Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2017 – CPME et vs Il-Kunsill

(Kawża T-422/13) 1

[“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċertu tip ta’ polietilentereftalat (PET) li joriġina mill-Indja, it-Tajlandja u t-Tajwan – Reviżjoni minħabba l-iskadenza tal-miżuri – Proposta tal-Kummissjoni ta’ tiġdid tal-imsemmija miżuri – Deċiżjoni tal-Kunsill li tagħlaq il-proċedura ta’ reviżjoni mingħajr ma jidħlu fis-seħħ dawn il-miżuri – Rikors għal annullament – Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu sinjifikanti – Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1225/2009 – Interess tal-Unjoni – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Rikors għad-danni”]

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME) (Brussell, il-Belġju) u l-10 rikorrenti oħra li isimhom jinsabu annessi mas-sentenza (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, solicitor)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: S. Boelaert u J.-P. Hix, aġenti, assistiti minn B. O’Connor, solicitor, u S. Gubel, avukat)

Partijiet intervenjenti in sostenn tar-rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland, A. Demeneix u M. França, aġenti)

Partijiet intervenjenti in sostenn tal-partijiet konvenuti: European Federation of Bottled Waters (EFBW) (Brussell, il-Belġju), Caiba, SA (Paterna, Spanja), Coca Cola Enterprises Belgium (CCEB) (Anderlecht, il-Belġju), Danone (Pariġi, Franza), Nestlé Waters Management & Technology (Issy-les-Moulineaux, Franza), Pepsico International Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u Refresco Gerber BV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentantii: E. McGovern, barrister)

Suġġett

Minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE, tal-21 ta’ Mejju 2013, li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja (ĠU 2013, L 136, p. 12), sa fejn hija rrifjutat il-proposta li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja u temmet il-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni li r-rikorrenti allegatament ġarrbu.

Dispożittiv

Id-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/226/UE, tal-21 ta’ Mejju 2013, li jirrifjuta l-Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, u li jtemm il-proċediment tar-reviżjoni ta’ skadenza fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indoneżja u l-Malasja, minħabba li l-proposta timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu polietilentereftalat li joriġina mill-Indja, it-Tajwan u t-Tajlandja hija annullata, sa fejn hija ċaħdet il-proposta li jiġi stabbilit dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indja, mit-Tajwan u mit-Tajlandja u temmet il-proċedura ta’ reviżjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ polietilentereftalat (PET) minn dawn it-tliet pajjiżi.

It-talbiet għal kumpens huma miċħuda.

Il-Committee of Polyethylene Terephthalate (PET) Manufacturers in Europe (CPME), Cepsa Química, SA, Equipolymers Srl, Indorama Ventures Poland sp. z o.o., Lotte Chemical UK Ltd, M & G Polimeri Italia SpA, Novapet, SA, Ottana Polimeri Srl, UAB Indorama Polymers Europe, UAB Neo Group u UAB Orion Global pet għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 5) iktar ’il quddiem.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Il-European Federation of Bottled Waters (EFBW), Caiba, SA, Coca-Cola Enterprises Belgium (CCEB), Danone, Nestlé Waters Management & Technology, Pepsico International Ltd u Refresco Gerber BV għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti mir-rikorrenti fil-kuntest tal-intervent tagħhom.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1 ĠU C 325, 9.11.2013.