Language of document : ECLI:EU:C:2017:992

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni Komunitarji – Artikolu 110(1) – Assenza ta’ protezzjoni – Klawżola msejħa ‘ta’ tiswija’ – Kunċett ta’ ‘parti ta’ prodott kumpless’ – Tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu – Miżuri li għandhom jiġu adottati mill-utent sabiex ikun jista’ jinvoka l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” – Rimm ta’ karozza replika identika għall-mudell ta’ rimm oriġinali”

Fil-Kawżi magħquda C‑397/16 u C‑435/16,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) u mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 u tat-2 ta’ Ġunju 2016, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-18 ta’ Lulju u fl-4 ta’ Awwissu 2016, fil-proċeduri

Acacia Srl

vs

Pneusgarda Srl, fi stralċ,

Audi AG (C‑397/16),

u

Acacia Srl,

Rolando D’Amato

vs

Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG (C‑435/16),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Acacia Srl u M. D’Amato, minn F. Munari, M. Esposito u A. Macchi, avvocati, kif ukoll minn B. Schneiders, D. Treue u D. Thoma, Rechtsanwälte,

–        għal Audi AG, minn G. Hasselblatt, Rechtsanwalt, kif ukoll minn M. Cartella u M. Locatelli, avvocati,

–        għal Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG, minn B. Ackermann u C. Klawitter, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Santoro, S. Fiorentino u L. Cordi, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Segoin, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u H. Stergiou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda, V. Di Bucci u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, f’waħda minnhom, minn naħa, Acacia Srl u, min-naħa l-oħra, Pneusgarda Srl, fi stralċ, u Audi AG, u, fl-oħra, minn naħa, Acacia u l-amministratur tagħha, Rolando D’Amato, u, min-naħa l-oħra, Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG (iktar ’il quddiem “Porsche”) rigward l-allegat ksur, minn Acacia, tal-mudelli Komunitarji li Audi u Porsche huma proprjetarji tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ

3        Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80). L-Artikolu 26(2) tiegħu jipprevedi:

“Il-Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjonijiet limitati għall-protezzjoni ta’ disinji industrijali, sakemm dawn l-eċċezzjonijiet ma jkollhomx konflitt bla raġuni għall-isfruttament normali tad-disinji industrjali u li ma jkunux ta’ preġudizzju ta’ bla raġuni għall-interessi leġittimi tas-sid tad-disinn protett, billi jżommu f’moħħhom l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi.”

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/71/KE

4        Il-premessa 19 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120), tgħid:

“Billi l-adozzjoni ta’ malajr ta’ din id-Direttiva saret ħaġa urġenti għal għadd ta’ setturi industrijali; billi l-approssimazzjoni fl-intier tagħha tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu ta’ disinji protetti għall-fini li tkun permessa t-tiswija ta’ prodott kumpless biex jerġa’ jkollu d-dehra oriġinali tiegħu, fejn il-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li għalih ikun applikat id-disinn jikkostitwixxi komponent ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett, ma tistax issir f’dan l-istadju; billi n-nuqqas ta’ approssimazzjoni fl-intier tagħha tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-użu ta’ disinni protetti għal dik it-tiswija ta’ prodott kumpless m’għandux jikkostitwixxi ostakolu għall-approssimazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra nazzjonali ta’ liġijiet dwar disinn li l-aktar li għandhom effett dirett fuq it-tmexxija tas-suq intern; illi għal din ir-raġuni l-Istati Membri għandhom fil-frattemp iżommu fis-seħħ kull dispożizzjoni li tkun konformi ma dan it-Trattat dwar l-użu tad-disinn ta’ parti komponenti użata għall-fini ta’ tiswija ta’ prodott kumpless biex jerġa’ jkollu d-dehra oriġinali tiegħu, jew, jekk iġibu fis-seħħ dispożizzjonijiet ġodda dwar dak l-użu, l-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu jkun biss li jilliberalizza s-suq għal dawk il-partijiet; […]”

5        L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, jipprevedi:

“Sakemm ikunu adottati emendi għal din id-Direttiva fuq proposta mill-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18, Stati Membri għandhom iżommu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet legali eżistenti tagħhom dwar l-użu tad-dsinn ta’ parti komponenti użata għall-fini tat-tiswija ta’ prodott kumpless biex jinġieb fid-dehra oriġinali tiegħu, u għandhom jintroduċu bidliet għal dawk id-dispożizzjonijiet biss jekk l-iskop ikun li jiġi liberalizzat is-suq għal dawk il-partijiet.”

 Ir-Regolament Nru°6/2002

6        Il-premessi 1, 9 u 13 tar-Regolament Nru°6/2002 jgħidu kif ġej:

“(1)      Sistema unifikata sabiex jinkiseb disinn Komunitarju li għalih tingħata protezzjoni uniformi b’effett uniformi fit-territorju kollu Komunitarju tmexxi ’l quddiem il-miri Komunitarji kif stabbiliti fit-Trattat.

[…]

(9)      Id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-Regolament fuq il-liġijiet dwar id-disinji għandhom jiġu allineati mad-dispożizzjonijiet rispettivi fid-Direttiva 98/71/KE.

[…]

(13)      It-tqarrib fuq skala sħiħa tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-użu tad-disinji protetti bl-għan li jippermettu t-tiswija ta’ prodott kumpless hekk li jirrestawraw id-dehra oriġinali tiegħu, meta d-disinn jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kompless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett, ma setax jinkiseb permezz tad-Direttiva 98/71/KE. Ġewwa l-qafas tal-proċedura tal-konċiljazzjoni dwar id-Direttiva msemmija, il-Kummissjoni ndaħlet li tagħmel rivista tal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva tliet snin wara t-temma taż-żmien għat-traspożizzjoni tad-Direttiva b’mod partikolari għas-setturi industrijali l-iktar affettwati. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa approprjat li ma tiġi kkonferita l-ebda protezzjoni bħala disinn Komunitarju lil disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn u li jintuża bl-għan tat-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jirrestawra d-dehra oriġinali tiegħu, sakemm il-Kunsill ikun iddeċieda l-politika tiegħu dwar din il-kwistjoni fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.”

7        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolment:

a)      ‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu;

b)      ‘prodott’ ifisser kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, inklużi fost ħwejjeġ oħra l-partijiet maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless, imballaġġ, muntatura, simboli grafiċi u tipi tipografiċi, imma jeskludi l-programmi tal-kompjuter;

c)      ‘prodott kumpless’ ifisser prodott li jkun kompost minn komponenti multipli li posthom jista’ jiġi mibdul hekk illi l-prodott jista jiġi żarmat jew armat mill-ġdid.”

8        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħtiġiet għall-protezzjoni”, jipprevedi:

“1.      Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

2.      Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

a)      jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar; u

b)      safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

3.      ‘Użu normali’ fit-tifsira tal-paragrafu (2)(a) għandu jfisser l-użu mill-aħħar utent, bl-esklużjoni taż-żamma fl-ordni, is-servizz jew ix-xogħol tat-tiswija.”

9        L-Artikolu 19(1) tal-istess regolament jipprevedi kif ġej:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

10      L-Artikolu 110 tar-Regolament Nru°6/2002, intitolat “Dispożizzjoni transitorja”, jipprevedi:

“1.      Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless] użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.

2.      Il-proposta mill-Kummissjoni riferita fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa flimkien ma’ u tqis, kull bidla li l-Kummissjoni għandha tipproponi fuq l-istess suġġett skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva 98/71/KE.”

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Kawża C397/16

11      Audi hija proprjetarja ta’ diversi mudelli Komunitarji ta’ rimmijiet ta’ karozzi b’lega.

12      Acacia timmanifattura, taħt it-trade mark WSP Italy, rimmijiet ta’ karozzi b’lega li jitqiegħdu fis-suq fuq is-sit internet tagħha, li huwa disponibbli f’diversi lingwi. Skont il-qorti tar-rinviju, xi wħud minn dawn ir-rimmijiet huma identiċi għar-rimmijiet b’lega ta’ Audi. Fuq ir-rimmijiet prodotti minn Acacia hija ttimbrata l-indikazzjoni “NOT OEM”, li tfisser mhux prodott mill-fabbrikant tat-tagħmir oriġinali. Id-dokumentazzjoni kummerċjali u teknika li takkumpanja dawn il-prodotti, il-fatturi ta’ bejgħ kif ukoll is-sit internet ta’ Acacia jindikaw li r-rimmijiet inkwistjoni jinbiegħu biss sabiex iservu bħala partijiet ta’ bdil intiżi għat-tiswija.

13      Audi ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale di Milano (il-Qorti ta’ Milano, l-Italja) intiż sabiex jiġi kkonstatat, essenzjalment, li l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni minn Acacia tar-rimmijiet inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-mudelli Komunitarji tagħha. Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors.

14      Acacia appellat mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja). Din tal-aħħar, wara li, fost l-oħrajn, osservat l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji maħruġa minn qrati Taljani u qrati ta’ Stati Membri oħra f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, ikkonkludiet li jeżistu dubji serji rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002.

15      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern, b) il-prinċipju ta’ effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej u ta’ liberalizzazzjoni tas-suq intern, ċ) il-prinċipji tal-effett utli u tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Ewropew fi ħdan l-Unjoni Ewropea, d) id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni Ewropea, bħad-Direttiva Nru 98/71 u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, l-Artikolu 1 tar-Regolament [tal-Kummissjoni (UE)] Nru 461/2010[, tas-27 ta’ Mejju 2010, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU L 129, p. 52)] u r-Regolament [Nru 124 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi dwar l approvazzjoni tar-roti għall-karozzi tal-passiġġieri u t-trejlers tagħhom (ĠU 2006, L 375, p. 590, u rettifika ĠU 2007, L 70, p. 413)], jipprekludu interpretazzjoni tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002, li fih il-klawżola ta’ tiswija, li teskludi r-replika tar-rimm, estetikament identika għar-rimm tat-tagħmir oriġinali, approvata abbażi tar-Regolament […] Nru 124 iċċitat iktar ’il fuq, mill-kunċett ta’ parti minn prodott kumpless (karozza) bil-għan li tista’ ssir it-tiswija tal-prodott kumpless u li terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tagħha?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ir-regoli dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-mudelli rreġistrati, wara li jsir ibbilanċjar tal-interessi msemmija fl-ewwel domanda, jipprekludu l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ tiswija fir-rigward ta’ repliki ta’ prodotti komplementari li l-klijent jista’ jagħżel liberament, peress li l-klawżola ta’ tiswija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u għandha tkun limitata għall-partijiet ta’ bdil li l-forma tagħhom hija marbuta mal-prodott, jiġifieri, partijiet li l-forma tagħhom ġiet iddeterminata b’mod li fundamentalment ma jistax jinbidel meta mqabbla mad-dehra esterna tal-prodott kumpless, bl-esklużjoni ta’ elementi oħra meqjusa interkambjabbli u li jistgħu jiġu mmuntati liberament skont ix-xewqa tal-klijent?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, liema miżuri għandu jieħu l-produttur ta’ repliki ta’ rimmijiet sabiex jiżgura l-moviment leġittimu ta’ prodotti ddestinati li jsewwu l-prodott kumpless u li jerġgħu jagħtuh id-dehra oriġinali tiegħu?”

 Kawża C435/16

16      Porsche hija proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji ta’ rimmijiet ta’ karozzi b’lega.

17      Ir-rimmijiet prodotti minn Acacia huma kkummerċjalizzati fil-Ġermanja, fuq is-sit internet tagħha, li huwa indirizzat lill-konsumaturi finali u huwa aċċessibbli fil-lingwa Ġermaniża. Skont il-qorti tar-rinviju, xi wħud minn dawn ir-rimmijiet huma identiċi għar-rimmijiet b’lega ta’ Porsche. L-imsemmija qorti tosserva li, skont Acacia, ir-rimmijiet li hija timmanifattura u li huma intiżi għall-vetturi Porsche jistgħu jintużaw biss fuq vetturi ta’ dan il-fabbrikant. Porsche sostniet quddiem l-imsemmija qorti li r-rimmijiet inkwistjoni huma wkoll offruti f’kuluri u dimensjonijiet li ma jikkorrispondux għall-prodotti oriġinali.

18      Porsche ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) intiż sabiex jiġi kkonstatat, essenzjalment, li l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni minn Acacia tar-rimmijiet inkwistjoni jikkostitwixxu ksur tal-mudelli Komunitarji tagħha. Din il-qorti laqgħet dan ir-rikors.

19      Peress li l-appell ippreżentat minn Acacia u R. D’Amato ġie miċħud, dawn tal-aħħar ippreżentaw appell għal Reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tosserva li l-eżitu favorevoli ta’ dan l-appell jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk Acacia tistax tinvoka l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li tinsab fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002. Issa, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tqajjem bosta diffikultajiet.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija limitata għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta, jiġifieri għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija ddeterminata, fil-prinċipju, b’mod invarjabbli mid-dehra tal prodott globali u għalhekk ma titħalliex, – bħalma huma fost l oħrajn ir-rimmijiet ta’ karozzi -, fl-għażla libera tal-klijent?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: L-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija limitata biss għall-offerta ta’ prodotti ta’ disinn identiku, jiġifieri prodotti li jikkorrispondu wkoll mil-lat tal-kuluri tagħhom u tad dimensjonijiet tagħhom mal-prodotti oriġinali?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: Ir restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 110(1) tar Regolament (KE) Nru 6/2002 hija applikabbli favur il-bejjiegħ ta’ prodott li fil-prinċipju jippreġudika d-disinn inkwistjoni biss jekk dan il-bejjiegħ jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra bħal, b’mod partikolari, it-tagħmir jew l individwalizzazzjoni tal-prodott globali?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: Liema miżuri għandu jadotta l-bejjiegħ ta’ prodott li fil-prinċipju jippreġudika d-disinn inkwistjoni sabiex jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra bħal, b’mod partikolari, it-tagħmir jew l-individwalizzazzjoni tal-prodott globali? Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward:

a)      li l-bejjiegħ jintegra fil-fuljett ta’ bejgħ l indikazzjoni li l bejgħ isir esklużivament għal finijiet ta’ tiswija sabiex il-prodott globali jingħata lura d-dehra inizjali tiegħu, jew

b)      il-bejjiegħ għandu jissuġġetta l-kunsinna għall-kundizzjoni li l akkwirent (distributur u konsumatur) jiddikjara bil-miktub li ser juża l-prodott propost għall-bejgħ biss għal finijiet ta’ tiswija?”

21      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ April 2017, il-Kawżi C‑397/16 u C‑435/16 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fl-24 ta’ Novembru u fl-1 ta’ Diċembru 2017, Porsche u Audi talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23      Insostenn tat-talbiet tagħhom, Porsche u Audi jsostnu, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq affermazzjonijiet li ma humiex fondati u li ma kinux is-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju, rigward b’mod partikolari l-oriġini tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, li tinsab fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

24      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew il-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

25      Hawnhekk dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ fatt ġdid bl-ebda mod ma hija allegata. Barra minn hekk, l-oriġini tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” ġiet indirizzata, fost l-oħrajn, mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u diskussa mill-partijiet kollha waqt is-seduta għat-trattazzjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha li huma neċessarji sabiex tiddeċiedi.

26      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kritiki fformulati minn Porsche u Audi kontra l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għall-imsemmija konklużjonijiet. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti interessata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, indipendentement mill-kwistjonijiet li huwa jeżamina f’dawn il-konklużjonijiet, ma jistax jikkostitwixxi minnu nnifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C397/16 u fuq l-ewwel domanda Fil-Kawża C435/16

29      Permezz tat-tieni domanda fil-Kawża C‑397/16 u tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑435/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li huwa jinkludi tissuġġettax l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża sabiex tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless bl-għan li jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, għall-kundizzjoni li d-disinn protett ikun jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless.

30      Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż isostnu, essenzjalment, li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, imsemmija fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, tapplika biss għall-partijiet ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tagħhom jiddependi d-disinn protett, jiġifieri li l-forma tagħhom hija imposta, b’tali mod li r-rimmijiet ta’ karozzi b’lega ma jistgħux jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni. Acacia, kif ukoll il-Gvern Taljan, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea, iqisu, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” ma hijiex limitata għall-partijiet li l-forma tagħhom hija imposta, jiġifieri għall-partijiet li l-forma tagħhom hija ddeterminata, fil-prinċipju, b’mod invarjabbli mid-dehra tal-prodott kumpless u li, għaldaqstant, ma tistax tintgħażel liberament mill-klijent, b’tali mod li r-rimmijiet b’lega ħafifa jistgħu jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea tista’ tipprovdi wkoll informazzjoni rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 50; tal-1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 30, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2017, Hummel Holding, C‑617/15, EU:C:2017:390, punt 22).

32      Skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, “il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless] użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

33      B’mod differenti mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 6/2002, li tgħid li l-protezzjoni għal disinn Komunitarju ma għandhiex tiġi prevista għal disinn li jiġi applikat għal prodott, jew li jiġi inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” u li jintuża bl-għan li jippermetti t-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, l-Artikolu 110(1) tal-istess regolament sempliċement jipprevedi li għandha tkun “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]”, li għandha “[tintuża] […] bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

34      B’dan il-mod, mill-kliem tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jirriżulta li l-fatt li d-disinn protett jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless ma jinsabx fost il-kundizzjonijiet elenkati mill-imsemmija dispożizzjoni.

35      Din l-interpretazzjoni letterali hija, fl-ewwel lok, ikkorroborata mill-oriġini tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”.

36      Fil-fatt, għandu jiġi osservat, fir-rigward tax-xogħol leġiżlattiv li ppreċeda l-adozzjoni tal-imsemmija klawżola, li kemm il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji (ĠU 1994, C 29, p. 20), kif ukoll il-proposta emendata ta’ regolament tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji (ĠU 2001, C 62 E, p. 173) kienu jinkludu dispożizzjoni li, minkejja li ma kinitx redatta f’termini rigorożament identiċi, kienet tipprevedi speċifikament li disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn” ma setax jibbenefika minn protezzjoni għal disinn Komunitarju.

37      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, mir-rapport tal-Presidenza lill-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti (Coreper) Nru 12420/00, tad-19 ta’ Ottubru 2000 (fajl interistituzzjonali 1993/0463 (CNS)) jirriżulta li, “sabiex jintlaħaq qbil politiku fuq il-proposta”, żewġ domandi prinċipali ġew ippreżentati lill-Coreper, u waħda minnhom kienet tikkonċerna speċifikament il-partijiet separati. L-imsemmi rapport kien josserva b’dan il-mod li maġġoranza tad-delegazzjonijiet fi ħdan l-imsemmi kumitat kienet tqis li, minn naħa, il-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni kellha tiġi approssimata għal dik tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet separati kellhom jiġu esklużi mill-protezzjoni mogħtija permezz tar-regolament futur “biss sa fejn huma jintużaw bl-għan li jippermettu t-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu”.

38      Huwa f’dan il-kuntest li r-rekwiżit previst fil-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif kien jinsab kemm fil-proposta kif ukoll fil-proposta emendata tal-Kummissjoni, iċċitati fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, rigward il-fatt li l-prodott li fih huwa inkorporat id-disinn jew li għalih jiġi applikat ikun parti minn prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett”, tħalla barra mid-dispożizzjoni finalment adottata mill-Kunsill.

39      Għalhekk, mill-oriġini tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-assenza ta’ limitazzjoni tal-portata ta’ din id-dispożizzjoni għall-partijiet li l-forma tagħhom hija imposta mill-forma tal-prodott kumpless, tirriżulta minn għażla magħmula matul il-proċess leġiżlattiv.

40      Huwa minnu, kif enfasizzaw Audi, Porsche kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, li riferiment għan-neċessità li d-dehra tal-prodott kumpless tkun waħda li “fuqha jiddependi d-disinn protett” inżamm f’dak li jingħad fil-premessa 13 tar-Regolament Nru 6/2002. Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-fatt ma jidhirx deċiżiv. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li l-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jispeċifika l-kontenut ta’ dan, huwa ma jistax jiġi invokat sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet infushom tal-att ikkonċernat (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tfakkret fil-punti 36 sa 38 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li ssir interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002 bħal dik imsemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, difiża minn Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż, u li hija bbażata fuq in-natura derogatorja jew tranżitorja ta’ din id-dispożizzjoni.

42      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa minnu li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tintroduċi limitu għad-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ disinn Komunitarju, ladarba dan jiġi mċaħħad, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ikunu ssodisfatti, mid-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament li jipprevjeni lit-terzi kollha milli jużaw tali disinn mingħajr il-kunsens tiegħu, li għandu mnejn jiġġustifika effettivament li dan l-Artikolu 110(1) jiġi interpretat b’mod restrittiv. Madankollu, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika l-issuġġettar tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal kundizzjoni mhux prevista minn din.

43      Min-naħa l-oħra, minkejja li l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa intitolat “Dispożizzjoni transitorja” u jipprevedi, minbarra dan, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tapplika biss “[s]aż-żmien li l-emendi [għall-imsemmi]Regolament jidħlu fi-seħħ”, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni hija intiża, min-natura tagħha, sabiex tapplika sal-emenda tagħha jew sat-tħassir tagħha fuq proposta tal-Kummissjoni.

44      Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li tinsab fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hija sostnuta permezz ta’ analiżi tal-kuntest li tagħmel parti minnu l-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, peress li l-imsemmi kuntest jipprovdi argument favur interpretazzjoni koerenti tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 6/2002, minn naħa, u ta’ dawk tad-Direttiva 98/71, min-naħa l-oħra.

45      F’dan ir-rigward, qabel kollox, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, kemm il-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni (ĠU 1993, C 345, p. 14) kif ukoll il-proposta ta’ regolament imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li ġew ippreżentati simultanjament mill-Kummissjoni, kienu jinkludu klawżola msejħa “ta’ tiswija” li l-portata tagħha kienet ristretta għall-partijiet li jagħmlu parti minn prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett”. B’mod differenti mill-proposta ta’ direttiva ċċitata iktar ’il fuq, il-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, kif tinsab fid-Direttiva 98/71, ma tinkludix tali restrizzjoni. Issa, kif ġie osservat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-emenda, waqt ix-xogħlijiet leġiżlattivi li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, tal-formulazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li tinsab fl-Artikolu 110(1) ta’ dan ir-regolament kienet intiża sabiex tapprossima din il-formulazzjoni għal dik tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71.

46      Sussegwentement, il-premessa 9 tar-Regolament Nru 6/2002 tgħid li d-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu armonizzati mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 98/71.

47      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 110(2) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li kull proposta tal-Kummissjoni intiża sabiex temenda l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” inkluża fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandha tiġi ppreżentata fl-istess waqt bħall-bdil li jiġi propost għall-klawżola msejħa “ta’ tiswija” imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71, b’mod konformi mal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, u l-Kummissjoni għandha wkoll, skont l-imsemmi Artikolu 110(2), tieħu inkunsiderazzjoni dan il-bdil.

48      Issa, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 ma jinkludix rekwiżit li d-disinn protett għandu jkun jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless, u dan jipprovdi argument favur interpretazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” fis-sens li hija ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li d-disinn protett ikun jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless.

49      Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li tinsab fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, ma hijiex invalidata mill-għan segwit permezz tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, kif ġie speċifikat fl-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ regolament imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

50      Kif jirriżulta mill-imsemmija espożizzjoni tal-motivi, il-protezzjoni mogħtija permezz tad-disinni Komunitarji għandu mnejn ikollha effetti mhux mixtieqa billi tneħħi jew tillimita l-kompetizzjoni fuq is-swieq, b’mod partikolari f’dak li għandu jaqsam mal-prodotti kumplessi durabbli u li jqumu ħafna flus bħall-karozzi li fir-rigward tagħhom il-protezzjoni tad-disinni li japplikaw għal partijiet partikolari li minnhom huwa magħmul il-prodott kumpless tista’ toħloq suq magħluq reali għall-partijiet separati. F’dan il-kuntest, il-klawżola msejħa “ta’ tiswija” għandha bħala għan li tevita l-ħolqien ta’ swieq magħluqa għal ċerti partijiet separati u, b’mod partikolari, li jiġi evitat li konsumatur li jkun xtara prodott durabbli, li jista’ jkun iqum ħafna flus, jiġi marbut b’mod indefinit, għax-xiri tal-partijiet esterni, mal-fabbrikant tal-prodott kumpless.

51      Issa, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa preċiżament sabiex jiġi limitat il-ħolqien ta’ swieq magħluqa għall-partijiet separati li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” imsemmija fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tipprevedi li protezzjoni għal disinn Komunitarju ma teżistix fir-rigward ta’ disinn Komunitarju li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu.

52      L-għan tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li titwettaq, sa ċertu punt, liberalizzazzjoni tas-suq tal-partijiet separati, huwa wkoll ikkorroborat permezz tal-premessa 19 u permezz tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71, li jgħidu li l-emendi tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali rigward l-użu tad-disinn ta’ parti użata għal finijiet ta’ tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu huma awtorizzati biss jekk l-għan ta’ dawn l-emendi jkun li jiġi lliberalizzat is-suq tal-partijiet inkwistjoni.

53      Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li l-portata tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma hijiex limitata għall-partijiet li jagħmlu parti minn prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett.

54      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑397/16 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑435/16 għandha tkun li l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li huwa jinkludi ma tissuġġettax l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, għall-kundizzjoni li d-disinn protett ikun jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless.

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C397/16 u fuq it-tieni domanda fil-Kawża C435/16

55      Bl-ewwel domanda fil-Kawża C‑397/16 u bit-tieni domanda fil-Kawża C‑435/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tieni lok, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, għal liema kundizzjonijiet il-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li hija inkluża fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 tissuġġetta l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu.

56      Fir-rigward tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑397/16, Audi u l-Gvern Ġermaniż isostnu, essenzjalment, li rimm replika, estetikament identiku għal rimm tat-tagħmir oriġinali, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ parti ta’ prodott kumpless intiża sabiex tippermetti t-tiswija tiegħu u sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, b’tali mod li tali rimm ma huwiex kopert mill-klawżola msejħa “ta’ tiswija”. Acacia, il-Gvern Taljan u l-Gvern Olandiż kif ukoll il-Kummissjoni jqisu, min-naħa l-oħra, li r-rimm replika estetikament identiku għar-rimm tat-tagħmir oriġinali huwa inkluż fil-kunċett ta’ parti ta’ prodott kumpless intiża sabiex tippermetti t-tiswija tiegħu u sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu.

57      Fir-rigward tat-tieni domanda fil-Kawża C‑435/16, Porsche, bl-istess mod bħall-Gvern Taljan u l-Gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, isostnu, essenzjalment, li, sabiex rimm ta’ karozza replika jaqa’ taħt il-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, tali rimm għandu jkollu dehra identika għar-rimm oriġinali. Acacia tqis, min-naħa l-oħra, li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tapplika għall-“varjanti komuni” kollha tar-rimmijiet oriġinali.

58      Skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, protezzjoni għal disinn Komunitarju ma teżistix “għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless] użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

59      Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet marbuta, qabel kollox, mal-eżistenza ta’ disinn Komunitarju, imbagħad, mal-preżenza ta’ “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]” u, fl-aħħar nett, man-neċessità ta’ “uż[u] fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

60      Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeskludi, jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, kull protezzjoni fir-rigward ta’ “disinn Komunitarju”. Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi Artikolu 110(1) jista’ jiġi applikat biss għall-partijiet li jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni għal disinn Komunitarju u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni stabbiliti fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 ta’ dan.

61      F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 6/2002, il-protezzjoni ta’ disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless tingħata biss sa fejn, minn naħa, il-parti, ladarba inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ viżibbli matul użu normali ta’ dan il-prodott u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi viżibbli tal-parti jissodisfaw minnhom infushom il-kundizzjonijiet ta’ natura ġdida u ta’ natura individwali, previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

62      Hawnhekk, huwa stabbilit li dan huwa l-każ tal-mudelli Komunitarji ta’ rimmijiet ta’ karozzi li Audi u Porsche huma proprjetarji tagħhom.

63      Fit-tieni lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 japplika biss għall-“parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]”.

64      Għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 6/2002 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “parti ta’ prodott kumpless”. Madankollu, mill-Artikolu 3(b) u (ċ) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, minn naħa, “prodott” ifisser kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, inklużi, fost l-oħrajn, il-partijiet maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless u, min-naħa l-oħra, “prodott kumpless” ifisser prodott li jkun kompost minn komponenti multipli li jistgħu jiġu ssostitwiti hekk illi l-prodott ikun jista’ jiġi żarmat jew armat mill-ġdid. Minbarra dan, fl-assenza ta’ definizzjoni tat-terminu “parti” fl-imsemmi regolament, dan għandu jinftiehem skont is-sens komuni tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Massachusetts Institute of Technology, C‑431/04, EU:C:2006:291, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, b’“parti[jiet] komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]”, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi għall-komponenti multipli, maħsuba sabiex jiġu mmuntati f’oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn kumpless, li jistgħu jiġu ssostitwiti hekk illi tali oġġett ikun jista’ jiġi żarmat jew armat mill-ġdid, fl-assenza ta’ liema l-prodott kumpless ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ użu normali.

66      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li rimm ta’ karozza għandu jiġi kklassifikat bħala “parti ta’ prodott kumpless” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li tali rimm huwa komponent tal-prodott kumpless li jikkostitwixxi karozza, fl-assenza ta’ liema dan il-prodott ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ użu normali.

67      Fit-tielet lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeżiġi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, li l-parti tal-prodott kumpless tiġi “użat[a] fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless”.

68      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jirriżulta li l-“użu” tal-parti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-manifattura, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih, jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għall-istess finijiet. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, dan il-kunċett jinftiehem b’mod wiesa’, u jinkludi kull użu ta’ parti għal finijiet ta’ tiswija.

69      It-tieni nett, l-użu tal-parti għandu jkollu bħala għan it-“tiswija” tal-prodott kumpless. F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punti 89 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rekwiżit li l-użu tal-parti għandu jippermetti t-“tiswija” tal-prodott kumpless jimplika li l-parti tkun neċessarja għal użu normali tal-prodott kumpless jew, fi kliem ieħor, li l-istat difettuż jew l-assenza tal-parti għandhom mnejn jipprekludu tali użu normali. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi invokata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tirrikjedi li l-użu tal-parti jkun neċessarju għat-tiswija tal-prodott kumpless li jkun sar difettuż, b’mod partikolari wara l-assenza tal-parti oriġinali jew minħabba dannu kkawżat fiha.

70      Għalhekk huwa eskluż mill-klawżola msejħa “ta’ tiswija” kull użu ta’ parti għal raġunijiet ta’ preferenza jew ta’ sempliċi konvenjenza, bħal, b’mod partikolari, is-sostituzzjoni ta’ parti għal raġunijiet estetiċi jew ta’ individwalizzazzjoni tal-prodott kumpless.

71      Fir-raba’ lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeżiġi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, li t-tiswija tal-prodott kumpless issir “hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

72      Fid-dawl tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitqies li d-dehra ta’ prodott jew ta’ parti ta’ prodott tingħatalu, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi tal-linji, tal-konfigurazzjoni, tal-kuluri, tal-forma, tan-nisġa u/jew tal-materjali tal-prodott innifsu u/jew tal-ornamenti tiegħu.

73      F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 103 u 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-partijiet imsemmija fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jipparteċipaw fid-dehra tal-prodott kumpless. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, huma koperti minn din id-dispożizzjoni biss dawk il-partijiet li jibbenefikaw minn protezzjoni għal disinn Komunitarju u li, għaldaqstant, b’mod konformi mal-Artikolu 4(2)(a) ta’ dan ir-regolament, jibqgħu viżibbli matul użu normali tal-prodott kumpless, ladarba inkorporati f’dan. Issa, parti viżibbli neċessarjament tipparteċipa fid-dehra tal-prodott kumpless.

74      Huwa wkoll meħtieġ li t-tiswija ssir bl-għan li l-prodott kumpless jingħata lura d-dehra “oriġinali” tiegħu. Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, il-parti għandha tintuża bl-għan li l-prodott kumpless jingħata lura d-dehra li kellu meta huwa tqiegħed fis-suq.

75      Għandu jiġi konkluż li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tapplika biss għall-partijiet ta’ prodott kumpless li huma identiċi fuq il-livell viżiv għall-partijiet oriġinali.

76      Tali interpretazzjoni hija, mill-bqija, konformi għall-Artikolu 26(2) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il-kummerċ, li jipprevedi li kull eċċezzjoni għall-protezzjoni tad-disinni industrijali għandha tkun limitata u ma għandhiex tippreġudika b’mod mhux ġustifikat l-isfruttament normali ta’ tali disinni u lanqas ma għandha tikkawża preġudizzju mhux ġustifikat lill-interessi leġittimi tal-proprjetarju, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi leġittimi ta’ terzi. Dan huwa, fil-fatt, il-każ hawnhekk, għaliex l-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” hija limitata għall-użu ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless użata bl-għan waħdieni li tippermetti t-tiswija effettiva ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu.

77      Għaldaqstant huwa eskluż kull użu ta’ parti li ma għandux bħala għan li jagħti lura lill-prodott kumpless id-dehra li kellu meta tqiegħed fis-suq. Dan huwa partikolarment il-każ jekk il-parti ta’ bdil ma tikkorrispondix, mil-lat tal-kulur tagħha jew tad-dimensjonijiet tagħha, għall-parti oriġinali, jew jekk id-dehra tal-prodott kumpless ġiet mibdula wara t-tqegħid fis-suq tiegħu.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑397/16 u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑435/16 għandha tkun li l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li huwa jinkludi tissuġġetta l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, għall-kundizzjoni li l-parti ta’ sostituzzjoni jkollha dehra identika, fuq il-livell viżiv, għal dik tal-parti oriġinarjament inkorporata fil-prodott kumpless meta tqiegħed fis-suq.

 Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C397/16 u fuq it-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C435/16

79      Bit-tielet domanda fil-Kawża C‑397/16 u bit-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C-435/16, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fit-tielet lok, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li din id-dispożizzjoni tinkludi, il-fabbrikant jew il-bejjiegħ ta’ parti ta’ prodott kumpless għandhom jiżguraw u, f’dan il-każ, b’liema mod, li din il-parti tkun tista’ tiġi akkwistata biss għal finijiet ta’ tiswija.

80      Audi tqis, f’dan ir-rigward, li l-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” ma tistax tiġi kkonċiljata mal-bejgħ dirett ta’ partijiet replika lill-konsumaturi finali, b’tali mod li l-fabbrikanti ta’ partijiet replika għandhom jillimitaw ruħhom li jiddistribwixxu l-prodotti tagħhom lil garaxxijiet ta’ tiswija. Porsche ssostni li l-fabbrikant ta’ partijiet replika għandu jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra, bħall-individwalizzazzjoni tal-prodott kumpless. Il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni jqisu, essenzjalment, li l-fabbrikant ta’ partijiet replika għandu jadotta miżuri ta’ kontroll ġenerali intiżi sabiex jiġi ggarantit l-użu legali ta’ dawn. Acacia tissuġġerixxi, min-naħa tagħha, li informazzjoni minn qabel u bil-miktub lill-klijentela rigward il-fatt li l-parti hija intiża sabiex tippermetti t-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu jikkostitwixxi miżura kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ekwilibriju ġust tal-interessi involuti.

81      Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tiegħu, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeskludi protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu. L-“użu” inkwistjoni jirreferi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, kif tfakkar fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, għall-manifattura, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih, jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għall-istess finijiet.

82      Għalhekk, għandu jiġi stabbilit jekk, meta jkun hemm tali użu, bħalma huwa l-każ fil-kawżi prinċipali, fil-manifattura u l-bejgħ ta’ tali prodott, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jimponix fuq il-fabbrikant u fuq il-bejjiegħ ta’ dan il-prodott li beħsiebhom jipproduċuh u jbigħuh sabiex jippermettu l-użu effettiv tiegħu fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li tipprevedi l-imsemmija dispożizzjoni, ċerti obbligi rigward l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet mill-utenti downstream.

83      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-eċċezzjoni stabbilita permezz tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” mill-prinċipju tal-protezzjoni tad-disinni teżiġi li l-utent finali tal-parti kkonċernata jużaha b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jiġifieri li permezz ta’ din il-parti huwa jipproċedi għat-tiswija tal-prodott kumpless ikkonċernat sabiex jagħtih lura d-dehra oriġinali tiegħu.

84      Bl-istess mod, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi, għall-finijiet speċifiċi mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, deroga mis-sistema ta’ protezzjoni tad-disinni, u li n-neċessità li tinżamm l-effettività ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni teżiġi min-naħa ta’ dawk li jinvokaw tali deroga li huma jikkontribwixxu, b’kull mod possibbli, sabiex jiżguraw l-osservanza stretta, b’mod partikolari mill-utent finali, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

85      F’dan il-kuntest, minkejja li l-fabbrikant jew il-bejjiegħ ta’ parti ta’ prodott kumpless ma jistgħux ċertament jiġu mistennija li jiggarantixxu, oġġettivament u fiċ-ċirkustanzi kollha, li l-partijiet li huma jimmanifatturaw jew ibigħu għall-finijiet ta’ użu konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002, jiġu finalment effettivament użati mill-utenti finali f’osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet, jibqa’ l-fatt li, sabiex jibbenefikaw mis-sistema ta’ deroga stabbilita b’dan il-mod minn din id-dispożizzjoni, tali fabbrikant jew tali bejjiegħ huma, kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punti 131, 132 u 135 tal-konklużjonijiet tiegħu, suġġetti għal obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza, mill-utenti downstream, ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

86      B’mod partikolari, huma għandhom, qabel kollox, jinformaw lill-utent downstream, permezz ta’ indikazzjoni ċara u viżibbli, fuq il-prodott, l-imballaġġ tiegħu, fuq il-katalogi jew inkella fuq id-dokumenti ta’ bejgħ, minn naħa, bil-fatt li l-parti kkonċernata tinkorpora disinn li huma ma humiex il-proprjetarji tiegħu u, min-naħa l-oħra, bil-fatt li din il-parti hija intiża esklużivament sabiex tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu.

87      Imbagħad, huma għandhom jiżguraw, permezz ta’ mezzi xierqa, b’mod partikolari kuntrattwali, li l-utenti downstream ma jkollhomx l-intenzjoni li jużaw l-partijiet inkwistjoni b’mod li jkun inkompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002.

88      Fl-aħħar nett, l-imsemmi fabbrikant jew l-imsemmi bejjiegħ għandhom jastjenu ruħhom milli jbigħu tali parti meta jkunu jafu jew, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, għandhom motivi raġonevoli sabiex ikunu jafu li din il-parti ma hijiex ser tintuża fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002.

89      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑397/16 u għat-tielet u r-raba’ domanda fil-Kawża C‑435/16 għandha tkun li l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li din id-dispożizzjoni tinkludi, il-fabbrikant jew il-bejjiegħ ta’ parti ta’ prodott kumpless huma suġġetti għal obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza, mill-utenti downstream, tal-kundizzjonijiet imposti permezz tal-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

90      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li huwa jinkludi ma tissuġġettax l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, għall-kundizzjoni li d-disinn protett ikun jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless.

2)      L-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li huwa jinkludi tissuġġetta l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, għall-kundizzjoni li l-parti ta’ sostituzzjoni jkollha dehra identika, fuq il-livell viżiv, għal dik tal-parti oriġinarjament inkorporata fil-prodott kumpless meta tqiegħed fis-suq.

3)      L-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li din id-dispożizzjoni tinkludi, il-fabbrikant jew il-bejjiegħ ta’ parti ta’ prodott kumpless huma suġġetti għal obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza, mill-utenti downstream, tal-kundizzjonijiet imposti permezz tal-imsemmija dispożizzjoni.

Firem


*      Lingwi tal-kawża: il-Ġermaniż u t-Taljan.