Language of document : ECLI:EU:T:2015:711

Kawża T‑89/13

Calestep, SL

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“REACH – Ħlasijiet dovuti għar-reġistrazzjoni ta’ sustanza – Tnaqqis mogħti lill-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju – Żball fid-dikjarazzjoni dwar id-daqs tal-impriża – Deċiżjoni li timponi spiża amministrattiva – Rakkomandazzjoni Nru 2003/361/KE – Rikors manifestament infondat fid-dritt”

Sommarju – Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Settembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Eżami ex officio

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Rikors dirett kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tirrifjuta lil applikant għar-reġistrazzjoni it-tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar – Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 6(4), 91(1), u 94(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 340/2008, Artikolu 13(4))

3.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju – Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet – Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 19 u 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 51(1))

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Ħlasijiet u spejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) – Tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar – Kunċett ta’ impriża żgħira – Impriża li timpjega iktar minn 50 persuna – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikolu 6(4); Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361, Anness, Artikolu 2(2))

1.      Peress li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, hija tista’ tiġi eżaminata ex officio minnha.

(ara l-punt 16)

2.      Il-qorti tal-Unjoni għandha l-ġurisdizzjoni li tisma’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) meħuda taħt l-Artikolu 13(4) tar-Regolament Nru 340/2008, dwar il-ħlasijiet u l-ispejjeż dovuti lill-ECHA skont ir-Regolament Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li tikkonstata li applikant għar-reġistrazzjoni ta’ sustanzi taħt ir-Regolament Nru 1907/2006 ma jissodisfax ir-rekwiżiti sabiex jibbenefika mit-tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar, previst fl-Artikolu 6(4), ta’ dan ir-Regolament u li jimponilu spejjeż amministrattivi.

Fil-fatt, l-Artikolu 94(1) tar-Regolament Nru 1907/2006 jipprovdi li tista’ tinġieb azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 263 TFUE, li tikkontesta deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkunx hemm dritt ta’ appell mill-imsemmi bord, minn deċiżjoni tal-ECHA. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 91(1), tal-imsemmi regolament jipprevedi l-kontestazzjoni quddiem il-Bord tal-Appell biss tad-deċiżjonijiet meħuda mill-ECHA skont l-Artikoli 9 u 20, l-Artikolu 27(6), l-Artikolu 30(2) u (3), u l-Artikolu 51 tar-Regolament 1907/2006. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw deċiżjonijiet li ma għandhom ebda konnessjoni mal-ħlas previsti għall-impriżi żgħar, previsti fl-Artikolu 6(4) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 17-20, 22)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 28, 29)

4.      L-Artikolu 2(2) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni Nru 2003/361, dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, jipprevedi li impriża żgħira hija ddefinita bħala impriża li tħaddem inqas minn 50 persuna u li d-dħul mill-bejgħ annwali tagħha u/jew it-total tal-bilanċ annwali tagħha ma jeċċedix EUR 10 miljun. Jirriżulta minn qari letterali ta’ din id-dispożizzjoni li l-kriterji dwar l-għadd tal-persunal tal-impriża minn naħa, u dwar il-limiti finanzjarji min-naħa l-oħra, huma kriterji kumulattivi fil-kuntest tal-Artikolu 2(2), tal-imsemmi anness Dan huwa ċar mill-użu tal-konġunzjoni “u” li jimmarka n-natura kumulattiva tal-kriterji, kuntrarjament għall-użu tal-konġunzjoni “jew” li jindika alternattiva.

Barra minn hekk, il-kriterju tal-għadd tal-persunal huwa kriterju determinanti biex jiġi deċiż jekk impriża hijiex mikro, żgħira jew ta’ daqs medju skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361. Barra minn hekk, għalkemm l-Istati Membri, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment huma ħielsa skont l-Artikolu 2 tar-Rakkomandazzjoni 2003/361, li jistabbilixxu limiti iktar baxxi jew saħansitra li ma jżommux il-kriterju finanzjarju għall-implementazzjoni ta’ ċerti politiki tagħhom, il-kriterju tal-għadd tal-persunal għandu dejjem jinżamm. Għalhekk, għal dak li jirrigwarda impriża li tkun qed titlob lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) it-tnaqqis fil-ħlasijiet previst għall-impriżi żgħar skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), interpretazzjoni li tikkunsidra, essenzjalment, li impriża li timpjega iktar minn 50 ruħ tista’ tikklassifika bħala impriża żgħira skont ir-Rakkomandazzjoni 2003/361 hija manifestament żbaljata.

(ara l-punti 39-41, 43)