Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2023 minn Sberbank of Russia PAO mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-10 ta’ Ottubru 2023 fil-Kawża T-525/22, Sberbank vs Il-Kummissjoni u SRB

(Kawża C-791/23 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Sberbank of Russia PAO (rappreżentanti: D. Rovetta, avocat, M. Campa, M. Moretto, M. Pirovano, V. Villante, avvocati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha

tannulla d-digriet appellat u tiddikjara l-azzjoni intiża għall-annullament (i) tad-Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/EES/2022/21 tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Sberbank d.d., (ii) tar-Rapporti ta’ Valutazzjoni 1 u 2 fir-rigward ta’ Sberbank d.d., imfassla mis-SRB fis-27 u fit-28 ta’ Frar 2022 rispettivament, u (iii) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/948 1 tal-1 ta’ Marzu 2022 dwar l-approvazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni għal Sberbank d.d., fl-ewwel istanza ammissibbli;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina l-mertu tal-azzjoni tal-appellant;

tordna lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u lill-Kummissjoni Ewropea jħallsu l-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant iqajjem tliet aggravji.

L-ewwel, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u wettqet diversi żbalji ta’ liġi u distorsjonijiet ta’ fatti u evidenza meta ddeċidiet li l-pożizzjoni legali tal-appellant ma hijiex affettwata direttament mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u naqset ukoll milli tagħti motivazzjoni u milli twieġeb għal diversi argumenti kruċjali, sostnuti b’evidenza, imqajma mill-appellant.

It-tieni, il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u interpretat b’mod żbaljat il-kunċett legali ta’ “proprjetà”. Il-Qorti Ġenerali fehmet ħażin id-definizzjoni legali ta’ “Grupp bankarju u Grupp ta’ Riżoluzzjoni” kif ukoll ta’ “azzjonist” u “azzjonist uniku”. Sussidjarjament: il-Qorti Ġenerali kisret ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE meta qieset li “effetti ekonomiċi” fuq l-appellant ma kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li huwa kkonċernat direttament.

It-tielet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi – ksur tal-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014 1 moqri flimkien mal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod ħażin it-talba għal annullament u t-talbiet tal-appellant.

____________

1 ĠU 2022, L 164, p. 65.

1 Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).