Language of document : ECLI:EU:T:2010:374

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

9 ta’ Settembru 2010

Kawża T-17/08 P

Marta Andreasen

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Kontabbilistà tal-Kummissjoni — Proċeduri dixxiplinari — Revoka — Garanziji proċedurali — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Suġġett:      Appell kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il‑Kummissjoni (F‑40/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑337 u II‑A‑1‑1859), u intiża għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Marta Andreasen għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Appell — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Kwistjonijiet ta’ dritt — Stħarriġ tal-proporzjonalità ta’ sanzjoni dixxiplinari — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Anness IX, Artikolu 10)

2.      Dritt tal-Unjon — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stabbiliment mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Riferiment għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

(Artikolu 263 TFUE u 270 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

1.      Il-kwistjoni tal-proporzjonalità ta’ sanzjoni dixxiplinari hija kwistjoni ta’ dritt li, konsegwentement, hija suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-appell, fil-kuntest ta’ appell, sakemm dan l-istħarriġ jista’ jwettaq mingħajr ma jiġu kkontestati l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-ewwel qorti.

Fil-kuntest tal-appell, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu l-għan, minn naħa, li jeżamina sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħa inkunsiderazzjoni, b’mod ġuridikament korrett, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u, min-naħa l-oħra, li jivverifika jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku weġibx b’mod legalment suffijċenti għall-argumenti li saru mir-rikorrent intiżi għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjoni dixxiplinari imposta.

(ara l-punti 93 u 94)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Lulju 1998, N vs Il‑Kummissjoni, C‑252/97 P, Ġabra p. I‑4871, punti 58 sa 64; Il-Qorti tal-Ġustizzja 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punti 127 u 128; Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il‑Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punt 47; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Novembru 2009, Carbone‑Lorraine vs Il‑Kummissjoni, C‑554/08 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71

2.      Bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġudizzjarju kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-imsemmija konvenzjoni, liema prinċipju huwa wkoll affermat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni.

L-istħarriġ ġudizzjarju magħmul mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, skont l-Artikolu 263 TFUE jew skont l-Artikolu 270 TFUE jipprovdi li jsir rikors xieraq u effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u għalhekk jippermetti li jiġu indirizzati, fi kwalunkwe każ, in-nuqqasijiet u l-fallimenti fir-rigward ta’ proċeduri dixxiplinari qabel ma ssir kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

F’dan ir-rigward, ir-rikors għal annullament quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jippermetti li jiġu korretti kemm l-iżbalji fattwali kif ukoll dawk ta’ dritt u li tiġi mistħarrġa l-proporzjonalità bejn l-aġir ikkritikat u s-sanzjoni dixxiplinari kkontestata.

(ara l-punti 141, 142, 145 u 146)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, Ġabra p. I‑6351, punt 335; Il-Qorti tal-Ġustizzja 16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑385/07 P, Ġabra p. I‑6155, punti 178 u 179, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑351/01, Ġabra p. II‑2237, punt 184