Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fis-26 ta' Marzu 2013 - Nickel & Goeldner Spedition vs Kintra
(Kawża C-157/13)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos Aukščiausiasis Teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti fil-kassazzjoni: Nickel & Goeldner Spedition GmbH
Parti oħra fil-proċedura ta' kassazzjoni: BUAB "Kintra"
Domandi preliminari
Meta tiġi ppreżentata azzjoni mill-fiduċjarju ta' impriża f'falliment, li jkun qiegħed jaġixxi fl-interess tal-massa tal-kredituri u bil-għan li jistabbilixxi mill-ġdid il-likwidità u jkabbar l-assi tal-impriża f'falliment sabiex kemm jista' jkun il-krediti jkunu jistgħu jiġu rregolati - għandu jiġi speċifikat li dawn l-istess effetti huma wkoll imfittxija, pereżempju, permezz tal-azzjonijiet ta' revoka (
actio pauliana) ippreżentati mill-fiduċjarju, li fir-rigward tagħhom ġie deċiż li strettament jifformaw parti mill-proċeduri ta' insolvenza -, u fid-dawl tal-fatt li f'dan il-każ qed jintalab il-ħlas, bis-saħħa tal-Konvenzjoni CMR u tal-Kodiċi Ċivili Litwan (regoli ġenerali tad-dritt ċivili), ta' dejn dovut għal trasport internazzjonali ta' merkanzija, l-imsemmija azzjoni għandha titqies li strettament tifforma parti (permezz ta' rabta diretta) mill-proċeduri ta' insolvenza tar-rikorrenti, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tieħu konjizzjoni tal-każ għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tar-Regolament Nru 1346/2000
2, u din l-azzjoni taqa' taħt l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 ?
Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk, meta l-obbligu inkwistjoni (obbligu tal-konvenut li jħallas id-debitu tiegħu li rriżulta minn trasport internazzjonali ta' merkanzija u li jħallas interessi moratorji, liema obbligu jirriżulta mill-eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligi kuntrattwali tiegħu lejn ir-rikorrenti f'falliment) jippreċedi l-ftuħ tal-proċeduri ta' insolvenza fir-rigward tar-rikorrenti, għandux jiġi applikat l-Artikolu 44(3)(a) tar-Regolament Nru 1346/2000 filwaqt li ma għandux jiġi applikat dan l-aħħar regolament, meta l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta' din il-kawża jkollha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni CMR billi hija konvenzjoni speċjali?
Fil-każ ta' risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u jekk din il-kawża taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk, peress li l-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni CMR u l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jikkontradixxux lil xulxin, f'dan il-każ, peress li l-kwistjoni taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni CMR (billi hija konvenzjoni speċjali), għandhom jiġu applikati r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 31 tal-imsemmija konvenzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-Istat li fih il-qrati għandhom ġurisdizzjoni jieħdu konjizzjoni tal-kawża kkonċernata, bil-kundizzjoni li r-regoli msemmija fl-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni CMR ma jmorrux kontra l-għanijiet prinċipali tar-Regolament Nru 44/2001, ma jagħtux lok għal riżultati inqas favorevoli għat-twettiq tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jkunu ċari u preċiżi biżżejjed?
____________1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta' Mejju 2000, dwar proċedimenti ta' falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191)2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta' Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, 19, Vol. 4, p. 42).