Language of document : ECLI:EU:T:2012:613

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

tal-21 ta’ Novembru 2012

“Sajd – Miżuri ta’ konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd – Artikolu 105 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 – Tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena minħabba li jkunu nqabżu l-kwoti mogħtija għas-snin preċedenti – Applikazzjoni ratione temporis – Ċertezza legali – Interpretazzjoni li tiggarantixxi l-osservanza tad-dritt primarju – Prinċipju ta’ nulla poena sine lege – Nuqqas ta’ retroattività”

Fil-Kawża T-76/11,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn N. Díaz Abad, abogado del Estado,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Jimeno Fernández u D. Nardi, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1004/2010, tat-8 ta’ Novembru 2010, dwar it-tnaqqis ta’ ċerti kwoti tas-sajd għall-2010 minħabba sajd żejjed tal-ħut fis-sena ta’ qabel (ĠU L 291, p. 31),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1004/2010, tat-8 ta’ Novembru 2010, dwar it-tnaqqis ta’ ċerti kwoti tas-sajd għall-2010 minħabba sajd żejjed tal-ħut fis-sena ta’ qabel (ĠU L 291, p. 31, iktar ’il-quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93, tat-12 ta’ Ottubru 1993, li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 70), huwa redatt kif ġej:

“1. Meta jiġi stabbilit mill-Kummissjoni li Stat Membru stad iżżejjed il-kwota, allokazzjoni jew sehem tiegħu ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet li jkollu disponibbli, [hija] għandha topera tnaqqis mill-kwota, allokazzjoni jew sehem annwali ta’ l-Istat Membru li jkun stad iżżejjed. Dan it-tnaqqis għandu jiġi deċiż skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

2. Il-Kunsill għandu jadotta regoli b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, għat-tnaqqis skond l-għanijiet u l-istrateġiji ta’ tmexxija mniżżla fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92 u jagħti każ, bħala kwistjoni ta’ prijorità, il-parametri li ġejjin:

–        il-grad ta’ sajd żejjed,

–        kull każ ta’ sajd żejjed ta’ l-istess stokk fis-sena preċedenti,

–        l-istatus bioloġiku tar-riżorsi konċernati.”

3        L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96, tas-6 ta’ Mejju 1996, li jintroduċi kundizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 2, p. 317), jipprovdi:

“1. Ħlief għal ħażniet msemmijin fil-paragrafu 2, il-qabdiet kollha li jiskorru l-qabdiet permessi rispettivi għandhom jitnaqqsu mill-kwoti ta’ l-istess ħażna tas-sena ta’ wara.

2. Għall-ħażniet msemmijin fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 2, sajd iżjed mill-qabdiet permessi għandu jwassal għal tnaqqis mill-kwota korrispondenti tas-sena ta’ wara skond l-iskeda li ġejja.

Is-sajd żejjed meta mqabbel mal-livelli permessi

It-tnaqqis

L-ewwel 10 %

Sajd żejjed x 1,00

L-10 % ta’ wara sa 20 % f’total

Sajd żejjed x 1,10

L-20 % ta’ wara sa 40 % f’total

Sajd żejjed x 1,20

Kull sajd żejjed iktar minn 40 %

Sajd żejjed x 1,40


Iżda, tnaqqis ekwivalenti għas-sajd żejjed × 1,00 għandu japplika f’kull każ ta’ sajd żejjed relattiv ma’ qabdiet permessi ekwivalenti għal, jew inqas minn, 100 tunnellata metrika.

3 % addizzjonali mill-kwantità li tinqabad iktar mill-qabdiet permessi għandha titnaqqas għal kull sena suċċessiva li fiha l-qabdiet permessi jinqabżu b’aktar minn 10 %.”

4        L-Artikolu 23(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002, tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skont il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 5, p. 460), huwa redatt kif ġej:

“Meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru ikun qabeż l-opportunitajiet tas-sajd li kienu allokati lilu, il-Kummissjoni għandha tħaddem tnaqqis minn opportunitajiet tas-sajd tal-futur ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 105 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, tal-20 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, p. 1), jipprovdi dan li ġej:

“1. Meta l-Kummissjoni tkun stabbiliet li Stat Membru ikun qabeż il-kwoti allokati lilu, il-Kummissjoni għandha topera tnaqqis minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru.

2. Fil-każ ta’ sajd żejjed aktar mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru f’sena speċifika l-Kummissjoni għandha topera tnaqqis mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem annwali fis-sena jew is-snin li jsegwu mill-kwota annwali tal-Istat Membru li stad iż-żejjed billi tapplika fattur ta’ multiplikazzjoni skont it-tabella li ġejja:

Livell ta’ sajd żejjed imqabbel mal-iżbark permess

Fattur ta’ multiplikazzjoni

Sa 5 %

Sajd żejjed x 1,0

Aktar minn 5 % sa 10 %

Sajd żejjed x 1,1

Aktar minn 10 % sa 20 %

Sajd żejjed x 1,2

Aktar minn 20 % sa 40 %

Sajd żejjed x 1,4

Aktar minn 40 % sa 50 %

Sajd żejjed x 1,8

Kwalunkwe sajd żejjed ieħor, aktar minn 50 %

Sajd żejjed x 2,0


Madankollu, tnaqqis ekwivalenti għas-sajd żejjed x 1,00 għandu japplika fil-każijiet kollha ta’ sajd żejjed relattiv ma’ żbark permess ekwivalenti għal, jew inqas minn, 100 tunnellata.

3. Flimkien mal-fatturi ta’ multiplikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għandu japplika fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ 1,5 jekk:

(a)      Stat Membru jkun ripettivament stad iż-żejjed aktar mill-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem tiegħu tal-istokk jew il-grupp ta’ stokkijiet matul is-sentejn preċedenti u dan is-sajd żejjed kien suġġett għal tnaqqis kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(b)      il-konsulenza xjentifika, teknika u ekonomika disponibbli u b’mod partikolari r-rapporti mħejjija mill-STECF ikunu stabbilew li s-sajd żejjed jikkostitwixxi theddida serja għall-konservazzjoni tal-istokk ikkonċernat; jew

(c)      l-istokk ikun soġġett għal pjan pluriennali.

4. F’każ ta’ sajd żejjed fejn tinqabeż il-kwota, l-allokazzjoni jew s-sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet disponibbli għal Stat Membru fi snin preċedenti, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tnaqqas il-kwoti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 119 minn kwoti futuri ta’ dak l-Istat Membru biex jittieħed kont tal-livell ta’ sajd żejjed.

5. Jekk tnaqqis skont il-paragrafi 1 u 2 ma jistax jiġi operat fuq il-kwota, l-allokazzjoni jew is-sehem ta’ stokk jew grupp ta’ stokkijiet fejn ikun sar sajd żejjed minħabba li dik il-kwota, allokazzjoni jew sehem ta’ stokk jew ta’ grupp ta’ stokkijiet mhuwiex disponibbli b’mod suffiċjenti għall-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tista’ tnaqqas il-kwoti, fis-sena jew snin ta’ wara, għal stokkijiet jew gruppi ta’stokkijiet oħra disponibbli għal dak l-Istat Membru fl-istess żona ġeografika, jew bl-istess valur kummerċjali skont il-paragrafu 1.

6. Jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u b’mod partikolari għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet ikkonċernati, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 119.”

6        Skont l-Artikolu 124 tiegħu, ir-Regolament 1224/2009 japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Ir-Regolament ikkontestat huwa wieħed minn serje ta’ regolamenti ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħhom hija applikat tnaqqis mill-kwoti ta’ sajd mogħtija għal sena partikolari minħabba li preċedentement inqabżu l-kwoti. Dawn ir-regolamenti jistgħu jiġu kklassifikati f’erba’ gruppi.

8        Matul is-snin 2002 u 2003, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 2000/2002, tat-8 ta’ Novembru 2002, li jemenda ċerti kwoti tas-sajd għall-2002 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU L 308, p. 13), u r-Regolament (KE) Nru 728/2003, tal-25 ta’ April 2003, li jemenda ċerti kwoti tas-sajd għall-2003 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU L 105, p. 3). F’dawn ir-regolamenti, li huma bbażati fuq ir-Regolamenti Nru 2847/93 u Nru 847/96, hija applikat tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena partikolari minħabba li matul is-sena preċedenti nqabżu l-kwoti.

9        Matul is-snin 2004 sa 2008, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 762/2004, tat-23 ta’ April 2004, li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għas-sena 2004 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 7, p. 65), ir-Regolament (KE) Nru 776/2005, tad-19 ta’ Mejju 2005, li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għas-sena 2005 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU L 130, p. 7), ir-Regolament (KE) Nru 742/2006, tas-17 ta’ Mejju 2006, li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għas-sena 2006 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU L 130, p. 7), ir-Regolament (KE) Nru 609/2007, tal-1 ta’ Ġunju 2007, li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għall-2007 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU L 141, p. 33), u r-Regolament (KE) Nru 541/2008, tas-16 ta’ Ġunju 2008, li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għall-2008 skont ir-Regolament Nru 847/96 (ĠU L 157, p. 23). F’dawn ir-regolamenti, li huma bbażati fuq ir-Regolamenti Nri 2371/2002 u 847/96, il-Kummissjoni applikat tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena partikolari minħabba li matul is-sena preċedenti nqabżu l-kwoti. Mill-annessi ta’ dawn ir-regolamenti jirriżulta li, f’ċerti każijiet, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika tnaqqis fl-ammont iġġustifikat mill-qbiż tal-kwoti, peress li l-ammont ta’ dan it-tnaqqis kien jaqbeż l-ammont tal-kwoti mogħtija għas-sena partikolari. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni sempliċement naqqset il-kwoti rispettivi għas-sena partikolari għal żero, mingħajr madankollu ma ttrasferixxiet il-bilanċ rimanenti għas-sena ta’ wara.

10      Peress li n-numru ta’ każijiet li fihom il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika tnaqqis fl-ammont iġġustifikat mill-qbiż tal-kwoti mogħtija għas-sena preċedenti żdied, hija biddlet l-approċċ tagħha fir-Regolament (KE) Nru 649/2009, tat-23 ta’ Lulju 2009, li jadatta ċerti kwoti tal-ħut għall-2009 fil-kuntest tal-ġestjoni tal-kwoti tas-sajd minn sena għall-oħra (ĠU L 192, p. 14). Dan ir-regolament huwa bbażat fuq ir-Regolamenti Nri 2371/2002 u 847/96, bħar-regolamenti adottati matul is-snin 2004 sa 2008. Issa, fid-disa’ premessa tar-Regolament Nru 649/2009, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien meħtieġ li l-ammont sħiħ tat‑tnaqqis iġġustifikat mill-qbiż tal-kwoti mogħtija għas-sena 2008 jitnaqqas mill-kwoti u li l-ammonti ta’ tnaqqis li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għas-sena 2009 kellhom jitnaqqsu mill-kwoti mogħtija għas-sena 2010 u, jekk ikun il-każ, għas-snin sussegwenti. Barra minn hekk, hija indikat id-differenza bejn, minn naħa, l-ammont tat-tnaqqis iġġustifikat mill-qbiż tal-kwoti matul is-sena 2008 u, min-naħa l-oħra, l-ammont tal-kwoti mogħtija għas-sena 2009, f’kolonna intitolata “Bilanċ pendenti” li tidher f’tabella riprodotta fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

11      Fl-aħħar nett, matul is-sena 2010, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat, li ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-9 ta’ Novembru 2010. Dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 105(1) tar-Regolament Nru 1224/2009.

12      Il-premessi 5 u 8 tagħha huma redatti kif ġej:

“(5)       Ir-Regolament [...] Nru 649/2009 [...] naqqas il-kwoti tas-sajd tal-2009 minħabba sajd żejjed mill-kwoti fl-2008. Madankollu, għal ċerti Stati Membri t-tnaqqis li kellu jsir kien ikbar mill-kwoti rispettivi tagħhom għall-2009 u għalhekk ma setax iseħħ kollu matul dik is-sena. Sabiex ikun żgurat li f’każijiet bħal dawn jitnaqqas l-ammont kollu, għandhom jitqiesu l-kwantitajiet li jkun għad fadal meta jiġi stabbilit it-tnaqqis mill-kwoti tal-2010.

[…]

(8)    Madankollu, minħabba li t-tnaqqis li għandu jsir japplika għal sajd żejjed li seħħ fl-2009 u b’hekk fi żmien meta kien għadu ma bediex japplika r-Regolament [...] Nru 1224/2009, it-tħassib dwar il-prevedibbiltà legali jitlob li jsir tnaqqis li ma jkunx iktar strett minn dak li kien jirriżulta li kieku wieħed japplika r-regoli li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, jiġifieri r-regoli mogħtija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament […] Nru 847/96 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti.”

13      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ikkontestat jipprovdi:

“Il-kwoti tas-sajd stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1226/2009, (KE) Nru 1287/2009, (KE) Nru 1359/2008, u (UE) Nru 53/2010 qed jitnaqqsu kif muri fl-Anness.”

14      L-Anness tar-Regolament ikkontestat jinkludi kolonna intitolata “Tnaqqis li għad irid isir mill-2009 (ir-Regolament (KE) Nru 649/2009)”, fejn jinsabu riprodotti xi wħud mill-ammonti indikati fil-kolonna intitolata “Bilanċ pendenti” tal-Anness II tar-Regolament Nru 649/2009.

15      Barra minn hekk, bħar-Regolament Nru 649/2009, l-Anness tar-Regolament ikkontestat jinkludi hu stess kolonna intitolata “Bilanċ li baqa’”, li tindika t‑tnaqqis li l-Kummissjoni ma setgħetx tapplika minħabba li l-ammont tat-tnaqqis kien ikbar mill-ammont tal-kwoti mogħtija għas-sena 2010.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

16      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-2 ta’ Frar 2010 fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-Renju ta’ Spanja ressaq kawża għall-annullament tar-Regolament ikkontestat taħt l-Artikolu 263 TFUE.

17      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet, minn naħa, li tiftaħ il-proċedura orali u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tistieden lill-Kummissjoni twieġeb għal ċerti mistoqsijiet. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu previst.

18      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tat-23 ta’ April 2012.

19      Ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

21      Permezz tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni applikat tnaqqis minn ċerti kwoti tas-sajd tal-Istati Membri għas-sena 2010. Hija bbażat dan ir-regolament fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2010. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li, meta l-Kummissjoni tistabbilixxi li Stat Membru jkun qabeż il-kwoti tas-sajd lilu mogħtija għal sena partikolari, hija għandha tapplika tnaqqis mill-kwoti futuri tas-sajd ta’ dan l-Istat Membru. Għalhekk, din tippermettilha tapplika tnaqqis mhux biss mill-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti għall-qbiż tal-kwoti, iżda wkoll minn dawk mogħtija għal snin oħra li jiġu wara. Konsegwentement, f’regolament li japplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena partikolari, il-Kummissjoni tista’ tapplika tnaqqis mhux biss minħabba qbiż tal-kwoti matul is-sena preċedenti, iżda wkoll minħabba qbiż tal-kwoti għal snin oħra preċedenti, sa fejn dawn tal-aħħar ikunu għadhom ma tawx lok għal tnaqqis korrispondenti.

22      Ir-rikors għal annullament tar-Renju ta’ Spanja huwa bbażat fuq erba’ motivi. Permezz tal-ewwel motiv, huwa jsostni li l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, li fuqu l-Kummissjoni bbażat ir-Regolament ikkontestat, ma kienx applikabbli ratione temporis. Permezz tat-tieni u t-tielet motivi, ir-Renju ta’ Spanja jallega li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet repressivi inqas favorevoli meta applikat tnaqqis mill-kwoti għas-sena 2010 minħabba qbiż tal-kwoti li ma kinux biss għas-sena 2009, iżda wkoll għas-sena 2008, meta l-leġiżlazzjoni li tippreċedi l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 ppermettiet biss l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ kwoti għas-sena 2009. Permezz tar-raba’ motiv, il-Gvern Spanjol isostni li ma għandux ikun permess li l-Kummissjoni titħalla tagħżel il-leġiżlazzjoni applikabbli skont il-mument li fih hija tiddeċiedi li tibda teżamina mġiba.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009

23      Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li bbażat ir-Regolament ikkontestat fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009. Ir-Regolament ikkontestat japplika tnaqqis minn ċerti kwoti minħabba qbiż tal-kwoti li seħħ qabel l-2010. Konsegwentement, dan ma setax jiġi bbażat fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

24      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod preliminari, li r-Regolament Nru 1224/2009 ma jinkludi ebda regoli speċifiċi fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 105 tiegħu.

25      Għalhekk hemm lok li jiġu applikati r-regoli ġenerali dwar l-applikazzjoni ta’ regoli ratione temporis, li jiddistingwu, minn naħa, ir-regoli proċedurali u, min-naħa l-oħra, ir-regoli sostantivi [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9; tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 22, u tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services, C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punti 19 sa 21]. L-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 jiddetermina s-sistema ta’ tnaqqis fuq il-kwoti u jikkostitwixxi għalhekk regola sostantiva.

26      Fir-rigward tar-regoli sostantivi, skont ġurisprudenza stabbilita dawn għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu interpretati bħala li jipprevedu biss sitwazzjonijiet li jkunu seħħew wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, sa fejn jirriżulta ċar mill-kliem, mill-għanijiet u mill-istruttura tagħhom li huma jipprevedu wkoll sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, regoli sostantivi jistgħu wkoll jiġu applikati għal sitwazzjonijiet li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1993, GruSa Fleisch, C‑34/92, Ġabra p. I‑4147, punt 22, u Beemsterboer Coldstore Services, punt 25 iktar ’il fuq, punt 21).

27      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk jirriżultax mill-istruttura tar-Regolament Nru 1224/2009 u mill-għanijiet tiegħu li l-Artikolu 105 tiegħu għandu jservi bħala bażi legali għar-Regolament ikkontestat, meta dan ir-regolament tal-aħħar japplika tnaqqis minn ċerti kwoti mogħtija għas-sena 2010 minħabba qbiż tal-kwoti qabel l-applikabbiltà ratione temporis ta’ dan l-artikolu, fl-1 ta’ Jannar 2010.

28      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat, qabelxejn, li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tapplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għas-sena 2010 qabel il-15 ta’ Jannar 2010.

29      Minn naħa, il-kwoti allokati għas-sena 2010 ġew attribwiti permezz tar-Regolament (UE) tal-Kunsill Nru 53/2010, tal-14 ta’ Jannar 2010, li jistabbilixxi, għas-sena 2010, il-possibbiltajiet ta’ sajd għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għall-bastimenti tal-UE, fl-ilmijiet suġġetti għal limiti ta’ qbid u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1359/2008, (KE) Nru 754/2009, (KE) Nru 1226/2009 u (KE) Nru 1287/2009 (ĠU L 21, p. 1, rettifika ĠU L 24, p. 14).

30      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha l-informazzjoni kollha dwar is-sajd li sar fis-sena 2009 biss mill-15 ta’ Jannar 2010. Fil-fatt, mill-Artikolu 33(2)(a) tar-Regolament Nru 1224/2009 jirriżulta li l-Istati Membri kienu marbuta li jinnotifikaw l-informazzjoni dwar is-sajd ta’ matul ix-xahar ta’ Diċembru 2009 sal-15 ta’ Jannar 2010.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sena 2010, il-Kummissjoni ma kinitx għadha tista’ tibbaża r-Regolament ikkontestat fuq il-bażijiet legali previsti mil-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, jiġifieri l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96. Fil-fatt, skont l-Artikolu 121(2)(b) u l-Artikolu 121(1) tar-Regolament Nru 1224/2009, id-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija ma kinux għadhom fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010.

32      L-unika bażi legali li fuqha l-Kummissjoni setgħet tibbaża r-Regolament ikkontestat kienet għalhekk l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009. Interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu fis-sens li dan ma kienx applikabbli għal qbiż tal-kwoti li seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2010 jkollha l-konsegwenza li dan il-qbiż tal-kwoti ma jkunx jista’ jagħti lok għal tnaqqis u jibqa’ għalhekk mingħajr konsegwenza. Issa, tali riżultat imur manifestament kontra l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1224/2009, b’mod partikolari l-għan li l-limiti tal-possibbiltajiet ta’ sajd jiġu kompletament osservati, għan imsemmi fil-premessa 43 ta’ dan ir-regolament.

33      Għalhekk, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta bbażat ir-Regolament ikkontestat fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009.

34      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument, imressaq mir-Renju ta’ Spanja, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu tista’ twassal għal riżultati li jmorru kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni hija marbuta ssegwi l-indikazzjonijiet ċari tal-leġiżlatur tal-Unjoni u li tapplika l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 mill-1 ta’ Jannar 2010. Fil-każ li l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu jew l-applikabbiltà ratione temporis tiegħu, tirriżulta problematika fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, huwa l-kompitu tagħha li tinterpretah b’mod restrittiv sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ dritt primarju.

35      L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-inapplikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege

36      Permezz tat-tieni motiv, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-prinċipju ta’ nulla poena sine lege.

 Fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

37      Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali meta bbażat ir-Regolament ikkontestat fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 u b’hekk applikat leġiżlazzjoni ġdida, inqas favorevoli għal sitwazzjoni li seħħet taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

38      Għalhekk, huwa ma huwiex qiegħed jikkritika applikazzjoni retroattiva fis-sens proprju tal-kelma, jiġifieri l-applikazzjoni, minn norma, ta’ effetti legali li jippreċedu d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

39      Issa, kif isostni korrettament ir-Renju ta’ Spanja, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida għal sitwazzjoni ta’ fatt li seħħet qabel id-dħul tagħha fis-seħħ taħt leġiżlazzjoni preċedenti tista’ wkoll tqajjem problemi fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, f’tali każ, jista’ jkun hemm konsegwenzi legali għall-preżent jew għall-futur marbuta ma’ sitwazzjoni fil-passat li, bħala tali, ma tistax tinbidel. Għal din ir-raġuni, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida iktar severa għal sitwazzjoni li seħħet taħt sistema ta’ leġiżlazzjoni preċedenti iktar favorevoli, inkwantu l-persuna kkonċernata tista’ tipprevalixxi ruħha minn aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-leġiżlazzjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Beemsterboer Coldstore Services, punt 25 iktar ’il fuq, punt 24).

40      Fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, li japplika tnaqqis minn ċerti kwoti mogħtija għas-sena 2010 minħabba qbiż tal-kwoti matul is-snin preċedenti, għandu jiġi ribadit li, billi bbażatu fuq l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni applikat leġiżlazzjoni ġdida għal sitwazzjoni ta’ fatt li ġiet fis-seħħ taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

41      Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni ssuġġettatx dan il-qbiż tal-kwoti għal sistema inqas favorevoli minn dik prevista mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-mument meta dan seħħ.

42      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-koeffiċjenti għall-kalkolu tat-tnaqqis previst mill-Artikolu 105(2) tar-Regolament Nru 1224/2009 huma inqas favorevoli minn dawk previsti mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 8 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma applikatx dawn il-koeffiċjenti inqas favorevoli. Għalhekk, f’dan ir-rigward, hija tat interpretazzjoni tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 intiża sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali (ara l-punt 34 iktar ’il fuq).

43      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment tar-Renju ta’ Spanja li, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni ma applikatx tnaqqis mill-kwoti inkwistjoni biss minħabba qbiż tal-kwoti li seħħ matul is-sena preċedenti, iżda wkoll minħabba qbiż tal-kwoti li seħħ matul sena oħra preċedenti, meta dan ma setax ikun possibbli skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, li kienet tippermetti biss tnaqqis minħabba qbiż tal-kwoti li seħħ matul is-sena preċedenti.

44      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-aħħar dispożizzjoni li daħlet fis-seħħ qabel l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 kienet l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002.

45      Issa, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, “il-Kummissjoni għandha tħaddem tnaqqis minn opportunitajiet [kwoti] tas-sajd tal-futur”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kummissjoni, meta tikkonstata qbiż tal-kwoti għal sena partikolari, tapplika tnaqqis mhux biss mill-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti, iżda wkoll minn dawk ta’ snin oħra iktar tard, sa fejn it-tnaqqis kollu ġġustifikat mill-qbiż tal-kwoti għal sena partikolari ma jkunx seta’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ambitu tal-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti.

46      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 hija kkonfermata minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura teleoloġika. Kif jirriżulta mill-premessi 3 u 4 ta’ dan ir-regolament, dan huwa intiż b’mod partikolari sabiex jikkonserva u jiġġestixxi r-riżorsi tal-ilma ħajjin kif ukoll l-isfruttar sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi. Issa, huwa biss approċċ li jippermetti l-applikazzjoni tat-totalità tat-tnaqqis iġġustifikat minħabba qbiż tal-kwoti matul snin preċedenti li huwa konformi ma’ dawn l-għanijiet.

47      Barra minn hekk, hija biss tali interpretazzjoni tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 li tippermetti l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Jekk it-tnaqqis seta’ jsir biss mill-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti għall-qbiż tal-kwoti, l-Istati Membri li josservaw il-kwoti tagħhom ikunu qed jirriskjaw li jiġu ddiskriminati fil-konfront tal-Istati Membri li jaqbżu l-kwoti b’mod sinjifikattiv. Fil-fatt, fil-każ li l-qbiż tal-kwoti mogħtija għal sena partikolari jiġġustifika tnaqqis li l-ammont tiegħu jeċċedi dak tal-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti, iktar ma s-sajd żejjed ikun kbir, iktar ikun kbir il-vantaġġ ikkawżat mill-qbiż tal-kwoti. Issa, ma huwiex aċċettabbli li Stat Membru jieħu vantaġġ minn imġiba li mhux biss tmur kontra l-għanijiet ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma ħajjin u kif ukoll ta’ sfruttar sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi, iżda tikkostitwixxi wkoll imġiba żleali fil-konfront tal-Istati Membri li josservaw il-kwoti tagħhom.

48      F’dan il-kuntest, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li d-dispożizzjoni li tirregola t-tnaqqis sal-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1224/2009 mill-1 ta’ Jannar 2010 ma kinitx l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 iżda l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 u li dan tal-aħħar jippermetti l-applikazzjoni ta’ tnaqqis biss mill-kwoti “tas-sena ta’ wara”. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti għal dik li tiġi immedjatament wara l-qbiż tal-kwoti inkwistjoni.

49      Issa, anki jekk jitqies li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 għandu jiġi interpretat b’dan il-mod, li bilkemm huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara l-punt 47 iktar ’il fuq), u li għalhekk hemm kunflitt bejn dan l-artikolu u l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, tkun is-soluzzjoni pprovduta mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, u mhux dik ipprovduta mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, li tipprevali.

50      Fil-fatt, għandu jitfakkar l-ordni kronoloġiku li fih dawn id-dispożizzjonijiet ġew adottati. Qabelxejn, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 2847/93, li l-Artikolu 23(1) tiegħu jipprovdi li, meta Stat Membru jaqbeż il-kwota tiegħu, il-Kummissjoni għandha tapplika tnaqqis mill-kwoti li dan l-Istat Membru jkollu. Imbagħad, huwa kkonkretizza s-sistema ta’ tnaqqis mill-kwoti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96. Fl-aħħar nett, huwa adotta r-Regolament Nru 2371/2002. L-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 huwa għalhekk dispożizzjoni sussegwenti għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96.

51      Fin-nuqqas ta’ regola partikolari li tirregola r-relazzjoni bejn l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, minn naħa, u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, min-naħa l-oħra, għandha tiġi applikata r-regola ġenerali li tipprovdi li l-liġi sussegwenti tipprevali fuq il-liġi preċedenti. Konsegwentement, sa fejn hemm kunflitt bejn l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, huwa l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 li jipprevali. Dan l-approċċ huwa barra minn hekk konformi mal-premessa 19 tar-Regolament Nru 2371/2002, li tipprovdi li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jirriproduċi u jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ implementazzjoni tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd previsti mir-Regolament Nru 2847/93.

52      B’mod kuntrarju għal dak li r-Renju ta’ Spanja jsostni, din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 2371/2002, li tipprovdi li r-Regolament Nru 2847/93 għandu jibqa’ fis-seħħ sakemm ir-regoli kollha dwar l-implementazzjoni meħtieġa jkunu ġew adottati. Minn dan ir-Renju ta’ Spanja kkonkluda li, fin-nuqqas ta’ regoli ta’ implementazzjoni, l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 ma kienx applikabbli.

53      Anki jekk jitqies li din il-premessa ma tipprevedix biss id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2847/93, iżda wkoll dawk tar-Regolament Nru 847/96, minnha ma jistax jiġi dedott li l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 ma kienx applikabbli mill-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Fil-fatt, din il-premessa tikkonċerna biss sitwazzjonijiet li fihom, meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2371/2002 ma humiex suffiċjentement konkreti, ikun opportun li jibqgħu jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni preċedenti sakemm jiġu adottati r-regoli ta’ implementazzjoni meħtieġa. Għalhekk, din il-premessa hija intiża sabiex tevita vojt ġuridiku.

54      Issa, fir-rigward tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, ir-riskju ta’ tali vojt ġuridiku ma jeżistix.

55      Sa fejn jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-qbiż tal-kwoti matul sena partikolari jista’ jiġġustifika tnaqqis mill-kwoti mhux biss għas-sena sussegwenti, iżda wkoll għal snin oħra li jiġu wara, din id-dispożizzjoni kienet suffiċjentement konkreta. Għalhekk, ma kienx neċessarju li jiġu adottati regoli ta’ implementazzjoni f’dan ir-rigward.

56      Fir-rigward tal-koeffiċjenti dwar il-kalkolu ta’ tnaqqis, huwa ċertament veru li l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 ma jipprevedix dan. Madankollu, lanqas f’dan ir-rigward ma huwa neċessarju li jiġu adottati regoli ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, peress li l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 ma jipprevedi ebda regoli ġodda dwar il-kalkolu ta’ tnaqqis, din id-dispożizzjoni ma affettwatx ir-regoli speċifiċi dwar il-koeffiċjenti previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96. F’dan ir-rigward, għaldaqstant l-Artikolu 23(4) ma dderogax mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96. Għalhekk, l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, moqri flimkien mar-regoli speċifiċi dwar il-koeffiċjenti previsti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, kien suffiċjentement konkret sabiex jiġi applikat mingħajr l-adozzjoni minn qabel ta’ regoli ta’ implementazzjoni.

57      Dan l-approċċ dwar l-interpretazzjoni tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huwa barra minn hekk ikkorroborat mill-Artikolu 121 tar-Regolament Nru 1224/2009, li minnu jirriżulta li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 ġie abrogat biss fil-mument meta l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, li jinkludi sistema ġdida ta’ koeffiċjenti, kien sar applikabbli.

58      Għalhekk l-oġġezzjoni bbażata fuq il-premessa 19 tar-Regolament Nru 2371/2002 għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-limiti temporali tat-tnaqqis, b’mod kuntrarju għal dak li r-Renju ta’ Spanja jsostni, l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala liġi speċjali fil-konfront tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002.

59      Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat l-argument imressaq mir-Renju ta’ Spanja li mill-eżistenza tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/2008, tal-14 ta’ April 2008, li jipprovdi għall-adattament tal-kwoti għas-sajd tal-merluzz li għandhom jiġu allokati lill-Polonja fil-Baħar Baltiku (Subdiviżjonijiet 25–32, Ilmijiet KE), mill-2008 sal-2011 (ĠU L 107, p. 1), u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 635/2008, tat-3 ta’ Lulju 2008, li jadatta l-kwoti tas-sajd għall-merluzz li għandhom ikunu allokati lill-Polonja, fil-Baħar Baltiku (Subdiviżjonijiet 25-32, Ilmijiet tal-KE), mill-2008 sal-2011 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/2008 (ĠU L 176, p. 8), jista’ jiġi dedott li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1224/2009, il-Kummissjoni ma setgħetx tapplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena sussegwenti għal dik li tiġi wara l-qbiż tal-kwoti.

60      Kif jirriżulta mill-premessa 3 tar-Regolament Nru 338/2008, dan jikkonċerna sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni kkonstatat, f’Lulju 2007, li l-qabdiet tal-merluzz mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja kienu diġà tliet darbiet iktar mill-kwantitajiet inizjalment iddikjarati u li dan jikkostitwixxi qbiż ferm sostanzjali tal-kwota mogħtija lil dan l-Istat Membru. Barra minn hekk, mill-premessi 9 u 10 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, ikkonfrontat b’din is-sitwazzjoni, il-Kunsill iddeċieda li jidderoga mir-regola prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 u li jippermetti tnaqqis mill-kwoti matul perijodu ta’ erba’ snin.

61      Issa, b’mod kuntrarju għal dak li r-Renju ta’ Spanja jsostni, mill-premessi hawn fuq imsemmija ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlazzjoni li tippreċedi l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 ma kinitx tippermetti l-applikazzjoni ta’ tnaqqis mill-kwoti marbuta ma’ sena segwenti għal dik li tiġi wara l-qbiż tal-kwoti. B’mod partikolari, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa 10 tar-Regolament Nru 338/2008, li tipprovdi li d-deroga kienet neċessarja sabiex jintlaħqu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tnaqqis “b’mod partikolari fl-ewwel sena”, tipprekludi tali interpretazzjoni. Kif jirriżulta b’mod ċar minn din il-premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li, skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, il-qbiż tal-kwoti matul sena partikolari seta’ jagħti lok għal tnaqqis mill-kwoti mogħtija mhux biss għas-sena sussegwenti, iżda wkoll għal snin oħra li jiġu wara. Għalhekk, id-deroga introdotta mir-Regolament Nru 338/2008 ma tirrigwardax dan l-aspett.

62      Konsegwentement, id-deroga msemmija fil-premessi 9 u 10 hawn fuq previsti tikkonċerna element ieħor. Kif jirriżulta mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 338/2008, il-Kunsill ried jevita li t-tnaqqis ikollu konsegwenzi ta’ natura soċjoekonomiċi li huwa qies eċċessivi. Għalhekk id-deroga tirrigwarda l-ammont massimu tat-tnaqqis li għandu jiġi applikat għal sena. F’dan ir-rigward, ir-Regolament jipprevedi skeda ta’ tnaqqis mifrux fuq diversi snin.

63      Għalhekk, hemm lok li l-oġġezzjoni bbażata fuq l-eżistenza tar-Regolament Nru 338/2008 tiġi miċħuda.

64      Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009, il-Kummissjoni kienet diġà tista’ tapplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena partikolari minħabba qbiż mhux biss tal-kwoti tas-sena preċedenti, iżda wkoll tal-kwoti ta’ snin oħra li jippreċeduha.

65      Konsegwentement, l-ilment ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi miċħud, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk, fir-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni applikatx tnaqqis mhux biss minħabba qbiż tal-kwoti mogħtija għas-sena preċedenti, iżda wkoll minħabba qbiż tal-kwoti mogħtija għal sena li tippreċedi lil dik is-sena.

 Fuq il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege

66      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nulla peona sine lege, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li kull sanzjoni, anki jekk ma tkunx ta’ natura repressiva, għandu jkollha bażi legali ċara u mhux ambigwa (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 1984, Könecke, 117/83, Ġabra p. 3291, punt 11, u tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C‑210/00, Ġabra p. I‑6453, punt 52).

67      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 jikkostitwixxi bażi legali ċara u mhux ambigwa, li tippermetti lill-Kummissjoni tapplika tnaqqis mill-kwoti mogħtija għal sena partikolari minħabba qbiż tal-kwoti li jkun sar mhux biss matul is-sena preċedenti, iżda wkoll matul snin oħra qabel.

68      Madankollu, peress li, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika leġiżlazzjoni ġdida inqas favorevoli għal sitwazzjoni li seħħet taħt is-sistema tal-leġiżlazzjoni preċedenti iktar favorevoli, għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege jippermettix lill-Kummissjoni tapplika tali tnaqqis billi tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009.

69      F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat, qabelxejn, jekk il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege japplikax għal tnaqqis bħalma huwa dak li ġie previst mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96. Għaldaqstant hemm lok li tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk dan it-tnaqqis huwiex miżura reprissiva skont l-imsemmi prinċipju.

70      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li s-sistema tal-kwoti tas-sajd tfittex l-għan li jiġu ggarantiti l-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd. It-tnaqqis mill-kwoti huwa intiż sabiex jiġu osservati l-kwoti u għalhekk għandu l-istess għan. Madankollu, kif ir-Renju ta’ Spanja ġustament sostna, is-sempliċi fatt li t-tnaqqis għandu tali għan ma jippermettix li jiġi eskluż li dan jikkostitwixxi sanzjonijiet fis-sens tal-prinċipju hawn fuq imsemmi, peress li miżuri repressivi jistgħu wkoll ifittxu dawn l-għanijiet.

71      Madankollu, għandu jitfakkar li miżura li sempliċement tipprevedi kumpens għal dannu kkawżat u għalhekk hija limitata għar-restituzzjoni tal-pożizzjoni quo ante ma tikkostitwixxix miżura repressiva fis-sens tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C‑110/99, Ġabra p. I‑11569, punt 56, u tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C‑255/02, Ġabra p. I‑1609, punt 93). Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk dan it-tnaqqis previst mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 huwiex limitat għal kumpens tad-dannu kkawżat mill-qbiż tal-kwoti jew jekk dan jinkludix elementi li jmorru lil hinn minn dan l-għan.

72      L-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 847/96 jipprevedu biss tnaqqis li jikkonsisti fis-sempliċi kumpens għall-qbiż tal-kwoti u għalhekk ma jipprevedux sanzjoni, jiġifieri miżura li teċċedi dan il-kumpens.

73      F’dan il-kuntest, ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li t-tnaqqis ma jikkostitwixxix miżuri li għandhom rabta diretta mal-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, peress li l-Kummissjoni tapplika tnaqqis, anki jekk jirriżulta li, fil-livell tal-Unjoni, it-total ammissibbli ta’ qbid għal dan l-istokk ma jkunx inqabeż. Konsegwentement, din hija miżura li tissanzjona l-imġiba ta’ Stat Membru u għalhekk miżura repressiva.

74      Dan l-argument ma huwiex wieħed konvinċenti. B’mod preliminari, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kwoti tas-sajd tipprevedi sistema ta’ kontroll deċentralizzata, li fil-kuntest tagħha huma l-Istati Membri li għandhom jissorveljaw li l-kwoti lilhom mogħtija ma jinqabżux. Issa, approċċ fis-sens li jiġi applikat tnaqqis mill-kwoti tal-Istati Membri biss fil-każ li jirrikorru żewġ elementi, l-ewwel nett, li Stat Membru jkun qabeż il-kwoti tiegħu u, it-tieni nett, li, fil-livell tal-Unjoni, it-totali ammissibbli ta’ qabdiet ikunu nqabżu, jippreġudika l-effettività stess tas-sistema tal-kwoti. Fil-fatt, tali approċċ jippermetti lill-Istati Membri li jiġġustifikaw il-qbiż tal-kwoti tagħhom billi jinvokaw a posteriori l-fatt li t-totali ammissibbli ta’ qabdiet fil-livell tal-Unjoni ma jkunux inqabżu. Tali approċċ jista’ jinċita lill-Istati Membri sabiex ma japplikawx kontroll strett tal-kwoti li ngħatawlhom, peress li qbiż tal-kwoti jista’ possibbilment jibqa’ mingħajr effett. Dan ikabbar ir-riskju li, konsegwentement, it-totali ammissibbli ta’ qabdiet fil-livell tal-Unjoni jinqabżu wkoll. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li Stat Membru jieħu vantaġġ inġustifikat meta jaqbeż il-kwoti tiegħu. Għalhekk, it‑tnaqqis għandu wkoll effett kumpensatorju fil-konfront tal-Istati Membri li jkunu osservaw il-kwoti tagħhom. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jaqbżu kwota kemm-il darba huma jinnegozjaw skambju ta’ kwoti ma’ Stat Membru ieħor, qabel ma l-kwota għall-istokk partikolari tkun intlaħqet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑62/89, Ġabra p. I‑925, punt 20). Għalhekk, ir-Renju ta’ Spanja seta’ jinnegozja tali skambju, li kien jippermettilu li jaqbeż il-kwota inizjali mingħajr ma jkabbar ir-riskju li jinqabeż it-total ammissibbli ta’ qabdiet fil-livell tal-Unjoni u mingħajr ma jkun qed jieħu vantaġġ inġustifikat fil-konfront tal-Istati Membri li jkunu osservaw il-kwoti tagħhom.

75      Għalhekk, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont totali tal-qabdiet fil-livell tal-Unjoni huwa element li jirriżulta min-natura u mill-istruttura ta’ sistema li, minn naħa, tagħti kwoti individwali lil kull Stat Membru u, min-naħa l-oħra, tipprevedi sistema ta’ kontroll deċentralizzata. B’mod kuntrarju għal dak li r-Renju ta’ Spanja jsostni, minn dan ma jistax jiġi dedott li t-tnaqqis ma għandux rabta diretta mal-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd. Isegwi li, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni tapplika tnaqqis mill-kwoti mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni ta’ jekk inqabżux it-totali ammissibbli ta’ qabdiet fil-livell tal-Unjoni, dan it-tnaqqis jikkostitwixxi miżura kumpensatorja u mhux sanzjoni.

76      Fir-rigward tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 847/96, huwa ċertament minnu li dawn jipprevedu koeffiċjenti multiplikaturi għall-kalkolu tat-tnaqqis. Madankollu, dawn il-koeffiċjenti multiplikaturi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala sanzjonijiet li jmorru lil hinn mill-għan ta’ kumpens. Kif il-Kummissjoni ġustament sostniet, dawn il-koeffiċjenti huma intiżi sabiex jiggarantixxu restituzzjoni sħiħa tad-dannu kkawżat mill-qbiż tal-kwoti. Fil-fatt, is-sajd żejjed għandu effett negattiv fuq il-kapaċità ta’ riproduzzjoni tal-istokk ikkonċernat, li jista’ jdum ma jerġa’ jirkupra u jonqos fin-numru.

77      B’mod kuntrarju għal dak li r-Renju ta’ Spanja jsostni, dan ir-raġunament ma jistax jitqiegħed f’dubju bil-fatt li koeffiċjenti huma applikati għal qbiż ta’ kwoti fir-rigward ta’ stokkijiet li ma humiex is-suġġett ta’ miżuri intiżi sabiex jirrikostitwixxu l-istokk. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-pjanijiet ta’ rikostituzzjoni tal-istokk jikkonċernaw stokkijiet li jinsabu taħt il-limiti bijoloġiċi ta’ sigurtà u għandhom l-għan li jippermettulhom jilħqu mill-ġdid dawn il-limiti. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis mill-kwoti jfittex l-għan ta’ konservazzjoni u ta’ sfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd. Għalhekk, dawn huma intiżi sabiex jiggarantixxu li l-istokkijiet jibqgħu fil-limiti bijoloġiċi ta’ sigurtà. Minn dan isegwi li l-qbiż tal-kwoti jista’, fih innifsu, jiġġustifika tnaqqis intiż sabiex jagħmel tajjeb b’mod sħiħ għad-dannu kkawżat mill-qbiż tal-kwoti.

78      Konsegwentement, it-tnaqqis previst mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u dak previst mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96 ma jikkostitwixxux sanzjonijiet u għalhekk ma humiex suġġetti għall-prinċipju ta’ nulla poena sine lege.

79      B’mod kuntrarju għal dak li r-Renju ta’ Spanja jsostni, din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata mit-tmien premessa tar-Regolament Nru 847/96. Huwa veru li din il-premessa ssemmi l-għan tat-tnaqqis, jiġifieri li jiġi “penalizzat” il-qbiż tal-kwoti. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li dan jinvolvi sanzjonijiet repressivi. Tali interpretazzjoni ta’ din il-premessa hija kontradetta b’mod partikolari mill-premessa 43 tar-Regolament Nru 1224/2009. Fil-fatt, minkejja li dan ir-Regolament sussegwenti jipprevedi sistema ta’ koeffiċjenti iktar severa minn dik prevista mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, mill-premessa 43 tiegħu jirriżulta li l-għan tat-tnaqqis huwa dak li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati lir-riżorsi tas-sajd ikkonċernati u lill-Istati Membri l-oħra u li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet prevalenti qabel. Fi kwalunkwe każ, in-natura tat-tnaqqis mill-kwoti ma tistax tkun dipendenti fuq il-kontenut tat-tmien premessa tar-Regolament Nru 847/96, iżda għandha tiġi evalwata b’applikazzjoni tal-kriterji oġġettivi msemmija fil-punti 71 sa 78 iktar ’il fuq.

80      Imbagħad, anki jekk stess il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege huwa applikabbli għat-tnaqqis previst mill-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u mill-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, għandu xorta waħda jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju ma jipprekludix lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha fuq dawn id-dispożizzjonijiet sabiex timponi tnaqqis fuq il-kwoti mogħtija għal sena partikolari minħabba qbiż tal-kwoti li sar mhux biss matul is-sena preċedenti, iżda wkoll matul snin oħra preċedenti.

81      Fil-fatt, l-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 847/96, mhux biss jikkostitwixxu bażi legali għal tali tnaqqis, iżda huma wkoll suffiċjentment ċari u preċiżi. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 43 sa 64 iktar ’il fuq, qari ta’ dawn id-dispożizzjonijiet flimkien jippermetti l-interpretazzjoni li, sa mid-dħul fis-seħħ, bħala d-data l-iktar tard, tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002, il-Kummissjoni setgħet, fil-każ ta’ qbiż tal-kwoti matul sena partikolari, tapplika tnaqqis mhux biss mill-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti, iżda wkoll minn dawk mogħtija għal snin oħra li jiġu wara. Fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament Nru 2371/2002 u tal-fatt li hija biss din l-interpretazzjoni li setgħet titqies li hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, ir-Renju ta’ Spanja ma setax jipprevalixxi ruħu minn dubju raġonevoli f’dan ir-rigward.

82      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li, matul il-perijodu bejn l-2004 u l-2008, il-Kummissjoni imponiet biss tnaqqis mill-kwoti mogħtija għas-sena sussegwenti għall-qbiż tal-kwoti (ara l-punt 9 iktar ’il fuq). Fil-fatt, in-natura ċara u mhux ambigwa ta’ bażi legali għandha tiġi evalwata b’applikazzjoni ta’ kriterji oġġettivi u għalhekk ma hijiex dipendenti fuq l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni.

83      Konsegwentement, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

84      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ dispożizzjonijiet repressivi inqas favorevoli

85      Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Kummissjoni li kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tad-dispożizzjonijiet repressivi inqas favorevoli, meta applikat is-sistema iktar severa tal-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 għal sitwazzjoni li seħħet taħt is-sistema tal-leġiżlazjoni preċedenti.

86      Dan il-motiv għandu wkoll jiġi miċħud. Fl-ewwel lok, mill-punti 70 sa 79 iktar ’il fuq jirriżulta li t-tnaqqis mill-kwoti ma huwiex ta’ natura repressiva. Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punti 37 sa 65 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma applikatx sistema iktar severa minn dik prevista mil-leġiżlazzjoni preċedenti għall-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-impossibbiltà li l-Kummissjoni titħalla tagħżel il-bażi legali applikabbli

87      Permezz tar-raba’ motiv, ir-Renju ta’ Spanja jsostni, essenzjalment, li ma jistax ikun permess li l-Kummissjoni tagħżel id-dispożizzjoni li fuqha hija tibbaża att legali bħalma huwa r-Regolament ikkontestat. Sabiex tali għażla tiġi eskluża, jeħtieġ li l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 ma jiġix applikat għal qbiż ta’ kwoti li jkun seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

88      Dan il-motiv ma huwiex fondat.

89      Kif diġà ġie espost fil-punti 27 sa 33 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kellhiex għażla fir-rigward tal-bażi legali li tippermetti l-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009 kien l-unika dispożizzjoni li fuqha hija setgħet tibbaża regolament li japplika tnaqqis mill-kwoti għas-sena 2010.

90      F’dan il-kuntest, għandu wkoll jitfakkar li, b’mod kuntrarju għal dak li l-Kummissjoni ssostni, hija ma għandhiex għażla fir-rigward ta’ jekk għandhiex tapplika jew le l-Artikolu 105 tar-Regolament Nru 1224/2009. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni hija obbligata tapplika r-regoli previsti minn dan l-artikolu. Huwa biss sa fejn dan huwa impost mill-prinċipji tad-dritt primarju, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li hija għandha tapplika interpretazzjoni restrittiva għal din id-dispożizzjoni, sabiex tiggarantixxi l-osservanza ta’ dan id-dritt.

91      Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

92      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

93      Peress li r-Renju ta’ Spanja tilef u saret talba mill-Kummissjoni f’dan is-sens, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ Spanja huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-21 ta’ Novembru 2012.

Firem