Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta' Novembru 2008 minn Philippe Bui Van mis-sentenza mogħtija fil-11 ta' Settembru 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-51/07, Bui Van vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-491/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Philippe Bui Van (Hettange-Grande, Franza) (rappreżentant: P. Nelissen Grade, avukat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellanti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tal-11 ta' Settembru 2008, fil-Kawża F-51/07;

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-5 ta' Marzu 2007 li tiċħad l-ilment tal-appellant;

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-4 ta' Ottubru 2006 sa fejn ikklassifikat mill-ġdid lill-appellant fil-grad AST 3, skala 2, meta inizjalment kien ikklassifikat fil-grad AST 4, skala 2;

tikkonferma d-deċiżjoni tat-28 ta' Ġunju 2006 li ħatret lill-appellant fil-grad AST 4, skala 2;

tindika lill-Awtorità tal-Ħatra l-effeti li jimplika l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u, b'mod partikolari l-klassifika fil-grad AST 4, skala 2, kif ukoll ir-retroattività tal-ħatra għall-grad AST 4, skala 2, mid-data li beda l-funzjonijiet tiegħu;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellant jitlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) tal-11 ta' Settembru 2008, mogħtija fil-kawża Bui Van vs Il-Kummissjoni, F-51/07, li biha t-TSP ikkundanna lill-appellata tħallas is-somma ta' EUR 1 500 lill-appellant bħala danni u ċaħad il-kumplament tar-rikors li kien intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li kklassifikat mill-ġdid lill-appellant fil-grad AST 3 meta inizjalment kien ġie kklassifikat fil-grad AST 4.

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni tliet aggravji.

L-ewwel nett, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tikkunsidra, filwaqt li tirrikonoxxi li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tal-appellant, li l-fatt li l-appellant ma nstemax ma għandu ebda konsegwenza fuq ir-regolarità tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni.

It-tieni nett, inkonnessjoni mal-motiv li l-appellant ressaq fl-ewwel istanza u li huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-TSP ikkonferma, b'mod żbaljat, id-deċiżjoni amministrattiva, tal-4 ta' Ottubru 2006, li naqqset il-grad tal-appellant mill-grad AST 4 għall-grad AST 3 peress li kkunsidra, b'mod żbaljat, li l-aspettattivi leġittimi li invoka l-appellant fl-att tal-ħatra għall-grad AST ma kinux jeżitu, u dan peress li l-appellant kellu jkun jaf, minħabba nota f'qiegħ il-paġna li hemm fl-avviż tal-kompetizzjoni, li l-ħatra tiegħu għall-grad AST 4 kienet irregolari u peress li r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej il-ġodda, applikabbli wara l-avviż ta' kompetizzjoni, setgħu jintużaw kontra tiegħu. L-appellant isostni li l-imsemmija nota ta' qiegħ il-paġna ma tistax temenda d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fis-seħħ fil-mument tal-avviż ta' kompetizzjoni.

It-tielet nett, il-TSP injora, b'mod żbaljat, il-ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali minkejja li l-Awtorità tal-Ħatra, filwaqt li naqqset il-grad tal-appellant għall-grad AST 3, kienet laqgħet l-ilmenti imressqa minn tliet uffiċjali oħra li essenzjalment jinsabu fl-istess pożizzjoni bħall-appellant.

____________