Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Ottubru 2020 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-554/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-dispożizzjonijiet segwenti tar-Regolament (UE) 2020/1055 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009, (KE) Nru 1072/2009 u (UE) Nru 1024/2012 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur tat-trasport bit-triq:

il-punt 3 tal-Artikolu 1, sa fejn din id-dispożizzjoni żżid il-paragrafu 1(b) u (g) fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1071/2009) 1 ,

il-punt 4(a) tal-Artikolu 2, li jżid il-paragrafu 2a fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1072/2009 2 ,

il-punt 5(b) tal-Artikolu 2, li jżid il-paragrafu 7 fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1072/2009;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament 2020/1055 ma jistgħux jiġu sseparati mill-kumplament ta’ dan ir-regolament mingħajr ma tiġi emendata l-essenza tiegħu, ir-Repubblika tal-Polonja titlob li r-Regolament 2020/1055 jiġi annullat fl-intier tiegħu.

Motivi u argumenti prinċipali

Fil-konfront tad-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament 2020/1055, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-motivi segwenti:

Fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu 1, sa fejn din id-dispożizzjoni żżid il-paragrafu 1(b) fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1071/2009:

a)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE), tal-Artikolu 91(2) TFUE u tal-Artikolu 94 TFUE minħabba introduzzjoni ta’ obbligu li l-vetturi jiġu rritornati lejn il-bażi tal-operat kull tmien ġimgħat,

b)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TFUE u tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-eżiġenzi għall-ħarsien tal-ambjent;

Fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu 1, sa fejn din id-dispożizzjoni żżid il-paragrafu 1(g) fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1071/2009:

a)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE), minħabba introduzzjoni ta’ rekwiżiti arbitrarji li jikkonċernaw in-numru ta’ vetturi li għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-operaturi tat-trasport bit-triq, u li jikkonċernaw il-lokalizzazzjoni tax-xufiera fil-bażi tal-operat fil-pajjiż ta’ stabbiliment,

b)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba introduzzjoni ta’ rekwiżiti mhux preċiżi li jikkonċernaw in-numru ta’ vetturi li għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-operaturi tat-trasport bit-triq, u li jikkonċernaw il-lokalizzazzjoni tax-xufiera fil-bażi tal-operat fil-pajjiż ta’ stabbiliment,

c)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TFUE u tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-eżiġenzi għall-ħarsien tal-ambjent;

Fir-rigward tal-punt 4(a) tal-Artikolu 2:

a)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE), tal-Artikolu 91(2) TFUE u tal-Artikolu 94 TFUE minħabba introduzzjoni ta’ interruzzjoni obbligatorja fl-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ,

b)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TFUE u tal-Artikolu 37 tal-Karta minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-eżiġenzi għall-ħarsien tal-ambjent;

Fir-rigward tal-punt 5(b) tal-Artikolu 2:

a)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TFUE), tal-Artikolu 91(2) TFUE u tal-Artikolu 94 TFUE minħabba għoti tal-possibbiltà lill-Istati Membri li jintroduċu limiti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-operazzjoni ta’ kabotaġġ li jkopru partijiet inizjali jew finali tat-triq, li jikkostitwixxu parti mill-operazzjonijiet ta’ trasport ikkombinat bejn Stati Membri.

b)    il-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 11 TFUE u tal-Artikolu 37 tal-Karta minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-eżiġenzi għall-ħarsien tal-ambjent.

Ir-Repubblika tal-Polonja b’mod partikolari ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fid-dawl tal-adozzjoni ta’ kriterji mhux xierqa li jiddeterminaw il-limitazzjoni tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kabotaġġ u ta’ cross-trade, ġew imposti obbligi eċċessivi fuq l-operaturi li ser ikollhom effett negattiv mhux biss fuq is-sitwazzjoni ta’ impriżi individwali u fuq is-suq tas-servizzi tat-trasport, iżda wkoll fuq l-ambjent u fuq il-funzjonament tal-infrastruttura tat-trasport.

L-effetti negattivi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ser jinħassu b’mod partikolari minn impriżi li ġejjin minn pajjiżi li jinsabu ’l barra miċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, is-soluzzjonijiet adottati ma humiex iġġustifikati oġġettivament fid-dawl tas-sitwazzjoni tax-xufiera. Huma lanqas ma jirriflettu n-natura speċifika tas-servizzi rregolati.

____________

1 Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU 2009, L 300, p. 51).

2 Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija (ĠU 2009, L 300, p. 72, rettifika fil-ĠU 2018, L 241, p. 14).