‑dranaġġ eżistenti. Hija ppreċiżat li din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq in-natura simili tad-deskrizzjonijiet tax-xogħlijiet u tax-xebh tal‑avviż tal-kuntratti, fuq l-implementazzjoni tal-proċedura u fuq il‑koordinazzjoni globali mill-istess entità kontraenti kif ukoll fuq il-fatt li x‑xogħlijiet ġew imwettqa f’żona ġeografika waħda.

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28      Ir-Renju ta’ Spanja ressaq din il-kawża b’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Settembru 2008.

29      Fit-30 ta’ Novembru 2010, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit-Tieni Awla. Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie sussegwentement assenjat lit-Tmien Awla u għaldaqstant din il-kawża ġiet assenjata lil din tal-aħħar.

30      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjonijiet tal‑partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmulin mill‑Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tas-28 ta’ Novembru 2012.

31      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 1. 1.1, Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu H tal-Anness II dwar korrezzjonijiet finanzjarji tar-Regolament Nru 1164/94, flimkien mal-Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38

[omissis]

35      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja ppreċiża li, permezz tal-ewwel motiv, huwa kien qiegħed jinvoka l-ksur tal-Artikolu 14(13) tad‑Direttiva 93/38, dispożizzjoni li għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38. Dan tniżżel fil-proċess verbali tas-seduta.

36      Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi kif ukoll żball ta’ evalwazzjoni serju fid-deċiżjoni kkontestata meta affermat li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 93/38. Huwa jsostni li, għalkemm l-oneru tal-prova huwa fuq il-Kummissjoni, għandha ssir analiżi qasira tal-kuntratti li huma s‑suġġett ta’ din il-kawża skont il-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal‑Ġustizzja, bil-għan li jiġi ppruvat li ma kienet sodisfatta ebda waħda mill‑kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm biċċa xogħol waħda. Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta kemm id-definizzjoni mogħtija mill‑Kummissjoni tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) u tal-Artikolu 14(13) tad‑Direttiva 93/38 kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom għall-kuntratti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni waslitx b’mod żbaljat għall-konklużjoni li kien hemm ksur tad‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar ʼil fuq fid-deċiżjoni kkontestata, u dan huwa dak li għandu jiġi ppruvat quddiem il-Qorti Ġenerali mir-Renju ta’ Spanja.

[omissis]

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ xogħol

38      Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat li l-muniċipalità ta’ Zaragoza kienet kisret id-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 93/38 meta qasmet il-kuntratti inkwistjoni u meta ma ppubblikatx avviż fil-Ġurnal Uffiċjali. Huwa jikkunsidra l‑affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jidhru fit-tieni paragrafu tal‑premessa 8, fil-premessa 9, fil-premessa 23(b) u fil-premessa 24 tad‑deċiżjoni kkontestata, bħala infondati.

39      L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, bil-għan li jiġi evalwat jekk proġett jistax ikun fih diversi xogħlijiet distinti, għandha ssir, fid-dawl tal‑formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/38 u tal‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, analiżi minn perspettiva tripla: teknika u ekonomika, ġeografika u temporali.

40      It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka n-natura żbaljata tal‑applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji f’dan il-każ. Skontu, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda analiżi oġġettiva tax-xogħlijiet skont din il-“perspettiva tripla”, iżda hija tidher li użat kriterji xi ftit partikolari sabiex tiddetermina l-ksur tal-awtoritajiet Spanjoli, bħall-kapaċità tal-offerenti potenzjali jew tal-utilità għalihom, li jwettqu xi wħud mill-kuntratti jew il-kuntratti kollha fl-istess ħin (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra dan, l-eżami tekniku u ekonomiku kien nieqes minn rigorożità teknika.

41      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli wettqu ksur tal-Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38, moqri flimkien mal-paragrafi 1 u 10 ta’ dan l-artikolu, meta qasmu, minn naħa, tmien kuntratti tal-fażi SPWS u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, erba’ kuntratti tal-fażi FIMMA 97. Wara li fakkret, fil-premessa 23(b) tad-deċiżjoni kkontestata, id-definizzjoni ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, hija applikata għall-kuntratti kontenzjużi fil-premessi 24 sa 26 tad-deċiżjoni kkontestata.

[omissis]

 Fuq il-kunċett ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 fid-deċiżjoni kkontestata

43      Skont l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 93/38, l-imsemmija direttiva tapplika għall-kuntratti li l-valur tagħhom huwa stmat, barra l-VAT, bħala daqs jew iktar minn EUR 5 miljun f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ xogħol. Skont l-Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38, “[l]-entitajiet kontraenti ma jistgħux jaħarbu minn din id-Direttiva billi jaqsmu l-kuntratti jew jużaw metodi speċjali kif jikkalkulaw il-valur tal-kuntratti”.

44      Barra dan, skont l-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, “[i]l-bażi biex jiġi kkalkulat il-valur ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet għall-finijiet tal‑paragrafu 1 għandha tkun il-valur totali tax-xogħol”, fejn xogħol huwa ddefinit, fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu, bħala “ir‑riżultat ta’ attivitajiet ta’ bini u inġinerija ċivili, meħuda bħala ħaġa waħda, li huma maħsuba biex waħidhom iwettqu funzjoni ekonomika u teknika”.

45      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, kif jagħmlu r-Renju ta’ Spanja u l-Kummissjoni, li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 14(10) u (13) tad-Direttiva 93/38 fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑16/98, Ġabra p. I‑8315). F’dik is‑sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Artikolu 14(13) tad‑Direttiva 93/38 “jesprimi b’mod konkret l-obbligi li jirriżultaw għall-entitajiet kontraenti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad‑Direttiva [93/38] u għandu, għalhekk, jittieħed inkunsiderazzjoni flimkien ma’ dan tal-aħħar sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l‑eżistenza ta’ qsim ta’ xogħol” (punt 31). Barra minn hekk, skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, “mid-definizzjoni ta’ xogħol li tidher fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva [93/38] jirriżulta li l-eżistenza ta’ xogħol għandha tiġi evalwata b’rabta mal‑funzjoni ekonomika u teknika tal-eżitu tax-xogħlijiet ikkonċernati” (punt 36).

46      Minn dik is-sentenza jirriżulta li, bil-għan li tevalwa jekk dawn ix‑xogħlijiet kinux marbutin ma’ xulxin b’mod li kellhom jiġu kkunsidrati bħala biċċa xogħol waħda fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat approċċ funzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑574/10, punt 37). Il-Qorti tal-Ġustizzja mxiet fuq żewġ kriterji, li huma l-kriterju tal-funzjoni ekonomika u dak tal-funzjoni teknika tal-eżitu tax-xogħlijiet.

47      Għandu jiġi kkonstatat li, skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata li kellhom jiġu applikati l-kriterji tal-funzjoni ekonomika u tal-funzjoni teknika tal-eżitu tax-xogħlijiet bil-għan li tiġi ddefinita biċċa xogħol fis‑sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 (premessi 23 u 24). Wara li fakkret il-formulazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni għaldaqstant ikkunsidrat, fil-premessa 24 li “[i]d‑deskrizzjoni tax-xogħol li kellu jiġu eżegwit fin-netwerk tad‑dranaġġ u tat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ kienet simili u x‑xogħlijiet kellhom jaqdu l-istess funzjoni ekonomika u teknika”, li “[d]an il-każ jirreferi għal serje ta’ xogħlijiet speċifiċi ta’ manutenzjoni, ta’ tkabbir u ta’ rijabilitazzjoni tan-netwerk tad-dranaġġ u tat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ eżistenti li, ladarba jitlestew, kellhom jirriżultaw fit-titjib globali tan-netwerk għall-utenti finali” u li “[i]d-differenza bejn it-tipi differenti ta’ xogħlijiet [ma hijiex] teknika jew ekonomika”.

48      Għalhekk, mingħajr ma huwa meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar il-kwistjoni, invokata mill-Kummissjoni, ta’ jekk il-kriterji tal-funzjoni ekonomika u tal-funzjoni teknika tal-eżitu tax-xogħlijiet bil-għan li tiġi ddefinita biċċa xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad‑Direttiva 93/38 humiex kumulattivi, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, il‑Kummissjoni ma wettqitx żball fid-deċiżjoni kkontestata meta identifikat il-kriterji tal-funzjoni ekonomika u tal‑funzjoni teknika tal-eżitu tax-xogħlijiet li għandhom jiġu applikati bil-għan li tiġi ddefinita biċċa xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38.

49      It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-analiżi tal-kuntratti kontenzjużi kellha ssir ukoll permezz ta’ kriterji ġeografiċi u temporali.

50      Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja użat il-kriterji tal‑funzjoni teknika u tal-funzjoni ekonomika tal-eżitu tax-xogħlijiet bil‑għan li tiddefinixxi biċċa xogħol waħda (punti 49 sa 56). Sussegwentement, hija ppreċiżat, fil-punt 65, li “kull każ ta’ għoti ta’ kuntratt kellu jiġi evalwat skont il-kuntest tiegħu u skont il‑karatteristiċi partikolari tiegħu stess”. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, fis‑sitwazzjoni li tat lok għal dik is-sentenza, “[kienu] jeżistu elementi importanti, bħalma hija s-simultanjetà tat-tnedija tal-kuntratti kontenzjużi, ix-xebh tal-avviżi tal-kuntratti, l-unità tal-kuntest ġeografiku li fih dawn il-kuntratti ġew imnedija u l-koordinazzjoni żgurata mi[ll-]entità li tiġbor fiha l-organizzazzjonijiet muniċipali konġunti responsabbli għall-provvista tal-elettriku fil-livell dipartimentali, li kienu jiffavorixxu l-ġbir tal-imsemmija kuntratti f’dan il‑livell”.

51      Għalhekk, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni element ġeografiku sabiex tivverifika li n-natura unitarja tal-funzjoni teknika u ekonomika tax-xogħlijiet kienet teżisti għad-diversi netwerks lokali, kemm tal-provvista tal-elettriku (punti 64 u 65), u kemm tal-illuminazzjoni pubblika (punti 69 sa 70), f’żona ġeografika iktar estiża u li dawn in-netwerks lokali setgħu għalhekk jiġu miġbura f’netwerk wieħed, peress li seta’ kien hemm interkollegament bejn dawn in-netwerks lokali.

52      Fir-rigward tal-aspett temporali, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet, “is-simultanjetà tat-tnedija tal-kuntratti kontenzjużi” (punt 65).

53      Għandu jiġi kkunsidrat li l-aspetti ġeografiċi u temporali ma jikkostitwixxux kriterji li għandhom l-għan li jiddefinixxu biċċa xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, iżda jikkostitwixxu elementi neċessarji sabiex jikkorroboraw l-eżistenza ta’ tali biċċa xogħol, u dan għaliex huma biss xogħlijiet li jinsabu f’kuntest ġeografiku u temporali ddeterminat li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala biċċa xogħol waħda.

54      Għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-element ġeografiku (premessi 24 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata) u għall-element temporali minħabba l-ġbir tal-kuntratti li jirrigwardaw proġetti li jaqgħu fl-istess fażi, jiġifieri jew fil-fażi SPWS, jew fil‑fażi FIMMA 97. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta għamlet analiżi tal-kuntratti kontenzjużi filwaqt li applikat elementi ġeografiċi u temporali, mingħajr ma kkunsidrathom bħala kriterji funzjonali bil-għan li tiddefinixxi x-xogħlijiet inkwistjoni.

55      It-tielet nett, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni tidher li użat kriterji xi ftit partikolari sabiex tiddetermina l-ksur tal-awtoritajiet Spanjoli, bħall-kapaċità tal-offerenti potenzjali jew ta’ utilità għalihom li jwettqu xi wħud mill-kuntratti jew kollha f’daqqa (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament semmiet ċerti elementi li jikkonċernaw l-offerenti potenzjali fil-parti li tirrigwarda l‑evalwazzjoni inizjali (premessa 9).

57      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-definizzjoni ta’ biċċa xogħol li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 ma tissuġġettax l-eżistenza ta’ biċċa xogħol għall-preżenza ta’ elementi bħalma huma n-numru ta’ entitajiet kontraenti jew il-possibbiltà li x‑xogħlijiet jitwettqu kollha kemm huma minn impriża waħda (punt 43). Hija rrilevat li, għalkemm l-eżistenza tal-istess entità kontraenti waħda u l‑possibbiltà għal impriża tal-Unjoni li twettaq ix-xogħlijiet kollha li kienu koperti mill-kuntratti kkonċernati jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi, jikkostitwixxu indikazzjonijiet li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ biċċa xogħol fis-sens tad‑Direttiva, huma ma jistgħux jikkostitwixxu, għall-kuntrarju, kriterji determinanti f’dan ir-rigward. Hija żiedet li “in-numru ta’ entitajiet kontraenti u l-impossibbiltà tat-twettiq tax-xogħlijiet kollha kkonċernati minn impriża waħda [ma kinux] ta’ natura li jikkontestaw l-eżistenza ta’ biċċa xogħol meta din il-konklużjoni kellha tintlaħaq skont il-kriterji funzjonali ddefiniti fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva” (punt 42).

58      Għalhekk, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, jirriżulta li l-użu ta’ ċerti elementi, li jirrigwardaw b’mod partikolari lill‑offerenti potenzjali, huwa possibbli, iżda la jistgħu jkunu determinanti u lanqas ma jistgħu jikkontestaw il-konklużjoni favur l-eżistenza ta’ biċċa xogħol ibbażata fuq l-issodisfar tal-kriterji tal-funzjoni teknika u tal-funzjoni ekonomika tal-eżitu tax-xogħlijiet.

59      Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-kuntratti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata u għandu jiġi evalwat jekk il-Kummissjoni kkunsidrathomx ġustament bħala li ġew sodisfatti sabiex tikkonkludi li kien hemm żewġ biċċiet xogħol. Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat f’liema kapaċità ttieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra.

 Fuq l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 għall-kuntratti kontenzjużi fid‑deċiżjoni kkontestata

60      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka n-nuqqas ta’ analiżi oġġettiva tax-xogħlijiet fil-perspettiva teknika u ekonomika, ġeografika u temporali, in-natura żbaljata tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji f’dan il-każ kif ukoll l‑applikazzjoni ta’ kriterji speċjali.

61      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li jeżistu żewġ gruppi ta’ xogħlijiet magħmula, minn naħa, minn tmien proġetti tal-fażi SPWS [(premessa 24(a))] u, min-naħa l-oħra, minn erba’ proġetti tal-fażi FIMMA 97 [(premessa 24(b))]. Konsegwentement, kull wieħed minn dawn il-gruppi għandu jiġi eżaminat wieħed wara l-ieħor.

 – – Fuq it-tmien kuntratti kontenzjużi tal-fażi SPWS

62      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka nuqqas ta’ rigorożità min-naħa tal‑Kummissjoni fl-eżami tekniku u ekonomiku u jagħmel analiżi, fuq il-livell tekniku u ekonomiku, tat-tmien kuntratti kontenzjużi tal-fażi SPWS, imsemmija fil-punt 14 iktar ʼil fuq, li jikkonċernaw sitt kolletturi tal-ilma tad-dranaġġ, ilqugħ tal-ilma tax-xita u netwerk sekondarju ta’ kolletturi, li skontu jikkostitwixxu proġetti indipendenti.

63      L-ewwel nett, dwar il-funzjoni teknika ta’ dawn ix-xogħlijiet, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li din il-funzjoni hija differenti għal kull wieħed mill-proġetti inkwistjoni.

64      Madankollu, l-analiżi tal-Kummissjoni ma kinitx tikkonsisti fl-eżami tax-xogħlijiet differenti, koperti mill-kuntratti kontenzjużi, b’mod indipendenti u fl-evalwazzjoni tal-funzjoni teknika speċifika tagħhom, bħalma sostna r-Renju ta’ Spanja, iżda hija eżaminat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 iktar ʼil fuq, jekk l-eżitu tax-xogħlijiet kellux l-istess funzjoni teknika.

65      B’dan il-mod, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn huma xogħlijiet li l-eżitu tagħhom kien it-titjib globali tan-netwerk tad-dranaġġ u li kellhom jaqdu l-istess funzjoni teknika (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tas-sitt kolletturi u tan‑netwerk sekondarju tal-kolletturi, dawn jiġbru l-ilma tad-dranaġġ kollu għall-ġestjoni tiegħu fin-netwerk tad-dranaġġ.

67      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-ilqugħ tal-ilma tax-xita, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan jippreżenta funzjoni teknika differenti, li ma hijiex li jiġġestixxi jew jitratta l-ilma tad-dranaġġ, iżda li jevita li jiġu prodotti għargħar f’każ ta’ xita eċċessiva. Madankollu, huwa ma jsostnix li, f’dan il-każ, l‑imsemmi lqugħ ma jikkontribwixxix, flimkien mal-kolletturi u man‑netwerk sekondarju ta’ kolletturi, għall-funzjoni teknika tan‑netwerk tad-dranaġġ. Kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, dan l‑ilqugħ iservi sabiex tiġi evitata ż-żieda inutli fil-volum ta’ ilma li jkollu jiġi ttrattat minn impjant ta’ purifikazzjoni u sabiex jiġi llimitat it-tniġġis tal‑ilma milqugħ mit-tifwir li jirriżulta minn xita abbondanti, u b’dan il‑mod jikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tal-ilma tad-dranaġġ. Barra dan, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-ilqugħ inkwistjoni ma jittrattax l-ilma tad-dranaġġ, iżda mhux qed jafferma li dan ma jilqax ilma tad‑dranaġġ. Huwa jippreċiża li ma huwiex possibbli li ssir separazzjoni stretta bejn l-ilma tax‑xita, li jgħaddi mill-ilqugħ inkwistjoni, u l-ilma tad-dranaġġ, li jgħaddi mill-kolletturi. Għandu jiġi kkonstatat li l-ilqugħ ikkonċernat iferra’ l-ilma tax-xita u tad-dranaġġ sabiex jgħin lill-kolletturi tal-ilma tad-dranaġġ u sabiex jippermetti funzjonament aħjar tan-netwerk tad-dranaġġ.

68      F’dan id-dawl, għandu jiġi rrilevat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu indikaw, b’risposta għall-kwestjonarju tat-talba għal għajnuna finanzjarja mressqa fl-1996, li l-għan tal-proġett tad-dranaġġ kien jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ serje ta’ kolletturi bil-għan li titlesta ż‑żona li twassal l-ilma tad-dranaġġ sal-impjant ta’ purifikazzjoni ta’ Almozara. Ġie wkoll imsemmi li kienet prevista l-kostruzzjoni ta’ lqugħ tal-għargħar, li kellu jferra’, fix-xmara Èbre, l-ilma tax-xita li kollettur wieħed ma setax iġorr, u dan biss fil-mumenti ta’ xita qawwija u bi grad ta’ dilwazzjoni adegwat tal-ilma tad-dranaġġ. Fl-aħħar nett, huwa ppreċiżat li l-għan prinċipali tal-proġetti kollha kien “li jitjiebu l-istrutturi qodma eżistenti u li jiġu rrimedjati d-defiċjenzi tas-sistema billi l-muniċipalità tingħata netwerk tad-dranaġġ li jkollu l-kapaċità li jikkanalizza l-ilma tad‑dranaġġ lejn il-kolletturi prinċipali, filwaqt li jiġi evitat l-għargħar, iċ-ċarċir lejn is-saffi ta’ taħt l-art issaturati bl-ilma u l-fluss mhux ikkontrollat tad-dranaġġ”. L-istess deskrizzjoni tal-għan prinċipali tissemma fid‑deċiżjoni tal-1996, fit-tabella sinottika annessa, li tissintetizza l-proġett. Minn dan isegwi li, skont ir-Renju ta’ Spanja stess, jeżisti kollegament, fil-kuntest tan-netwerk tad-dranaġġ, bejn il-ġarr tal-ilma tad-dranaġġ u l-fatt li jiġu evitati l-għargħar permezz tal-ilqugħ.

69      Għandu jiġi konkluż li t-tmien proġetti ma humiex indipendenti, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, iżda li jifformaw kollha parti mill-istess proġett dwar in-netwerk tad-dranaġġ, li huwa, skont il-kwestjonarju tat‑talba għal għajnuna finanzjarja mressqa fl-1996 u t-tabella sinottika annessa mad-deċiżjoni tal-1996, l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ dranaġġ li għandu l-kapaċità li jikkanalizza l-ilma tad-dranaġġ lejn il‑kolletturi prinċipali, filwaqt li b’hekk jiġu evitati l-għargħar, iċ-ċarċir lejn is-saffi ta’ taħt l-art issaturati bl-ilma u l-fluss mhux ikkontrollat tad-dranaġġ. Kif ikkunsidrat ġustament il-Kummissjoni, ix-xogħlijiet inkwistjoni tal-fażi SPWS kienu jsegwu għan simili, li huwa li tiġi pprovduta jew rinnovata s-sistema tad-dranaġġ għal setturi differenti, inkluż l-installazzjoni ta’ kolletturi tal-ilma tad-dranaġġ u ta’ lqugħ [premessa 24(a) tad-deċiżjoni kkontestata]. B’hekk, huma jikkostitwixxu effettivament serje ta’ xogħlijiet, li l-eżitu tagħhom huwa t-titjib globali tan-netwerk tad‑dranaġġ għall-utenti finali (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 u s‑sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, l-eżitu ta’ din is-serje ta’ xogħlijiet għandu l-għan li jaqdi huwa stess funzjoni teknika, li hija l-purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ.

70      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li d-Direttiva 93/38 ma tapplikax għall-ilqugħ sa fejn ma jkollhomx l-għan li jġorru l-ilma tad-dranaġġ. Minn naħa, kif ġie diġà rrilevat (ara l-punt 67 iktar ʼil fuq), huwa żbaljat li jiġi sostnut li l-ilqugħ inkwistjoni jġorru biss l-ilma tax-xita. Min-naħa l-oħra, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(2)(b) tad-Direttiva 93/38 ma huwiex limitat għall-impjanti li jġorru jew jittrattaw direttament l-ilma tad-dranaġġ, iżda li din id-dispożizzjoni tapplika għall-kuntratti li “huma marbuta mar-rimi u t-trattament tal-ilma tad-dranaġġ”, espressjoni din li tinkludi l-ilqugħ.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument, imressaq mir-Renju ta’ Spanja bil-għan li jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni, fis-sens li l-assimilazzjoni ma’ biċċa xogħol waħda ta’ serje ta’ azzjonijiet li jirrigwardaw tipi differenti ta’ kolletturi tad-dranaġġ urban hija kkorroborata mid-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26). Fil-fatt, id-Direttiva tikkonċerna, b’mod partikolari, il-ġbir, it-trattament u r-rimi tal-ilma urban mormi, li hija tiddefinixxi fl-Artikolu 2(1) tagħha bħala li jinkludi l-ilma tax-xita. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li d-Direttiva tindividwalizza s‑sistema applikabbli għall-impjanti tal-purifikazzjoni tal-ilma, ir-Renju ta’ Spanja ma jispjegax il-konsegwenza li għandha tinġibed minn dan fir-rigward tal‑proġetti inkwistjoni, li l-ebda waħda minnhom ma jirrigwarda impjant tal-purifikazzjoni tal-ilma.

72      It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-identità tal-funzjonijiet ekonomiċi tal-proġetti inkwistjoni. Skontu, l-ilma tax-xita ma huwiex suġġett għat-taxxa speċifika fuq is-servizzi tal-purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ, miġbura mill-muniċipalità ta’ Zaragoza. Għalhekk, taxxa jew imposta individwalizzata ma tistax tinġabar għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Barra dan, b’risposta lill-Kummissjoni, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, anki jekk din it-taxxa speċifika għandha l-għan li tiffinanzja l-ispejjeż tal-operat tan-netwerk, hija ma hijiex biżżejjed u teħtieġ l-appoġġ tal-baġit tal-muniċipju. Dan jimplika li, għalkemm il‑ġestjoni tal-ilma mormi hija effettivament koperta parzjalment mid-dħul mit-taxxa, l-infrastrutturi tan-netwerk li għandhom l-għan tal-ġbir u t-trattament tal-ilma tax-xita jkollhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ fondi pubbliċi. Teżisti differenza essenzjali bejn it-taxxa għat-trattament ta’ ilma mormi u l-ħlas ta’ servizz pubbliku pprovdut mill-ilqugħ tal‑ilma tax-xita, li turi n-nuqqas ta’ kull identità fuq il-livell ekonomiku. Fil-fatt, it-taxxa għat-trattament tal-ilma mormi hija stabbilita skont ir-rimi effettiv ta’ rimi minn kull dar, jiġifieri hija taxxa individwalizzata skont il-konsum partikolari ta’ kull persuna taxxabbli, filwaqt li l-ħlas tas-servizz pubbliku pprovdut mill-ilqugħ tal-ilma tax‑xita jista’ eventwalment jinfirex fuq il-popolazzjoni, iżda mingħajr ma jiġu aġġustati l-ammonti imposti skont il-benefiċċju miksub mill‑persuni kkonċernati.

73      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fuq il-livell ekonomiku, “l-utenti finali [kellhom] iħallsu lill-fornitur tas-servizzi skont l-użu tagħom” (premessa 24).

[omissis]

75      L-ewwel nett, matul is-seduta, b’risposta għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja kkonferma li t-taxxa speċifika fuq is-servizzi tal-purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ, miġbura mill-muniċipalità ta’ Zaragoza, li għaliha jagħmel riferiment fir-rikors, kienet prevista mill-Artikolu 2 tal-Kapitolu 2, intitolat “Servizz ta’ purifikazzjoni tal-ilma mormi”, tad-Digriet Fiskali Nru 24.25 tal‑Muniċipalità ta’ Zaragoza dwar it-taxxa fuq is-servizzi ta’ provvista tal-ilma tax-xorb u tal-purifikazzjoni tal-ilma mormi, artikolu li ġie ċċitat mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Skont din id‑dispożizzjoni, “il-fatt li huwa fiskalment relevanti għal din it-taxxa jikkorrispondi għall-provvista ta’ servizz ta’ purifikazzjoni tal-ilma mormi meta jirrigwarda l-ilma tax-xita u/jew ilma mormi miġbur fil-kolletturi u fil-kanalizzazzjoni li huma proprjetà muniċipali jew li l‑manutenzjoni tagħhom hija r-responsabbiltà tal-muniċipalità, peress li hija għalhekk il‑muniċipalità ta’ Zaragoza li għandha tassumi l-ġestjoni ta’ dan l-ilma, inklużi l-ispejjeż inerenti fit-trasport tiegħu, fit-trattament tiegħu u fir‑rimi tiegħu fil-fluss tal-ilma naturali skont il-kundizzjonijiet previsti mill-awtorizzazzjonijiet ta’ disponiment maħruġin mill‑Konfederazzjoni Idrografika tal-Èbre”. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li ma tagħmilx distinzjoni bejn l-ilma tad-dranaġġ u l-ilma tax-xita.

76      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar il-finanzjament tal-infrastrutturi tan-netwerks bil-għan tal-ġbir u t‑trattament tal-ilma tax-xita ma huwiex issostanzjat peress li r-Renju ta’ Spanja baqa’ sempliċement isostni li l-imsemmija infrastrutturi għandhom ikunu ffinanzjati permezz ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja ma ressaq ebda element li jista’ juri li dawn l-infrastrutturi ma humiex iffinanzjati, anki jekk parzjalment, mit-taxxa speċjali tal‑purifikazzjoni.

77      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li x-xogħlijiet inkwistjoni tal-fażi SPWS jikkostitwixxu l-elementi ta’ grupp wieħed, li l-eżitu tiegħu huwa maħsub sabiex, waħdu, jaqdi funzjoni ekonomika.

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li r-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li x‑xogħlijiet inkwistjoni tal-fażi SPWS kellhom jaqdu l-istess funzjoni teknika u ekonomika fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38.

 – – Fuq l-erba’ kuntratti kontenzjużi tal-fażi FIMMA 97

79      Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka nuqqas ta’ rigorożità min-naħa tal-Kummissjoni fl‑eżami tekniku u ekonomiku u jagħmel analiżi, fuq il-livell tekniku u ekonomiku, tal-erba’ kuntratti kontenzjużi tal-fażi FIMMA 97, imsemmija fil-punt 15 iktar ʼil fuq, li jikkonċernaw impjant ta’ trattament tal-ħama, kollettur ta’ kollegament u żewġ kolletturi, inklużi dawk tax-xmara Gállego. Sussegwentement, huwa jipproċedi għal analiżi tal-kuntratti tal-imsemmija fażi u jikkonkludi li kull proġett għandu jitqies li huwa indipendenti mill-oħrajn u li ma kinitx meħtieġa pubblikazzjoni ta’ avviżi ta’ kuntratti fil-Ġurnal Uffiċjali.

80      L-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-funzjoni teknika tal-proġetti tal-fażi FIMMA 97, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-erba’ proġetti jikkostitwixxu biss biċċa xogħol waħda, u dan huwa dak li qed jikkontesta r-Renju ta’ Spanja.

81      Skont il-kwestjonarju tat-talba għal għajnuna finanzjarja mressqa fl-1997, il-proġetti tal-fażi FIMMA 97 kellhom tliet għanijiet distinti. Madankollu, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-erba’ proġetti kontenzjużi tal-imsemmija fażi jagħmlu parti mill-istess grupp u għandhom l-istess għan, li kien l-“eliminazzjoni tar-rimi tal-ilma tad‑dranaġġ mhux ippurifikat”.

82      F’dak li jikkonċerna l-kollettur ta’ kollegament, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li “l-funzjoni tiegħu ma hijiex, bħal dik ta’ kolletturi oħra, li jiġbor u jġorr l-ilma tad-dranaġġ jew tax-xita rispettivament lejn l‑impjanti ta’ purifikazzjoni jew lejn l-ilqugħ”, iżda huwa jindika li dan il‑kollettur ta’ konnessjoni “jipprova jegħleb żbilanċi fil-qasam ta’ strutturi ta’ purifikazzjoni dovuti għall-iżvilupp asimetriku tal-belt ta’ Zaragoza”. Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja, huwa għalhekk żbaljat li jiġi sostnut li l-kollettur ta’ kollegament bejn iż-żewġ impjanti ta’ purifikazzjoni huwa “infrastrttura totalment indipendenti mill-kolletturi l-oħra”, sa fejn l-imsemmi kollettur huwa integrat fin-netwerk ta’ purifikazzjoni tal-belt ta’ Zaragoza. Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja jiddistingwi l-funzjoni teknika ta’ kull wieħed mill‑proġetti, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dan huwa grupp wieħed ta’ xogħlijiet, li l-eżitu tagħhom huwa t-titjib globali tan‑netwerk tad-dranaġġ għall-utenti finali (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata) u għandu l-għan li jaqdi huwa stess funzjoni teknika, li hija l‑purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ.

83      Fil-fatt, fir-rigward tal-impjant tat-trattament tal-ħama, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, b’mod differenti mill-kolletturi, dan ma għandux bħala funzjoni li jġorr l-ilma tax-xita jew tad-dranaġġ, iżda li jevita t‑tifwir tal-ħama li tirriżulta mill-proċess tat-trattament tal-ilma sabiex ikun ta’ kwalità tajba biżżejjed għall-finijiet ta’ konsum personali, kummerċjali jew industrijali tal-belt kollha fix-xmara Huerva. Madankollu, il-kwistjoni ma hijiex li jiġi ddeterminat jekk l‑impjant ta’ trattament tal-ħama għandux huwa stess funzjoni teknika differenti minn dik ta’ kollettur, iżda li jiġi evalwat jekk, fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, il-kolletturi u l-impjant ta’ trattament ta’ ħama jappartjenux għal serje ta’ xogħlijiet li l-eżitu tagħhom għandu funzjoni teknika komuni, li hija l‑purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ. Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja ma jinnegax li l-impjanti ta’ trattament tal-ħama jikkontribwixxu għall‑purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ tal-belt ta’ Zaragoza.

84      Barra dan, l-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-profil ta’ offerent għall-kuntratt dwar il-kollettur huwa kompletament differenti minn dak għal kuntratt dwar l-impjant tat-trattament tal-ħama għandu jiġi miċħud sa fejn ma jirrigwardax wieħed mill-kriterji li jippermettu li tiġi kklassifikata biċċa xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38.

85      Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-argument tal‑Kummissjoni fis-sens li teżisti ekwivalenza, fuq il-livell tekniku, bejn il‑kolletturi u l-impjanti ta’ trattament tal-ħama, li għandhom natura aċċessorja meta mqabbla mat-trattament tal-ilma tad-dranaġġ. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li f’dan il-każ huwa involut impjant ta’ trattament tal-ħama li ġejja minn unità li tittratta l-ilma sabiex iġibu ta’ kwalità li jkun tajjeb għax-xorb, u mhux impjant ta’ purifikazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja ma jispjegax ir-raġuni għala l-fatt li huwa involut tali impjant ta’ trattament tal‑ħama jimplika li dan l-impjant ma jipparteċipax b’mod aċċessorju fit‑trattament tal-ilma tad-dranaġġ, u dan sa fejn dan l-impjant jikkorrispondi mal-għan tal-eliminazzjoni tar-rimi tal-ilma tad-dranaġġ mhux ippurifikat, kif jippreċiża wkoll il-kwestjonarju tat-talba għal għajnuna finanzjarja mressqa fl-1997.

[omissis]

87      Għandu jiġi konkluż li l-erba’ proġetti ma humiex indipendenti, kif isostni r-Renju ta’ Spanja, iżda li jappartjenu kollha għall-istess proġett dwar in-netwerk tad-dranaġġ. Kif ġustament ikkunsidrat il-Kummissjoni, ix-xogħlijiet inkwistjoni tal-fażi FIMMA 97 kellhom għan simili, jiġifieri li jiġu installati kolletturi matul ix-xmajjar Huerva u Gállego sabiex jaqdu ż-żoni li għadhom iferrgħu direttament fix-xmajjar u li jirrijabilitaw iż-żewġ installazzjonijiet ta’ trattament tal-ilma tad-dranaġġ li lejhom ġie kkanalizzat l-ilma tad-dranaġġ [premessa 24(b) tad-deċiżjoni kkontestata]. Huma jikkostitwixxu għalhekk serje ta’ xogħlijiet, li l-eżitu tagħhom huwa t-titjib globali tan-netwerk tad‑dranaġġ għall-utenti finali (premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 u s‑sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, l-eżitu ta’ din is-serje ta’ xogħlijiet għandu l-għan li jaqdi huwa stess funzjoni teknika, li hija l-purifikazzjoni tal-ilma tad-dranaġġ.

[omissis]

89      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li r-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball meta kkunsidrat, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li x‑xogħlijiet inkwistjoni tal-fażi FIMMA 97 kellhom jaqdu l-istess funzjoni teknika u ekonomika fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38.

 – Konklużjonijiet

90      Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-proġetti inkwistjoni tal-fażijiet SPWS u FIMMA 97, ir-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmija proġetti kienu jifformaw, għal kull waħda miż-żewġ fażijiet, biċċa xogħol maqsuma artifiċjalment fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) u tal-Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38. B’analoġija mas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, il-proġetti inkwistjoni jikkonsistu, fil-fatt, f’żewġ serje ta’ xogħlijiet individwali fuq in-netwerk tad-dranaġġ eżistenti u li l-eżitu tagħhom, ladarba jitlestew ix-xogħlijiet, jifformaw parti integrali mill-funzjoni moqdija mill-imsemmi netwerk.

91      Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mill-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar il-kriterji l-oħra li huwa invoka, jiġifieri l-element ġeografiku u l-element temporali, jew dwar dawk li skontu ntużaw b’mod żbaljat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

92      L-ewwel nett, fir-rigward tal-aspett ġeografiku u tal-aspett temporali, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad‑Direttiva 93/38 u l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, dawn ma humiex kriterji li jirriżultaw mit-test, jew mill-ġurisprudenza (ara l-punt 53 iktar ʼil fuq).

93      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-aspett ġeografiku, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, fil-premessa 24, li “f’dak li jikkonċerna t‑tmien proġetti tal-[fażi] SPWS, [...], l‑unika differenza [kienet] il-fatt [li x-xogħlijiet kienu] ġew imwettqa f’setturi ġeografikament differenti” u li “fir-rigward tal-erba’ proġetti [tal-fażi FIMMA 97], l-unika differenza [kienet] il-fatt li [x-xogħlijiet kienu] twettqu f’settur ġeografikament differenti”. Fil-premessa 26, il‑Kummissjoni żiedet li “x-xogħlijiet [kienu] ġew imwettqa f’żona ġeografika waħda”.

94      Fid-dawl ta’ dan, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-eżistenza ta’ kontradizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata, billi l-Kummissjoni affermat b’mod paradossali, fl-istess ħin, l-eżistenza ta’ firxa ġeografika u ta’ żona ġeografika waħda. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja għamel l-istess affermazzjoni meta sostna li, “minkejja l-fatt [li x-xogħlijiet inkwistjoni] jirrigwardaw territorju wieħed biss, [huma] qegħdin kunsiderevolment ʼil bogħod minn xulxin u huma ddistakkati mill-perspettiva ġeografika”.

95      Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka nuqqas ta’ kollegament fiżiku bejn ix-xogħlijiet previsti fil-kuntest tal-proġetti inkwistjoni, nuqqas li kellu jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li kien hemm żewġ biċċiet xogħol. Madankollu, jekk jiġi preżunt li dan in-nuqqas ta’ kollegament fiżiku huwa stabbilit, jibqa’ madankollu l-fatt li l-biċċiet ta’ xogħol differenti jifformaw parti integrali mill-funzjoni moqdija min-netwerk ta’ dranaġġ tal-belt ta’ Zaragoza, u dan jippermetti li jiġi kkunsidrat li dawn jaqgħu taħt l-istess biċċa xogħol. Għaldaqstant, ma huwiex daqstant rilevanti l-fatt li l-imsemmija xogħlijiet huma mifruxin matul in-netwerk, u ma humiex direttament ikkollegati fiżikament, sakemm, bħalma sostniet il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-Renju ta’ Spanja, huma jinsabu fiż-żona koperta min-netwerk tad-dranaġġ u tal-kolletturi ġestit mill-muniċipalità ta’ Zaragoza. Konsegwentement, kif il-Kummissjoni semmiet fid-deċiżjoni kkontestata, anki jekk huma “ġew imwettqa f’setturi ġeografikament differenti”, huma qegħdin “f’żona ġeografika waħda”. L-argument tar-Renju ta’ Spanja dwar l‑allegata kontradizzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax jintlaqa’.

96      L-argument tar-Renju ta’ Spanja li jistabbilixxi paralleliżmu mas-sitwazzjoni eżaminata fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, għandu għalhekk jiġi miċħud. Ir-Renju ta’ Spanja ma pproduċa l-ebda prova sabiex jistabbilixxi li l-kuntratti kontenzjużi kienu jikkonċernaw netwerks ta’ dranaġġ differenti u li fir-rigward tagħhom kellu jiġi eżaminat jekk setgħux jinġabru flimkien.

97      Fl-aħħar nett, b’risposta għall-argument tal-Kummissjoni li d‑Direttiva 91/271 tuża l-agglomerazzjoni bħala kuntest ġeografiku ta’ riferiment fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li dan ir-riferiment ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet li tiġi ddefinita biċċa xogħol fis-sens tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Skontu, il-fatt li din id-direttiva tuża l-agglomerazzjoni bħala kuntest ġeografiku ta’ riferiment jagħmel sens fil-kuntest tat-trattament tal-ilma tad‑dranaġġ u tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-eżitu tal-biċċiet ta’ xogħol differenti jifforma parti integrali mill-funzjoni moqdija min-netwerk tad-dranaġġ tal-belt ta’ Zaragoza, hija l-kopertura ta’ dan in-netwerk li tikkostitwixxi ż-żona ġeografika rilevanti, irrispettivament minn jekk dan in-netwerk ikunx marbut mal‑agglomerazzjoni urbana jew mat-territorju muniċipali.

98      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-argument tar-Renju ta’ Spanja ma jistax jintlaqa’ fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ allegat kriterju ġeografiku, li kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra, fid‑deċiżjoni kkontestata, li l-proġetti inkwistjoni ma kinux jifformaw żewġ biċċiet xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38.

99      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aspett temporali, il-Kummissjoni kkunsidrat, fid-deċiżjoni kkontestata, żewġ gruppi ta’ proġetti, wieħed għall-fażi SPWS u l-ieħor għall-fażi FIMMA 97.

100    F’dan ir-rigward, jekk jiġi preżunt li r-Renju ta’ Spanja għandu interess li jikkontesta din id-diviżjoni f’żewġ deċiżjonijiet, l-argumenti tiegħu, fis-sens li ma kienx possibbli li jiġu ddefiniti żewġ gruppi sempliċement fid-dawl tal-fatt li l-proġetti kienu ġew approvati f’żewġ deċiżjonijiet differenti, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, kif sostniet il‑Kummissjoni, il-fatt li hija kkunsidrat żewġ gruppi ta’ proġetti jirriżulta minn applikazzjoni tal-element temporali, peress li l-ġbir tax-xogħlijiet kien ikkollegat mal-appartenenza tagħhom għal żewġ fażijiet, temporalment distinti, tal-pjan ta’ purifikazzjoni ta’ Zaragoza.

101    Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-fatt li l-proġetti kontenzjużi jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu għall-istess unità temporali, fi ħdan kull waħda miż-żewġ fażijiet. Huwa jikkontesta l‑analiżi a posteriori tal-Kummissjoni, li ma kinitx ikkonfutat, matul il-proċedura amministrattiva, l-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l‑kuntratti kienu ġew konklużi matul perijodu ta’ erbatax-il xahar għall-fażi SWPS u ta’ għoxrin xahar għall-fażi FIMMA 97.

102    Kif diġà ġie ppreċiżat (ara l-punti 50, 52 u 53 iktar ʼil fuq), il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, ma ddefinixxietx kriterju temporali, iżda ħadet inkunsiderazzjoni l-aspett temporali bħala element ta’ evalwazzjoni. Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssemmix l-eżistenza ta’ unità temporali, iżda ssemmi “is-simultanjetà tat-tnedija tal-kuntratti kontenzjużi”, filwaqt li, kif sostniet il-Kummissjoni, l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (Ġabra p. I‑8341, I‑8318), jagħmel riferiment għal “perijodu determinat” (punt 72).

103    F’dan il-każ, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, is-sejħiet għal offerti kienu ġew ippubblikati matul l-istess perijodu ta’ żmien għal kull wieħed mill-gruppi ta’ proġetti inkwistjoni. Għalhekk, mit-tmien kuntratti tal-fażi SWPS, sebgħa kienu ġew ippubblikati f’inqas minn erba’ xhur, bejn id-29 ta’ Lulju u s-17 ta’ Diċembru 1997, fejn ħamsa minnhom kienu ġew ippubblikati f’żewġ dati, u wieħed kien ġie ppubblikat fl-24 ta’ Lulju 1998, iżda b’terminu ta’ eżekuzzjoni ta’ erba’ xhur. Fir-rigward tal-erba’ kuntratti tal-fażi FIMMA 97, is-sejħiet għal offerti kienu ġew ippubblikati f’inqas minn sitt xhur, bejn it-13 ta’ Novembru 1998 u d-9 ta’ Ġunju 1999.

[omissis]

107    Fl-aħħar nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Renju ta’ Spanja fir‑rigward tal-eżistenza tal-allegat kriterju temporali, li l-applikazzjoni tiegħu f’dan il-każ tista’ tippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat, fid-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm żewġ biċċiet xogħol.

108    It-tieni nett, ir-Renju ta’ Spanja jallega li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, ibbażat ruħha fuq kriterji xi ftit partikolari sabiex tiddetermina l-ksur tal-awtoritajiet Spanjoli, bħall-kapaċità tal-offerenti potenzjali jew tal-utilità għalihom li jwettqu xi wħud mill-kuntratti jew il-kuntratti kollha fl-istess ħin (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

109    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni effettivament semmiet ċerti elementi relatati mal-offerenti potenzjali fil-parti dwar l-evalwazzjoni inizjali (premessa 9). Hija semmiethom ukoll fl-evalwazzjoni finali (premessa 25), filwaqt li użat formulazzjoni differenti.

110    Madankollu, mill-premessi 24 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet favur l-eżistenza ta’ żewġ biċċiet xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad‑Direttiva 93/38 minħabba li kienu sodisfatti l-kriterju funzjonali tekniku u dak ekonomiku. Għaldaqstant, l-elementi msemmija fil-premessa 25 tad‑deċiżjoni kkontestata huma biss konferma tal-konklużjoni bbażata fuq dawn il-kriterji funzjonali. Konsegwentement, ir-riferiment għal dawn l-elementi ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

111    Sussidjarjament, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tar-riferimenti għall‑offerenti potenzjali, fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 42, li “il-possibbiltà għal impriża tal-Komunità sabiex twettaq ix-xogħlijiet kollha li huma koperti mill-kuntratti kkonċernati” tista’ tikkostitwixxi indizju li jikkorrobora l-eżistenza ta’ biċċa xogħol fis-sens tad-Direttiva 93/38.

112    Barra minn hekk, fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni semmiet l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/38. Issa, din id-dispożizzjoni tipprekludi kull diskriminazzjoni bejn l-offerenti, billi tipproteġi bl-istess mod lil dawk li jkun reġa’ bdielhom milli jissottomettu l-offerta, peress li jkunu ġew żvantaġġjati mill-proċedura segwita mill-entità kontraenti (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 109). L-elementi dwar l-offerenti potenzjali, fil-premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata, huma għalhekk imsemmija wkoll fid-dawl tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/38.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li r-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni wettqet żball fid-deċiżjoni kkontestata, la f’dak li jikkonċerna d-definizzjoni tal-kriterji li jippermettu li biċċa xogħol tiġi kklassifikata fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38, u lanqas f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji f’dan il-każ. Fil-fatt, ix-xogħlijiet inkwistjoni jikkonsistu f’żewġ serje ta’ xogħlijiet individwali fuq in-netwerk tad-dranaġġ ta’ Zaragoza u l-eżitu tagħhom, ladarba jitlestew ix-xogħlijiet, jifforma parti integrali mill-funzjoni moqdija minn dan in-netwerk. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja ma weriex li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat favur l‑eżistenza ta’ żewġ biċċiet xogħol, waħda għall-fażi SPWS u l-oħra għall-fażi FIMMA 97.

114    Konsegwentement hemm lok li l-ewwel parti ta’ dan il-motiv tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura intenzjonali

115    Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li l-ksur tal-Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38 jippreżumi intenzjoni li għandha tiġi pprovata mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, skontu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi, u mhux ir-Regolament Nru 1164/94. Madankollu, il-Kummissjoni ma pproduċietx prova ta’ tali intenzjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li kien aġixxa bi trasparenza kif ukoll b’sinċerità u b’kooperazzjoni sħiħa mal‑Kummissjoni matul il-proċedura kollha.

116    F’dan il-każ, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kisru l-Artikolu 14(13) tad‑Direttiva 93/38 u imponiet korrezzjoni finanzjarja fuq ir-Renju ta’ Spanja, inkonformità mal-Artikolu H tal-Anness II tar-Regolament Nru 1164/94.

117    Kif isostni ġustament ir-Renju ta’ Spanja, l-Avukat Ġenerali Jacobs fil‑konklużjonijiet tiegħu fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitati iktar ʼil fuq, kien sostna li l-formulazzjoni tal-Artikolu 14(13) tad‑Direttiva 93/38 timplika grad ta’ intenzjoni fl-aġir segwit (punti 37 sa 39).

118    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ʼil fuq (punt 31), li l‑Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38 jesprimi b’mod konkret l-obbligi li jirriżultaw għall-entitajiet kontraenti mill-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38 u li għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni konġuntament ma’ dan tal-aħħar bil-għan li tittieħed deċiżjoni fuq l-eżistenza ta’ qsim ta’ biċċa xogħol. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma investigatx jekk l-entitajiet kontraenti kinux qasmu intenzjonalment il-biċċa xogħol fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad‑Direttiva 93/38.

119    Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tipprova, fir-rigward tal-Artikolu 14(13) tad-Direttiva 93/38, l-eżistenza ta’ intenzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli li jaqsmu, f’kuntratti differenti, biċċa xogħol waħda fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(10) tad-Direttiva 93/38. Konsegwentement, ma kien hemm l-ebda oneru tal-prova fuqha f’dan ir-rigward u ma tistax tiġi kkritikata, jekk ikun il-każ, li ma ppruvatx tali intenzjoni.

120    Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mill-argumenti tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-awtoritajiet Spanjoli kienu kkooperaw lealment mal-Kummissjoni u kienu aġixxew bi trasparenza u b’sinċerità. Fil-fatt, peress li ebda element intenzjonali min-naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati ma huwa neċessarju sabiex jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 14(13) tad‑Direttiva 93/38, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-aġir tal-awtoritajiet Spanjoli f’dan il-każ huma irrilevanti għall-finijiet tal‑prova li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat favur l-eżistenza ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Truchot

Martins Ribeiro

Popescu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.


1 –      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-pubblikazzjoni tagħhom tqieset li hija utli mill-Qorti Ġenerali.