Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance du Luxembourg (il-Belġju) fis-16 ta’ Ġunju 2023 – UN vs État belge

(Kawża C-380/23, Monmorieux 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal de première instance du Luxembourg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: UN

Konvenut: État belge, irrappreżentat mill-Ministre des Finances

Domandi preliminari

L-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni bejn Franza u l-Belġju għall-Evitar ta’ Taxxa Doppja u l-Istabbiliment ta’ Regoli għal Assistenza Amministrattiva u Legali Reċiproka fi Kwistjonijiet ta’ Taxxi fuq id-Dħul, iffirmata fi Brussell fl-10 ta’ Marzu 1964, irratifikata bil-liġi tal-14 ta’ April 1965, interpretat fis-sens li ċittadin Belġjan li jsostni li għandu r-residenza fiskali tiegħu fi Franza, li madankollu din hija kkontestata mill-awtoritajiet fiskali Belġjani, li talbu, bħala prekawzjoni, l-użu tal-proċedura ta’ ftehim reċiproku sabiex tirkupra t-taxxa mħallsa fi Franza, li l-amministrazzjoni fiskali Belġjana u l-amministrazzjoni fiskali Franċiża jissuġġettaw id-dritt għall-ħlas lura ta’ din it-taxxa għall-irtirar inkondizzjonat tiegħu tal-proċeduri ġudizzjarji li jkun ressaq quddiem il-qrati awtoritajiet ġudizzjarji Belġjani sabiex jikkontesta, b’mod prinċipali, it-taxxa awtomatika li għaliha kien suġġett fil-Belġju, jikser l-Artikoli 19 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kkunsidrati flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens li huwa jitlef b’mod definittiv id-dritt għall-ħlas lura tat-taxxa Franċiża li kieku kellu jżomm il-kontestazzjoni prinċipali tiegħu dwar l-issuġġettar għat-taxxa tiegħu fil-Belġju quddiem il-qorti Belġjana?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, ir-risposta tibqa’ l-istess jekk, sabiex tkun tista’ tirkupra t-taxxa mħallsa fi Franza, il-persuna kkonċernata, billi tirtira l-azzjoni ġudizzjarja tagħha li għandha t-tendenza li tikkontesta t-taxxa fil-Belġju, titlef ukoll id-dritt li tibbenefika minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv fuq il-pieni amministrattivi ta’ natura ripressiva, ikklassifikati bħala kriminali fis-sens tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jżidu t-taxxa, u b’hekk titlef id-dritt għall-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-piena u li titlob minħabba f’hekk li tibbenefika mis-sospensjoni, modalitajiet tal-individwalizzazzjoni tal-piena li madanakollu ġew irrikonoxxuti kemm mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni)?

3)     Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi, ir-risposta tibqa’ l-istess meta jkun hemm duttrina amministrattiva li bis-saħħa tagħha l-persuna kkonċernata tiġi miċħuda aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ ftehim reċiproku bejn iż-żewġ Stati Kontraenti, liema rifjut huwa ripetutament meqjus li jmur kontra l-Artikolu 32 tal-Kostituzzjoni u l-Artikoli 4 u 6 tal-loi du 11 avril 1994 relative à la publicité de l’administration par la Commission d’accès aux documents administratifs et par le Conseil d’État (il-Liġi tal-11 ta’ April 1994 dwar il-pubbliċità tal-amministrazzjoni mill-Kummissjoni għall-Aċċess għal Dokumenti Amministrattivi u mill-Kunsill tal-Istat)?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.