Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2024 – Deutsche Umwelthilfe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-50/24)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Deutsche Umwelthilfe eV (Hannover, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Klinger u C. Douhaire, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2023)8214217 tal-1 ta’ Diċembru 2023, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għal eżami mill-ġdid intern tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2023/981 1 , sa fejn iġedded il-perijodu ta’ approvazzjoni ta’ S-Metolachlor;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 1 minħabba konstatazzjoni żbaljata tar-rekwiżit fattwali li jista’ jiġi stabbilit li l-approvazzjoni hija mistennija tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal tiġdid

B’teħid inkunsiderazzjoni għall-fażi attwali fil-każ ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, il-konvenuta, bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/918 u bl-eżami ta’ din il-miżura, ma setgħetx tippreżumi li ma setgħetx tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva S-Metolachlor qabel din id-data.

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 minħabba konstatazzjoni żbaljata tar-rekwiżit fattwali li l-motivi li għalihom l-approvazzjoni tiskadi qabel it-tiġdid ma humiex ir-responsabbiltà tal-manifattur applikant

Peress li ssottometta l-fajl supplimentari tardivament u peress li ma pprovdiex informazzjoni kompleta li ma tatx lok għal evalwazzjoni tar-riskju finali, il-manifattur applikant ikkontribwixxa għat-tardività fit-twettiq tal-proċedura għall-eżami tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni u mal-prinċipju ta’ prekawzjoni, minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjoni fis-sens li ma hemm ebda marġni ta’ diskrezzjoni u li hemm lok għal tiġdid anki fil-każ ta’ indikazzjonijiet ta’ effetti inaċċettabbli jew dannużi

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fis-sens li d-dispożizzjoni ma tagħti ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, fil-kuntest li fih il-Kummissjoni tista’ u għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-perikolu u r-riskju għall-ambjent u għas-saħħa billi tirrifjuta tiġdid, hija inkompatibbli mal-għan prinċipali li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni, mal-prinċipju ta’ prekawzjoni u mas-sistema legali tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 flimkien mal-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni u mal-prinċipju ta’ prekawzjoni minħabba n-natura permanenti tal-perijodu ta’ tiġdid ġenerali

Fi kwalunkwe każ, tiġdid sistematiku għal diversi snin, li fl-aħħar mill-aħħar huwa tiġdid permanenti ta’ approvazzjoni skaduta, huwa inkompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni u mal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Il-ħames motiv: ksur tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 minħabba l-fatt li t-tiġdid ingħata għal perijodu twil wisq

Il-perijodu ta’ tiġdid stabbilit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/918 imur lil hinn mill-perijodu strettament neċessarju għall-konklużjoni tal-proċedura.

Is-sitt motiv: ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

____________

1 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/918 tal-4 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta’ approvazzjoni tas-sustanzi attivi aclonifen, ametoktradin, beflubutamid, benthiavalicarb, boscalid, captan, kletodim, ċiklossidim, ċiflumetofen, dażomet, diklofop, dimethomorph, ethephon, fenażakwin, fluopicolide, fluoxastrobin, fluworokloridon, folpet, formetanate, Helicoverpa armigera nucleopolyhedrovirus, imessażol, aċidu indolilbutiriku, mandipropammid, metalaxyl, metaldeid, metam, metazachlor, metribuzin, milbemectin, paklobutrażol, penoxsulam, fenmedifam, pirimiphos-methyl, propamocarb, proquinazid, prothioconazole, S-metolachlor, Spodoptera littoralis nucleopolyhedrovirus, Trichoderma asperellum ir-razza T34 u Trichoderma atroviride ir-razza I-1237 (ĠU 2023, L 119, p. 160).

1 Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009 L 309, p. 1).