Language of document : ECLI:EU:T:2020:543

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

18 ta’ Novembru 2020 (*)

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi – Raġuni għal invalidità – Nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet għal protezzjoni – Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu – Artikolu 8(1) tar‑Regolament Nru 6/2002”

Fil-Kawża T‑574/19,

Tinnus Enterprises LLC, stabbilita fi Plano, Texas (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Odle u R. Palijat, avukati, u J. St Ville, barrister,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn J. Ivanauskas u A. Folliard‑Monguiral, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li hija

Koopman International BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn G. van den Bergh u B. Brouwer, avukati,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO li kienet

Mystic Products Import & Export, SL, stabbilita f’Badalona (Spanja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO tat‑12 ta’ Ġunju 2019 (Każ R 1002/2018–3), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn, minn naħa, Mystic Products Import & Export u Koopman International u, min-naħa l-oħra, Tinnus Enterprises,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur) u K. Kowalik‑Bańczyk, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Awwissu 2019,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Novembru 2019,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Novembru 2019,

wara li rat l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawża lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fl-Għaxar Awla,

wara li rat id-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali lill-partijiet u r-risposti tagħhom għal dawn id-domandi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4, fid‑9 u fl‑10 ta’ Ġunju 2020,

wara s-seduta tal‑10 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Tinnus Enterprises LLC, hija l-proprjetarja tad-disinn Komunitarju ppreżentat fl‑10 ta’ Marzu 2015 quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u rreġistrat taħt in-numru 1 431 829–0001 (iktar ’il quddiem id-“disinn ikkontestat”), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Id-disinn ikkontestat huwa rrappreżentat kif ġej:

Image not found

Image not found

Image not found

1.1

1.2

1.3

3        Skont l-Artikolu 36(2) tar-Regolament Nru 6/2002, ir-rikorrenti ppreċiżat fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni li d-disinn ikkontestat kien intiż li jiġi applikat għall-prodott “tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi”, li jaqa’ fil-klassi 23.01 fis-sens tal-Ftehim ta’ Locarno tat‑8 ta’ Ottubru 1968 li jistabbilixxi klassifikazzjoni internazzjonali għad-disinni industrijali.

4        Fis‑7 ta’ Ġunju 2016, Mystic Products Import & Export, SL, ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità relatata mad-disinn ikkontestat abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, moqri flimkien mal-Artikolu 4(1) u mal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament. Mystic Products Import & Export sostniet, b’mod partikolari, li l-karatteristiċi kollha tad-disinn ikkontestat kienu ddettati biss mill-funzjoni teknika tagħhom. Konsegwentement, fid-dawl tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, l-imsemmi disinn ma jista’ jibbenefika minn ebda protezzjoni.

5        Fid‑19 ta’ April 2017, l-intervenjenti, Koopman International BV, ukoll ressqet talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità relatata mad-disinn ikkontestat, ibbażata fuq l-istess dispożizzjonijiet u l-istess argumenti, essenzjalment, bħal dawk imsemmija fil-punt 4 iktar ’il fuq. L-intervenjenti talbet li l-imsemmi disinn jiġi ddikjarat invalidu jew, mill-inqas, li dan jibbenefika biss minn protezzjoni ristretta.

6        Fit‑30 ta’ Awwissu 2017, l-EUIPO informa liż-żewġ persuni li talbu dikjarazzjoni ta’ invalidità li t-talbiet tagħhom kienu ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċedimenti uniċi skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 6/2002.

7        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2018, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni ddikjarat l-invalidità tad-disinn ikkontestat.

8        Fil‑31 ta’ Mejju 2018, ir-rikorrenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 55 sa 60 tar-Regolament Nru 6/2002, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2019 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma l-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li d-disinn ikkontestat kien ibbażat fuq karatteristiċi ta’ prodott, jiġifieri tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi, iddettati biss mill-funzjoni teknika ta’ dan il-prodott, b’tali mod li l-imsemmi disinn kellu jiġi ddikjarat invalidu bis-saħħa tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(b) flimkien mal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Konsegwentement, l-appell tar-rikorrenti ġie miċħud.

 It-talbiet tal-partijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata fis-sens li, l-ewwel nett, l-appell jiġi milqugħ, it-tieni nett, it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-disinn ikkontestat jiġu miċħuda, it-tielet nett, il-persuni li talbu dikjarazzjoni ta’ invalidità jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż li hija sostniet quddiem il-Bord tal-Appell u d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u, ir-raba’ nett, u sussidjarjament, il-kawża tintbagħat lura lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex din tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002;

–        tagħtiha l-ispejjeż.

11      L-EUIPO u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Ir-rikorrenti invokat erba’ motivi insostenn tar-rikors tagħha li huma bbażati fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata.

13      L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipprevedi li disinn Komunitarju ma għandux jagħti drittijiet fuq il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu.

14      B’rabta mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-premessa 10 tal-imsemmi regolament tippreċiża dan li ġej:

“L-innovazzjoni teknoloġika ma għandhiex tiġi mfixkla bil-konċessjoni ta’ protezzjoni tad-disinji lill-karatteristiċi ddettati biss b’funzjoni teknika. Huwa mifhum illi dan ma jintitolax illi disinn għandu ikollu kwalità estetika. Bl-istess mod, l-interoperabbiltà tal-prodotti ta’ għamliet differenti ma għandhiex tiġi mfixkla bl-estensjoni tal-protezzjoni għad-disinn ta’ oġġetti mekkaniċi tat-twaħħil. B’konsegwenza ta’ dan, dawk il-karatteristiċi li huma esklużi mill-protezzjoni għal dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jitqiesu bl-għan li jiġi stmat jekk il-karatteristiċi l-oħra tad-disinn iwettqux il-ħtiġiet tal-protezzjoni.”

15      Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 31), b’mod partikolari kkonkludiet li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 kien jeskludi l-protezzjoni, abbażi tad-dritt tad-disinni Komunitarji, tal-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott meta kunsiderazzjonijiet ta’ natura differenti min-neċessità li l-imsemmi prodott jissodisfa l-funzjoni teknika tiegħu, b’mod partikolari dawk marbuta mal-aspett viżiv, ma kellhom l-ebda rwol fl-għażla tal-imsemmija karatteristiċi, u dan anki jekk ikun hemm disinni oħra li jippermettu li tiġi żgurata din l-istess funzjoni.

16      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott humiex iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, kien hemm lok li jiġi stabbilit li din il-funzjoni hija l-uniku fattur li ddetermina dawn il-karatteristiċi, peress li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma hijiex determinanti f’dan ir-rigward (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 32).

17      Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott jaqgħux taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha ssir b’rigward għaċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha ta’ kull każ inkwistjoni. Din l-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, issir b’rigward għad-disinn inkwistjoni, għaċ-ċirkustanzi oġġettivi indikattivi tar-raġunijiet li wasslu għall-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, għad-data dwar l-użu tiegħu jew ukoll għall-eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tinkiseb l-istess funzjoni teknika, sakemm dawn iċ-ċirkustanzi, din id-data jew din l-eżistenza jkunu sostnuti minn provi affidabbli (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punti 36 u 37).

18      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-motivi invokati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma adottax approċċ strutturat u sistematiku fid-deċiżjoni kkontestata

19      Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), il-Bord tal-Appell, sabiex jiddetermina jekk id-disinn ikkontestat ġiex irreġistrat b’mod validu, kellu jadotta approċċ sistematiku u strutturat li jikkonsisti, l-ewwel nett, fid-determinazzjoni tal-funzjoni teknika tal-prodott li għalih ingħatat ir-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, it-tieni nett, fl-identifikazzjoni tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott li huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, it-tielet nett, fid-determinazzjoni ta’ jekk kull waħda mill-imsemmija karatteristiċi hijiex effettivament iddettata mill-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott u, ir-raba’ nett, fl-evalwazzjoni tad-disinn kkontestat fid-dawl tal-kriterji ta’ novità u ta’ karattru individwali meħtieġa mill-Artikoli 4 sa 6 tar-Regolament Nru 6/2002, billi jiġu esklużi l-karatteristiċi tad-dehra ddettati biss mill-funzjoni teknika tal-prodott.

20      Issa, skont ir-rikorrenti, l-analiżi tal-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex tali struttura. Fil-fehma tagħha, il-Bord tal-Appell ma bediex l-analiżi tiegħu bid-determinazzjoni tal-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-Bord ta’ l-Appell identifika l-erba’ elementi li jikkomponu l-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-konnettur, it-tubi, il-bżieżaq u l-qafliet li jorbtu l-bżieżaq mat-tubi, minflok ma identifika u eżamina l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, u żbaljatament, eżamina wkoll il-funzjoni teknika tal-erba’ elementi msemmija iktar ’il fuq tal-prodott minflok ma eżamina l-funzjoni teknika tal-prodott innifsu. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell, billi kkonkluda, essenzjalment, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata li ebda waħda mill-karatteristiċi tad-disinn ikkontestat ma kienet intgħażlet bl-għan waħdieni li tittejjeb id-dehra tal-prodott, applika kriterju ġuridiku differenti minn dak meħtieġ mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, għaldaqstant, żbaljat.

21      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, minħabba l-analiżi mhux strutturata tal-Bord tal-Appell, dan ma eżaminax fil-mertu x-xhieda tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat. Huwa lanqas ma applika b’mod korrett it-tieni, it-tielet u r-raba’ stadju tal-analiżi ppreżentata fil-punt 19 iktar ’il fuq.

22      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

23      Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, mill-premessa 10 tal-imsemmi regolament u mis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172) jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ disinn Komunitarju fir-rigward tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq tinvolvi l-istadji sussegwenti: fl-ewwel lok, għandha tiġi ddeterminata l-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat, fit-tieni lok, għandhom jiġu analizzati l-karatteristiċi tad-dehra tal-imsemmi prodott fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u, fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat, b’rigward għaċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha, jekk dawn il-karatteristiċi humiex iddettati biss mill-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat, fi kliem ieħor, jekk in-neċessità li tiġi ssodisfatta din il-funzjoni teknika hijiex l-uniku fattur li ddetermina l-għażla mid-disinjatur ta’ dawn il-karatteristiċi, fejn kunsiderazzjonijiet ta’ natura oħra, b’mod partikolari dawk marbuta mal-aspett viżiv tal-imsemmi prodott, ma kellhom l-ebda rwol fl-għażla ta’ dawn il-karatteristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punti 26 u 31). Fid-dawl tal-premessa 10 tar-Regolament Nru 6/2002, il-karatteristiċi esklużivament funzjonali tad-disinn inkwistjoni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk karatteristiċi oħra tal-imsemmi disinn jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kriterji ta’ “novità” u ta’ “karattru individwali” previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

24      Mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u mill-premessa 10 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, jekk jiġi konkluż li mill-inqas waħda mill-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat ma hijiex iddettata biss mill-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott, id-disinn inkwistjoni jibqa’ validu u jagħti protezzjoni lil din il-karatteristika.

25      Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 u mill-premessa 10 tal-imsemmi regolament, u hekk kif korrettament irrileva l-EUIPO, jekk il-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, id-disinn inkwistjoni ma jkunx validu, sakemm ma jidhirx li l-arranġament tal-imsemmija karatteristiċi ġie iddettat minn kunsiderazzjonijiet li ma jaqgħux esklużivament taħt in-neċessità li tiġi ssodisfatta l-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat, billi tingħata, b’mod partikolari, impressjoni viżiva globali li tmur lil hinn mis-sempliċi funzjoni teknika. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 6/2002, id-dehra tikkostitwixxi l-element determinanti ta’ disinn (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, konsegwentement, arranġament partikolari tal-karatteristiċi jista’ jintgħażel għal finijiet differenti min-neċessità li tiġi ssodisfatta funzjoni teknika u, b’mod partikolari, għal finijiet ornamentali u, b’mod iktar ġenerali, għal finijiet intiżi li jittejjeb l-aspett viżiv tad-disinn.

26      Hekk kif korrettament jippreċiża l-EUIPO, fil-każ tal-arranġament speċifiku msemmi iktar ’il fuq, id-disinn inkwistjoni jibqa’ validu u jagħti protezzjoni biss lil dan l-arranġament partikolari u mhux lill-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott esklużivament funzjonali li huma kkonċernati minn dan l-arranġament.

27      Mill-punti 23 sa 26 iktar ’il fuq jirriżulta li d-definizzjoni mir-rikorrenti tal-istadji ta’ analiżi meħtieġa mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, ippreżentata fil-punt 19 iktar ’il fuq, hija, essenzjalment, eżatta. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell applikax korrettament dawn l-istadji fid-deċiżjoni kkontestata.

28      F’dak li jirrigwarda l-ewwel stadju tal-analiżi, il-Bord tal-Appell indika, fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien hemm lok, qabelxejn, li tiġi ddeterminata l-funzjoni teknika tal-prodott li fih id-disinn ikkontestat kien integrat. Il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, proprjetarja tal-imsemmi disinn, iddeskriviet dan il-prodott fl-applikazzjoni li wasslet għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, bħala “tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi” (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell stabbilixxa li l-imsemmi prodott kien intiż li jiddeverti lit-tfal billi jiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ battalja tal-ilma (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata) u speċifika li l-funzjoni teknika ta’ dan il-prodott kienet li jimtlew simultanjament ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel stadju tal-analiżi, imsemmi fil-punt 23 iktar’ il fuq, huwa preżenti fid-deċiżjoni kkontestata.

29      Fir-rigward tat-tieni stadju tal-analiżi, għandu jiġi kkonstatat li fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell kjarament identifika u analizza l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, li huma: l-ewwel nett, il-konnettur bi ftuħ u ċertu numru ta’ toqob, it-tieni nett, ċertu numru ta’ tubi mwaħħla mal-konnettur, it-tielet nett, ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu marbuta mat-tarf tat-tubi u, ir-raba’ nett, ċertu numru ta’ qafliet li jorbtu l-bżieżaq mat-tubi. Minn dan jirriżulta li t-tieni stadju tal-analiżi, imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, huwa wkoll preżenti fid-deċiżjoni kkontestata.

30      Fil-punti 33 sa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell wettaq it-tielet stadju tal-analiżi, billi eżamina jekk kull waħda mill-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott kinitx iddettata biss mill-funzjoni teknika tiegħu. B’mod partikolari, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell, sabiex jeżamina l-funzjonijiet tal-erba’ karatteristiċi identifikati, ħa inkunsiderazzjoni l-preżentazzjoni sussegwenti fuq l-internet tal-prodott tar-rikorrenti u proprjetarja tad-disinn ikkontestat, imsejjaħ “Bunch O Balloons”:

“[K]onnettur għal pajp tal-ġnien b’37 bużżieqa mwaħħla minn qabel li jintrabtu awtomatikament ladarba jkunu mimlija bl-ilma. […] Il-bżieżaq, mhux minfuħa, huma mqiegħda fuq 37 virga. Madwar l-għonq ta’ kull bużżieqa, lastkuwa żgħira torbot sewwa l-bużżieqa fuq il-virga. Il-vireg huma mqabbda ma’ żennuna waħda li tista’ titqabbad ma’ pajp tal-ġnien għall-finijiet ta’ mili. Din is-sistema tippermetti li jimtlew simultanjament il-bżieżaq kollha bl-ilma. Ladarba l-bżieżaq ikunu mimlija, ikun għalhekk biżżejjed li jingħalaq l-ilma u li l-bżieżaq jiġu mċaqalqa bil-mod sabiex dawn jinqalgħu u jiġu inkorporati mal-armamenti tiegħek.”

31      Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell, fil-punti 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata u bi tweġiba għall-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ix-xhieda tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat, ikkonstata li l-aspett viżiv tal-apparat kien jirriżulta mill-funzjoni teknika tiegħu u li, għalkemm kien minnu li kienu jeżistu, bħala prinċipju, disinni alternattivi fir-rigward tad-daqs, tal-forma u tal-arranġament tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, kien madankollu meħtieġ f’dan il-każ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-karatteristiċi u l-mod li bih dawn kienu ddisinjati kienu jiggarantixxu effetti tekniċi li kienu jippermettu lill-prodott jaħdem perfettament. Barra minn hekk, fil-punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkonstata u approva l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li tikkonsisti fl-eżami tad-disinn ikkontestat kollu kemm hu. B’hekk mill-punti 28, 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell eżamina l-kwistjoni dwar jekk l-arranġament tal-karatteristiċi individwali tad-dehra tal-prodott ikkonċernat kienx joħloq impressjoni viżiva globali li minnha seta’ jiġi dedott li dan l-arranġament ma kienx iddettat biss minn kunsiderazzjonijiet relatati man-neċessità li l-imsemmi prodott jissodisfa l-funzjoni teknika tiegħu.

32      Fil-punti 37 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell għalhekk essenzjalment ikkonkluda li l-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat kienu ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu u, fil-punt 39 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-disinn ikkontestat kellu, konsegwentement, jiġi ddikjarat invalidu.

33      Mill-punti 30 sa 32 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet stadju tal-analiżi, imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, huwa preżenti fid-deċiżjoni kkontestata.

34      Fir-rigward tar-raba’ stadju tal-analiżi identifikat mir-rikorrenti u ppreżentat fil-punt 19 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-Bord tal-Appell qies li l-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat kienu ddettati mill-funzjoni teknika tiegħu u peress li, għalhekk, ikkonkluda li d-disinn ikkontestat kien invalidu abbażi tal-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 6/2002, meħud flimkien mal-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, ma kienx hemm lok li huwa jeżamina n-novità u l-karattru individwali tad-disinn imsemmi iktar ’il fuq.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell wettaq l-istadji kollha neċessarji għall-eżami tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Il-kwistjoni dwar il-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell hija kwistjoni separata u ser tiġi indirizzata fil-kuntest tal-eżami tal-motivi l-oħra mqajma mir-rikorrenti.

36      F’dak li jirrigwarda l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma eżaminax fil-mertu x-xhieda tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija xhieda hija ppreżentata fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell iwieġeb fil-mertu għall-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-imsemmija xhieda. B’mod iktar speċifiku, fil-punt 35 imsemmi iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell iwieġeb għall-argument li d-disinn ikkontestat jirrigwarda prodott intiż li jinbiegħ lill-konsumaturi, għall-argument li hemm diversi metodi oħra sabiex jinkiseb l-istess riżultat tekniku minn dak li huwa rrappreżentat fuq id-disinn ikkontestat u diversi varjazzjonijiet possibbli tal-imsemmi disinn, u għall-argument li d-disinn ikkontestat għandu “dehra sempliċi, netta u eleganti”. Il-Bord tal-Appell jiċħad dawn l-argumenti billi jsostni li dawn ma jbiddlux il-fatt li l-aspett viżiv tal-apparat jirriżulta tabilħaqq mill-funzjoni teknika tiegħu u li, konformement mas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), is-sempliċi fatt li jeżisti disinn alternattiv ma jfissirx li d-dehra ta’ prodott ġiet imposta minn kunsiderazzjonijiet oħra għajr kunsiderazzjonijiet tekniċi. Il-Bord tal-Appell jiżviluppa iktar din l-analiżi fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata.

37      Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma eżaminax fil-mertu x-xhieda tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat għandu jiġi miċħud.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma analizzax il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat u l-funzjoni teknika tiegħu u li huwa uża limitu żbaljat għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002

39      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell, l-ewwel nett, analizza l-karatteristiċi tekniċi tal-prodott inkwistjoni jew l-elementi li jikkomponuh, minflok ma analizza l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu (l-ewwel ilment) u, it-tieni nett, analizza l-funzjonijiet tal-imsemmija karatteristiċi tekniċi jew tal-imsemmija elementi, minflok ma analizza l-funzjoni teknika tal-prodott (it-tieni lment). Skont ir-rikorrenti, minn dawn l-iżbalji jirriżulta li l-Bord tal-Appell adotta kriterju preliminari differenti u inqas eżiġenti minn dak meħtieġ mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, hekk kif interpretat mis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), li jikkonsisti f’li jiġi eżaminat jekk kull waħda mill-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott kinitx iddettata biss mill-funzjoni teknika tiegħu (it-tielet ilment).

40      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argument tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel ilment, dwar in-nuqqas ta’ analiżi mill-Bord tal-Appell tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat

41      Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 6/2002 ma jipprovdix definizzjoni preċiża tal-“karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott”. Fid-definizzjoni ta’ disinn inkluża fl-Artikolu 3(a) tal-imsemmi regolament, il-kelma “karatteristiċi” tintuża b’mod wiesa’, li tinkludi l-aspetti kollha possibbli tad-dehra ta’ prodott, b’mod partikolari, il-karatteristiċi tal-linji, tal-konfigurazzjoni, tal-kuluri, tal-għamla, tan-nisġa u/jew tal-materjali tal-prodott. Hekk kif jirrileva korrettament l-EUIPO, l-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi għandha ssir każ b’każ u tiddependi mill-prodott ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Roxtec vs EUIPO – Wallmax (Rappreżentazzjoni ta’ kwadru iswed li jinkludi seba’ ċrieki blu konċentriċi), T‑261/18, EU:T:2019:674, punti 51 u 55).

42      Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fid-dawl tal-grad ta’ kumplessità tiegħu, titwettaq permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva tad-disinn jew, għall-kuntrarju, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward ta’ dan il-prodott ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2012, Reddig vs UASI – Morleys (Manku ta’ sikkina) T‑164/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:443, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell beda l-analiżi tiegħu billi rrileva li r-rikorrenti, fl-applikazzjoni li wasslet għar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, iddeskriviet il-prodott li għalih kien japplika l-imsemmi disinn, bħala “tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi” (punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell, essenzjalment, innota li huwa kien ser jieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea EP 3 005 948 A 2, ippreżentata f’isem ir-rikorrenti fit‑3 ta’ Ottubru 2015, sabiex jikseb informazzjoni u provi iktar preċiżi dwar in-natura tal-prodott imsemmi iktar ’il fuq u l-karatteristiċi funzjonali tad-disinn ikkontestat (punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      B’hekk, il-Bord tal-Appell identifika, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott bħala li huma, l-ewwel nett, il-konnettur bi ftuħ u ċertu numru ta’ toqob, it-tieni nett, ċertu numru ta’ tubi mwaħħla mal-konnettur, it-tielet nett, ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu marbuta mat-tarf tat-tubi u, ir-raba’ nett, ċertu numru ta’ qafliet li jorbtu l-bżieżaq mat-tubi. Il-Bord tal-Appell qies li dawn il-karatteristiċi kollha kienu neċessarji għall-funzjonament tas-soluzzjoni teknika li tippermetti li jimtlew simultanjament ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu.

46      Huwa minnu li, skont l-analiżi tal-Bord tal-Appell, l-erba’ karatteristiċi tad-dehra tal-prodott imsemmija iktar ’il fuq jikkorrispondu għall-elementi individwali li jikkomponu dan il-prodott. Fil-fatt, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li l-prodott “tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi” kien jikkonsisti f’konnettur li seta’ jitqabbad ma’ apparat ta’ distribuzzjoni tal-ilma bħal vit jew pajp tal-ġnien, li l-ilma kien iddistribwit permezz ta’ diversi vireg (tubi) imwaħħla mal-konnettur permezz ta’ toqob u li dan kien jimla l-bżieżaq li jintefħu miżmuma fit-tarf tal-vireg (tubi) permezz ta’ lastkuwi. Skont il-Bord tal-Appell, ladarba l-bżieżaq ikunu suffiċjentement mimlija bl-ilma, il-piż tal-likwidu jippermettilhom jinqalgħu minn mal-vireg, u l-lastkuwi jagħlquhom, u b’hekk l-ilma jinżamm ġewwa fihom, b’mod li dawn il-bżieżaq ikunu jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-battalji tal-ilma.

47      Madankollu, il-fatt li hemm koinċidenza bejn il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat u l-elementi individwali li jikkomponuh ma jfissirx li l-Bord tal-Appell wettaq żball fl-identifikazzjoni tal-imsemmija karatteristiċi. Konformement mal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li l-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi tiddependi mill-prodott ikkonċernat. F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura kumplessa ta’ dan il-prodott, li huwa kompost minn diversi elementi individwali, huwa loġiku li l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu jikkoinċidu ma’ dawn l-elementi individwali. Min-naħa l-oħra, fuq il-livell tal-metodu, il-Bord tal-Appell kellu d-dritt, fid-dawl tal-kumplessità tal-prodott ikkonċernat, ma jillimitax ruħu għal sempliċi analiżi viżiva tiegħu, iżda jwettaq eżami fil-fond u jidentifika bħala karatteristiċi tad-dehra tiegħu l-elementi viżibbli li jikkomponuh u li jifformaw din id-dehra.

48      Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma analizzax il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, matul il-proċedimenti quddiem l-EUIPO, ir-rikorrenti stess kienet qablet li l-erba’ elementi individwali tal-prodott ikkonċernat kienu tabilħaqq jikkostitwixxu l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu.

 Fuq it-tieni lment, dwar in-nuqqas ta’ analiżi mill-Bord tal-Appell tal-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat

49      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-Bord tal-Appell tabilħaqq ħa inkunsiderazzjoni l-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat, peress li huwa kkonstata li dan kien intiż li jiddeverti lit-tfal billi jiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ battalja tal-ilma (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata) l-funzjoni teknika tiegħu kienet li jimtlew simultanjament ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata)

50      Sussegwentement, il-Bord tal-Appell, wara li identifika l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, ikkonkluda li dawn il-karatteristiċi kollha kienu ddettati biss mill-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott, u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti li l-Bord tal-Appell ma analizzax il-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat għandu jiġi miċħud.

52      Huwa minnu li, sabiex jasal għall-konklużjoni prevista fil-punt 50 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell analizza wkoll, fil-punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-funzjoni teknika ta’ kull waħda mill-erba’ karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri tal-konnettur, tat-tubi, tal-bżieżaq u tal-qafliet, u l-kontribuzzjoni ta’ kull waħda minnhom għall-kisba tal-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott, jiġifieri tal-mili simultanju ta’ ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu li jistgħu jintużaw f’battalja tal-ilma. Pereżempju, hekk kif imsemmi fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Bord tal-Appell isemmi, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, il-funzjonijiet ta’ dawn il-karatteristiċi hekk kif ippreżentati fuq l-internet mir-rikorrenti.

53      Dan l-approċċ tal-Bord tal-Appell ma huwiex ivvizzjat bi żball.

54      Fil-fatt, meta d-disinn inkwistjoni jiġi applikat għal prodott kumpless, bħall-prodott ikkonċernat f’dan il-każ, li l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu jikkoinċidu mal-elementi individwali li jikkomponuh, it-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk l-imsemmija karatteristiċi humiex “iddettati biss mill-funzjoni teknika tal-prodott”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tkun teħtieġ, preliminarjament, l-eżami tal-funzjoni teknika ta’ kull waħda minn dawn il-karatteristiċi u l-eżami tar-relazzjoni kawżali bejn il-funzjoni teknika ta’ kull waħda minn dawn il-karatteristiċi u l-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat. Meta ma jkunx hemm relazzjoni kawżali bejn il-funzjoni teknika tal-karatteristika u l-funzjoni teknika tal-prodott, jiġifieri meta din il-karatteristika ma tkunx tikkontribwixxi għall-funzjoni teknika tal-prodott, ma jistax jiġi sostnut li din il-karatteristika hija “ddettata biss” mill-funzjoni teknika tal-prodott. Min-naħa l-oħra, jekk tali relazzjoni kawżali tkun teżisti, din tkun tippermetti li jiġi konkluż li l-karatteristika tad-dehra tal-prodott hija “ddettata biss” mill-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott, bil-kundizzjoni li kunsiderazzjonijiet ta’ natura differenti min-neċessità li l-imsemmi prodott jissodisfa l-funzjoni teknika tiegħu, b’mod partikolari dawk marbuta mal-aspett viżiv, ma kellhom l-ebda rwol fl-għażla ta’ din il-karatteristika, fis-sens tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 31).

55      Sabiex jiġu spjegati l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, huwa opportun li jsir riferiment għall-eżempju tal-konnettur muri fuq id-disinn ikkontestat. Il-konnettur, skont l-analiżi preċedenti, jikkostitwixxi karatteristika tad-dehra tal-prodott kumpless ikkonċernat f’dan il-każ, iżda wkoll element individwali, fi kliem ieħor, komponent, tal-imsemmi prodott. Dan il-konnettur għandu bħala funzjoni li jqabbad il-prodott ikkonċernat mas-sors tal-ilma, pereżempju l-vit. Għalhekk, huwa ċar li anki jekk il-konnettur, meħud waħdu, għandu funzjoni differenti mill-prodott ikkonċernat, peress li dan tal-aħħar iservi għall-mili simultanju bl-ilma ta’ diversi bżieżaq, dan madankollu jikkontribwixxi għall-funzjoni teknika ta’ dan tal-aħħar. Din ir-relazzjoni kawżali tista’ twassal għall-konklużjoni li l-imsemmi konnettur huwa “ddettat biss” mill-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat, bil-kundizzjoni li kunsiderazzjonijiet ta’ natura differenti min-neċessità li l-imsemmi prodott jissodisfa l-funzjoni teknika tiegħu, b’mod partikolari dawk marbuta mal-aspett viżiv, ma kellhom l-ebda rwol fl-għażla tal-konnettur.

56      Minn dan isegwi li, hekk kif l-EUIPO korrettament jirrileva, il-fatt li l-prodott ikkonċernat fih diversi karatteristiċi, li kull waħda minnhom tissodisfa funzjoni differenti, ma jeskludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-karatteristiċi tad-dehra jirreferu għal riżultat tekniku wieħed u uniku. Il-karatteristiċi jistgħu joħolqu diversi riżultati tekniċi, sakemm dawn jikkontribwixxu għall-kisba tar-riżultat tekniku intiż mill-prodott.

57      Hekk kif josserva l-EUIPO, il-fatt li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma tiġix aċċettata, iwassal sabiex din id-dispożizzjoni ma tiġix applikata għal ċertu numru ta’ karatteristiċi esklużivament funzjonali minħabba s-sempliċi fatt li dawn ma jissodisfawx direttament il-funzjoni tal-prodott ikkonċernat. Bl-istess mod, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun eskluża għad-disinni li jinkludu parti biss minn prodott jew minn element tiegħu, peress li dawn tal-aħħar rarament biss jissodisfaw il-funzjoni tal-prodott bħala tali. Tali sitwazzjoni ma hijiex konformi mal-għan segwit mid-dispożizzjoni prevista iktar ’il fuq.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti dwar il-metodu ta’ analiżi segwit mill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi li l-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu.

 Fuq it-tielet ilment, dwar il-kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, użat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata

59      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell adotta kriterju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li huwa inqas eżiġenti minn dak previst minn din id-dispożizzjoni, li skontu l-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott għandhom ikunu “ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu”. Insostenn tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-affermazzjonijiet sussegwenti tal-Bord tal-Appell: l-affermazzjoni, fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, li “dawn il-karatteristiċi kollha huma neċessarji għall-funzjonament tas-soluzzjoni teknika”; l-affermazzjoni, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li “l-aspett viżiv tal-apparat jirriżulta tabilħaqq mill-funzjoni teknika tiegħu”; l-affermazzjoni, fil-punt 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li “għandu madankollu f’dan il-każ jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-karatteristiċi, u l-mod li bih dawn huma ddisinjati, jiggarantixxu wkoll effetti tekniċi li jippermettu lill-prodott jiffunzjona perfettament”; l-affermazzjonijiet, fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, li “[l]-karatteristiċi essenzjali kollha tad-[disinn] ikkontestat intgħażlu bil-għan li jiġi ddisinjat prodott li jissodisfa l-funzjoni tiegħu” u li “[l]-ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma ntgħażlet bil-għan waħdieni li titjieb id-dehra tal-prodott”.

60      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-kliem imsemmi iktar ’il fuq użat mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata mhux dejjem jikkoinċidi ma’ dak li jinsab fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu, meta titqiegħed fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni u moqrija fid-dawl tal-istruttura tagħha, it-terminoloġija kkritikata mir-rikorrenti ma tindikax, bħala tali, li l-Bord tal-Appell applika dan l-artikolu b’mod żbaljat. Fil-fatt, b’mod inekwivoku, il-Bord tal-Appell, billi jirreferi għad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, jikkonkludi, fil-punt 38 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat jissodisfaw biss il-funzjoni teknika tiegħu.

61      Minn dan isegwi li dan l-ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, it-tieni motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball imwettaq mill-Bord tal-Appell fl-analiżi tad-disinni Komunitarji l-oħra miżmuma mir-rikorrenti u tal-applikazzjoni tagħha għal privattiva Ewropea

62      Ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell ma kkontestax l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li s-sempliċi fatt li hija l-proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji applikati għall-prodott “tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi”, viżwalment differenti, jippermetti li jiġi dedott li l-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu.

63      Ir-rikorrenti tilmenta wkoll li l-Bord tal-Appell qies li, minħabba l-fatt li hija ppreżentat applikazzjoni għal privattiva għall-istess prodott bħal dak li għalih japplika d-disinn ikkontestat, li tinkludi deskrizzjoni ddettaljata tal-karatteristiċi tad-dehra ta’ dan il-prodott, dawn il-karatteristiċi huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu. Skont ir-rikorrenti, din l-applikazzjoni għal privattiva tista’ tkun biss sors ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet li ddettaw l-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat u ma tistax tikkostitwixxi tqassir li jippermetti li tiġi evitata l-analiżi strutturata meħtieġa mis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), u deskritta fil-kuntest tal-ewwel motiv.

64      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw il-fondatezza tal-ilmenti tar-rikorrenti.

65      Għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 32), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma kinitx determinanti f’dak li kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat kinitx l-uniku fattur li ddetermina l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu.

66      Bl-istess mod, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172, punti 36 u 37), qieset li l-eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tinkiseb l-istess funzjoni teknika kienet tikkostitwixxi ċirkustanza oġġettiva rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat kinux iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu (ara l-punt 17 iktar ’il fuq).

67      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati ż-żewġ ilmenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ilment dwar l-eżistenza tad-disinni Komunitarji l-oħra miżmuma mir-rikorrenti

68      Sabiex jiġi evalwat l-ilment tar-rikorrenti dwar il-fatt li hija l-proprjetarja ta’ disinni oħra applikati għall-prodott “tagħmir għad-distribuzzjoni ta’ fluwidi”, huwa opportun li l-ewwel nett isir riferiment għad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

69      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni rrilevat li, anki jekk il-proċedimenti inkwistjoni kienu jirrigwardaw il-validità tad-disinn ikkontestat, kien rilevanti, fid-dawl tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-disinni Komunitarji l-oħra miżmuma mir-rikorrenti u li kienu s-suġġett, flimkien mad-disinn ikkontestat, ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni multipla (paġna 8 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

70      Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni rrilevat li, minn tal-inqas erba’ disinni fost dawk imsemmija fl-applikazzjoni multipla tar-rikorrenti kienu juru alternattivi possibbli sabiex tinkiseb l-istess soluzzjoni teknika, fatt li ftit iħalli spazju għal alternattivi oħra. Skont id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-konfigurazzjonijiet differenti tat-tubi u tal-bżieżaq illustrati huma biss modi differenti li jippermettu li numru kbir ta’ bżieżaq jimtlew bl-ilma simultanjament u li billi tikseb r-reġistrazzjoni ta’ dawn il-forom, ir-rikorrenti tħalli lill-kompetituri tagħha biss ftit possibbiltajiet sabiex jaslu għall-istess riżultat (paġna 9 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

71      Għalhekk, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, billi rreferiet għan-neċessità ta’ teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti bil-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, qieset li tali ċirkustanza oġġettiva f’dan il-każ setgħet tkun il-fatt li l-forom alternattivi kollha ppreżentati f’dan il-każ kienu protetti permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom bħala disinn Komunitarju, hekk kif kien il-każ għad-disinn ikkontestat, u għalhekk ma setgħux jitqiesu bħala alternattivi disponibbli għall-kompetituri (paġna 9 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni). Huwa importanti wkoll li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, din ma llimitatx ruħha għal din il-kunsiderazzjoni sabiex tikkonkludi favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002 iżda ħadet inkunsiderazzjoni fatturi oħra wkoll u, b’mod partikolari, l-applikazzjoni għal privattiva tar-rikorrenti u n-natura tal-prodott ikkonċernat li huwa intiż għal użu uniku u li jintrema (paġni 9 u 10 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

72      Minn dan isegwi li l-eżistenza tad-disinni Komunitarji l-oħra miżmuma mir-rikorrenti ttieħdet inkunsiderazzjoni mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, bħala fattur fost oħrajn, sabiex tevalwa jekk il-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat f’dan il-każ kinux iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

73      Dan l-approċċ tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ġie vvalidat mill-Bord tal-Appell. Dan ikkonstata, fil-punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet perfettament iġġustifikata li tieħu inkunsiderazzjoni d-disinni Komunitarji l-oħra tar-rikorrenti, sa fejn, skont is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), iċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha tal-każ ineżami kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi kienet ikkostitwita mill-informazzjoni li setgħet tirriżulta mir-reġistrazzjonijiet l-oħra tar-rikorrenti li kienu jirrigwardaw l-istess prodott.

74      Hekk kif ikkonstatat fil-punt 81 iktar ’il quddiem, il-Bord tal-Appell ħa wkoll inkunsiderazzjoni “ċirkustanzi oġġettivi rilevanti” oħra, fis-sens tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), sabiex jasal għall-konklużjoni li l-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat kienu ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu fuq l-eżistenza biss tad-disinni Komunitarji l-oħra tar-rikorrenti sabiex jikkonkludi favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Fuq din il-bażi, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ilment dwar l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea tar-rikorrenti

76      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell uża l-applikazzjoni għal privattiva Ewropea tar-rikorrenti bħala sors importanti ta’ informazzjoni sabiex jevalwa d-disinn ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

77      Għalhekk, il-Bord tal-Appell ikkonstata, essenzjalment, li l-applikazzjoni għal privattiva kienet tirrigwarda eżattament l-istess prodott bħal dak li għalih kien japplika d-disinn ikkontestat (ara l-punti 30 sa 32 tad-deċiżjoni kkontestata).

78      Il-Bord tal-Appell uża l-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal privattiva sabiex jiddetermina l-elementi li jikkomponu l-prodott li għalih kien japplika d-disinn ikkontestat, kif ukoll l-għan tiegħu, jiġifieri d-divertiment tat-tfal billi jiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ battalja tal-ilma (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Il-Bord tal-Appell uża wkoll l-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni għal privattiva sabiex jistabbilixxi l-funzjoni teknika tal-erba’ karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri tal-konnettur, tat-tubi, tal-bżieżaq u tal-qafliet, kif ukoll ir-relazzjoni kawżali bejn il-funzjoni teknika ta’ dawn l-erba’ karatteristiċi u l-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li l-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq kienu deskritti b’mod iktar iddettaljat fl-applikazzjoni għal privattiva u li dawn iż-żewġ strumenti (id-disinn ikkontestat u l-privattiva li għaliha saret l-applikazzjoni) kienu jirrigwardaw l-istess prodott (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata).

80      Barra minn hekk, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell indika li huwa kien jikkonferma l-analiżi tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni għal privattiva tar-rikorrenti. B’mod partikolari, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet osservat li d-dehra tal-prodott li għalih kien japplika d-disinn ikkontestat ma kinitx imtejba meta mqabbla mal-eżempju sempliċi ħafna ta’ inkorporament ippreżentat fl-applikazzjoni għal privattiva u li dan l-eżempju kien kważi identiku għad-disinn ikkontestat (paġna 11 tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

81      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu biss fuq l-applikazzjoni għal privattiva tar-rikorrenti sabiex jikkonkludi li l-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat kienu ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu. Huwa ħa inkunsiderazzjoni wkoll “ċirkustanzi oġġettivi rilevanti” oħra fis-sens tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172), jiġifieri d-disinn ikkontestat (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata), in-natura u l-użu tal-prodott ikkonċernat (punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata), data oġġettiva li tindika r-raġunijiet li ddettaw l-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-funzjoni tal-imsemmija karatteristiċi (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata), u d-disinni l-oħra tar-rikorrenti (punt 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

82      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma bbażax ruħu biss fuq l-applikazzjoni għal privattiva tar-rikorrenti hekk kif issostni din tal-aħħar (punt 63 iktar ’il fuq). Minn dan jirriżulta wkoll li l-analiżi tal-Bord tal-Appell ma kkostitwixxietx “tqassir” tal-analiżi meħtieġa mis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM (C‑395/16, EU:C:2018:172).

83      Għaldaqstant, it-tieni lment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, it-tielet motiv fl-intier tiegħu.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell

84      Ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-erba’ karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, identifikati mill-Bord tal-Appell, ma humiex iddettati biss mill-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott u, min-naħa l-oħra, li dawn l-erba’ karatteristiċi ma jikkostitwixxux il-karatteristiċi kollha tad-dehra tal-prodott ikkonċernat. Minn dan isegwi li d-disinn ikkontestat ma kellux jiġi ddikjarat invalidu abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, mingħajr ma ssir analiżi skont l-Artikoli 4 sa 6 tal-imsemmi regolament.

85      Ir-rikorrenti, filwaqt li tirreferi għall-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, tidentifika, bħala karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat mhux iddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu, il-karatteristiċi sussegwenti: id-“dehra sempliċi u netta” tad-disinn ikkontestat, li hija identika jew simili għal “fjura biz-zokk tagħha” permezz tal-għażla tat-tul tal-vireg fir-rigward tat-tul tal-bżieżaq u l-“proporzjonijiet [tal-imsemmi] disinn kollu kemm hu [li għandhom] tul ta’ madwar 18‑il darba ikbar mill-wisa’, u b’hekk jagħtu [lill-imsemmi] disinn dehra fina u eleganti, attraenti għall-utent”. Skont ir-rikorrenti, ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma hija ddettata biss mill-funzjoni teknika tal-prodott.

86      Insostenn tal-argument tagħha, ir-rikorrenti tinvoka x-xhieda tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat, ippreżentata waqt il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell.

87      Fix-xhieda msemmija iktar ’il fuq, id-disinjatur tad-disinn ikkontestat spjega li kien hemm modi differenti minn dak muri mid-disinn ikkontestat sabiex tinkiseb l-istess funzjoni teknika. Pereżempju, “it-tubi jistgħu jitwaħħlu f’linja dritta tul pajp jew jiġu rranġati fi spirali madwar it-tul tal-pajp jew jiġu rranġati b’mod radjali minn punt ċentrali” (punt 6 tax-xhieda).

88      Fl-istess sens, skont id-disinjatur, diversi aspetti tad-disinn ikkontestat jistgħu jkunu differenti bħall-forma tal-konnettur, in-numru, l-ispazjar u t-tul tat-tubi kif ukoll it-taħlita ta’ diversi tubi b’tulijiet differenti (punt 7 tax-xhieda).

89      Id-disinjatur sostna li d-disinn ikkontestat kien iktar estetiku minn kull disinn li jwettaq il-funzjoni teknika skont wieħed mill-modi alternattivi elenkati fil-punt 6 tax-xhieda tiegħu, sa fejn dan għandu forma mtawla, b’tul li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor erba’ darbiet il-wisa’ tiegħu. Id-disinn ikkontestat għandu, għalhekk, dehra sempliċi, netta u eleganti (punt 8 tax-xhieda). Id-disinjatur sostna li l-għażla tal-arranġament tal-aspetti msemmija fil-punt 7 tax-xhieda tiegħu kienet ġiet iddettata mill-fatt li dan l-arranġament kien jikkostitwixxi wieħed mill-arranġamenti possibbli li jippermettu lid-disinn ikkontestat ikollu forma mtawla li kienet tagħtih dehra sempliċi, netta u eleganti (punt 9 tax-xhieda).

90      Id-disinjatur invoka wkoll is-suċċess kummerċjali tal-prodott ikkonċernat (taħt l-isem kummerċjali “BUNCH O Balloons”) u l-premjijiet li huwa kiseb, li kienu bbażati fuq kriterji li jinkludu l-grad ta’ attrazzjoni tal-konsumaturi permezz tad-disinn tal-prodott (punti 10 u 11 tax-xhieda).

91      Ir-rikorrenti tinvoka wkoll argumenti sabiex issostni l-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u tikkontesta l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 6/2002.

92      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

93      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li l-erba’ karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, identifikati mill-Bord tal-Appell fil-punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-konnettur bi ftuħ u ċertu numru ta’ toqob, ċertu numru ta’ tubi mwaħħla mal-konnettur, ċertu numru ta’ bżieżaq li jintefħu marbuta mat-tarf tat-tubi u ċertu numru ta’ qafliet li jorbtu l-bżieżaq mat-tubi, ma humiex iddettati biss mill-funzjoni teknika tal-imsemmi prodott. Din l-affermazzjoni għandha, għalhekk, tiġi miċħuda.

94      Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, fl-argumenti tagħha, tinvoka, essenzjalment, l-arranġament tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat u l-impressjoni globali tad-disinn ikkontestat, li hija “sempliċi u netta”, simili għal “fjura biz-zokk tagħha”. Id-disinjatur tad-disinn ikkontestat, fix-xhieda tiegħu, jirreferi wkoll għall-arranġament speċifiku tal-karatteristiċi tad-dehra, li huwa ddettat minn kunsiderazzjonijiet estetiċi, kif ukoll għall-impressjoni globali tal-imsemmi disinn.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-karatteristiċi kkonċernati tad-dehra ta’ prodott jaqgħux taħt l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi oġġettivi rilevanti kollha ta’ kull każ inkwistjoni u li tali evalwazzjoni għandha b’mod partikolari ssir b’rigward għad-disinn inkwistjoni, għaċ-ċirkustanzi oġġettivi indikattivi tar-raġunijiet li wasslu għall-għażla tal-karatteristiċi tad-dehra tal-prodott ikkonċernat, għad-data dwar l-użu tiegħu jew ukoll għall-eżistenza ta’ disinni alternattivi li jippermettu li tinkiseb l-istess funzjoni teknika, sakemm dawn iċ-ċirkustanzi, din id-data jew din l-eżistenza jkunu sostnuti minn provi affidabbli (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punti 36 u 37).

96      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell, li vvalida d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ħa inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oġġettivi, sostnuti minn provi affidabbli, invokati miż-żewġ persuni li talbu dikjarazzjoni ta’ invalidità, sabiex jevalwa d-disinn ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Il-Bord tal-Appell, b’mod partikolari, ħa inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni għal privattiva tar-rikorrenti u kkonstata li din l-applikazzjoni kienet tirrigwarda eżattament l-istess prodott bħad-disinn ikkontestat (punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, din l-applikazzjoni għal privattiva għenet lill-Bord tal-Appell janalizza l-prodott li għalih kien japplika d-disinn ikkontestat u jikkonstata li l-erba’ elementi individwali li jikkomponu l-prodott u li jikkontribwixxu għall-funzjoni teknika tiegħu kienu jikkorrispondu għall-karatteristiċi tad-dehra tiegħu (punti 33 u 34 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa għalhekk li l-Bord tal-Appell ikkonkluda, korrettament, li d-disinn ikkontestat ma kienx differenti mill-privattiva ppreżentata preċedentement (punt 34 tad-deċiżjoni kkontestata) u li l-elementi individwali kollha li jikkomponu d-dehra viżiva tal-prodott ikkonċernat kienu jissodisfaw funzjoni teknika (punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata).

97      Il-Bord tal-Appell ivvalida wkoll il-konklużjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li tirriżulta mill-eżami globali tad-disinn ikkontestat, li ma ġiex stabbilit li kienu saru kunsiderazzjonijiet marbuta mal-aspett viżiv fil-proċess tal-iddisinjar tad-disinn ikkontestat (punt 28 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell għalhekk ivvalida l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni li din ma setgħet tara ebda titjib fid-dehra tal-prodott, protetta mid-disinn ikkontestat, meta mqabbla mal-metodu ta’ inkorporament sempliċi ħafna ppreżentat fl-applikazzjoni għal privattiva.

98      L-argument tar-rikorrenti ma jikkontestax l-evalwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tal-Bord tal-Appell. Fil-fatt, l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar id-dehra “sempliċi u netta” tad-disinn ikkontestat u x-xebh tagħha ma’ “fjura biz-zokk tagħha” (ara l-punt 85 iktar ’il fuq) hija kontradetta, bħala eżempju, u hekk kif jirriżulta mill-fajl amministrattiv quddiem l-EUIPO, mill-awtur tal-artiklu “BUNCH O Balloons will revolutionize water fights” (BUNCH O Balloons ser jirrivoluzzjona l-battalji tal-ilma) li ddeskriva d-dehra tal-prodott ikkonċernat bħala “għenieqed ta’ għeneb mingħajr arja”. L-impressjoni viżiva tal-prodott imressqa mir-rikorrenti tidher għalhekk arbitrarja jew, mill-inqas, wisq inċerta, u ma hijiex sostnuta minn data oġġettiva.

99      Għalhekk għandha tiġi approvata l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell, fil-punt 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-allegazzjoni tar-rikorrenti, ippreżentata fil-punt 85 iktar’ il fuq, ma tbiddel xejn mill-fatt li l-aspett viżiv tal-apparat huwa ddettat biss mill-funzjoni teknika tiegħu.

100    Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda x-xhieda tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li din ix-xhieda għandha saħħa probatorja limitata sa fejn din tippreżenta l-opinjoni personali u suġġettiva tal-imsemmi disinjatur u sa fejn dan id-disinjatur, bħala l-President u l-proprjetarju tar-rikorrenti, għandu interess personali fil-validità tad-disinn ikkontestat. Minn dan isegwi li din ix-xhieda, sa fejn din issemmi d-dehra “sempliċi, netta u eleganti” tad-disinn ikkontestat u sa fejn ma hija kkorroborata minn ebda prova oħra li toriġina minn sorsi affidabbli u imparzjali, ma tikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li kunsiderazzjonijiet estetiċi kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-ħolqien tad-disinn ikkontestat.

101    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-disinjatur jixhed essenzjalment li huwa possibbli li jiġu ddisinjati disinni alternattivi fir-rigward tad-daqs, tal-forma u tal-proporzjonijiet tal-karatteristiċi tagħhom, li jissodisfaw l-istess funzjoni teknika bħal dik tal-prodott ikkonċernat. Issa, f’dan ir-rigward, u bħall-Bord tal-Appell (ara l-punti 35 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata), għandu jitfakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ disinni alternattivi ma hijiex determinanti f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat hijiex l-uniku fattur li ddetermina l-karatteristiċi tad-dehra tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2018, DOCERAM, C‑395/16, EU:C:2018:172, punt 32). F’dan il-każ, fid-dawl tal-elementi oġġettivi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell sabiex jikkonkludi favur l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-Qorti Ġenerali tqis li l-affermazzjonijiet tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat ma humiex suffiċjenti sabiex jikkontestaw din il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell.

102    Barra minn hekk, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-affermazzjonijiet tad-disinjatur tad-disinn ikkontestat dwar is-suċċess kummerċjali tal-prodott li għalih japplika l-imsemmi disinn kif ukoll dwar il-premjijiet li huwa kien kiseb. Is-suċċess kummerċjali tal-prodott imsemmi iktar ’il fuq ma jfissirx li kunsiderazzjonijiet li ma humiex purament marbuta man-neċessità li tiġi ssodisfatta l-funzjoni teknika tiegħu ttieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-iddisinjar tad-disinn ikkontestat. F’dak li jirrigwarda l-argument dwar il-premjijiet miksuba, mill-proċess jirriżulta li l-kriterji li abbażi tagħhom dawn il-premjijiet ngħataw ma kinux jirrigwardaw biss id-disinn tal-prodotti inkwistjoni u minn dan ma jirriżultax li l-prodott ikkonċernat ġie ppremjat minħabba d-disinn tiegħu. Minn dan isegwi li l-argument imsemmi iktar ’il fuq ma jikkorroborax l-argument tar-rikorrenti.

103    Fir-raba’ lok, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-karattru individwali tad-disinn ikkontestat u dwar l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 6/2002 (ara l-punt 91 iktar ’il fuq), sa fejn il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex fuq dawn l-aspetti tat-tilwima u ddeċieda biss abbażi tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex is-setgħa li tiddeċiedi fuq dawn l-aspetti kemm jekk fil-kuntest tar-rikors għal annullament kif ukoll jekk fil-kuntest tat-talba għal bidla (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punti 71 u 72).

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

105    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-EUIPO u mill-intervenjenti, skont it-talbiet tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Tinnus Enterprises LLC għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u minn Koopman International BV.

Kornezov

Buttigieg

Kowalik‑Bańczyk

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑18 ta’ Novembru 2020.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.