Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta' Lulju 2007 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-267/07)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Aiello u S. Fiorentino, Avvocati dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2007) 1901 tas-27.04.2007, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas ta' l-Istati membri għas-sena finanzjarja 2006, iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji (FAEGG), Taqsima tal-Garanziji, fil-parti li fiha titfa' fuq ir-Repubblika Taljana, sa 50 % skond l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, ir-reponsabbiltà finanzjarja tan-nuqqas ta' rkupru ta' dħul fil-każijiet ta' irregolaritajiet jew negliġenza kkunsidrati fil-preżenti rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-gvern Taljan ikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru C (2007) 1901 tas-27.04.2007, innotifikata fl-istess data, dwar l-approvazzjoni tal-kontijiet ta' l-aġenziji tal-ħlas ta' l-Istati membri għas-sena finanzjarja 2006, iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanziji (FAEGG), Taqsima tal-Garanziji, fil-parti li fiha titfa' fuq ir-Repubblika Taljana, sa 50 % skond l-Artikolu 32(5) tar-Regolament Nru 1290/2005, ir-reponsabbiltà finanzjarja tan-nuqqas ta' rkupru ta' dħul fil-każijiet ta' irregolaritajiet jew negliġenza.

In sostenn tal-kontestazzjoni l-gvern Taljan semma l-inklużjoni, fid-deċiżjoni, ta' każijiet li l-Kummissjoni kellha, b'diliġenza u fi żmien raġonevoli, espressament taqta' qabel, b'imputazzjoni integrali lill-FAEGG. Dan ukoll fid-dawl tal-fatt li, għal diversi minn dawn il-każijiet, kien hemm pożizzjoni favorevoli tad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

Il-gvern Taljan, għaldaqstant, ressaq dawn il-motivi fir-rikors:

a)    ksur u/jew applikazzjoni falza ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 595/91, kif ukoll ta' l-Artikolu 8 tar-regolament (KE) Nru 1663/95. Ksur ta' l-Artikolu 253 KE fil-forma tal-vizzju ta' motivazzjoni;

b)    ksur u/jew applikazzjoni falza ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolamenti (KEE) Nru 729/70 u (KE) Nru 1258/99. Ksur ta' l-Artikolu 253 KE fil-forma tal-vizzju ta' motivazzjoni;

c)     ksur u/jew applikazzjoni falza ta' l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 595/91 u ta' l-Artikolu 8 tar-regolament (KE) nru 1663/95 kif ukoll ta' l-Artikolu 8(2) tar-Regolamenti (KEE) Nru 729/70 u (KE) Nru 1258/99 (fil-każijiet ta' ammonti inqas minn EUR 500 000,00). Ksur ta' l-Artikolu 253 KE fil-forma tal-vizzju ta' motivazzjoni (fil-każijiet ta' ammonti inqas minn EUR 500 000,00).

____________