Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2013 minn Z mis-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Diċembru 2012 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawżi magħquda F-88/09 u F-48/10, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-88/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Z (Lussemburgu, il-Lussemburgu (rappreżentant: F. Rollinger, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara l-appell ammissibbli,

tiddikjarah fondat,

għaldaqstant jannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla) tal-5 ta’ Diċembru 2012 mogħtija fil-Kawżi magħquda F-88/09 u F-48/10, [Z] vs Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

tiddeċiedi l-kawża skont ir-rikorsi promoturi tal-Kawżi F-88/09 u F-48/10,

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi,

tirriżerva lill-appellant id-drittijiet, dak dovut, il-mezzi u l-azzjonijiet l-oħra kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka ħdax-il aggravju.

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ imparzjalità tat-Tielet Awla tat-TSP.

2.    It-tieni aggravju, ibbażat fuq assenza ta’ rimedju effettiv, peress li t-TSP llimita l-intervent tiegħu kontra l-istituzzjonijiet.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq l-inkompetenza tal-Imħallef Rofes i Pujol li tiddeċiedi dwar it-talba għal rikuża tal-Imħallef Van Raepenbusch.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq minħabba n-nuqqas ta’ possibbilità li jiġi ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tat-TSP li tiċħad it-talba għal rikuża ta’ Imħallef.

Il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-prova u tal-obbligu li tistabbilixxi l-verità materjali tal-motivazzjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid u tad-deċiżjoni ta’ sanzjoni dixxiplinarja.

Is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi peress li t-TSP kien ikkunsidra li d-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid kienet ittieħdet fl-interess uniku tas-servizz fis-sens tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi peress li t-TSP kien ikkunsidra li hemm ekwivalenza ta’ impjiegi fis-sens tal-Artikolu 7 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

It-tmien aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ.

Id-disa’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt peress li t-TSP kien iddikjara inammissibbli t-talba għal kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-pubblikazzjoni ġo l-istituzzjoni tad-deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, anki jekk l-appellant ma kienx obbligat li jibda proċedura amministrattiva prekontenzjuża sabiex jinforza t-talba tiegħu għal kumpens.

L-għaxar aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi peress li t-TSP kien ikkunsidra li l-kumitat responsabbli mill-ilmenti kien kompetenti sabiex jagħti deċiżjoni dwar it-talba tal-appellant.

Il-ħdax-il aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi peress li t-TSP ma ddeċidiex li l-appellata kisret l-Artikoli 1 sa 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll li d-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ kontradittorju fil-proċedura dixxiplinarja.