Language of document : ECLI:EU:T:2014:815

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

25 ta’ Settembru 2014

Kawża T‑86/13 P

Diana Grazyte

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Perijodu deċennali ta’ referenza – Funzjonijiet f’organizzazzjoni internazzjonali”

Suġġett :      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni (F‑76/11, ĠabraSP, EU:F:2012:173), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni :      L-appell huwa miċħud. Diana Grazyte għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Xogħol li sar għal Stat ieħor jew għal organizzazzjoni internazzjonali – Kunċett – Servizzi mwettqa fi ħdan il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) – Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1))

2.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Residenza abitwali barra mill-Istat Membru ta’ assenjazzjoni tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza – Kalkolu tal-perijodu – Newtralizzazzjoni tal-perijodi ta’ servizz effettwati għal Stat jew għal organizzazzjoni internazzjonali – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1))

3.      Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowance tal-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti – Bażi ta’ elementi oġġettivi – Teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-persuna tħalli l-pajjiż li tiegħu għandha jew kellha in-nazzjonalità – Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1))

1.      Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF) u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), bħala organi stabbiliti mill-Unjoni, għandhom jiġu kkwalifikati bħala organizzazzjonijiet internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, peress li l-attivitajiet eżerċitati mill-Kummissjoni huma kkunsidrati bħala servizzi mwettqa minn organizzazzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, soluzzjoni differenti f’dak li jirrigwarda l-organi tal-Unjoni bl-ebda mod ma’ tista’ tkun iġġustifikata.

(ara l-punti 33 sa 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-10 ta’ Ottubru 1989, Atala-Palmerini vs Il‑Kummissjoni, 201/88, Ġabra EU:C:1989:365, punt 6

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tat-30 ta’ Marzu 1993, Vardakas vs Il‑Kummissjoni, T‑4/92, Ġabra EU:T:1993:29, punt 47, u tat-3 ta’ Mejju 2001, Liaskou vs Il‑Kunsill, T‑60/00, ĠabraSP EU:T:2001:129, punti 49 u 50

2.      Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni taħt l-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjal għandu juru li għex, b’mod abitwali, barra mit-territorju Ewropew tal-Istat ta’ assenjazzjoni, li tiegħu huwa għandu jew kellu n-nazzjonalità, għal raġuni oħra għajr dik li jeżerċita l-funzjonijiet f’servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali. Fil-każ li l-uffiċjal effettivament għex b’mod abitwali barra mit-territorju tal-Istat ta’ assenjazzjoni, iżda waqt li kien fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, minn dan jista’ jiġi kkunsidrat li dan uffiċjali kien interrompa ir-rabtiet dejjiema mal-pajjiż ta’ assenjazzjoni li tiegħu huwa għandu jew kellu n-nazzjonalità. Għalhekk, huwa s-sempliċi fatt li matul il-perijodu deċennali ta’ referenza kien fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li ttemm il-preżunzjoni li tgħid li r-rabtiet dejjiema mal-pajjiż ta’ assenjazzjoni tal-persuna kkonċernata li tiegħu huwa għandu jew kellu n-nazzjonalità għandhom jiġu kkunsidrati interrotti.

Għalhekk, meta jiġi kkalkolat il-perijodu deċennali ta’ referenza, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, billi jiġu nnewtralizzati, il-perijodi pendenti li matulhom il-persuna kkonċernata eżerċitat funzjonijiet fis-servizz ta’ Stat jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, li jagħti lok għal estensjoni simili tal-perijodu ta’ referenza. Fil-fatt, approċċ li minnu ma tiġi dedotta l-ebda konklużjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni ta’ dan il-perijodu, mill-fatt li xogħol f’isem Stat jew organizzazzjoni internazzjonali tkun saret tikser kemm l-ifformular kif ukoll l-għan tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal peress li din fil-prattika tipproċedi għall-assimilazzjoni ta’ dan ix-xogħol għax-xogħol effettwat għal kull persuna oħra li timpjega.

(ara l-punti 50, 51 u 54)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tal-24 ta’ Jannar 2008, Adam vs Il‑Kummissjoni, C‑211/06 P, ĠabraSP EU:C:2008:34, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali: sentenza tas-27 ta’ Settembru 2000, Lemaître vs Il‑Kummissjoni, T‑317/99, ĠabraSP EU:T:2000:218, punt 59

3.      Fl-ifformular tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma hemm xejn li jindika li r-raġunijiet li ddeterminaw iċ-ċaqliq jew id-deċiżjoni li jibqgħu fil-pajjiż il-ġdid għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-għoti tal-allowance tal-espatrijazzjoni. Fil-fatt, eżami tal-merti tad-diversi raġunijiet li wasslu lill-persuna kkonċernata biex tħalli l-pajjiż li tiegħu hija għandha jew kellha n-nazzjonalità kellha neċessarjament tkunu bbażata fuq evalwazzjonijiet ta’ natura suġġettiva li huwa inkompatibbli kemm mal-ifformular kif ukoll mal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

Barra minn hekk, lanqas ma jista’ jiġi bl-ebda mod dedott mill-Artikolu 4 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal li l-awturi tiegħu kellhom l-intenzjoni li jagħtu importanza speċjali lill-mument tat-trasferiment tar-residenza barra mill-Istat li tiegħu l-persuna kkonċernata għandha jew kellha n-nazzjonalità jew lir-raġunijiet li ddeterminaw tali trasferiment.

(ara l-punti 56, 58 u 78)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: sentenzi tat-8 ta’ April 1992, Costacurta Gelabert vs Il‑Kummissjoni, T‑18/91, Ġabra EU:T:1992:56, punt 42 u tat-13 ta’ April 2000, Reichert vs Il‑Parlament, T‑18/98, ĠabraSP EU:T:2000:113, punt 25