Language of document : ECLI:EU:T:2015:375

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Protezzjoni tal-konsumaturi — Regolament (UE) Nru 432/2012 — Indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel — Rikors għal annullament — Att leġiżlattiv li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni — Interess dirett — Ammissibbiltà — Ksur tal-Artikoli 13 u 28 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Nondiskriminazzjoni — Kriterji ta’ evalwazzjoni żbaljati — Regolament Nru 1924/2006 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Dritt ta’ smigħ — Ċertezza legali — Perijodu tranżitorju irraġonevoli — Listi ta’ indikazzjonijiet sospiżi”

Fil-Kawża T‑296/12,

The Health Food Manufacturers’ Association, stabbilita fi East Molesey (ir-Renju Unit),

Quest Vitamins Ltd, stabbilita fi Birmingham (ir-Renju Unit),

Natures Aid Ltd, stabbilita fi Kirkham (ir-Renju Unit),

Natuur-& gezondheidsProducten Nederland, stabbilita fi Ermelo (il-Pajjiżi l-Baxxi),

New Care Supplements B V, stabbilita fi Oisterwijk (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn B. Kelly u G. Castle, solicitors, u P. Bogaert, avukat,

rikorrenti,

sostnuti minn

FederSalus, stabbilita fi Ruma (l-Italja),

Medestea biotech SpA, stabbilita fi Torino (l-Italja),

u

Naturando Srl, stabbilita fi Osio Sotto (l-Italja),

irrappreżentati minn E. Valenti u D. Letizi, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u S. Grünheid, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Franċiża, inizjalment irrappreżentata minn D. Colas u S. Menez, sussegwentement minn M. Colas u S. Ghiandoni, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Rodrigues u L. Visaggio, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn I. Šulce u M. Moore, bħala aġenti,

u minn

Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), stabbilit fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Pappas, avukat,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012, tas-16 ta’ Mejju 2012, li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. 1), kif ukoll tal-allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa msejħa sospiżi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn M. Kancheva (Relatur), Aġent President, C. Wetter u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, The Health Food Manufacturers’ Association, Quest Vitamins Ltd, Natures Aid Ltd, Natuur-& gezondheidsProducten Nederland u New Care Supplements B V, huma stabbiliti fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi u huma, minn naħa, impriżi li jipproduċu u jikkummerċjalizzaw supplimenti tal-ikel u ikel dijetetiku fis-suq Ewropew u, min-naħa l-oħra, assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw l-interessi ta’ impriżi li għandhom din it-tip ta’ attività. Dawn tal-aħħar jużaw normalment indikazzjonijiet dwar is-saħħa fuq it-tikketta tal-prodotti tagħhom u fir-reklamar tagħhom.

2        Wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2007, dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU L 404, p. 9), ir-rikorrenti ppreżentaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa lill-awtoritajiet tal-Istati Membri tagħhom rispettivi għall-finijiet tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 13(1) u (3) ta’ dan ir-regolament. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew irċeviet sussegwentement listi b’aktar minn 44 000 indikazzjoni dwar is-saħħa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament. Fuq il-bażi ta’ dawn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, il-Kummissjoni stabbiliet lista kkonsolidata intiża sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet u repitazzjonijiet, kif ukoll sistema kodifika, ippubblikata fuq l-internet, sabiex tiggarantixxi, fil-fehma tagħha, ipproċessar koerenti tal-listi nazzjonali u l-identifikazzjoni tal-imsemmija indikazzjonijiet mill-użu ta’ numri “ID”.

3        Fl- 24 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni ressqet b’mod formali lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) talba għal opinjoni xjentifika skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (iktar ’il quddiem it-“talba għal opinjoni xjentifika”). F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni ressqet lill-EFSA l-ewwel parti tal-lista kkonsolidata. Il-kumplament tal-partijiet tal-lista kkonsolidata ġew trażmessi f’Novembru u Diċembru 2008 wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, u sussegwentement, permezz ta’ addendum, f’Marzu 2010, li jirrigwarda n-numru finali ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għandu jiġi eżaminat għal 4 637.

4        Bejn Ottubru 2009 u Lulju 2011, l-EFSA wettqet l-evalwazzjoni xjentifika tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa trażmessi mill-Kummissjoni.

5        Fis-16 ta’ Mejju 2012, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 432/2012 li jistabbilixxi lista ta’ indikazzjonijiet permessi dwar is-saħħa li jsiru fuq l-ikel, barra dawk li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal (ĠU L 136, p. 1). F’dan ir-regolament, hija awtorizzat lista parzjali ta’ 222 indikazzjoni dwar is-saħħa, li jikkorrispondu għal 497 entrata inklużi fil-lista kkonsolidata li għalihom l-EFSA kkonkludiet, essenzjalment, li d-data ppreżentata ġiet stabbilita relazzjoni ta’ kawża u effett bejn kategorija tal-ikel, tip ta’ ikel jew wieħed mill-kostitwenti tal-ikel, u l-effett indikat (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ indikazzjonijiet permessi”). L-imsemmija indikazzjonijiet, kif ukoll indikazzjonijiet oħrajn li kienu ġew miċħuda, ġew ukoll inklużi fir-Reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u dwar is-saħħa li jikkonċernaw prodotti tal-ikel, stabbilit mill-Kummissjoni konformement mal-Artikolu 20(2)(ċ) u (d) tar-Regolament Nru 1924/2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixiet li r-Regolament Nru 432/2012 għandu japplika sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ, jiġifieri mill-14 ta’ Diċembru 2012, sabiex jippermetti lill-operaturi tas-settur tal-ikel jadattaw għar-rekwiżiti tiegħu, inkluża l-projbizzjoni, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li tkun saret l-evalwazzjoni tagħhom mill-Awtorità u li fuqhom iddeċidiet il-Kummissjoni.

6        Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni stabbilixxiet lista’ ta’ iktar minn 2 000 indikazzjoni li l-EFSA għadha ma lestietx l-evalwazzjoni tagħhom jew li fuqhom hija għadha ma ddeċidietx fuqhom, u hija ppubblikat din il-lista fuq is-sit internet tagħha (iktar ’il quddiem il-“lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi”). Skont il-Kummissjoni, dawn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, li jirrigwardaw b’mod partikolari fuq l-effetti tal-pjanti jew sustanzi tal-ħxejjex, imsemmija “sostanzi botaniċi”, jibqgħu sostpiżi u jistgħu għalhekk jibqgħu jintużaw skont is-sistema tranżitorja prevista fl-Artikoli 28(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-2 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

8        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-25 ta’ Settembru 2012, ir-Repubblika Ċeka talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

9        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Settembru 2012, il-Bureau européen des unions de consommateurs (iktar ’il quddiem il-“BEUC”) talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Settembru 2012, FederSalus, Medestea biotech SpA u Naturando Srl talbu li jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

12      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2012, il-Parlament Ewropew talab li jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-3 ta’ Ottubru 2012, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

14      Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrenti talbu li, konformement mal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ċerta data kunfidenzjali tiġi eskluża mill-komunikazzjoni tal-anness tar-rikors lill-partijiet, fil-każ li huma jiġu ammessi li jintervjenu fil-kawża. Ir-rikorrenti ppreżentaw, għall-finijiet ta’ din il-komunikazzjoni, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-att ikkonċernat.

15      Permezz ta’ digrieti tas-16 ta’ Jannar 2013, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talbiet għal intervent tar-Repubblika Ċeka, tal-Kunsill tal-Unjoni, tal-Parlament Ewropew, tar-Repubblika Franċiża u tal-BEUC, insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, kif ukoll għal dik ta’ FederSalus, ta’ Medestea Biotech u ta’ Naturando, insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali rriżerva d-deċiżjoni fuq il-fondatezza tat-talba għal trattament kunfidenzjali u llimitata provviżorjament il-komunikazzjoni tal-atti ta’ proċedura għall-imsemmija partijiet għal verżjoni mhux kunfidenzjali, sakemm jingħataw eventwali osservazzjonijiet fuq it-talba għal trattament kunfidenzjali.

16      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-7 ta’ Frar 2013, il-BEUC qajjem oġġezzjonijiet fir-rigward tat-talba għal trattament kunfidenzjali mressqa mir-rikorrenti.

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ April 2013, ir-Repubblika Ċeka informat lill-Qorti Ġenerali li hija tirrinunċja għall-intervent tagħha insostenn tal-Kummissjoni.

18      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Lulju 2013, ir-Repubblika Ċeka tneħħiet mir-Reġistru bħala intervenjenti f’din il-kawża.

19      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

20      Peress li l-President tat-Tmien Awla ma setax jipparteċipa, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar, skont l-ordni previst fl-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ewwel imħallef sabiex jissostitwixxih u, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tieni mħallef sabiex jikkompleta l-Awla.

21      Fit-22 ta’ April 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, bħala offerta ta’ prova ġdida insostenn tal-argumenti tagħhom, bullettin tal-Ministeru tas-Saħħa tar-Renju Unit bid-data tas-16 ta’ April 2014.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Mejju 2014, il-bullettin inkwistjoni ġie ppreżentat fil-proċess u terminu ġie ffissat sabiex il-partijiet l-oħrajn ikun jistgħu jesprimu ruħhom fuq dan is-suġġett. Dawn tal-aħħar ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

23      Permezz ta’ digrieti tat-4 ta’ Settembru 2014, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal trattament kunfidenzjali tar-rikorrenti u rriżerva l-ispejjeż.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, minn naħa, stiednet lir-rikorrenti jipprovdulha l-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernawha u jindikaw b’mod preċiż l-istatus tal-imsemmija indikazzjonijiet, jiġifieri jekk dawn kinux ġew permessi, miċħuda jew sospiżi wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jispeċifikaw jekk ir-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxix, fil-fehma tagħhom, att regolamentorju li jikkonċerna r-rikorrenti direttament jew li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din l-istedina fit-terminu stabbilit.

25      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2014.

26      Ir-rikorrenti, sostnuti minn FederSalus, Medestea Biotech u Naturando, jitolbu lill-Qorti Ġenerali jogħġobhom:

–        tannulla r-Regolament Nru 432/2012;

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-indikazzjonijiet sospiżi;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, mill-Parlament u mir-Repubblika Franċiża u mill-BREU titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobhom:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      Preliminarjament, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, għalkemm, fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla r-Regolament Nru 432/2012, mir-rikors jirriżulta li din it-talba għal annullament hija bbażata parzjalment fuq l-illegalità tal-att li kien iservi ta’ bażi għall-imsemmi regolament. F’dan iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li t-talba titlob ukoll, inċidentalment u fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE, li tiġi ddikjarata, insostenn tat-talbiet għal annullament, l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-allegata deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi. Dawn it-tliet talbiet għandhom jiġu eżaminati separatament.

1.     Fuq it-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012

 Fuq l-ammissibbiltà

29      Mingħajr ma tqajjem b’mod formali eċċezzjoni ta’ inammissibbli skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, il-Parlament, ir-Repubblika Franċiża u l-BEUC, issostni li t-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012 hija inammissibbli. B’mod partikolari, hija ddikjara li, anki jekk ir-Regolament Nru 432/2012 jitqies li huwa att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti ma wrewx li huma kienu direttament ikkonċernati mill-imsemmi regolament.

30      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-inammissibbiltà tar-rikors. Qabel kollox, huma jsostnu li r-Regolament Nru 432/2012 huwa att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. Sussegwentement, huma jsostnu li, konformement mal-ġurisprudenza, dan ir-regolament jikkonċernahom direttament peress li, minn naħa, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom u, min-naħa l-oħra, ma jħallix l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji li huma responsabbli għall-impelmentazzjoni tiegħu.

31      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi, tippreżenta rikors kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

32      F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-Regolament Nru 432/2012 ma kinitx indirizzat lir-rikorrenti, li għalhekk ma humiex id-destinatarji ta’ dan l-att. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament kontra dan l-att ħlief jekk, jew jikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma għandu l-ebda miżuri ta’ implementazzjoni, jew li jikkonċernahom direttament u individwalment.

33      Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni tikkostitwixxix att regolatorju, fis-sens tat-tielet każ imsemmi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

34      Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “att regolatorju” għandu jinftiehem li jinvolvi atti ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punt 60).

35      Fil-każ ineżami, minn naħa, ir-Regolament Nru 432/2012 għandu bażi legali l-Artikolu 13 (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jikkonferixxi lill-Kummissjoni l-mandat li tadotta, konformement mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(3) tal-istess regolament, lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. L-Artikolu 25(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1924/468/KE, jirreferi, min-naħa tiegħu, għall-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tat-28 ta’ Ġunju 1999, li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124), li huwa rriżervat għall-adozzjoni ta’ miżuri li kellhom bħala suġġett li jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ att bażiku adottat skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni. Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 432/2012 kien adottat mill-Kummissjoni fl-eżerċizzjoni tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura regolatarja bi skrutinju u li, konsegwentement, ma jikkostitwixxix att leġiżlattiv fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (EU:C:2013:625, punt 34 iktar ’il fuq).

36      Min-naħa l-oħra, peress li r-Regolament Nru 432/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, japplika għall-operaturi kollha tal-settur tal-ikel li jużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawn li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal, għandu jiġi rrilevat li l-portata ġenerali li tapplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u jkollha effetti legali vinkolanti fir-rigward ta’ kategorija ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il-Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 23].

37      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

38      Fit-tieni lok, rigward il-kunċett ta’ interess dirett, ġie deċiż li din il-kundizzjoni teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 43, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, Ġabra, EU:C:2009:529, punt 45).

39      F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-effetti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 432/2012 jikkonsistu, minn naħa, li jawtorizzaw, skont l-Artikolu 1 tiegħu, total ta’ 222 indikazzjoni dwar is-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis ir-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. Min-naħa l-oħra, kif espost fil-premessi 12 u 13 tar-Regolament Nru 432/2012, dan tal-aħħar għandu l-effett li jipprojbixxi, skont l-applikazzjoni tiegħu flimkien mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, ċertu numru ta’ indikazzjonijiet tal-isem tip, li l-evalwazzjoni u l-verifika tagħhom skont l-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament saru mill-EFSA u mill-Kummissjoni rispettivament, billi kkonkludew, essenzjalment, li huma ma kellhomx bażi xjentifika jew li huma ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali jew speċifiċi previsti mill-imsemmija regolament.

40      Minn dawn isegwi li, peress li r-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tar-Regolament Nru 432/2012, huma għandhom l-obbligu li jidentifikaw, għall-finijiet li juru li huma għandhom interess dirett fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-imsemmi regolament li jikkawżaw ħsara għas-sitwazzjoni legali. B’mod iktar partikolari, sa fejn, kif jirriżulta essenzjalment mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi ma humiex is-suġġett tar-rikors tagħhom, minħabba li l-annullament tagħhom ma għandhom ebda interess għar-rikorrenti, dawn tal-aħħar għandhom l-obbligu li juru li, waqt il-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, huma jużaw, fil-komunikazzjonijiet kummerċjali li jirrigwardaw il-prodotti tagħhom, indikazzjonijiet ipprojbiti wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012.

41      Fil-każ ineżami, b’risposta għat-talba indirizzata fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrenti, b’mod partikolari t-tieni, it-tielet u l-ħames rikorrenti, bħala prodotturi ta’ prodotti tal-ikel, ipprovdew lill-Qorti Ġenerali l-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernawhom, billi jindikaw b’mod preċiż l-istatus tal-imsemmija indikazzjonijiet, b’mod partikolari jekk huma nċaħdux wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. Barra minn hekk, huma ppreżentaw dikjarazzjoni ffirmata mid-diretturi rispettivi tagħhom, li tikkonferma b’mod partikolari li l-imsemmija indikazzjonijiet intużaw fid-data tal-preżentata tar-rikors, jiġifieri fit-2 ta’ Lulju 2014. Sa fejn dawn id-dokumenti jattestaw li r-rikorrenti kienu użaw, fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom, indikazzjonijiet dwar is-saħħa miċħuda mir-Regolament Nru 432/2012, għandu jiġi kkonstatat li dan tal-aħħar ikollu effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħhom.

42      Sussegwentement, għandha tiġi eskluża l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, ifformulata kemm mir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kif ukoll mis-seduta, li tgħid li d-dokumenti prodotti mir-rikorrenti ma kellhomx saħħa probatorja. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, l-attività tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali hija rregolata mill-prinċipju ta’ evalwazzjoni libera tal-provi, u li l-uniku kriterju biex jiġi evalwat il-valur tal-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, sabiex jiġi evalwat il-valur probatorju ta’ dokument, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi vverifikat jekk l-informazzjoni inkluża fiha hijiex verosimili. Għalhekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-oriġini tad-dokument, iċ-ċirkustanzi li fihom tħejja, id-destinatarju tiegħu, u jekk, abbażi tal-kontenut tiegħu, jidhirx li huwa raġonevoli u affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il-Kummissjoni, T‑343/06, Ġabra, EU:T:2012:478, punt 161 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, fil-każ ineżami, l-ewwel nett, id-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti huma dikjarazzjonijiet iffirmati minn dawn tal-aħħar, li huma meħtieġa li jkollhom il-kapaċità li joffru indikazzjonijiet preċiżi rigward l-informazzjoni mitluba, it-tieni nett, huwa ġew prodotti fuq it-talba espressa tal-Qorti Ġenerali u t-tielet nett, huma ġew prodotti permezz tal-avukat li jirrappreżenta r-rikorrenti fl-azzjoni tagħhom, li, bħala kollaboratur tal-ġustizzja u minħabba obbligi ta’ etika li huwa għandu, għandu jiżgura l-awtenċita u l-veraċità tal-imsemmija dokumenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li l-kredibbiltà ta’ dawn id-dokumenti hija stabbilita b’mod suffiċjenti. Barra minn hekk, filwaqt li l-Kummissjoni tikkontesta l-veraċità globali ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, hija ma tressaq l-ebda prova li tissuġġerixxi li informazzjoni preċiża tinsab fil-lista trażmessa mir-rikorrenti, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, hija distorta.

43      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-ewwel u r-raba’ rikorrenti, li huma, inkwantu assoċjazzjonijiet ta’ produtturi ta’ supplimenti tal-ikel, ma kellhomx, skont il-Kummissjoni, locus standi f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, sa fejn ir-rikorrenti ppreżentaw rikors wieħed li l-ammissibbiltà tagħhom fir-rigward tat-tieni, it-tielet u l-ħames rikorrenti ġiet stabbilita, ma hemm lok, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors għal dak li jikkonċerna l-ewwel u r-raba’ rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, EU:T:2012:635, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 432/2012 ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, peress li l-awtorizzazzjoni prevista fl-imsemmi regolament li tinkludi, b’evidenza sħiħa, natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni unika kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħrajn intermedjarji. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont it-termini tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 432/2012, dan huwa obbligatorju fl-elementi kollha tiegħu u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

45      Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandhom jitqiesu li huma direttament ikkonċernati mir-Regolament Nru 432/2012.

46      Fit-tielet lok, rigward il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tinvolvix jew le miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li, qabel kollox, skont il-ġurisprudenza l-kunċett ta’ “atti regolatorji [...] li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni” jeħtieġ li jiġi interpretat fis-sens tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fih ġiet fis-seħħ, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qorti (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 27).

47      Sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra fil-kawża (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 30).

48      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment esklużivament għas-suġġett tar-rikors, u fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l-annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ din il-parti tal-att possibbilment tinvolvi, li għandhom skont il-każ jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenza Telefónica vs Il-Kummissjoni, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 31).

49      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 432/2012 japplika, b’definizzjoni, b’mod awtomatiku fir-rigward tar-rikorrenti u li l-applikazzjoni tiegħu ma teħtieġ ebda tip ta’ miżura min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej.

50      Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 432/2012 ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

51      Konsegwentement, sa fejn ir-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxi att regolatorju li jikkonċerna direttament ir-rikorrenti u li ma jinkludix miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda, ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat l-eventwali interess individwali tar-rikorrenti.

 Fuq il-mertu

52      Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi. L-ewwel jirrigwarda l-assenza ta’ bażi legali u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’diversi stadji. It-tieni jirrigwarda ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali, kif ukoll ksur tad-dover ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet ta’ prodotti tal-ikel nazzjonali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fl-okkażjoni tan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ numri għoli ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa fil-lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi legali u fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’diversi stadji

53      L-ewwel motiv tar-rikors jinqasam f’żewġ partijiet:

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ bażi legali u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

54      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jinvokaw tliet ilmenti.

55      L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-miżura prevista mir-Regolament Nru 432/2012, li tikkonsisti fid-diviżjoni tal-proċedura għal permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’diversi stadji, huwa nieqes minn bażi legali , fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 jirrigwarda biss l-adozzjoni ta’ lista’ definittiva unika ta’ permess għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, b’tali mod li ma jippermettix li li tiġi stabbilita l-imsemmija lista, kif tagħmel il-Kummissjoni, b’mod parzjali u gradwali. Ir-rikorrenti josservaw barra minn hekk li l-Kummissjoni ma osservatx it-terminu previst mir-Regolament Nru 1924/2006 għall-adozzjoni tal-imsemmija lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

56      It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza neċessarja sabiex tistabbilixxi miżuri tranżitorju addizzjonali għall-indikazzjonijiet li l-imsemmija istituzzjoni ddeċidiet li tissospendi.

57      It-tielet ilment huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li ma huwiex possibbli li jiġu identifikati, b’ċarezza u preċiżjoni, l-indikazzjonijiet li, skonti l-Kummissjoni, jibqgħu sospiżi, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-indikazzjonijiet li nċaħdu.

58      Il-Kummissjoni, sostnuta b’mod partikolari mir-Repubblika Franċiża u mill-BEUC, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, li jibbażaw, fil-fehma tagħha, fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Hija żżid ukoll li d-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura għal permess f’diversi stadji kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanza fil-każ ineżami.

59      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ bażi legali li tawtorizza t-tqassim tal-proċedura għal permezz ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’diversi stadji, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni inkariga lill-Kummissjoni, permezz tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2007, bil-kompitu li tistabbilixxi, fil-livell tal-Unjoni, lista armonizzata ta’ indikazzjonijiet permessi differenti minn dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju ta’ mard kif ukoll għall-iżvilupp u għas-saħħa tat-tfal. B’mod partikolari, skont l-imsemmi artikolu, il-lista għandha tinkludi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li, minbarra l-appartenenza tagħhom għal waħda mill-kategoriji elenkati fil-paragrafu 1 tiegħu, kienu jibbażaw fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati u kienu jistgħu jinftiehmu sew mill-konsumaturi medji. Barra minn hekk, essenzjalment, mill-Artikolu 13 (2) u (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 25(3) tal-istess regolament, wara, minn naħa, li l-Istati Membri jibagħtu listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa ntużati fis-swieq rispettivi tagħhom u, min-naħa l-oħra, l-konsultazzjoni tal-EFSA, l-iktar tard fil-31 ta’ Jannar 2010.

60      Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jispeċifikax jekk il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi għandhiex tiġi adottata darba, kif jallegaw ir-rikorrenti, jew jekk, min-naħa l-oħra, din il-lista setgħetx tiġi adottata f’diversi stadji, tippermetti għalhekk il-Kummissjoni li tipposponi l-permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li l-evalwazzjoni tagħha, kemm quddiem l-EFSA, kif ukoll quddiemha, ma ngħalqitx. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żball meta qieset li l-imsemmija dispożizzjoni tippermettilha li twettaq gradwalment l-adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

61      Il-Qorti Ġenerali tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxa mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (ara s-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et C‑17/03, Ġabra EU:C:2005:362, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Peress li l-interpretazzjonijiet litterali u storiċi ta’ regolament, u b’mod partikolari ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet tiegħu, ma jippermettux li tiġi evalwata l-portata preċiża tiegħu, l-interpretazzjoni tar-regolament inkwistjoni għandha tiġi bbażata kemm fuq l-għan tiegħu kif ukoll fuq l-istruttura ġenerali tiegħu [ara s-sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Gem-Year u Jinn-Well Auto-Parts (Zhejiang) vs Il-Kunsill, T‑172/09, EU:T:2012:532, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata].

63      Barra minn hekk, id-dispożittiv ta’ att huwa inseparabbli mill-motivi tiegħu, u għalhekk għandu jiġi interpretat, jekk meħtieġ, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu (ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Gold East Paper u Gold Huasheng Paper vs Il-Kunsill, T‑443/11, Ġabra, EU:T:2014:774, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, kemm mill-premessi 1 u 2 tiegħu kif ukoll mill-Artikolu 1 tiegħu jirriżulta li l-għan tar-Regolament Nru 1924/2006 huwa li jelimina l-ostakoli għall-kummerċ fl-Unjoni li jirriżultaw minn diverġenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw il-komunikazzjonijiet kummerċjali tal-indikazzjonijiet użati fl-ittikkettjar u fir-reklamar tal-prodotti tal-ikel, filwaqt li jiżgura livell ta’ protezzjoni għoli tal-konsumaturi billi jiffaċilita l-għażla tagħhom għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti siguri u adegwatament ittikkettjati. B’mod iktar partikolari, skont il-premessa 14 tal-istess regolament, huwa neċessarju li jiġi żgurat li dan juri li s-sustanzi li huwa s-suġġett ta’ allegazzjoni għandhom effett nutrittiv jew psikoloġiku benefiku. Il-premessa 23 tar-Regolament Nru 1924/2006 tindika barra minn hekk li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu awtorizzati biss wara evalwazzjoni xjentifika li tissodisfa r-rekwiżiti l-iktar għoljin u li għandha titwettaq mill-EFSA.

65      Fid-dawl tal-għanijiet imsemmija fil-punt iktar ’il fuq, qabel kollox għandu jiġi interpretat l-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 fis-sens li jinkludi biss obbligu ta’ riżultat għall-Kummissjoni, li jikkonsisti li tiġi adottata, wara konsultazzjoni mal-EFSA, il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi fuq il-bażi ta’ listi nazzjonali pprovduti mill-Istati Membri. Fil-fatt, xejn fil-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew tal-premessi tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jissuġġerixxi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jċaħħad lill-Kummissjoni mill-fakultà li tipproċedi b’mod gradwali għar-redazzjoni tal-imsemmija lista u, b’mod partikolari, li tikkompleta b’mod sħiħ u b’mod tali li l-evalwazzjonijiet tekniċi jitwettqu mill-EFSA u li l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi regolament huma vverifikati mill-Kummissjoni stess. Bil-kontra, sa fejn l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jispeċifikax il-modalitajiet li jipprovdu li l-Kummissjoni għandha twettaq il-missjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tissuġġetta għall-evalwazzjoni libera ta’ din l-istituzzjoni d-definizzjoni, fl-osservanza tal-prinċipji ffissati mir-Regolament Nru 1924/2006 u tad-dritt tal-Unjoni, tar-rata li għandha twassal għall-adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex l-għan assenjat lilha jkun jista’ jiġi segwit b’mod effiċjenti, u, bħall-każ ineżami, fid-dawl ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha tagħmel, il-Kummissjoni għandha jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il-Kummissjoni, T‑75/06, Ġabra, EU:T:2008:317, punti 81 u 82, u tad-19 ta’ Jannar 2012, Xeda International u Pace International vs Il-Kummissjoni, EU:T:2012:18, punt 69).

66      Sussegwentement, l-interpretazzjoni preċedenti hija wkoll ikkorroborata, kif tirrileva b’mod partikolari r-Repubblika Franċiża, mill-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 13(4) u (5) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-leġiżlatur ipprovda l-possibbiltà li tiġi emendata l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi kemm fuq il-bażi ta’ provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati, kif ukoll fuq il-bażi ta’ provi xjentifiċi stabbiliti mill-ġdid. Għalhekk għandu jitqies li l-leġiżlatur ma jipprekludix li din il-lista tiġi kkompletata b’mod gradwali, u konsegwentement, għall-fatt li din il-lista għandha natura progressiva, fid-dawl tad-data xjentifikament disponibbli.

67      Fl-aħħar nett, filwaqt li r-rikorrenti jsostnu li l-premessa 26 tar-Regolament Nru 1924/2006 tirreferi “għal lista” ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi u li l-Artikolu 28(5) tal-istess regolament jirreferi “għal-lista” ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi, għandu jiġi kkonstatat li dan il-fatt ma għandux rilevanza fuq il-possibbiltà li tiġi adottata din il-lista b’mod gradwali. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevati, bħall-Kummissjoni, li l-approċċ ibbażat fuq l-adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi f’diversi stadji jwassal għall-adozzjoni ta’ listi differenti, kif jallegaw ir-rikorrenti, iżda għall-adozzjoni ta’ lista unika gradwalment mlestija.

68      Minn dan isegwi li l-formulazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) sa (3) tiegħu ma tistax tiġi interpretata li huwa jipprojbixxi lill-Kummissjoni li tadotta, f’diversi stadji, il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

69      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset li d-dispożizzjoni inkwistjoni tippermettilha li tipproċedi gradwalment għall-adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi.

70      Il-konklużjoni preċedenti ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħrajn invokati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ewwel ilment.

71      L-ewwel nett, jekk huwa minnu, kif josservaw ir-rikorrenti, li, skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, il-Kummissjoni kellha l-obbligu li tadotta l-lista kompluta tal-indikazzjonijiet permessi mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar 2010 u li l-imsemmija lista ġiet adottata biss parzjalment mir-Regolament Nru 432/2012 fid-data tas-16 ta’ Mejju 2012, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew impliċitament, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ termini proċedurali bħal dawk f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ osservanza inkwistjoni ma jistax iwassal għall-annullament komplet jew parzjali tal-att li l-proċess tiegħu ta’ adozzjoni jinkludi t-termini inkwistjoni jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti (ara, is-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, T‑17/12, Ġabra, EU:T:2014:234, punt 160 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti, apparti mill-konstatazzjoni tal-iskadenza tat-terminu msemmija iktar ’il fuq mill-Kummissjoni, ma tressaq, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, ebda argument intiż li jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 432/2012 kien ikollu kontenut different kieku kien adottat qabel il-31 ta’ Jannar 2010. Konsegwentement, ir-Regolament Nru 432/2012 ma jistax jiġi annullat minħabba l-fatt li kien ġie adottat wara t-terminu stabbilit bl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006.

73      It-tieni nett, sa fejn l-ilment tar-rikorrenti għandu jinftiehem li huwa intiż li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura għal permess ma kinitx, fi kwalunkwe każ, iġġustifikat, għandu jitfakkar mill-bidu li, fid-dawl tas-setgħat diskrezzjonali wiesgħa li hija rrikonoxxuta lil din l-istituzzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, l-istħarriġ mill-qorti tal-Unjoni tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’qasam kumpless huwa limitat għall-eżami ta’ jekk l-eżerċizzju mill-istituzzjonijiet Komunitarji tal-kompetenzi tagħhom huwiex ivvizzjat bi żball manifest, jekk kienx hemm użu ħażin ta’ poter jew jekk huma eċċedewx b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom [sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C‑236/01, Ġabra, EU:C:2003:431, punt 135, u tal-15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, Ġabra, EU:C:2009:635, punt 47].

74      Madankollu, fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tqis li d-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura għal permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u li tiddiferixxi l-evalwazzjoni ta’ wħud mill-imsemmija indikazzjonijiet kienet neċessarja sabiex jinkisbu aħjar l-għanijiet differenti tar-Regolament Nru 1924/2006, fid-dawl b’mod partikolari tad-diffikultajiet partikolari li seħħew matul l-imsemmija proċedura, u anki jekk dan jirrappreżenta, kif isostnu r-rikorrenti, bidla meta mqabbla mal-orjentazzjoni inizjali.

75      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li ċirkustanzi differenti, b’mod partikolari n-numru, li jeċċedi 44 00, ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jidhru fil-listi nazzjonali trażmessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, in-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża min-naħa ta’ wħud mill-imsemmija Stati Membri waqt din it-trażmissjoni u l-bżonn li tiġi redatta lista kkonsolidata u sistema ta’ kodifikazzjoni sabiex tiġi ggarantita l-identifikazzjoni tal-indikazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati, wasslu l-Kummissjoni sabiex tadotta approċċ alternattiv, intiż li jippreserva, b’mod partikolari, l-ekwilibru bejn l-għanijiet għal kjarifika tas-suq u ta’ protezzjoni tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, bħall-Kummissjoni, li deċiżjoni li tikkonsisti li wieħed jistenna t-tlestija tal-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet kollha dwar is-saħħa pprovduti mill-Istati Membri qabel tiġi adottata l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi tkompli ddewwem l-implementazzjoni tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1924/2006.

76      Barra minn hekk, rigward l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li ma kienx hemm bżonn ta’ urġenza, b’mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ġenerali pprovduti fil-qasam tal-ittikkettjar, b’mod partikolari bid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Marzu 2000, dwar l-ittikkettjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti tal-ikel kif ukoll ir-reklamar magħmul fir-rigward tagħhom (ĠU L 109, p. 29), għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija direttiva għandha l-għan biss li tipprojbixxi b’mod ġenerali l-użu ta’ informazzjoni li twassal lix-xerrej fi żball jew tattribwixxi lill-prodotti tal-ikel attribuzzjonijiet mediċinali. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, din id-direttiva u, konsegwentement, ir-Regolament Nru 432/2012 huma intiżi li jikkomplementaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar l-ikel li jikkonċernaw prodotti tal-ikel intiżi li jitwasslu bħala tali lill-konsumatur.

77      Minn dan isegwi li ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma jistax jiġi kkonstatat min-naħa tal-Kummissjoni waqt id-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura għal permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa f’diversi stadji.

78      Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

79      Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti mill-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, għandu jiġi osservat l-ewwel nett li, kif jirriżulta mill-premessi 10 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni effettivament spjegat li l-indikazzjonijiet li jibqgħu sospiżi, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ evalwazzjoni xjentifika mill-EFSA jew l-eżistenza ta’ fatturi leġittimi oħrajn li jimpedixxu lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi f’dan l-istadju fuq il-permess tagħhom, jistgħu xorta waħda jintużaw konformement mal-miżuri tranżitorji previsti fl-artikoli msemmija iktar ’il fuq.

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ April 2014, Ehrmann (C‑609/12, Ġabra, EU:C:2014:252), li l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdi li miżuri, li, kif iddikjarat fil-permessa 35 tiegħu, għandhom l-għan li jippermettu lill-operatur tas-settur tal-ikel li jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tal-imsemmi regolament. Rigward l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, dawn il-miżuri tranżitorji huma previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tal-istess regolament (sentenza Ehrmann, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:2014:252, punt 31).

81      Għalhekk, minn naħa, skont l-Artikolu 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(1)(a) ta’ dan ir-regolament setgħu jsiru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u sal-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13(3) tal-istess regolament, taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi fis-settur tal-ikel, bil-kundizzjoni li dawn ikunu konformi mar-Regolament Nru 1924/2006 u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti applikabbli għalihom, u bla ħsara għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja previsti fl-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament. Mill-kliem tal-Artikolu 28(5) tal-imsemmi regolament jirriżulta li operatur fis-settur tal-ikel seta’, taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fil-kundizzjonijiet iddefiniti, juża indikazzjonijiet dwar is-saħħa matul il-perijodu li jinsab bejn id-dħul fis-seħħ tal-istess regolament u l-adozzjoni tal-lista msemmija fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (sentenza Ehrmann, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2014:252, punti 32 u 33).

82      Min-naħa l-oħra, rigward l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ma humiex dawk imsemmija fl-Artikoli 13(1)(a) u 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006, huma s-suġġett tal-miżura tranżitorja msemmija fl-Artikolu 28(6) tal-imsemmi regolament. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li ntużat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1924/2006, jiġifieri qabel id-19 ta’ Jannar 2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ehrmann, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2014:252, punt 34 u 35) u tippermetti li l-imsemmija indikazzjonijiet jintużaw, skont il-każ, matul perijodu ta’ sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni konformement mal-proċeduri previsti fl-imsemmija dispożizzjoni.

83      Mill-kliem tal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ miżuri tranżitorji hija prevista għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed jiġu evalwati u li fir-rigward tagħhom ebda deċiżjoni ma ġiet adottata mill-Kummissjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi, irrispettivament mill-klassifikazzjoni tagħhom fi ħdan ta’ tliet kategoriji msemmija fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, xejn ma jimpedixxi li l-indikazzjonijiet li jibqgħu sospiżi, sakemm issir l-evalwazzjoni tagħhom mill-EFSA jew tal-eżami tagħhom mill-Kummissjoni, jistgħu jibbenefikaw minn miżuri tranżitorji previsti mill-imsemmi regolament.

84      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma stabbilietx miżuri tranżitorju addizzjonali li ma humiex previsti mill-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006 u li hija lanqas kisret l-imsemmi artikoli meta speċifikat li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħar li jibqgħu sospiżi jistgħu jibqgħu jintużaw.

85      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

86      Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali , għandu jitfakkar li, preliminarjament, l-ġurisprudenza stabbilita teżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u li l-konsegwenzi tagħhom ikunu previdibbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑199/03, Ġabra, EU:C:2005:548, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fil-każ ineżami, peress li r-rikorrenti jsostnu li l-indikazzjonijiet li jibqgħu sospiżi ma jistgħux jiġu identifikati faċilment mill-operaturi tas-suq, peress li ma jkunux jafu liema indikazzjonijiet għadhom jistgħu jintużaw konformement mal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, meta mqabbla b’mod partikolari ma’ dawk li nċaħdu, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 4 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012 jirreferu għas-siti internet rispettivi tal-EFSA u tal-Kummissjoni, fejn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minn naħa, il-lista kkonsolidata li tidentifika l-kodiċi ID kollha tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa trażmessi mill-Istati Membri skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006 u, min-naħa l-oħra, il-lista li telenka l-kodiċi ID li jirrigwardaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li nċaħdu. F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-identifikazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed jiġu evalwati u li jibqgħu sospiżi tirriżulta mill-konsultazzjoni tal-lista kkonsolidata fid-dawl tal-kodiċi ID pprovduti mill-Kummissjoni. Minkejja li kien mixtieq li l-Kummissjoni tadotta, rigward kemm l-indikazzjonijiet sospiżi kif ukoll indikazzjonijiet miċħuda, lista li tippreżenta format simili għal dak tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi, annessa mar-Regolament Nru 432/2012, sabiex jiġi ffaċilitat il-kompitu ta’ identifikazzjoni għall-partijiet kkonċernati, il-fatt li l-Kummissjoni mxiet, f’dan il-każ, b’mod differenti, ma huwiex biżżejjed sabiex isostni l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq in-nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ preċiżjoni rigward dan is-suġġett.

88      Barra minn hekk ir-rikorrenti kkomunikaw lill-Qorti Ġenerali, bħala offerta ta’ prova ġdida insostenn tal-argument tagħhom li jgħid li l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi nieqsa minn ċarezza, bullettin tal-Ministeru tas-Saħħa tar-Renju Unit bid-data tas-16 ta’ April 2014, li kien jenfasizza li l-awtoritajiet f’dan l-Istat Membru qiesu li r-riċerka fil-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi kien “kompitu diffiċli”.

89      Madankollu, f’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-fatt li l-awtoritajiet Brittaniċi jqisu li r-riċerka tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi tikkawża ċerta diffikultà ma huwiex, fih innifsu, suffiċjenti sabiex il-Kummissjoni tiġi kkritikata b’nuqqas ta’ preċiżjoni je ta’ ċarezza, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 87 iktar ’il quddiem, l-indikazzjonijiet sospiżi jistgħu jinsabu billi jiġu kkonsultati d-dokumenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni u mill-EFSA. Sussegwentement, għalkemm il-bulletin tal-Ministeru tas-Saħħa tar-Renju Unit bid-data tas-16 ta’ April 2014 jorjenta wkoll il-qari lejn tabella ta’ indikazzjonijiet sospiżi, redatta mill-imsemmi ministeru, li jippreżenta verżjoni iktar sempliċi tal-lista tal-imsemmija indikazzjonijiet, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tipproponi strument ta’ għajnuna għall-prodotturi tal-prodotti tal-ikel ma tistax titqies li hija tiżvela difett tar-Regolament Nru 432/2012, ta’ natura li twassal għall-annullament tagħha, iżda pjuttost li hija mekkaniżmu ta’ għajnuna li l-imsemmija awtoritajiet iddeċidew, fuq l-inizjattiva tagħhom, li jadottaw fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom. Fl-aħħar nett, kif ir-rikorrenti jsostnu, fid-dawl tal-imsemmi bulletin, li n-nuqqas ta’ ċarezza tal-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi jista’ wkoll jiġi dedott mill-assenza ta’ preċiżjoni fir-rigward tal-lingwa li fiha l-imsemmija indikazzjonijiet jistgħu jintużaw, għandu jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni, li tali argument ma tqajjimx mir-rikorrenti fil-kuntest tal-atti ta’ proċedura tagħhom, iżda fil-mument tal-komunikazzjoni tal-offerta ta’ prova ġdida, b’tali mod li għandu jiġi miċħuda bħala li huwa inammissibbli peress li huwa tardiv.

90      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rnexxielhomx juru ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali min-naħa tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-indikazzjonijiet sospiżi.

91      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni

93      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilmenti.

94      L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni li tinqasam il-proċedura għal permess f’diversi stadji tikser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif stabbiliet mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma informatx u ma kkonsultatx il-partijiet differenti kkonċernati minn din id-deċiżjoni u li ma mmotivatihiex suffiċjentement.

95      It-tieni lment huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba li ċerti operaturi tas-settur tal-prodotti tal-ikel jistgħu, matul il-perijodu tranżitorju mogħti għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jibqgħu sospiżi, isegwu d-diskussjonijiet mal-Istati Membri u, għalhekk, jibbenefikaw mill-possibbiltajiet addizzjonali li jiksbu l-permess tal-indikazzjonijiet li jikkonċernawhom.

96      Il-Kummissjoni, sostnuta b’mod partikolari mir-Repubblika Franċiża u mill-BEUC, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

97      Fl-ewwel lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment li jirrigwarda l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma miżura individwali li taffettwahom ħażin tittieħed kontrihom.

98      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li d-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif jirriżulta mill-imsemmija dispożizzjoni, ma jinkludix il-proċess ta’ redazzjoni ta’ atti ta’ portata ġenerali (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, Ġabra, EU:C:2011:153, punt 49). Fil-fatt, li dritt li jinstemgħu fi proċedura amministrattiva li tirrigwarda persuna speċifika ma jistax jiġi traspost fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali (ara, f’dan is-sens u permezz ta’ analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1996, Atlanta et vs CE ,T‑521/93, Ġabra, EU:T:1996:184, punti 70 u 71, ikkonfermata b’appell permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il-Komunità Ewropea, C‑104/97 P, Ġabra, EU:C:1999:498, punti 31 sa 40).

99      Fil-każ ineżami, peress li, fil-punt 36 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 41 tal-Karta ma jistax japplika.

100    Barra minn hekk, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, inkwantu bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012, ma jipprovdix li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonsulta l-produtturi tas-settur u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn fil-kuntest tal-proċedura għal adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. Fil-fatt, mill-Artikolu 13(2) tal-imsemmi regolament jirriżulta li huma biss l-Istati Membri li għandhom id-dritt li jissottomettu lill-Kummissjoni l-lista nazzjonali ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jservu ta’ bażi għar-redazzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma jistgħux jinvokaw favorihom il-ksur mill-Kummissjoni ta’ ebda dritt li jiġu kkonsultati, ibbażat fuq l-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, rigward id-deċiżjoni li tiġi adottata l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi f’diversi stadji.

101    Sussegwentement, peress li l-argument tar-rikorrenti għandu jinftiehem li huwa intiż li jsostni nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li tali kritika ma hijiex sostanzjata mill-fatti tal-każ ineżami.

102    Fil-fatt, l-ewwel nett, permezz ta’ komunikazzjoni tal-istampa ppubblikata fil-14 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni informat il-partijiet ikkonċernati, inkluż il-produtturi tas-settur tal-prodotti tal-ikel, li, fid-dawl b’mod partikolari tad-diffikultajiet u taċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 75 iktar ’il fuq, hija pprevediet li tadotta l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi b’mod gradwali. It-tieni nett, b’risposta għall-ittra li fiha ċerti assoċjazzjonijiet ta’ fabbrikanti ta’ prodotti dijatetiċi u botaniċi fil-livell Ewropew, li r-rikorrenti jifformaw parti minnhom, talbu evalwazzjoni mill-ġdid ta’ tali li kriterju, il-Kummissjoni rrepetiet, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru 2009, l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi progressivament il-lista ta’ indikazzjonijiet permessi. It-tielet net, fis-27 ta’ Novembru 2010 u fit-28 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ żewġ komunikazzjonijiet tal-istampa, ir-reviżjoni tal-proċess ta’ adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjoni permessi konformement mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, filwaqt li tispjega li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernaw is-sustanzi differenti minn dawk imsejħa botaniċi jiġu indirizzati fl-ewwel lok, filwaqt li l-indikazzjonijiet li jikkonċernaw is-sustanzi botaniċi jiġu eżaminati fit-tieni lok.

103    Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni li tiġi adottata l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi f’diversi stadji ttieħdet b’mod trasparenti mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotturi tas-settur.

104    Fl-aħħar nett, rigward il-kritika tar-rikorrenti li tirrigwarda l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 296(2) TFUE, l-atti legali adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma mmotivata.

105    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296(2) TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex l-interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296(2) TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Franza vs Il-Kunsill, C‑479/07, EU:C:2009:131, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali osservat, l-ewwel nett, li mill-komunikazzjoni tal-istampa ppubblikata fis-27 ta’ Settembru 2010, imsemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Kummissjoni spjegat li hija kienet stiednet l-EFSA tissospendi provviżorjament l-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jikkonċernaw is-sustanzi botaniċi u sabiex tiffoka, min-naħa l-oħra, fuq dik tal-indikazzjonijiet l-oħra kollha fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 sabiex tkun tista’ tagħlaq l-eżami tagħhom kemm jista’ jkun malajr. Il-Kummissjoni indikat ukoll li hija estendiet kif ukoll ħeffet il-proċedura intiża għall-istabbiliment tal-lista tal-indikazzjonijiet permessi, filwaqt li jkollha l-possibbiltà li jiġu eżaminati u evalwati, bir-reqqa, is-singularitajiet tal-indikazzjonijiet relatati mas-sustanzi botaniċi u, b’mod partikolari, it-tensjonijiet potenzjali bejn ir-Regolament Nru 1924/2006 u d-Direttiva 2004/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, li temenda, fir-rigward ta’ prodotti mediċinali veġetali tradizzjonali id-Direttiva 2001/83/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 313).

107    It-tieni nett, fil-premessa 10 tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni ddikjarat mill-ġdid li, matul il-proċedura għal permess prevista fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, numru ta’ indikazzjonijiet permessi għall-evalwazzjoni, li jirreferu għal effetti tal-pjanti jew sustanzi tal-ħxejjex, iżjed magħrufa bħala sustanzi “botaniċi”, li għalihom l-Awtorità għadha trid tlesti evalwazzjoni xjentifika. Barra minn hekk, skont din il-premessa, hemm numru ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għalihom hemm bżonn iżjed evalwazzjoni qabel il-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra li tinkludihom jew mod ieħor fil-lista ta’ indikazzjonijiet permessi, jew li ġew evalwati iżda minħabba fatturi oħra leġittimi għalissa l-Kummissjoni ma tistax tlesti l-kunsiderazzjoni.

108    It-tielet nett, fil-premessa 11 tar-Regolament Nru 432/2012, il-Kummissjoni indikat, kif dan ġie eżaminat fil-punti 79 sa 84 iktar ’il fuq, li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa sospiżi jistgħu jibqgħu jintużaw skont l-Artikoli 28(5) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u li, għalhekk, għall-allegazzjonijiet li għandhom iridu jiġi evalwati, is-sistema tranżitorja tal-imsemmi regolament tibqa’ tapplika.

109    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar ir-raġunament sewgit fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha li tadotta l-lista ta’ indikazzjonijiet permessi permezz ta’ stadji, li tippermetti għalhekk il-persuni kkonċernati li tirrikonoxxi kemm il-ġustifikazzjonijiet li jsostnu l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll il-konsegwenzi li jirriżultaw minnha.

110    Barra minn hekk, peress li r-rikorrenti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni li ma ppreċiżatx, b’mod saħansitra iktar iddettaljat, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni li tidderefixxi l-evalwazzjoni tal-indikazzjonijiet sospiżi, b’mod partikolari dik tal-indikazzjonijiet li jirrigwardaw is-sustanzi botaniċi, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni jiddependi fuq in-natura tal-att inkwistjoni. B’mod partikolari, rigward atti ta’ portata ġenerali, bħar-Regolament Nru 432/2012, il-motivazzjoni tista’ tkun limitata għall-indikazzjoni minn naħa, tas-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, għall-għanijiet ġenerali li biħsiebha tilħaq. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li jkun eċċessiv li tiġi teżiġi motivazzjoni speċifika għall-għażliet differenti tekniċi użati jekk l-att ikkontestat jislet b’mod ċar l-għan segwit mill-istituzzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑301/97, Ġabra, EU:C:2001:621, punt 188, u tal-21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, Ġabra, EU:C:2011:504, punt 115).

111    Għalhekk, il-Kummissjoni osservat l-obbligu ta’ motivazzjoni li hija għandha bis-saħħa tal-Artikolu 296(2) TFUE.

112    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

113    Fit-tieni lok, għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuqi l-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifika (ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, Ġabra, EU:C:2008:728, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li ċerti operaturi tas-settur tal-prodotti tal-ikel jistgħu, matul il-perijodu tranżitorju mogħti għall- sospiżi, iwettqu diskussjonijiet addizzjonali mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni u għalhekk, jibbenefikaw mill-possibbiltajiet addizzjonali li jiksbu l-permess tagħhom.

115    Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa. Fil-fatt, minbarra n-natura ġenerali, jikkonsisti li jsostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni setgħet tirriżerva trattament privileġġat għall-operaturi kkonċernati mill-indikazzjonijiet sospiżi.

116    Qabel kollox, ir-rikorrenti ma jispjegawx sa liema punt il-produtturi kkonċernati mill-indikazzjonijiet sospiżi jistgħu jibbenefikaw minn deċiżjoni iktar favorevoli mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-intervent tal-Istati Membri.

117    Sussegwentement, kif kien indikat fil-punt 100 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex obbligu tikkonsulta l-produtturi tas-settur inkwistjoni jew il-partijiet l-oħra kkonċernati fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi, b’tali mod li trattament privileġġat, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi vverifikat.

118    Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

119    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tieni parti tal-motiv għandu jiġi miċħud, kif ukoll l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, tal- prinċipju ta’ ċerta legali kif ukoll tad-dover ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-prodotti tal-ikel nazzjonali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni waqt in-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ numru għoli ta’ indikazzjonijiet fil-lista ta’ indikazzjonijiet permessi

120    It-tieni motiv huwa maqsum fi tliet partijiet.

–       Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati għar-redazzjoni tal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi

121    Permezz tal-ewwel parti tiegħu, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ ilment.

122    L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li t-talba għal opinjoni xjentifika, indirizzata lill-EFSA mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija mill-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, kienet inadegwata permezz tar-rekwiżit eċċess tiegħu. B’mod partikolari, ir-rikorrenti jqisu li l-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament ma jeżiġix, min-naħa tal-EFSA, opinjonijiet xjentifiċi eżawrjenti u konklużivi, iżda sempliċi konsultazzjoni. Huma jenfasizzaw, barra minn hekk, li din id-dispożizzjoni teħtieġ tip differenti ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri xjentifiċi u iktar vinkolanti intiżi li japprovaw l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa dwar l-Artikolu 13(5) u l-Artikolu 14 tal-istess regolament.

123    It-tieni lment huwa bbażat fuq dak li, anki jekk jiġi preżunt li l-eżami skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1924/2007 jista’ jkun eżami komplut, ibbażat fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati, il-kriterji applikabbli għall-provi xjentifiċi mill-Kummissjoni u mill-EFSA kienu żbaljati.

124    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża u mill-BEUC, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

125    Rigward l-ewwel ilment, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li, kif issostni r-Repubblika Franċiża, l-argumenti tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi stabbilit li l-livell meħtieġ għal ġustifikazzjoni xjentifika għall-permess tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, kellu jkun inqas eżiġenti minn dak meħtieġ mill-Kummissjoni fit-talba għal opinjoni xjentifika u, b’mod partikolari, inqas rigoruż minn dak applikabbli għall-permess ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(5) u fl-Artikolu 14 tal-istess regolament.

126    Barra minn hekk, il-premessa 23 tal-istess regolament tipprovdi li r-rikors fl-Unjoni għal indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandu jiġi permess biss wara evalwazzjoni xjentifika li tissodisfa r-rekwiżiti l-iktar għoljin. Sabiex tiġi ggarantita evalwazzjoni xjentifika armonizzata ta’ dawn l-indikazzjonijiet, jeħtieġ li l-imsemmija evalwazzjoni titwettaq mill-EFSA.

127    Sussegwentement, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1924/2006, bit-titolu “Kondizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi, essenzjalment, li l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa huwa permess fl-Unjoni biss jekk, fost kundizzjonijiet oħrajn, ikun stabbilit, minn provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati, l-ewwel nett, li s-sustanza li tkun is-suġġett tal-indikazzjoni tirriżulta li jkollha l-allegat effett benefiku, it-tieni nett, li s-sustanza li tkun is-suġġett tal-indikazzjoni tkun tinsab fil-prodott finali fi kwantità li tippermetti l-produzzjoni tal-allegat effett benefiku jew tkunx tinsab fih u, it-tielet nett, li l-kwantità tal-prodott li tista’ tkun mistennija b’mod raġonevoli li tkun ikkonsumata tipprovdi kwantità sinjifikattiva tas-sustanza msemmija mill-indikazzjoni li tippermetti l-produzzjoni tal-allegat effett.

128    Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1924/2006, bit-titolu “Prova xjentifika għall-istqarrijiet [indikazzjonijiet]”, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jibbażaw fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati u għandhom jiġu ġġustifikati minn tali provi. Barra minn hekk, l-operaturi tas-settur tal-ikel li jagħmel indikazzjoni dwar is-saħħa għandhom l-obbligu li jiġġustifika l-użu ta’ din l-indikazzjoni.

129    Mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-Regolament Nru 1924/2006 jeħtieġ, minn naħa, li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa xjentifikament sostanzjati biss jistgħu jintużaw fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li dan l-indikazzjonijiet ikun jistgħu jiġu awtorizzati biss wara evalwazzjoni xjentifika armonizzata mill-EFSA li tissodisfa r-rekwiżiti l-iktar għoljin. Din il-premessa tapplika wkoll , kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, għall-proċedura għal permess imsemmija fl-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, fil-kuntest li fih il-Kummissjoni ma tistax titlob lill-EFSA evalwazzjoni inqas eżiġenti fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 13(5) ta’ dan ir-regolament jew taħt l-Artikolu 14 tiegħu. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, bħall-Kummissjoni, li ebda waħda mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma jintroduċu kundizzjonijiet differenti, rigward l-evalwazzjoni xjentifika li għandha titwettaq, bejn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa skont id-dispożizzjoni li tapplika għalihom.

130    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, konformement mal-ġurisprudenza, li t-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji li tkun l-iktar eżawrjenti possibbli abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti biex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u biex jiġu evitati miżuri arbitrarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill,T‑13/99, Ġabra, EU:T:2002:209, punt 172, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑257/07, Ġabra, EU:T:2011:444, punt 89).

131    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat li huwa jipprovdi l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa eżistenti fis-suq, li għandhom jitqiesu li huma jibbażaw fuq provi xjentifikament ġeneralment aċċettati. Fil-fatt, hemm lok li jitqies li, kif irrilevat ir-Repubblika Franċiża, l-applikazzjoni ta’ preżunzjoni ġenerali fit-termini esposti mir-rikorrenti tkun kuntrarja għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1924/2006, li jibbaża fuq il-konstatazzjoni, imfakkra fil-premessa 14 tal-istess regolament, li varjeta kbira ta’ allegazzjonijiet ippreżentati fis-suq ma kinitx iġġustifikata mill-perspettiva xjentifika.

132    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 waqt id-definizzjoni tat-talba għal opinjoni xjentifika indirizzata lill-EFSA għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa.

133    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

134    Fir-rigward tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni applikati mill-Kummissjoni u l-EFSA għall-provi xjentifiċi, kif ukoll jirriżultaw b’mod partikolari mit-talba għal opinjoni xjentifika, kienu żbaljati.

135    Għalhekk, l-ewwel nett, huma jsostnu li r-rekwiżit li jipprovdi li l-effett benefiku tal-konsum tal-ikel tal-prodotti tal-ikel kien is-suġġett ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa kellu jkun “sinjifikattiv” imur lil hinn mill-kriterju ġenerali meħtieġ mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1924/2006, li jipprovdi li “effett” psikoloġiku benefiku kien biżżejjed.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li, anki jekk, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni stabbiliet, fil-kuntest tat-talba għal opinjoni, li l-allegat effett benefiku kellu jippreżenta natura sinjifikattiva, hija ddefiniet madankollu dan ir-rekwiżiti li huwa intiż li juri b’mod sodisfaċenti li l-imsemmi effett jaffettwa b’mod benefiku funzjonijiet identifikati fil-ġisem sabiex ikun importanti għas-saħħa. Madankollu, tali rekwiżit jikkostitwixxi kundizzjoni li tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 5(b) u (d) tar-Regolament Nru 1924/2006. Fil-fatt, kif kien tfakkar fil-punt 27 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi bħala kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li, minn naħa, is-sustanza tkun is-suġġett tal-indikazzjoni tkun preżenti jew assenti fi kwantità sinjifikattiva sabiex tipproduċi l-allegat effett u, min-naħa l-oħra, li l-kwantità tal-prodott li tista’ tiġi raġonevolment ikkonsumata tipproduċi kwantità sinjifikattiva li tippermetti l-produzzjoni ta’ dan l-effett. Ir-rekwiżit tal-effett benefiku sinjifikattiv, bħal dak imsemmi fit-talba għal opinjoni xjentifika, iservi għalhekk bħala garanzija sabiex il-konsumaturi ma jistqarrux meta jkunu qed jixtru prodotti tal-ikel li fir-rigward tagħhom huwa allegat li jinkludu sustanzi li jipproduċu tali effett. F’dan iċ-ċirkustanzi, it-talba għal opinjoni xjentifika ma tistax titqies li hija tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu previsti mir-Regolament Nru 1924/2006.

137    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw it-talba għal opinjoni xjentifika indirizzata lill-EFSA mill-Kummissjoni, talli r-rappreżentat ħażin ir-rwol tar-rabta ta’ kawża u effett.

138    Madankollu, din il-kritika ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, l-obbligu li tintwera l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawża u effett bejn l-ikel kopert mill-indikazzjoni u l-allegat effett jirriżulta mir-Regolament Nru 1924/2006 stess. Għalhekk, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma ddefiniti li huma kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, prodotti tal-ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu, min-naħa l-oħra, is-saħħa. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi stabbilit jekk indikazzjoni dwar is-saħħa hijiex iġġustifikata skont l-imsemmi regolament, kien neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawża u ta’ effett bejn l-ikel u l-funzjonijiet speċifikament imsemmija.

139    It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-mandat jagħti importanza eċċessiva għall-karatterizzazzjoni tal-prodotti tal-ikel.

140    Madankollu, kif tafferma l-Kummissjoni, il-karatterizzazzjoni tal-ikel li jirrigwarda l-indikazzjoni huwa kostitwent essenzjali tal-evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li huwa biss fid-daw tal-karatterizzazzjoni preċiża tal-ikel jew ta’ wieħed mill-kostitwenti tiegħu li jkun s-suġġett ta’ indikazzjoni li l-EFSA tista’ tiddetermina jekk il-ġustifikazzjoni xjentifika hijiex rilevanti. Madankollu, il-karatterizzazzjoni tal-ikel li jirrigwarda l-indikazzjoni tiggarantixxi li din tintuża biss għall-ikel li l-influwenza tagħhom fuq funzjoni speċifika tal-korp intweriet.

141    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jiddikjaraw li l-kundizzjoni magħmula fl-Artikolu 13(1)(ii) tar-Regolament Nru 1924/2006, li tipprovdi li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom “jinftiehmu sew mill-konsumatur medju”, ma ġietx ivverifikata korrettament mill-Kummissjoni, sa fejn hija awtorizzat indikazzjonijiet ifformultati f’lingwaġġ xjentifiku kumpless. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat f’dan ir-rigward li din il-kritika tirreferi biss għal-lista ta’ indikazzjonijiet permessi, li hija eskluża, kif ir-rikorrenti indikaw diversi drabi fil-kuntest tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, mis-suġġett tat-talba tagħhom għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012. F’dan iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tagħhom bħala irrilevanti.

142    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-kritiki ta’ evalwazzjoni applikati mill-Kummissjoni u l-EFSA waqt l-evalwazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa kienu żbaljati.

143    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud, kif ukoll it-tieni parti tat-tieni motiv.

–       Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq il-ksur ta’ prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ċertezza legali

144    Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu żewġ ilmenti.

145    L-ewwel ilment huwa bbażat fuq il-fatt li l-eżami tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa mwettaq mill-EFSA kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li, minn naħa, il-kriterji li għandhom jiġu applikati waqt l-imsemmi eżami ma ġewx speċifikati b’mod iddettaljat mil-linji gwida fil-mument tar-redazzjoni tal-lista nazzjonali tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, iżda fil-mument meta l-proċedura ta’ evalwazzjoni kienet diġà nbdiet u, min-naħa l-oħra, l-EFSA kienet adottat opinjonijiet xjentifiċi inkoerenti u kontradittorji.

146    It-tieni lment huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu l-proċedura ta’ evalwazzjoni kienet tiggarantixxi biss id-data kollha pprovduta mill-partijiet ikkonċernati ġiet eżaminata mill-EFSA u li, barra minn hekk, l-opinjonijiet tal-EFSA ġew ippubblikati mingħajr ma l-partijiet ikkonċernata jistgħu jifformulaw osservazzjonijiet.

147    Il-Kummissjoni, sostnuta b’mod partikolari mir-Repubblika Franċiża u mill-BEUC, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

148    Fl-ewwel lok, rigward l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u, b’mod partikolari, tal-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-proċedura għal permess inkwistjoni ma kinitx adatta, peress li d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-EFSA kienu nieqsin, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463) jirregola fid-dettall il-metodu ta’ ħidma u u l-funzjonament tal-EFSA.

149    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, la r-Regolament Nru 1924/2006 u lanqas ir-Regolament Nru 178/2002 ma jinkludu ebda obbligu għall-Kummissjoni jew għall-EFSA li jiġu pprovduti, qabel il-bidu tal-proċedura ta’ evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, linji gwida xjentifiċi speċifiċi li jikkonċernaw il-mod li bih l-EFSA kellha l-intenzjoni li tevalwa t-talbiet għal permess ta’ indikazzjonijiet. Il-fatt li, kif jirrilevaw ir-rikorrenti, l-EFSA adottat ulterjorment tali linji gwida fil-11 ta’ Novembru 2009 u fil-25 ta’ Marzu 2011, fid-dawl tal-esperjenza li hija kienet kisbet waqt l-ewwel evalwazzjonijiet imwettqa, ma huwiex tali li juri l-eżistenza ta’ preġudizzju għaċ-ċertezza legali. Bil-kontra, kif tiddikjara l-Kummissjoni, għandu jitqies li l-adozzjoni tal-imsemmija linji gwida tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-imsemmija ċertezza vis-à-vis b’mod partikolari tal-partijiet ikkonċernati.

150    Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Kummissjoni tikkritika lill-Kummissjoni l-fatt li ma speċifikatx, waqt ir-redazzjoni tal-listi nazzjonali ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, li dawn tal-aħħar ikunu suġġetti għall-istess livell ta’ rekwiżit ta’ prova xjentifika li l-indikazzjonijiet imsemmija mill-Artikolu 13(5) u mill-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1924/2006, kif jirriżulta mil-linji gwida adottati ulterjorment mill-EFSA, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment ma huwiex sostnut mill-fatti tal-każ ineżami.

151    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, bħall-Kummissjoni, li l-kwistjoni dwar il-prova xjentifika tal-indikazzjonijiet ikkonċernati mill-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament Nru 1924/2006 kienet diskussa fil-kuntest ta’ dokument adottat fl-14 ta’ Diċembru 2007 mill-Kummissjoni, aċċessibbli fuq is-sit internet taħt it-titolu “Guidance on the implementation of regulation nº 1924/2006 on nutrition and health claims made on foods – Conclusions of the standing committee on the food chain and animal health” (Gwida dwar l-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel – Konklużjonijiet tal-Kumitat Permanenti dwar il-katina tal-ikel u s-saħħa tal-annimali). B’mod partikolari, mill-punt III.2.3 tal-imsemmi dokument, bit-titolu “Effett tal-klassifikazzjoni fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14” jirriżulta b’mod espress li l-klassifikazzjoni tal-indikazzjonijiet fi ħdan dawn id-dispożizzjonijiet ma kellha ebda effett fuq il-livell ta’ ġustifikazzjoni xjentifika meħtieġa għall-finijiet tal-permess tagħhom.

152    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma rnexxilhomx juru li l-proċedura quddiem l-EFSA kienet kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali għal dak li kien jikkonċerna l-kriterji ta’ evalwazzjoni xjentifika.

153    Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

154    Fit-tieni lok, rigward l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu dan il-prinċipju jirreferi għad-dritt għal smigħ, għandu jitfakkar li, konformement tal-kliem tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 98 iktar ’il fuq, tali prinċipju ma japplikax waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ portata ġenerali.

155    Fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat mill-ġdid li, peress li, fil-punt 36 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali, l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jistax japplika.

156    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud, kif ukoll it-tieni parti tat-tieni motiv.

–       Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq il-ksur tad-dover ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-obbligu ta’ motivazzjoni

157    Permezz tat-tielet parti, ir-rikorrenti jsostnu, minn naħa, li d-dover ta’ kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-ikel nazzjonali, kif jirriżulta mill-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 178/2002, inkiser sa fejn l-EFSA ma wettqitx analiżi ddettaljata tal-eżami mwettqa preċedentement mill-organi nazzjonali u li jirrigwardaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jidhru fil-listi stabbiliti skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006. Min-naħa l-oħra, huma jallegaw li, anki jekk jiġi preżunt li diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali seħħew, l-obbligu ta’ motivazzjoni lanqas ġew osservati fil-każ ineżami, peress li l-kontenut u l-portata tal-imsemmija diskussjonijiet ma kinux inklużi fil-premessi tar-Regolament Nru 432/2012.

158    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

159    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 30(1) sa (3) tar-Regolament Nru 178/2002, bit-titolu “Opinjonijiet xjentifiċi diverġenti”, jipprovdi, essenzjalment, li l-EFSA għandha teżerċita viġilanza sabiex tidentifika fi stadju kmieni xi sors potenzjali ta’ diverġenza bejn opinjonijiet xjentifiċi u l-opinjonijiet xjentifiċi maħruġa minn korpi oħra li jwettqu xogħlijiet simili. Barra minn hekk, il-paragrafu 4 tal-istess Artikolu jispeċifika li, fejn diverġenza sostantiva dwar kwistjonijiet xjentifiċi tkun ġiet identifikata u l-organu inkwistjoni jkun korp ta’ Stat Membru, l-EFSA u l-korp nazzjonali għandhom ikunu obbligati li jikkooperaw bil-ħsieb li jew isolvu id-diverġenza jew jippreżentaw dokument konġunt lill-Kummissjoni li jiċċara l-kwistjonijiet xjentifiċi kontenzjużi u jidentifikaw l-inċertezzi relevanti fid-data. Dan id-dokument għandu jkun ippubblikat.

160    Madankollu, mis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 178/2002, b’mod partikolari mill-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament, jirriżulta li, għal dak li jikkonċerna r-regoli li jirregolaw il-proċedura għall-adozzjoni ta’ opinjonijiet xjentifiċi, dan ir-regolament jikkostitwixxi leġiżlazzjoni addizzjonali b’relazzjoni mar-Regolament Nru 1024/2006 li l-applikazzjoni tiegħu hija eskluża peress li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bħal dan ir-regolament tal-aħħar, jinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-permess ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C‑211/03, C‑299/03 u C‑316/03 sa C‑318/03, Ġabra EU:C:2005:370, punti 38 u 39).

161    Fil-każ ineżami, sa fejn l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdi li b’mod espress li l-EFSA tgawdi mill-fakultà li twettaq l-evalwazzjoni xjentifika armonizzata tal-listi ta’ indikazzjonijiet ippreżentati mill-Istati Membri konformement mal-Artikolu 13(2) tal-istess regolament, għandu jitqies, bħall-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża, li l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 178/2002 ma japplikax f’din il-kawża, b’tali mod li l-EFSA ma għandha la l-obbligu li tibda’ diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali u lanqas li tippubblika d-dokumenti mehmuża mal-imsemmija diskussjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni mwettqa.

162    Barra minn hekk, rigward l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-eżistenza ta’ diverġenzi bejn l-EFSA u l-Aġenziji tal-Ikel nazzjonali fir-rigward ta’ ċerti indikazzjonijiet dwar is-saħħa tkun manifesta fid-dawl tal-opinjonijiet elenkati fl-annessi tar-rikors tagħhom, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex ir-rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażata, jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors innifsu. F’dan ir-rigward, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument ġuridiku, li għandhom jinsabu fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni, T‑210/01, Ġabra, EU:T:2005:456, punt 592). Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

163    Minn dan isegwi li la l-Artikolu 30(4) tar-Regolament Nru 178/2002 u lanqas l-obbligu ta’ motivazzjoni ma nkisru waqt l-evalwazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa ppreżentati quddiem l-EFSA.

164    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, bl-istess mod bħat-tieni motiv, fit-totalità tiegħu.

165    Għalhekk, it-talba għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012 għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq it-talba intiża sabiex tinkiseb l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006

 Fuq l-ammissibbiltà

166    Il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li t-talba mqajma b’mod inċidentali mir-rikorrenti, intiża sabiex tinkiseb l-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 skont l-Artikolu 277 TFUE, hija inammissibbli peress li r-rikors fil-kawża prinċipali kontra r-Regolament Nru 432/2012 ma huwiex huwa stess ammissibbli. Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li, fi kwalunkwe każ, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalita għandha, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita, tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tal-kawża.

167    Ir-rikorrenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

168    Skont l-Artikolu 277 TFUE, minkejja l-iskadenza tat-terminu stabbilit fis-sitt subparagrafu tal-Artikolu 263, kwalunkwe parti tista’, fi proċedimenti li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, tinvoka l-eċċezzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 263 sabiex tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ dan l-att quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

169    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 277 TFUE li tiġi invokata l-illegalità ta’ att ta’ portata ġenerali ma tikkostitwixxix dritt ta’ azzjoni awtonoma u tista’ tiġi eżerċitata biss b’mod inċidentali, peress li l-inammissibbiltà tal-azzjoni prinċipali twassal għalhekk għal dik tal-eċċezzjoni ta’ illegalità (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Ġunju 2008, Dow AgroSciences vs EFSA, T‑397/06, EU:T:2008:208, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

170    Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma b’mod inċidentali skont l-Artikolu 277 TFUE, fil-mument tal-konstatazzjoni fil-kawża prinċipali tal-legalità ta’ att terz, hija ammissibbli biss jekk teżisti rabta ta’ konnessjoni bejn dan l-att u r-regola li allegata illegalità tagħha hija eċipita. Sa fejn l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, il-portata ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun limitata għal dak li huwa indispensabbli għas-soluzzjoni tat-tilwima. Minn dan jirriżulta li l-att ġenerali li l-illegalità tagħha hija mqajma għandu jiġi applikabbli, direttament jew indirettament, fil-każ li huwa s-suġġett tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, ĠabraSP, EU:T:2007:347, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

171    Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tirrileva, l-ewwel nett, li, peress li r-rikors tar-rikorrenti huwa prinċipalment intiż kontra r-Regolament Nru 432/2012 u, b’mod inċidentali, kontra r-Regolament Nru 1924/2006, l-ammissibbiltà tat-talba mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 277 TFUE tiddependi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 169 iktar ’il fuq, fuq l-ammissibbiltà tar-rikors intiż li jiġi annullat ir-Regolament Nru 432/2012. Fir-rigward tal-konklużjoni fformulata fil-punt 51 iktar ’il fuq li tirrigwarda l-ammissibbiltà tat-talba intiża għall-annullament tar-Regolament Nru 432/2012, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi ddikjarata li hija ammissibbli.

172    It-tieni nett, peress li r-Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu, jikkostitwixxi l-bażi li fuqha r-Regolament Nru 432/2012 kien adottat, rabta suffiċjentement stretta tista’ tiġi kkonstatata bejn iż-żewġ atti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 170 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi dedotta, b’mod partikolari, mill-konstatazzjoni li l-att ikkontestat fil-kawża prinċipali jibbaża essenzjalment fuq dispożizzjoni tal-att li l-legalità tiegħu hija kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2006, Carius vs Il-Kummissjoni, T‑173/04, ĠabraSP, EU:T:2006:333, punt 46, u Ianniello vs Il-Kummissjoni, punt 170 iktar ’il fuq, EU:T:2007:347, punt 33 ; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1998, De Abreu vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑146/96, ĠabraSP, EU:T:1998:50, punti 25 u 29).

173    Minn dan isegwi li l-argumenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill intiżi sabiex l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għal dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 1924/2006 tiġi ddikjarata inammissibbli għandhom jiġu miċħuda.

174    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-rikorrenti sempliċement jikkontestaw il-legalità tal-Artikolu 13(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1924/2006, u ta’ perijodi tranżitorji stabbiliti fl-Artikolu 28(5) u (6) tal-istess regolament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 170 iktar ’il fuq, huma biss l-imsemmija dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità skont l-Artikolu 277 TFUE. Il-Qorti Ġenerali ser tillimita għalihom, konsegwentement, l-eżami tagħha fil-kuntest ta’ din it-talba.

 Fuq il-mertu

175    Ir-rikorrenti jressqu żewġ motivi insostenn tat-talba intiża għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tal-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

1.     Fuq l-ewwel motiv insostenn tat-talba intiża għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ

176    Ir-rikorrenti jallegaw li l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 jikser id-dritt tagħhom għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. B’mod partikolari, huma jqisu li, bħall-Artikolu 13(5) u l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1924/2006, il-proċedura għal permess ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa msemmija fl-Artikolu 13(3) tal-imsemmi regolament kellha tippermetti lill-operaturi tas-settur tal-ikel li jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod partikolari, quddiem l-EFSA, fir-rigward tal-indikazzjonijiet li jirrigwardawhom. Ir-rikorrenti jiċċitaw is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1998, Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni (T‑50/96, Ġabra, EU:T:1998:223, punti 58 sa 61), li kienet tipprovdi, essenzjalment, li l-partijiet affettwati direttament minn miżura pubblika għandhom ikollhom l-opportunità li jinstemgħu waqt l-adozzjoni tagħha, anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika f’dan ir-rigward.

177    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, mill-BEUC, mill-Parlament u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta dawn l-argumenti.

178    Qabel kollox, rigward l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 97 iktar ’il fuq, l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinkludi b’mod partikolari d-dritt għal kull persuna li tinstema’ qabel miżura individwali li taffettwahom sfavoralment tittieħed kontrihom. Madankollu, fil-każ ineżami, sa fejn l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 iwassal, kif ġie indikat fil-punt 36 iktar ’il fuq, għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ portata ġenerali, l-argumenti intiżi sabiex jiġi kkonstatat ksur tad-dritt għal smigħ, kif stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jistgħux jintlaqgħu.

179    Barra minn hekk, rigward l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 13(5) u l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdu proċedura li fil-kuntest tagħha l-operaturi tas-settur jinstemgħu debitament, għandu jitfakkar, bħall-Parlament u l-Kunsill, li l-proċedura għal permess msemmija minn żewġ artikoli hija differenti minn dik tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2007, fis-sens li hija tinbeda bit-talba tal-individwi, li jistgħu għalhekk jifformulaw osservazzjonijiet fuq l-opinjoni tal-EFSA u jiksbu deċiżjoni individwali. Min-naħa l-oħra, peress li l-Artikolu 13(1) u (3) tar-Regolament Nru 1924/2006 jikkonċerna biss proċedura għal permess mibdija mill-Istat Membri, ebda dritt għal smigħ ma kien għalhekk previst favur individwi.

180    Barra minn hekk, rigward is-sentenza Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq (EU:T:1998:223), invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li, għad-differenza ta’ din il-kawża, l-imsemmija sentenza kienet tirrigwarda miżuri amministrattivi individwali, adottati fil-qasam ta’ drittijiet għall-importazzjoni ta’ laħam taċ-ċanga. Fil-fatt, huwa biss f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali stabbilit, kif ifakkru r-rikorrenti, li r-rispett tad-dritt tad-difiża f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ dritt tal-Unjoni li għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura (sentenza Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq, EU:T:1998:223, punt 59). Madankollu, sa fejn ir-Regolament Nru 432/2012 jikkostitwixxi att ta’ portata ġenerali, ir-raġunament u l-konklużjonijiet tal-imsemmija sentenza ma humiex rilevanti għal dan il-każ.

181    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li s-soluzzjonijiet li jirriżultaw minn din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali invokata mir-rikorrenti tista’ tiġi ttrasportata f’dan il-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li, kif jirrikonoxxu r-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors tagħhom, l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012 ġiet ippreċeduta minn fażi ta’ konsultazzjoni pubblika, li matulha l-partijiet ikkonċernati, inkluż ir-rikorrenti, kellhom il-possibbiltà li jifformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-proċedura segwita mill-Kummissjoni, għandha, għalhekk, titqies li hija bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Primex Produkte Import-Export et vs Il-Kummissjoni, punt 176 iktar ’il fuq (EU:T:1998:223). Barra minn hekk, kif jirrileva l-Parlament, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni tar-Regolament prevista fl-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1924/2006, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom l-opportunità li jinstemgħu fil-kuntest ta’ kuntatti regolari li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri, żammew mal-partijiet ikkonċernati.

182    Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti jistgħu jsostnu validament biss li r-Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari l-Artikolu 13(3), kiser id-dritt għal amministrazzjoni tajba u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ.

183    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, l-ewwel motiv insostenn tat-talba intiża għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv insostenn tat-talba intiża għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

184    It-tieni motiv tar-rikorrenti insostenn tat-talba intiża għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 huwa maqsum f’żewġ ilmenti.

185    Permezz tal-ewwel ilment tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li r-Regolament Nru 1924/2006 jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali sa fejn l-Artikolu 28 tiegħu ma jipprovdix perijodi tranżitorji raġonevolment sabiex tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Essenzjalment huma jikkritikaw l-obbligu, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 432/2012, li jitneħħew mill-katina ta’ distribuzzjoni l-prodotti tal-ikel li kienu tqiegħdu fis-suq b’mod legali qabel is-sena 2012.

186    Permezz tat-tieni ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-portata tal-eżami meħtieġ sabiex jiġu permessi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma kinitx ġiet iddefinita b’mod ċar.

187    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-Kunsill, mill-BEUC, mill-Parlament u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta dawn iż-żewġ ilmenti.

188    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar’il fuq, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi u li l-konsegwenzi tagħhom ikunu prevedibbli.

189    Fl-ewwel lok, rigward l-ilment ibbażat fuq in-natura irraġonevolment qasira tal-perijodu tranżitorju previst fir-Regolament Nru 1924/2006, b’mod partikolari għall-finijiet li wieħed jikkonforma ruħu mar-Regolament Nru 432/2012, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li r-rikorrenti jikkritikaw lill-Kunsill u lill-Parlament li jipprovdu perijodi tranżitorji ta’ adattament wisq qosra, huwa jippreżentaw biss, f’dan ir-rigward, dikjarazzjonijiet vagi u mkien fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom ma jsostnu li l-imsemmija perijodi tranżitorji ħolqu inċertezzi min-naħa tagħhom minħabba l-eventwali nuqqas ta’ ċarezza.

190    Fi kwalunkwe każ, għal dak li jikkonċerna l-argument li jipprovdi li l-supplimenti tal-ikel jew tal-ikel dijatetiku, li jkollhom perijodu twil ta’ konservazzjoni ta’ sentejn għal tliet snin, kellhom jibbenefikaw minn perijodu tranżitorju itwal, is-sitt xhur mogħtija mir-Regolament Nru 432/2012 jidher li huwa biżżejjed sabiex jiġu adattati t-tikketti tagħhom kif ukoll ir-reklamar tagħhom, ir-rikorrenti lanqas speċifikaw, pereżempju, liema kien, fil-fehma tagħhom, il-perijodu raġonevoli li l-Kummissjoni kellha tipprovdi fl-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolament Nru 432/2012 ma kellux l-għan li jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tar-rikorrenti bħala tali, iżda sempliċement li jneħħi l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li kienu jinsabu fuq it-tikketta tagħhom u li ma kinux konformi mar-Regolament Nru 1924/2006.

191    Minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 1924/2006 ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali għal dak li jikkonċerna l-perijodi tranżitorji previsti fl-Artikolu 28 tiegħu.

192    Għaldaqstant l-ewwel ilment ma jistax jintlaqa’.

193    Fit-tieni lok, rigward l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tar-Regolament Nru 1924/2006, għandu jiġi rrilevat li l-kuntest ġuridiku applikabbli għall-indikazzjonijiet dwar is-saħħa skont l-imsemmi regolament kien ċar u li l-konsegwenzi tagħhom kienu prevedibbli għall-operaturi tas-settur tal-ikel, ebda ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali ma seta’ jiġu kkonstatat fis-sens tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, minn naħa, il-qari flimkien tal-Artikoli 10(1) u 13 tar-Regolament Nru 1924/2006 jippermetti li jinftiehem li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa kienu pprojbiti ħlief jekk, l-ewwel nett, huma kienu konformi mar-rekwiżiti ġenerali speċifiċi li l-imsemmi regolament jipprovdi u jekk, it-tieni nett, huma kienu permess konformement mal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tranżitorji, jippermetti li jintużaw indikazzjonijiet dwar is-saħħa sal-mument tal-adozzjoni tal-lista’ ta’ indikazzjonijiet permessi, kif dan huwa spjegat fil-punti 80 sa 83 iktar ’il fuq.

194    Ir-rikorrenti jsostnu, barra minn hekk, li l-proċedura ta’ konsultazzjoni tal-EFSA ma kinitx iddettaljata fir-Regolament Nru 1924/2006 u li, b’mod partikolari, il-kriterji xjentifiċi li din l-awtorità kellha tapplika waqt l-evalwazzjoni tagħha tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa ma kinux speċifikati fih.

195    Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-kriterji ta’ evalwazzjoni xjentifika li għandhom jiġu applikati skont ir-Regolament Nru 1924/2006 ma jqajmu ebda dubju fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, qabel kollox, kif diġà ġie rrilevat fil-punti 135 u 138 iktar ’il fuq, l-Artikolu 2(2)(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 jispeċifika li, sabiex jiġi stabbilit jekk indikazzjoni dwar is-saħħa hijiex iġġustifikata, huwa neċessarju li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawża u effett bejn l-ikel inkwistjoni u l-funzjonijiet speċifikament imsemmija. Sussegwentement, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprovdi bħala kundizzjonijiet għall-permess ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa li, minn naħa, is-sustanza li tifforma s-suġġett tal-indikazzjoni tkun preżenti jew assenti fi kwantità sinjifikattiva għall-produzzjoni tal-allegat effett u, min-naħa l-oħra, li l-kwantità ta’ prodott li jista’ raġonevolment jiġi kkonsumat tipprovdi kwantità sinjifikattiva li tippermetti l-produzzjoni ta’ dan l-effett. Fl-aħħar nett, konformement mal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1924/2006, moqri fid-dawl tal-premessi 17 u 23 tal-istess regolament, iċċitati fil-punt 126 iktar ’il fuq, l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jibbażaw fuq provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati u għandhom jiġu ġġustifikati minn tali provi.

196    Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti li jirrigwarda l-assenza ta’ dispożizzjoni iktar iddettaljata għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni mill-EFSA tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, meta hija kkonsultata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 13(3) tal-istess regolament, għandu jiġi miċħud.

197    Għalhekk, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

198    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, it-tieni motiv insostenn tat-talba intiża għall-inapplikabbiltà tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-imsemmija talba kollha kemm hi.

2.     Fuq it-talba għall-annullament tal-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi

199    Il-Kummissjoni, sostnuta b’mod partikolari mir-Repubblika Franċiża u mill-BEUC, issostni li t-talba għall-annullament tal-lista li tidentifika l-indikazzjonijiet sospiżi hija inammissibbli. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, din il-lista ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE peress li tirrigwarda biss att intermedjarju ma jinkludi ebda kontenut leġiżlattiv jew deċiżjonali u li ma jistax għalhekk ibiddel is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiddikjara li, fid-dawl tar-rikors, ma huwiex possibbli li jiġu identifikati l-ilmenti mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħhom rigward il-mertu.

200    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Huma jqisu, essenzjalment, li l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat peress li, fost effetti legali oħrajn, hija tissuġġetta l-indikazzjonijiet sospiżi għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1924/2006. Rigward il-mertu, ir-rikorrenti jallegaw li l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi hija illegali u għandha tiġi annullata “peress li l-ħolqien [tagħha] […] ma għandhiex bażi legali u tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni”, kif ukoll “għall-istess motivi bħal dawk identifikati taħt il-Kapitolu V tar-[…] rikors”.

201    Skont il-ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet, kapaċi li jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra, EU:C:1981:264, punt 9; tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, Ġabra, EU:C:1998:148, punt 62, u tal-4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T‑87/96, Ġabra, EU:T:1999:37, punt 37). Sabiex jiġi stabbilit jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (digriet tat-13 ta’ Ġunju 1991, Sunzest vs Il-Kummissjoni, C‑50/90, Ġabra, EU:C:1991:253, punt 12, u s-sentenza Franza et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:C:1998:148, punt 63).

202    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, għal dak li jikkonċerna atti jew deċiżjonijiet li r-redazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, fil-prinċipju, jikkostitwixxu biss atti li jistgħu jiġu kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem il-proċedura, bl-esklużjoni ta’ miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑10/92 sa T‑12/92 u T‑15/92, Ġabra, EU:T:1992:123, punt 28).

203    Fil-każ ineżami, għandu jitqies li l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ lista li l-uniku għan tagħha jikkonsisti li jiġu identifikati indikazzjonijiet dwar is-saħħa li għandhom qed jiġu evalwati u li fuqhom il-Kummissjoni għadha ma ddeċidietx definittivament tikkonsisti biss miżura intermedjarja li l-għan tagħha huwa li tipprepara l-inklużjoni jew, bil-kontra, n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ kull waħda minn dawn l-indikazzjonijiet permessi, li tibqa’, fir-rigward tagħha, id-deċiżjoni finali.

204    Barra minn hekk, peress li, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ddikjarat li l-indikazzjonijiet sospiżi jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikolu 28(5) u (6) tr-Regolament Nru 1924/2006, għandu jiġi kkonstatat li din l-indikazzjoni ma għandha ebda element deċiżjonali u sempliċement tfakkar il-konsegwenzi li jirriżulta mill-imsemmi regolament stess għall-indikazzjonijiet li għandhom qed jiġu evalwati.

205    Minn dan isegwi li t-talba għall-annullament tal-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi għandha tiġi miċħuda li hija inammissibbli.

206    Għal finijiet ta’ kompletezza, anki jekk jiġi preżunt li l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi tista’ titqies li hija att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens espost mir-rikorrenti, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent għandu interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali, li l-azzjoni hija għalhekk adatta, permezz tar-riżultat tagħha, sabiex tagħti benefiċċju lill-parti li tkun bdietha u li din tiġġustifika interess reali u attwali fl-annullament tal-imsemmi att (ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2009, Socratec vs Il-Kummissjoni, T‑269/03, EU:T:2009:211, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207    Skont il-ġurisprudenza, huwa r-rikorrent li għandhom l-obbligu li jipproduċi l-prova tal-interess ġuridiku tiegħu. Jekk l-interess invokat mir-rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni legali futura, huwa għandu jistabbilixxi d l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni diġà huwa ċert. Għalhekk, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti sabiex jiġġustifika l-interess tiegħu li jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (ara s-sentenza Hagenmeyer u Hahn vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, EU:T:2014:234, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tosserva li, kif iddikjarat fil-premessi 10 u 11 tar-Regolament Nru 432/2012, l-indikazzjonijiet li jibqgħu sospiżi jibqgħu jibbenefikaw mis-sistema legali li kienet tapplika għalihom qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 432/2012. Konsegwentement, l-impriżi kkonċernati minn dan l-indikazzjonijiet jistgħu jibqgħu jużawhom fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-ikel konformement mal-Artikolu 28(5) u (6) tar-Regolament Nru 1924/2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda benefiċċju ma jista’ jinsilet mill-annullament tal-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, mistoqsijin dwar dan is-suġġett mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma rnexxilhomx jiġġustifikaw tali benefiċċju.

209    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex talba għal annullament tkun ammissibbli, ir-rikors għandu jinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati, dawn l-elementi għandhom suffiċjentement ċari u preċiżi li jippermettu lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ mingħajr informazzjoni oħra. Minħabba dan il-fatt, ir-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Nynäs Petroleum u Nynas Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑347/06, Ġabra, EU:T:2012:480, punt 107).

210    Fil-każ ineżami, għandu jitqies li l-argument invokat insostenn tat-talba tagħhom għal annullament, li sempliċement tiddikjara, minn naħa, li l-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi hija illegali u għandha tiġi annullata peress li r-redazzjoni tagħha ma għandhiex bażi legali u tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, sabiex jsir riferiment għall-motivi esposti fil-kuntest tal-Kapitolu V tar-rikors, huwa manifestament insuffiċjenti għall-finijiet li jippermetti li jiġu identifikati b’mod speċifiku l-ilmenti li r-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni bħala awtur tal-imsemmija lista.

211    Konsegwentement, it-talbiet tar-rikorrenti jitolbu l-annullament tal-lista ta’ indikazzjonijiet sospiżi għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

212    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

213    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, huma għandhom jiġu kkundannati, minbarra għall-ispejjeż tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni.

214    Skont l-ewwel u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, filwaqt li l-Qorti Ġenerali tista’ wkoll tordna li parti intervenjenti oħra għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Fil-kawża ineżami, ir-Repubblika Franċiża, il-Kunsill, il-Parlament, il-BEUC, FederSalus, Medestea biotech u Naturando għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      The Health Food Manufacturers’ Association, Quest Vitamins Ltd, Natures Aid Ltd, Natuur-& gezondheidsProducten Nederland u New Care Supplements B V huma kkundannati jħallsu l-ispejjeż tagħhom u dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Bureau européen des unions de consommateurs (BEUC), FederSalus, Medestea biotech SpA u Naturando Srl għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kancheva

Wetter

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Ġunju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż