Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta’ Awwissu 2013 – Stanleybet Malta u Stanley International Betting vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-416/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Stanleybet Malta Ltd (Valletta, Malta); u Stanley International Betting Ltd (Liverpool, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: R. Jacchia, I. Picciano, A. Terranova, F. Ferraro, G. Dellis, P. Kakouris, u I. Koimitzoglou, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni kkontestata li tinsab fl-ittra tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Ġunju 2013, li ma tittiħidx azzjoni fir-rigward tal-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra r-Repubblika Ellenika u l-Greek Organisation of Football Prognostics (OPAP) fil-Każ COMP/39.981; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni li tinvestiga l-ilment b’diliġenza, u fuq żball manifest ta’ fatt fl-evalwazzjoni tal-argumenti li jinsabu fl-ilment b’riferiment għall-Artikolu 102 TFUE, tal-abbuż jew tal-abbużi konkreti u awtonomi minn pożizzjoni dominanti mwettqa mill-OPAP u tad-definizzjoni tas-suq rilevanti.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

It-tielet motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ awtonomija tan-natura u tal-għanijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ liġi, fuq nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Griega rilevanti mad-dritt tal-Unjoni, qabel it-twettiq tal-evalwazzjoni ta’ ksur taħt l-Artikolu 102 TFUE, u fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u diliġenti mogħti mill-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet u tal-obbligu tal-Kummissjoni li tinvestiga l-ilment b’diliġenza b’riferiment għall-Artikolu 106 TFUE.