Language of document : ECLI:EU:C:2017:992

Kawżi Magħquda C397/16 u C435/16

Acacia Srl
vs
Pneusgarda Srl
u
Audi AG

u

Acacia Srl
u
Rolando D’Amato
vs
Dr. Ing. h.c.F. Porsche AG

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Corte d’appello di Milano u mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni Komunitarji – Artikolu 110(1) – Assenza ta’ protezzjoni – Klawżola msejħa ‘ta’ tiswija’ – Kunċett ta’ ‘parti ta’ prodott kumpless’ – Tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu – Miżuri li għandhom jiġu adottati mill-utent sabiex ikun jista’ jinvoka l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” – Rimm ta’ karozza replika identika għall-mudell ta’ rimm oriġinali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Obbligu ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet fuq punti ta’ liġi mqajma fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali – Assenza

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252, TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Disinni Komunitarji – Dispożizzjonijiet finali – Assenza ta’ protezzjoni għal disinn fir-rigward ta’ parti ta’ prodott kumpless użata bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu – Applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 3(a), 19(1), u 110(1))

3.        Disinni Komunitarji – Dispożizzjonijiet finali – Assenza ta’ protezzjoni għal disinn fir-rigward ta’ parti ta’ prodott kumpless użata bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu – Applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” – Miżuri li għandhom jiġu adottati mill-fabbrikant jew mill-bejjiegħ ta’ parti ta’ prodott kumpless sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-imsemmija klawżola – Obbligu ta’ diliġenza rigward l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ użu mill-utenti downstream

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 110(1))

4.        Disinni Komunitarji – Dispożizzjonijiet finali – Assenza ta’ protezzjoni għal disinn fir-rigward ta’ parti ta’ prodott kumpless użata bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu – Applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” – Kundizzjonijiet – Id-disinn protett jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 19(1), u 110(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 26, 27)

2.      Skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, protezzjoni għal disinn Komunitarju ma teżistix “għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless] użat fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija” hija suġġetta għal diversi kundizzjonijiet marbuta, qabel kollox, mal-eżistenza ta’ disinn Komunitarju, imbagħad, mal-preżenza ta’ “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]” u, fl-aħħar nett, man-neċessità ta’ “uż[u] fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeskludi, jekk il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, kull protezzjoni fir-rigward ta’ “disinn Komunitarju”. Għaldaqstant, kif l-Avukat Ġenerali osserva, essenzjalment, fil-punti 90 u 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi Artikolu 110(1) jista’ jiġi applikat biss għall-partijiet li jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni għal disinn Komunitarju u li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ protezzjoni stabbiliti fl-imsemmi regolament, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 ta’ dan.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 japplika biss għall-“parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, b’“parti[jiet] komponenti ta’ prodott ikkumplikat [kumpless]”, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirreferi għall-komponenti multipli, maħsuba sabiex jiġu mmuntati f’oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn kumpless, li jistgħu jiġu ssostitwiti hekk illi tali oġġett ikun jista’ jiġi żarmat jew armat mill-ġdid, fl-assenza ta’ liema l-prodott kumpless ma jkunx jista’ jkun is-suġġett ta’ użu normali.

Fit-tielet lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeżiġi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, li l-parti tal-prodott kumpless tiġi “użat[a] fit-tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless”. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, jirriżulta li l-“użu” tal-parti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ikopri l-manifattura, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih, jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għall-istess finijiet. Kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, dan il-kunċett jinftiehem b’mod wiesa’, u jinkludi kull użu ta’ parti għal finijiet ta’ tiswija. It-tieni nett, l-użu tal-parti għandu jkollu bħala għan it-“tiswija” tal-prodott kumpless. Għalhekk, il-possibbiltà li tiġi invokata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tirrikjedi li l-użu tal-parti jkun neċessarju għat-tiswija tal-prodott kumpless li jkun sar difettuż, b’mod partikolari wara l-assenza tal-parti oriġinali jew minħabba dannu kkawżat fiha. Għalhekk huwa eskluż mill-klawżola msejħa “ta’ tiswija” kull użu ta’ parti għal raġunijiet ta’ preferenza jew ta’ sempliċi konvenjenza, bħal, b’mod partikolari, is-sostituzzjoni ta’ parti għal raġunijiet estetiċi jew ta’ individwalizzazzjoni tal-prodott kumpless.

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jeżiġi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, li t-tiswija tal-prodott kumpless issir “hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”. Fid-dawl tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, għandu jitqies li d-dehra ta’ prodott jew ta’ parti ta’ prodott tingħatalu, b’mod partikolari, mill-karatteristiċi tal-linji, tal-konfigurazzjoni, tal-kuluri, tal-forma, tan-nisġa u/jew tal-materjali tal-prodott innifsu u/jew tal-ornamenti tiegħu.

Huwa wkoll meħtieġ li t-tiswija ssir bl-għan li l-prodott kumpless jingħata lura d-dehra “oriġinali” tiegħu. Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija”, il-parti għandha tintuża bl-għan li l-prodott kumpless jingħata lura d-dehra li kellu meta huwa tqiegħed fis-suq. Għandu jiġi konkluż li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” tapplika biss għall-partijiet ta’ prodott kumpless li huma identiċi fuq il-livell viżiv għall-partijiet oriġinali. Għaldaqstant huwa eskluż kull użu ta’ parti li ma għandux bħala għan li jagħti lura lill-prodott kumpless id-dehra li kellu meta tqiegħed fis-suq. Dan huwa partikolarment il-każ jekk il-parti ta’ bdil ma tikkorrispondix, mil-lat tal-kulur tagħha jew tad-dimensjonijiet tagħha, għall-parti oriġinali, jew jekk id-dehra tal-prodott kumpless ġiet mibdula wara t-tqegħid fis-suq tiegħu.

(ara l-punti 58-60, 63, 65, 67-72, 74, 75, 77)

3.      L-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li din id-dispożizzjoni tinkludi, il-fabbrikant jew il-bejjiegħ ta’ parti ta’ prodott kumpless huma suġġetti għal obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza, mill-utenti downstream, tal-kundizzjonijiet imposti permezz tal-imsemmija dispożizzjoni. B’mod partikolari, huma għandhom, qabel kollox, jinformaw lill-utent downstream, permezz ta’ indikazzjoni ċara u viżibbli, fuq il-prodott, l-imballaġġ tiegħu, fuq il-katalogi jew inkella fuq id-dokumenti ta’ bejgħ, minn naħa, bil-fatt li l-parti kkonċernata tinkorpora disinn li huma ma humiex il-proprjetarji tiegħu u, min-naħa l-oħra, bil-fatt li din il-parti hija intiża esklużivament sabiex tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu. Imbagħad, huma għandhom jiżguraw, permezz ta’ mezzi xierqa, b’mod partikolari kuntrattwali, li l-utenti downstream ma jkollhomx l-intenzjoni li jużaw l-partijiet inkwistjoni b’mod li jkun inkompatibbli mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002. Fl-aħħar nett, l-imsemmi fabbrikant jew l-imsemmi bejjiegħ għandhom jastjenu ruħhom milli jbigħu tali parti meta jkunu jafu jew, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, għandhom motivi raġonevoli sabiex ikunu jafu li din il-parti ma hijiex ser tintuża fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru°6/2002.

(ara l-punti 86-88, dispożittiv 3)

4.      L-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola msejħa “ta’ tiswija” li huwa jinkludi ma tissuġġettax l-esklużjoni tal-protezzjoni għal disinn Komunitarju fir-rigward ta’ disinn li jikkostitwixxi parti ta’ prodott kumpless li tintuża bl-għan li tippermetti t-tiswija ta’ dan il-prodott kumpless sabiex jingħata lura d-dehra oriġinali tiegħu, għall-kundizzjoni li d-disinn protett ikun jiddependi fuq id-dehra tal-prodott kumpless.

(ara dispożittiv 1)