Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fit-28 ta’ April 2021 – X vs Udlændingenævnet

(Kawża C-279/21)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: X

Konvenut: Udlændingenævnet

Domandi preliminari

Il-klawżola “standstill” fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 1 tipprekludi l-introduzzjoni u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li, bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi, teżiġi – sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi f’każ speċifiku – li l-konjuġi/konkubin jgħaddi minn test tal-lingwa fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, li bħala ħaddiem Tork fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, huwa kopert mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mid-Deċiżjoni Nru 1/80, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti f’dan l-Istat Membru taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx teżiġi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt?

Il-projbizzjoni speċifika ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tkopri dispożizzjoni nazzjonali li, bħala kundizzjoni għar-riunifikazzjoni tal-konjuġi, teżiġi – sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi f’każ speċifiku – li l-konjuġi/konkubin jgħaddi minn test tal-lingwa fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ospitanti, li bħala ħaddiem Tork fl-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea kkonċernat, huwa kopert mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u mid-Deċiżjoni Nru 1/80, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx teżiġi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, il-projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-ħaddiem Tork akkwista d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru kkonċernat taħt il-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement, li ma kinitx tirrikjedi li l-fatt li wieħed jgħaddi minn test tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti ikun prekundizzjoni għall-akkwist ta’ dak id-dritt, filwaqt li tali rekwiżit ma japplikax għal ċittadini tal-Istat Membru Nordiku inkwistjoni (f’dan il-każ, id-Danimarka) u ta’ pajjiżi Nordiċi oħra, jew għal persuni oħra li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni (u għalhekk ma japplikax għal ċittadini tal-Unjoni jew taż-ŻEE)?

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv, il-projbizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tista’ tiġi invokata direttament quddiem il-qrati nazzjonali?

____________

1 Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-Iżvilupp tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija.