Language of document : ECLI:EU:C:2013:845

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2013 (1)

Kawża C-293/12

Digital Rights Ireland Ltd

vs

The Minister for Communications, Marine and Natural Resources

The Minister for Justice, Equality and Law Reform

The Commissioner of the Garda Síochána

Ireland

u

The Attorney General

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda)]

u

Kawża C-594/12

KärntnerLandesregierung

Michael Seitlinger

u

Christof Tschohl

Andreas Krisch

Albert Steinhauser

Jana Herwig

Sigrid Maurer

Erich Schweighofer

Hannes Tretter

ScheucherRechtsanwalt GmbH

Maria Wittmann-Tiwald

Philipp Schmuck

Stefan Prochaska

et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verfassungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2006/24/KE — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Validità — Artikolu 5(4) TUE — Proporzjonalità tal-azzjoni tal-Unjoni — Karta tad-Drittijiet Fundamentali — Artikolu 7 — Rispett tal-ħajja privata — Artikolu 8 — Protezzjoni tad-data personali — Artikolu 52(1) — Indħil — Kwalità tal-liġi — Proporzjonalità tal-limti tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali”





1.        F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/24/KE (2) għandha l-opportunità tiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet li fihom huwa kostituzzjonalment possibbli għall-Unjoni Ewropea li tistabblixxi limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali fis-sens partikolari tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3), permezz ta’ direttiva u tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħha (4). Il-limitazzjoni inkwistjoni hija kkostitwita mill-forma ta’ obbligu li jorbot lill-operaturi ekonomiċi biex jiġbru u jżommu, għal żmien determinat, numru kunsiderevoli ta’ data ġġenerata jew ipproċessata fil-qafas tal-komunikazzjonijiet elettroniċi magħmula miċ-ċittadini fit-territorju kollu tal-Unjoni, bl-għan li tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta’ din id-data għall-finijiet tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ attivitajiet kriminali gravi u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Jiena qiegħed nipproponi li nagħti risposta għal din id-domanda artikolata fi tliet partijiet.

2.        Fl-ewwel parti, ser nittratta l-kwistjoni tal-proporzjonalità tad-Direttiva 2006/24 fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE. Fit-tieni parti, ser nivverifika jekk il-kundizzjoni, prevista fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, li tgħid li kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun “prevista mil-liġi”, tistax tiġi kkunsidrata bħala ssodisfatta. Fl-aħħar nett, fit-tielet parti, ser neżamina jekk id-Direttiva 2006/24 tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità, dejjem fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

3.        Madankollu, qabel ma ngħaddi għall-eżami ta’ dawn it-tliet kwistjonijiet, ser nikkunsidra sensiela ta’ tliet domandi li jidhirli li huma indispensabbli biex jinftiehmu sew il-problemi mqajma mid-domandi preliminari fl-evalwazzjoni tal-validità magħmula mill-High Court (l-Irlanda) u mill-Verfassungsgerichtshof (l‑Awstrija).

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għall-eżami tad-domandi preliminari li saru lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi preżenti huma, minbarra dawk tad-Direttiva 2006/24 li l-validità tagħha qed titpoġġa fid-dubju fiż-żewġ kawżi u dawk tal-Karta, dawk tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5), u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (6). Dawn id-direttivi flimkien mad-dispożizzjonijiet prinċipali tagħhom ser jissemmew fl-argumenti li ġejjin iktar ’l isfel, skont il-bżonn fl-espożizzjoni.

B –    Id-drittijiet nazzjonali

1.      Id-dritt Irlandiż (Kawża C‑293/12)

5.        Il-punt 6 tal-Artikolu 29(4) tal-Kostituzzjoni tal-Irlanda jipprevedi li l-ebda dispożizzjoni tal-kostituzzjoni ma tinvalida l-liġijiet, l-atti jew il-miżuri adottati mill-Istat li jeħtieġu l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija mal-Unjoni Ewropea jew mal-Komunitajiet, jew tipprekludi l-liġijiet, l-atti jew il-miżuri adottati mill-Unjoni Ewropea jew mill-Komunitajiet, l-istituzzjonijiet tagħhom jew il-korpi kompetenti tagħhom bis-saħħa tat-trattati li għandhom saħħa ta’ liġi.

6.        Is-seba’ parti tal-Att dwar il-Ġustizzja Kriminali (Reati Terroristiċi) tal-2005 [Criminal Justice (Terrorist Offences) Act 2005] (7), issa mħassar, kienet tinkludi dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ data relatata mal-komunikazzjonijiet telefoniċi. Din kienet timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi li jżommu d-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni għal perijodu determinat mil-liġi sabiex jiġu pprevenuti u żvelati reati, li dawn jiġu investigati u li tittieħed azzjoni kontrihom u li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-Istat. Għal dan l-iskop, il-liġi tal-2005 dwar il-ġustizzja kriminali kienet tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat, b’mod partikolari lill-Commissioner of the Garda Síochána, li jitolbu l-iżvelar ta’ din id-data billi jsegwu proċedura speċifika u li kienet tistabbilixxi garanziji għal proċedura ta’ lmenti, ippresjeduta minn entità kważi ġudizzjarja indipendenti.

7.        Il-liġi tal-2011 dwar il-komunikazzjonijiet (aamma ta’ data) [The Communications (Retention of Data) Act 2011], adottata sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2006/24, ħassret is-seba’ parti tal-liġi tal-2005 dwar il-ġustizzja kriminali tal-2005 u stabbilixxiet sistema ġdida ta’ żamma tad-data.

2.      Id-dritt Awstrijak (Kawża C‑594/12)

8.        L-Artikolu 1 tal-liġi Federali fuq il-protezzjoni tad-data personali (8), li għandu valur kostituzzjonali, jipprevedi dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data.

9.        Id-Direttiva 2006/24 kienet ġiet trasposta fid-dritt Awstrijak minn liġi Federali (9) li kienet daħħlet l-Artikolu 102a ġdid fil-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet tal-2003 (10), li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku ż-żamma ta’ data li dan jelenka (11).

II – Il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali

A –    Il-Kawża C‑293/12, Digital Rights Ireland

10.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Digital Rights Ireland Ltd (12), hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha bħala għan statutorju l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem, partikolarment fid-dinja tat-teknoloġiji ta’ komunijkazzjoni moderni.

11.      DRI, li tiddikjara li hija proprjetarja ta’ telefon ċellulari, irreġistrat fit-3 ta’ Ġunju 2006, li ilha tuża minn dik id-data, ippreżentat rikors kontra żewġ Ministri tal-Gvern Irlandiż, The Minister for Communications, Marine and Natural Resources u The Minister for Justice, Equality and Law Reform, il-kap tal-puliżija Irlandiża (The Commissioner of the Garda Síochána), l-Irlanda kif ukoll l-Avukat Ġenerali tal-Istat Irlandiż, li fil-kuntest tiegħu hija, essenzjalment, issostni li l-awtoritajiet Irlandiżi pproċessaw, żammew u ssorveljaw illegalment id-data relatata mal-komunikazzjonijiet tagħha.

12.      Għaldaqstant, hija titlob, minn naħa, l-annullament ta’ diversi atti tad-dritt nazzjonali li jawtorizzaw lill-awtoritajiet Irlandiżi jadottaw miżuri li jimponu fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet iż-żamma ta’ data ta’ telekomunikazzjonijiet, billi tqishom inkompatibbli mal-kostituzzjoni Irlandiża u mad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija tpoġġi fid-dubju l-validità tad-Direttiva 2006/24 fir-rigward tal-Karta u/jew tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (13) u tistieden lill-qorti tar-rinviju tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’diversi domandi preliminari bħala evalwazzjoni tal-validità ta’ din id-direttiva.

B –    Il-Kawża C‑594/12, Seitlinger et

13.      Fis-6 ta’ April 2012, il-Kärtner Landesregierung, abbażi tal-Artikolu 140(1) tal-Liġi Kostituzzjonali Federali Awstrijaka (Bundes-Verfassungsgesetz) (14), ippreżentat quddiem il-Verfassungsgerichtshof rikors għal annullament ta’ diversi dispożizzjonijiet tat-Tekommunikationsgesetz 2003, b’mod partikolari tal-Artikolu 102a tagħha, fil-formulazzjoni tagħha li tirriżulta mit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012.

14.      Fil-25 ta’ Mejju 2012, Michel Seitlinger ippreżenta quddiem il-Verfassungsgerichtshof rikors abbażi tal-Artikolu 140(1) B-VG, li fih allega l-inkostituzzjonalità tal-Artikolu 102a tat-TKG 2003 sa fejn affettwalu d-drittijiet tiegħu. Huwa jqis li din l-aħħar dispożizzjoni, li tipprevedi l-obbligu, għall-operatur tan-netwerk ta’ komunikazzjoni tiegħu li jżomm data mingħajr raġuni, mingħajr neċessitajiet tekniċi u lanqas għal finijiet ta’ ħruġ ta’ kontijiet u kontra r-rieda tiegħu, tikkostitwixxi, b’mod partikolari, ksur tal-Artikolu 8 tal-Karta.

15.      Fl-aħħar nett, fil-15 ta’ Ġunju 2012, il-Verfassungsgerichtshof ġie adit b’rikors ieħor abbażi tal-Artikolu 140 tal-B-VG, ippreżentat minn 11,130 rikorrent li fih isostnu li l-inkostituzzjonalità tal-obbligu taż-żamma tad-data stabbilit fl-Artikolu 102a tat-TKG 2003 kienet tikser id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tal-Karta.

III – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A –    Fil-Kawża C‑293/12, Digital Rights Ireland

16.      Fil-Kawża C‑293/12, il-High Court għamlet id-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      Ir-restrizzjoni fuq id-drittijiet tar-rikorrenti [fil-kawża prinċipali] fil-qasam tal-użu tagħha tat-telefonija mobbli li tirriżulta mir-rekwiżiti tal-Artikoli 3, 4 u 6 tad-Direttiva 2006/24/KE hija inkompatibbli mal-Artikolu 5(4) tat-TUE inkwantu hija sproporzjonata u ma hijiex neċessarja jew inkwantu ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi li:

a)      jiġi żgurat li ċerti data jkunu disponibbli għall-finijiet ta’ investigazzjoni fuq reati serji u għall-finijiet ta’ identifikazzjoni u prosekuzzjoni ta’ dawn tal-aħħar

u/jew

b)      jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea?

2.      B’mod partikolari,

(i)      Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt taċ-ċittadini li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, kif stabbilit mill-Artikolu 21 TFUE?

(ii)      Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata stabbilit mill-Artikolu 7 tal-[Karta] u mill-Artikolu 8 tal-[KEDB]?

(iii) Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Karta?

(iv)      Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għal-libertà tal-espressjoni stabbilit mill-Artikolu 11 tal-Karta u mill-Artikolu 10 tal-KEDB?

(v)      Id-Direttiva 2006/24/KE hija kompatibbli mad-dritt għal amministrazzjoni tajba stabbilit mill-Artikolu 41 tal-Karta?

3.      It-Trattati, u b’mod partikolari l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, sa liema miżura jeżiġu li qorti nazzjonali teżamina u tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali li jimplementaw id-Direttiva 2006/24/KE mal-garanziji previsti mill-Karta, inkluż l-Artikolu 7 tagħha (kif ritenut fl-Artikolu 8 tal-KEDB)?”

B –    Fil-Kawża C‑594/12, Seitlinger et.

17.      Fil-Kawża C‑594/12, il-Verfassungsgerichtshof qed tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1      Fuq il-validità ta’ atti ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni:

L-Artikoli 3 sa 9 tad-Direttiva 2006/24/CE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE] huma kompatibbli mal-Artikoli 7, 8 u 11 tal-[Karta]?

2      Fuq l-interpretazzjoni tat-Trattati

2.1      Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet fuq l-Artikolu 8 tal-Karta, li ġew mħejjija, skont l-Artikolu 52(7) tal-Karta, bħala gwida għall-interpretazzjoni tal-Karta u li huma debitament ikkunsidrati mill-Verfassungsgerichtshof, id-Direttiva 95/46/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data] u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data] [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102] għandhom jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) u fl-Artikolu 52(1) tal-Karta sabiex tiġi evalawata l-legalità tal-intervent?

2.2      Liema hija r-relazzjoni bejn id-‘dritt tal-Unjoni’ msemmi fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta u d-direttivi fil-qasam [tad-dritt] tal-protezzjoni tad-data?

2.3      Fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tar-restrizzjonijiet imposti mid-Direttiva 95/46/KE u mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fis-salvagwardja tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data stabbilita fil-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Karta, il-bidliet li jirriżultaw mid-dritt sekondarju futur?

2.4      Fid-dawl tal-Artikolu 52(4) tal-Karta, il-prinċipju tal-prevalenza tal-livell ogħla ta’ protezzjoni stabbilit fl-Artikolu 53 tal-Karta għandu l-konsegwenza li l-limiti assenjati mill-Karta lir-restrizzjonijiet li jistgħu validament jirriżultaw mid-dritt sekondarju, għandhom ikunu imħejjija b’mod li jkunu eqreb lejn dan?

2.5      Fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, tal-ħames paragrafu tal-preambolu u tal-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 7 tal-Karta, li jindikaw li d-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Artikolu 8 tal-KEDB, il-ġurisprudenza li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem stabbiliet fl-Artikolu 8 tal-KEDB tista’ tipprovdi indikazzjonijiet għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Karta li jaffetwaw l-interpretazzjoni ta’ dan l-aħħar artikolu?”

C –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża C‑293/12, l-Irish Human Rights Commission (15), il-gvern Irlandiż, Franċiż, Taljan, Pollakk u tar-Renju Unit kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea.

19.      Ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-Kawża C‑594/12, M. Seitlinger u C. Tschohl, il-gvern Spanjol, Franċiż, Awstrijak u Portugiż, kif ukoll il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

20.      Iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijet tal-proċedura orali u tas-sentenza b’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2013.

21.      Fid-dawl taż-żamma ta’ seduta konġunta fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, stiednet lill-partijiet li xtaqu jidhru sabiex jikkonsultaw ruħhom fuq il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, biex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2006/24 mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u sabiex jirrispondu għal ċerti mistoqsijiet. Barra minn hekk stiednet lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (16) jipprovdi informazzjoni, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. 

22.      DRI u l-IHRC (Kawża C‑293/12), M. Seiltinger u C. Tschohl (Kawża C‑594/12), kif ukoll il-gvern Irlandiż, Spanjol, Taljan, Awstrijak, u tar-Renju Unit, flimkien mal-Parlament, il-Kunsill u l-KEPD ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul is-seduta pubblika konġunta li saret fid-9 ta’ Lulju 2013.

IV – Fuq l-ammissibbiltà

23.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom fil-Kawża C‑293/12, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni essenzjalment isostnu li l-High Court ma spjegatx biżżejjed ir-raġunijiet li wassluha tistaqsi dwar il-validità tad-Direttiva 2006/24, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 21 TFUE u tal-Artikoli 11 u 41 tal-Karta. In-nuqqas ta’ preċiżjoni rrilevata fit-talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court madankollu ma jistax iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħadha bħala inammissibbli.

V –    Fuq il-mertu

24.      Id-domandi preliminari differenti magħmula mill-High Court fil-Kawża C‑293/12 u l-Verfassungsgerichtshof fil-Kawża C‑594/12 iqajmu erba’ sensiliet ta’ mistoqsijiet.

25.      L-ewwel sensiela, ikkostitwita mill-ewwel domanda fil-Kawża C‑293/12, tirrigwarda l-validità tad-Direttiva 2006/24 fifid-dawl tal-Artikolu 5(4) TUE. Il-High Court fil-fatt tistaqsi preċiżament ħafna jekk id-Direttiva 2006/24 hijiex, ġeneralment, proporzjonata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri jekk hijiex neċessarja u xierqa biex tilħaq l-għanijiet li tfittex, liema għanijiet huma dawk li jippermettu li ċerta data tkun disponibbli għall-finijiet tal-investigazzjonijiet ta’ ksur gravi u għall-finijiet tal-iskoperta u l-prosekuzzjoni tagħhom u/jew biex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

26.      It-tieni sensiela, li hija komposta mit-tieni domanda fil-Kawża C‑293/12 u mill-ewwel domanda fil-Kawża C‑594/12, tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24 ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Karta, primarjament l-Artikolu 7 tagħha, fuq id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, u l-Artikolu 8 tagħha, fuq id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, f’sens iktar wiesa’, fuq il-proporzjonalità tal-miżuri li timponi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Bla dubju ta’ xejn, din il-kwistjoni ta’ validità tinsab inkontestabbilment fiċ-ċentru tal-problemi mqajma minn dawn il-kawżi.

27.      It-tieni domanda magħmula mill-Verfassungsgerichtshof fil-Kawża C‑594/12 tqajjem it-tielet sensiela ta’ mistoqsijiet dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Karta li jirregolaw l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħha, f’dan il-każ dawk tal-Artikolu 52(3), (4) u (7), u l-Artikolu 53. Il-Verfassungsgerichtshof essenzjalment tistaqsi speċifikament, fuq ir-relazzjonijiet li jiġu stabbiliti bejn, minn naħa, l-Artikolu 8 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, l-ewwel nett, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u tar-Regolament Nru 45/2001 fir-rigward tal-Artikolu 52(1) u (3) tal-Karta (domandi 2-1,2,2 u 2.3), it-tieni net, it-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri (domanda 2.4) fid-dawl tal-Artikolu 52(4) tal-Karta u, it-tielet nett, id-dritt tal-KEDB u b’mod partikolari tal-Artikolu 8 tagħha, fid-dawl tal-Artikolu 52(3) tal-Karta (domanda 2.5).

28.      Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, fil-Kawża C‑293/12, li tikkostitwixxi r-raba’ u l-aħħar sensiela ta’ mistoqsijiet, il-High Court tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, u b’mod iktar preċiż fuq il-kwistjoni dwar jekk il-qrati nazzjonali humiex obbligati, minħabba d-dmir ta’ kooperazzjoni leali, li jeżaminaw u jevalwaw il-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha, tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24.

29.      L-ewwel nett irrid nippreċiża li l-essenzjali fl-eżami tiegħi ser jeħodni fuq l-ewwel żewġ sensiliet ta’ domandi u li, fir-rigward tar-risposta li ser tingħatalhom, ma huwiex ser ikun meħtieġ li jingħataw risposti speċifiċi għall-aħħar żewġ sensiliet ta’ domandi. Qabel ma nittratta dawn id-domandi, hemm bżonn li nagħmel numru ta’ preċiżazzjonijiet preliminari.

A –    Osservazzjonijiet preliminari

30.      Sabiex tkun tista’ tingħata risposta sħiħaa għad-diversi kwistjonijiet imqajma mill-qrati tar-rinviju, għandha tingħata attenzjoni lil tliet elementi li jikkontribwixxu b’mod determinanti biex jitfassal il-profil ta’ dawn il-kawżi, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-ispeċifiċità funzjonali tad-Direttiva 2006/24, fit-tieni lok, id-deskrizzjoni tal-indħil fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni, u fl-aħħar nett, fit-tielet lok, l-effett fuq il-kawżi preżenti tas-sentenza tal-10 ta’ Frar 2009, L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (17), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors għal annullament minħabba bażi legali żbaljata, liema rikors kien ġie ppreżentat kontra din id-direttiva.

1.      Fuq id-“duwalità funzjonali” tad-Direttiva 2006/24 u r-relazzjoni tagħha mad-Direttiva 95/46 u d-Direttiva 2002/58

31.      L-ewwel nett, nibda biex inqiegħed id-Direttiva 2006/24 fil-kuntest tagħha, billi nfakkar fil-qosor il-kuntest leġiżlattiv li tidħol fih, prinċipalment ikkostitwit mid-Direttiva 95/46, minn naħa, u mid-Direttiva 2002/58/, min-naħa l-oħra.

32.      L-għan tad-Direttiva 95/46, li bħad-Direttiva 2006/24 huwa bbażat fuq l-Artikolu 114 TFUE, huwa li l-Istati Membri jiġu obbligati li jiggarantixxu d-dritt għall-ħajja privata tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom (18), sabiex ikun jista’ jseħħ il-moviment liberu ta’ din id-data fost l-Istati Membri (19). Għal dan l-iskop, hija tipprovdi sensiela sħiħa ta’ regoli li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ legalità għall-ipproċessar ta’ data ta’ natura personali u tippreċiża d-drittijiet tal-persuni li d-data tagħhom tinġabar u tiġi pproċessata, b’mod partikolari d-dritt għall-informazzjoni (20), id-dritt ta’ aċċess (21), id-dritt ta’ oppożizzjoni (22) u d-dritt ta’ rimedju (23), u tiggarantixxi l-kunfidenzjalità u s-sigurtà tal-ipproċessar.

33.      Is-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 95/46 għandha magħha eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 13 tagħha. Il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi li tistabbilixxi għal dak li jirrigwarda l-kwalità tad-data (Artikolu 6(1)), it-trasparenza fl-ipproċessar (Artikolu 10 u Artikolu 11(1)), id-drittijiet ta’ aċċess tal-persuni li d-data tagħhom tiġi pproċessata (Artikolu 12) u l-pubbliċità tal-ipproċessar (Artikolu 21) tista’ tkun is-suġġett ta’ miżuri leġiżlattivi ta’ limitazzjonijiet meta dan ikun meħtieġ għas-salvagwardja, b’mod partikolari, tas-sigurtà tal-Istat, tad-difiża, tas-sigurtà pubblika jew il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iżvelar u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

34.      Id-Direttiva 2002/58, li tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 97/66/KE (24), tippreċiża u tikkompleta (25) s-sistema ta’ protezzjoni tad-data personali stabbilita bid-Direttiva 95/46 b’regoli speċifiċi applikabbli għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (26). B’mod partikolari fiha regoli li jobbligaw lill-Istati Membri jiggarantixxu, ħlief għal xi eċċezzjonijiet (27), il-kunfidenzjalità mhux biss tal-komunikazzjonijiet imma wkoll tad-data dwar it-traffiku tal-abbonati u tal-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (28). L-Artikolu 6 tagħha jistabbilixxi l-obbligi għall-fornituri tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet li jħassru jew jirrendu anonima d-data dwar it-traffiku tal-abbonati u l-utenti tagħhom li huma jipproċessaw jew jaħżnu.

35.      Importanti b’mod partikolari għall-argumenti li ser nagħmel, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jistabbilixxi wkoll li l-Istati Membri jistgħu (29) jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-portata tad-drittijiet u tal-obbligi li hija tipprevedi fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet (Artikolu 5) u t-tħassir tad-data ta’ traffiku (Artikolu 6) bl-istess kliem bħal dawk tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, li tirreferi għalih. Dan jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu, għal dan l-iskop, jadottaw fost l-oħrajn miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma ta’ data għal perijodu ta’ żmien limitat għal wieħed mill-motivi msemmija, b’rispett lejn id-drittijiet fundamentali.

36.      Fil-verità, id-Direttiva 2006/24 temenda fil-fond l-istat tad-dritt applikabbli għad-data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi li jirriżulta mid-Direttivi 95/46 u 2002/58 (30) billi tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom joħolqu obbligu ta’ ġbir u ta’ żamma ta’ data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni fil-kuntest tal-limiti tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

37.      Id-Direttiva 2006/24 hija kkaratterizzata, l-ewwel nett, mill-għan tagħha ta’ armonizzazzjoni, f’dan il-każ tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fuq iż-żamma tad-data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni dwar komunikazzjonijiet elettroniċi. Issa, minħabba s-suġġett li jrid jiġi armonizzat u s-sitwazzjoni, dan l-għan jeżiġi simultanjament l-obbligu, għall-Istati Membri li ma għandhomx leġiżlazzjoni bħal din, li jiġbru u jżommu din id-data. Jirriżulta li d-Direttiva 2006/24 għandha duwalità funzjonali li hija essenzjali li tiġi kkunsidrata sabiex tiġi ttrattata korrettament il-problema li tqajmet mid-domandi preliminari preżenti

38.      Fil-fatt, id-Direttiva 2006/24 għandha bħala l-ewwel għan dak li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li diġà jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli lill-pubbliku jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet (31) li jżommu data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni li hija tiddefinixxi, sabiex tiġi ggarantita d-disponibbiltà tagħhom “għal skopijiet ta’ investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati serji kif definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu” (32). Meta jiġri dan, id-Direttiva 2006/24 b’hekk tarmonizza parzjalment il-leġiżlazzjonijiet adottati minn ċerti Stati Membri fuq il-bażi tal-possibbiltà offruta mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 (33).

39.      Għalhekk, id-Direttiva 2006/24 tistabbilixxi sistema ta’ derogi (34) mill-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 95/46 u d-Direttiva 2002/58. Għall-preċiżjoni, hija tidderoga mir-regoli ta’ deroga stabbiliti mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 u tirregola l-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw, għall-motivi previsti fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, il-portata tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, iktar fil-wisa’, tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata fil-qafas speċifiku tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew ta’ netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet.

40.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/24 idaħħal b’mod sinjifikattiv il-paragrafu 1a fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, li jippreċiża li l-ewwel paragrafu ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma japplikax għad-data li ż-żamma tagħha tkun speċifikament meħtieġa mid-Direttiva 2006/24.

41.      Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, id-Direttiva 2006/24 tindika essenzjalment l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (35), filwaqt li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali b’dispożizzjonijiet essenzjalment limitati (36) għaż-żamma tad-data, għall-kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, għall-perijodu ta’ żmien taż-żamma, għall-protezzjoni u għas-sigurtà tad-data kif ukoll għall-ħażna tagħhom (37).

42.      Huwa preċiżament minħabba din il-funzjoni ta’ armonizzazzjoni limitata, u kif ser naraw iktar ’l isfel, li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tiddeċiedi, fis-sentenza tagħha L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, li d-Direttiva 2006/24 setgħet tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE. Bil-għan li jiġi protett il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (38), din kienet kwistjoni fuq li tintemm l-evoluzzjoni eteroġenja tal-leġiżlazzjonijiet eżistenti (39) filwaqt li tipprekludiha għall-futur (40).

43.      Issa, l-armonizzazzjoni prevista mid-Direttiva 2006/24 twettqet neċessarjament fuq il-bażi tad-dħul ta’ obbligu ta’ ġbir u ta’ żamma ta’ data fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, għall-inqas għall-Istati Membri li ma kellhom l-ebda leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward, obbligu li jimponi b’mod partikolari tul ta’ żmien minimu u massimu li matulu d-data għandha tinżamm.

44.      F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li ċertu numru ta’ Stati Membri kien għad ma għandhomx leġiżlazzjoni dwar iż-żamma ta’ data kien jikkostitwixxi preċiżament wieħed mill-elementi prinċipali li jiġġustifika l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 abbażi tal-Artikolu 95 KE (41).

45.      Għaldaqstant, id-Direttiva 2006/24 tistabbilixxi, fil-kuntest tal-għan ta’ armonizzazzjoni tagħha, l-obbligu għall-Istati Membri, kemm li s-sistema eżistenti tiġi f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24, kif ukoll li tiġi stabbilita, eventwalment, is-sistema ta’ ġbir u ta’ żamma prevista fid-Direttiva 2006/24 kif ukoll, fi kwalunkwe każ, l-obbligu ta’ titħares l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess direttiva, b’mod partikolari dawk li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ aċċess għad-data miżmuma.

46.      Fil-qosor, id-Direttiva 2006/24 hija kkaratterizzata mid-duwalità funzjonali tagħha. Minn naħa, hija direttiva għal kollox klassika li trid tarmonizza (42) l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali separati (43) jew li jistgħu jsiru hekk, adottata fl-interess tal-funzjonament tas-suq intern u kkalibrata preċiżament għal dan l-iskop, kif qisitha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill. Imma, min-naħa l-oħra, hija wkoll direttiva li, anki fil-funzjoni armonizzatriċi tagħha, tipprova tistabbilixxi (44), jekk ikun il-każ, obbligi, b’mod partikolari ta’ żamma ta’ data, li huma analizzabbli, kif ser nuri iktar ’l isfel, bħala interferenzi kkaratterizzati fit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali ggarantiti liċ-ċittadini Ewropej mill-Karta, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

47.      Fl-aħħar nett, huwa evidenti li r-risposti għad-domandi preliminari preżenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari din it-“tieni funzjoni”, jiġifieri dik li niddeskrivi ta’ effett “kostituttiv” tal-obbligu ta’ żamma ta’ data, mingħajr ma dan iwassal lil wieħed jinjora l-effett speċifiku tagħha ta’ armonizzazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali eżistenti fuq is-suġġett.

2.      Fuq id-dritt fundamentali essenzjalment ikkonċernat u fuq id-deskrizzjoni tal-indħil.

48.      Fit-tieni lok, f’dan l-istadju diġà hemm bżonn li tiġi ttrattata l-kwistjoni tad-deskrizzjoni tal-indħil fl-eżerċizżju tad-drittijiet fundamentali li tirriżulta mill-ġbir u miż-żamma tad-data prevista mid-Direttiva 2006/24, ladarba jiġi ammess li ma hemmx diskussjoni fuq l-eżistenza stess ta’ dan l-indħil. L-ewwel nett ser nidentifika d-dritt fundamentali affettwat prinċiplament mid-Direttiva 2006/24, imbagħad ser nipproċedi għad-deskrizzjoni tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt li hija tikkostitwixxi.

a)      Fuq id-drittijiet fundamentali affettwati

i)      Il-pluralità tad-drittijiet fundamentali invokati

49.      Il-High Court, fil-Kawża C‑293/12, l-istess bħall-Verfassungsgerichtshof, fil-Kawża C‑594/12, tagħmel id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2006/24 ma’ pluralità ta’ drittijiet fundamentali, l-ewwel nett id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, imma wkoll id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta.

50.      Il-High Court tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tad-Direttiva 2006/24 mal-Artikolu 21 TFUE, fuq id-dritt ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini Ewropej u mal-Artikolu 41 tal-Karta, li jistabbilixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba.

51.      F’dan ir-rigward, huwa possibbli li nipproċedi għall-ewwel operazzjoni ta’ semplifikazzjoni.

52.      L-ewwel nett, ma jistax jiġi injorat li s-sentiment mifrux ta’ sorveljanza (45) li l-implementazzjoni tad-Direttiva 2006/24 tista’ toħloq jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-eżerċizzju miċ-ċittadini Ewropej tal-libertà ta’ espressjoni tagħhom u ta’ informazzjoni u li l-eżistenza ta’ ndħil fid-dritt iggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta għandha, konsegwentement, tiġi kkonstatata wkoll (46). Madankollu, jista’ jiġi osservat li, minbarra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi biżżejjed li jippermettulha tiddeċiedi f’dan ir-rigward, dan l-effett jikkostitwixxi biss konsegwenza kollaterali ta’ ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li huwa iktar ’il quddiem is-suġġett ta’ eżami attent u ddettaljat ħafna.

53.      Barra minn hekk, il-High Court ma tipprovdi l-iċken spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet għaliex hija tqis rilevanti l-għażla tal-Artikolu 21 TFUE (dritt ta’ residenza u ta’ moviment taċ-ċittadini Ewropej) u tal-Artikolu 41 tal-Karta (dritt għal amministrazzjoni tajba) għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/24, u lanqas xi indikazzjoni fuq l-effett li din id-direttiva jista’ jkollha fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kuntrarjament għar-rekwiżiti issa previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex iżjed f’idejha elementi li jippermettulha tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

54.      Għalhekk huwa primarjament fir-rigward tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li l-kompatibbiltà tad-Direttiva 2006/24 għandha, fil-prinċipju, tiġi eżaminata.

ii)    Il-koppja fformata mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali

55.      L-Artikolu 8 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali bħala dritt differenti mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. Għalkemm il-protezzjoni tad-data tiżgura r-rispett tal-ħajja privata, hija fuq kollox suġġetta għal sistema awtonoma, iddefinita primarjament mid-Direttiva 95/46, id-Direttiva 2002/58, ir-Regolament Nru 45/2001 u d-Dierttiva 2006/24, kif ukoll, fil-qasam rilevanti tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, mid-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI (47).

56.      Id-Direttiva 2006/24/KE taffettwa sinjifikattivament id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, sa fejn l-Artikolu 5 tagħha jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li tinżamm data li tippermetti jew tista’ tippermetti l-identifikazzjoni ta’ persuna (48), fis-sors u fid-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni tagħha fl-ispazju u fiż-żmien, kemm jekk dan ikun b’riferiment għan-numru tat-telefon għat-telefonija tagħha jew għan-numru ta’ identifikazzjoni tagħha jew għal kull element ieħor li huwa tagħha stess bħall-indirizz IP għas-servizzi internet.

57.      L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/24 jindika wkoll espressament li hija tapplika, b’mod partikolari, għad-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-abbonati jew tal-utenti rreġistrati tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku jew tan-netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni. Għalhekk din id-data tirrigwarda dik li l-iżvelar tagħha hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni espressa ta’ kull individwu, tad-“dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-informazzjoni” (49).

58.      Id-Direttiva 2006/24 mal-ewwel daqqa ta’ għajn tidher li hija ndħil fid-dritt tal-protezzjoni tad-data personali, billi taqa’ b’mod ċar taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) u (3) tal-Karta. Fil-fatt hija tippreċiża li japplikaw għal kollox għad-data miżmuma skont id-dispożizzjonijiet tagħha kemm id-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE (50) kif ukoll il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-Rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali (51).

59.      Madankollu ma huwiex l-ipproċessar tad-data miżmuma, kemm jekk fuq modalitajiet ta’ ġbir ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew fuq modalitajiet ta’ sfruttament ta’ data mill-awtoritajiet kompetenti awtorizzati mill-Istati Membri, li jitlob l-ikbar viġilanza, iżda l-ġbir ta’ data inkwistjoni u ż-żamma tagħha stess, kif ukoll l-impatt tagħha fuq id-dritt tar-rispett tal-ħajja privata, għar-raġunijiet li ser nesponi issa.

60.      L-ewwel nett, il-fatt li d-Direttiva 2006/24 tista’ tirrispondi perfettament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) u (3) tal-Karta u li jista’ jiġi kkunsidrat li ma hijiex inkompatibbli mal-Artikolu 8 tal-Karta bl-ebda mod ma jfisser, madankollu, li hija perfettament kompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta.

61.      Fil-fatt, billi l-“isfera privata” tikkostitwixxi l-qalba tal-“isfera personali” ma jistax jiġi eskluż li leġiżlazzjoni li tirrestrinġi d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikolu 8 tal-Karta tista’ madankollu titqies li tikkawża preġudizzju sproporzjonat għall-Artikolu 7 tal-Karta.

62.      Ċertament, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data ta’ natura personali jistrieħ fuq id-dritt fundamentali tar-rispett tal-ħajja privata (52), b’mod li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni tenfasizza (53), l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta huma marbutin mill-qrib (54), sal-punt li jistgħu jitqiesu li jistabbilixxu “dritt tal-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali” (55).

63.      Madankollu dan ma jisjtax japplika sistematikament. Ir-rabta li tgħaqqad dawn iż-żewġ drittijiet essenzjalment tiddependi fuq in-natura tad-data kkonċernata, għalkemm hija dejjem personali, jiġifieri hija marbuta mal-persuna, mal-individwu.

64.      Fil-fatt, hemm data li hija personali bħala tali, jiġifieri fejn hija tindividwalizza persuna, kif tista’ tkun dik li, fil-passat, setgħet tidher fuq salvakondotta, biex nagħti eżempju kwalunkwe. Ta’ spiss hija data li għandha ċerta permanenza u ta’ spiss ukoll ċerta newtralità. Hija personali u xejn iżjed u wieħed jista’ jgħid, b’mod ġenerali, li hija tali li fil-konfront tagħha l-istruttura u l-garanziji tal-Artikolu 8 tal-Karta huma adatti l-aħjar.

65.      Madankollu, hemm data li b’xi mod hija iktar minn personali. Hija data li, kwalitattivament, hija relatata essenzjalment mal-ħajja privata, mas-sigriet tal-ħajja privata, inkluża l-intimità. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-problema mqajma mid-data personali tibda, biex ngħid hekk, diġà “upstream”. Għalhekk il-problema li tqum ma hijiex dik tal-garanziji relatati mal-ipproċessar tad-data imma, iktar upstream, dik tad-data bħala tali, jiġifieri l-fatt li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja privata ta’ persuna setgħu jiġu kkristalizzati fil-forma ta’ data, data li tista’, għaldaqstant, tkun suġġetta għall-ipproċessar informatiku.

66.      Huwa f’dan is-sens li jkun possibbli li, meta jkun hemm involuta din id-data, din tqajjem problema li essenzjalment tiġi qabel dik tal-ipproċessar tagħha, u tirrigwarda primarjament il-ħajja privata ggarantita mill-Artikolu 7 tal-Karta u sekondarjament biss il-garanziji li jirrigwardaw l-ipproċessar tad-data personali previst fl-Artikolu 8 tal-Karta.

67.      Għalhekk, kif jirriżulta mill-argumenti preċedenti, billi wieħed jipproċedi mill-“pożizzjoni” korretta tad-drittijiet fundamentali li jifformaw il-koppja kkostitwita mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (Artikolu 7 tal-Karta) u tad-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali (Artikolu 8 tal-Karta), huwa primarjament mill-angolu tal-indħil fid-dritt għall-ħajja privata li l-validità tad-Direttiva 2006/24 għandha tiġi evalwata.

b)      Indħil partikolarment serju fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

68.      Qabel kollox, ma hemmx dubju li d-Direttiva 2006/24 tikkostitwixxi fiha nnifisha “ndħil” fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (56). Hija stess tikkonstatah meta tiddefinixxi lilha nnifisha bħala “strument dwar iż-żamma tad-data” li jikkostitwixxi “rekwiziti ta’ l-Artikolu 8 ta’ l-ECHR [li]hija għalhekk miżura neċessarja” (57), jew tal-Artikolu 7 tal-Karta. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tuża dan it-terminu fir-rigward ta’ din id-direttiva (58).

69.      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem min-naħa tagħha ddeċidiet ripetutament li l-ħażna minn awtorità pubblika ta’ data dwar il-ħajja privata ta’ individwu kienet tikkostitwixxi ndħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 8(1) tal-KEDB (59) u ppreċiżat li l-użu li jsir tagħha ftit li xejn fih importanza (60).

70.      Għalhekk hawn hija kwistjoni li wieħed jipprova jiddeskrivi dan l-indħil. F’dan is-sens u kif ser nuri b’mod iktar iddettaljat iktar ’l isfel, huwa possibbli li wieħed jgħid li d-Direttiva 2006/24 tikkostitwxxi ndħil partikolarment serju (61) fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

71.      Ċertament, id-Direttiva 2006/24 teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha b’mod kemm espress, kif ukoll insistenti (62), il-kontenut ta’ komunikazzjonijiet telefoniċi jew elettroniċi, l-informazzjoni kkomunikata hija stess.

72.      Madankollu xorta jibqa’ l-fatt li l-ġbir(63) u, fuq kollox, iż-żamma (64), f’databases ġganteski, ta’ data multipla ġġenerata jew ipproċessata fil-qafas tal-parti l-kbira tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kurrenti taċ-ċittadini tal-Unjoni (65) jikkostitwixxu ndħil serju fil-ħajja privata tagħhom, anki jekk joħolqu biss il-kundizzjonijiet ta’ possibbiltà ta’ sorveljanza retrospettiva tal-attivitajiet tagħhom kemm personali kif ukoll professjonali. Il-ġbir ta’ din id-data joħloq il-kundizzjonijiet ta’ sorveljanza li, biex ma tiġix eżerċitata ħlief retrospettivament meta tiġi sfruttata, thedded, minkejja dan, b’mod permanenti, kemm iddum miżmuma, id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni fis-segretezza tal-ħajja privata tagħhom. Is-sentiment mifrux ta’ sorveljanza (66) ġġenerat joħloq b’mod partikolament kritiku l-kwistjoni tal-perijodu taż-żmien taż-żamma tad-data.

73.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-effetti ta’ dan l-indħil jiġu mmultiplikati bl-importanza li jiksbu l-mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-soċjetajiet moderni, kemm fir-rigward tan-netwerks diġitali mobbli jew tal-internet, u l-użu kbir u intens tagħhom minn parti importanti ħafna ta’ ċittadini Ewropej fl-oqsma kollha tal-attivitajiet privati jew professjonali kollha tagħhom (67).

74.      Id-data inkwistjoni, għandi nibqa’ ninsisti għal darba oħra fuq dan il-fatt, ma hijiex data personali fis-sens klassiku tal-espressjoni, relatata ma’ informazzjoni preċiża fuq l-identità tal-persuni, imma data personali biex ngħid hekk ikkwalifikata, li l-isfruttament tagħha jista’ jippermetti t-twaqqif ta’ kartografija fidila daqs kemm hi eżawrjenti ta’ parti importanti tal-aġir ta’ persuna li tirrigwarda mill-qrib il-ħajja privata tagħha ‒ ta’ ritratt sħiħ u preċiż tal-identità privata tagħha.

75.      L-intensità ta’ dan l-indħil tiżdied b’elementi li jaggravaw ir-riskju li, minkejja l-obbligi imposti mid-Direttiva 2006/24 kemm fuq l-Istati Membri stess kif ukoll fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-data miżmuma ma tintużax għall-finijiet illegali, li potenzjalment jippreġudikaw il-ħajja privata jew, iktar inġenerali, użu frawdolenti jew anki malizjuż.

76.      Fil-fatt, id-data ma hijiex miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi nnifishom, u lanqas taħt is-sorveljanza diretta tagħhom, iżda mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi nnifishom (68) li fuqhom jaqa’ l-essenzjal tal-obbligi li jiggarantixxu l-protezzjoni tagħhom u s-sigurtà tagħhom.

77.      Id-Direttiva 2006/24 bla dubju timponi (69), fuq l-Istati Membri li jiżguraw li d-data tinżamm skont din id-direttiva. Madankollu, huwa interessanti li jiġi kkonstatat li huwa biss il-mod kif din id-data u kull informazzjoni oħra meħtieġa li tikkonċernahom “jistgħu jiġu trażmessi, meta mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien żejjed”. Id-Direttiva 2006/24 tistabblixxi wkoll li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi josservaw minimu ta’ prinċipji dwar il-protezzjoni u s-sigurtà tad-data miżmuma.

78.      Madankollu, l-ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 ma tistabbilixxi l-obbligu għal dawn il-fornituri ta’ servizzi li jaħżnu huma stess id-data li għandha tinżamm fit-territorju ta’ Stat Membru, taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru, u dan jaggrava kunsiderevolment ir-riskju li din tista’ tkun aċċesibbli jew żvelata bi ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni.

79.      Din l-“esternalizzazzjoni” taż-żamma tad-data tippermetti bla dubju, li tbiegħed id-data miżmuma mis-setgħat pubbliċi tal-Istati Membri u għalhekk li titneħħa minn kull sorveljanza diretta tagħhom (70), imma b’dan kollu hija taggrava wkoll ir-riskju ta’ sfruttament li ma jikkonformax mar-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

80.      Għalhekk, id-Direttiva 2006/24 tikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-argumenti iktar ’il fuq, indħil partikolarment serju fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u huwa fir-rigward tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan id-dritt fundamentali li l-validità, u b’mod partikolari l-proporzjonalità tagħha, għandhom jiġu eżaminati b’mod partikolari.

3.      Fuq il-portata tas-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill fuq l-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/24

81.      Issa li wasalt f’dan l-istadju tal-argumenti preliminari, għad irrid nistħarreġ l-effett tas-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill fuq it-talba doppja tal-evalwazzjoni tal-validità tad-Direttiva 2006/24 indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

82.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet, f’din il-kawża, adita b’rikors dirett għal annullament tad-Direttiva 2006/24, li fil-kuntest tiegħu ġie enfasizzat esklużivament li kienet ibbażat ruħha fuq bażi legali żbaljata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament indikat, fil-punt 57 tas-sentenza tagħha li, ir-“rikors tal-Irlanda [kien] jinvolvi biss l-għażla tal-bażi legali u mhux il-ksur li possibbilment jista’ jkun hemm tad-drittijiet fundamentali bħala riżultat tal-indħil fl-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li d-Direttiva 2006/24 tinvolvi”.

83.      Issa, id-domandi preliminari magħmula fiż-żewġ kawżi jqajmu l-kwistjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/24, fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑293/12), minn naħa, u fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (it-tieni domanda fil-Kawża C‑293/12 u l-ewwel domanda fil-Kawża C‑594/12), min-naħa l-oħra, huwa possibbli li r-riżerva mqajma mill-Qorti tal-Ġustizzja tiġi interpretata f’żewġ sensi li jistgħu jirriżultaw komplementari.

84.      L-ewwel interpretazzjoni possibbli, dik li fl-aħħar mill-aħħar hija neċessarja fi kwalunkwe każ, hija li wieħed jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja, marbuta bit-talbiet għal annullament immirati ħafna tal-Irlanda, ma kinitx mitluba teżamina l-kompatibbiltà tad-Direttiva 2006/24 mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, essenzjalment id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta. Il-Qorti tal-Ġustizzja stess riedet tippreċiża dan fil-punt 57 tas-sentenza tagħha: hija ma kellhiex għalfejn teżamina l-kwistjoni ta’ kompatibbiltà fir-rigward tar-rekwiżiti li jistabbilixxi l-Artikolu 52(1) tal-Karta, b’mod partikolari dawk dwar il-kwalità tal-liġi u l-proporzjonalità.

85.      It-tieni sens li huwa possibbli li jiġi attribwit lil din ir-riżerva, li huwa ferm iktar delikat biex jiġi esplorat, huwa li jiġi kkunsidrat li, minkejja l-validazzjoni tal-bażi legali tad-Direttiva 2006/24 fis-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx il-proporzjonalità, skont l-Artikolu 5(4) TUE ta’ din id-direttiva u dan b’relazzjoni mal-indħil fid-drittijiet fundamentali, kif ukoll it-talba formali tal-High Court fl-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑293/12. Essenzjalment għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-bażi legali tagħha, l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li d-Direttiva 2006/24 toħloq jibqax f’relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mal-għanijiet li tidher li trid tilħaq.

86.      Ser nibda billi nittratta l-problema li tirriżulta mill-prinċipju ta’ proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE li, kif indikajt, jeżiġi li jiġu esplorati l-possibbiltajiet miftuħa minn din it-tieni interpretazzjoni possibbli tal-punt 57 tas-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill. Imbagħad ser ngħaddi, fuq il-bażi tal-ewwel interpretazzjoni — mhux problematika — ta’ dan il-punt għall-eżami tal-qalba tad-domandi mqajma miż-żewġ qrati tar-rinviju, dwar il-kundizzjonijiet tal-limiti tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali.

B –    Fuq il-proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE, tal-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 (l-ewwel domanda fil-Kawża C‑293/12)

87.      Bl-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑293/12, il-High Court tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq jekk, fid-dawl tal-Artikolu 5(4) TUE, id-Direttiva 2006/24 hijiex proporzjonata mal-għanijiet li hija trid tilħaq, kemm f’dak li tiġi ggarantita d-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-finijiet tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati serji, kif ukoll li jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, kif ukoll it-tnejn li huma.

88.      Risposta għal din id-domanda hija essenzjali biss fejn jista’ jiġi aċċettat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss, fis-sentenza tagħha L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, fuq il-validità tal-għażla tal-Artikolu 95 KE bħala bażi legali tad-Direttiva 2006/24 filwaqt li ma messitx il-kwistjoni tal-proporzjonalità ta’ dik id-direttiva stess fir-rigward tal-għanijiet li hija trid tilħaq abbażi ta’ din il-bażi legali. Għalhekk, l-argumenti li jsegwu għandhom jiġu inklużi bħala li huma kkundizzjonati minn interpretazzjoni tas-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill li, madankollu, tista’ tibqa’ miftuħa għad-diskussjoni.

89.      Sa fejn it-talba preliminari tal-High Court tqajjem kemm il-kwistjoni tal-proporzjonalità tad-Direttiva 2006/24, tal-att tal-Unjoni stess, fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE, kif ukoll dik tal-proporzjonalità tal-limitazzjonijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jinżamm l-ispirtu li l-kontrolli magħmula skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma ta’ natura differenti (71). Il-proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE hija, flimkien mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, prinċipju ġenerali li jirregola l-azzjoni tal-Unjoni u jikkundizzjona l-adozzjoni tal-atti kollha tal-istituzzjonijiet. Din hija intiża b’mod partikolari li tirregola l-intervent tal-Unjoni fil-limiti tal-kompetenzi tal-Istati Membri. Il-proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta hija kundizzjoni ta’ leġittimità ta’ kull limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali. Għalkemm il-kontrolli magħmula skont iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu jsegwu l-istess triq, dawn, iżda, ma jiġux eżerċitati bl-istess rigorożità.

90.      Wara li ppreċiżajt dan, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-kompetenza kondiviża, bħal dak tas-suq intern (72), huwa obbligu tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiddetermina l-miżuri li huwa jqis neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa, filwaqt li jiġu osservati l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 TUE (73).

91.      F’dan il-każ, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proprzjonalità, il-Kummissjoni mmotivat l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24 fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif jirriżulta mill-proposta tagħha tal-21 ta’ Settembru 2005 (74).

92.      Il-kwistjoni li qajmet il-High Court ma hijiex, madankollu, jekk il-Kummissjoni f’dan il-każ issodisfatx l-obbligi tagħha, imma jekk id-Direttiva 2006/24 stess hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(4) TUE.

93.      Skont ġurisprudenza ripetuta tal-Qorti tal-Ġustizzja, att tal-Unjoni ma jistax jitqies li huwa proporzjonat ħlief jekk il-mezzi użati jkunu adatti biex iwettqu l-għanijiet li jixtieq jilħaq u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet (75).

94.      Id-domanda preliminari tal-High Court tqajjem f’dan ir-rigward diffikultà għal kollox partikolari. F’dan il-każ il-kwistjoni hija jekk, f’dan il-każ, il-proporzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE, tal-miżuri adottati mid-Direttiva 2006/24 għandhiex tiġi evalwata fid-dawl taż-żewġ għanijiet li hija tiddikjara li trid tilħaq, l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-finijiet tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-garanzija tad-disponibbiltà tad-data għall-finijiet tar-repressjoni tal-kriminalità jew ukoll, bil-kontra, fid-dawl tal-għan biss f’relazzjoni diretta mal-bażi legali li fuqha hija kienet ġiet adottata.

95.      F’dan is-sens, għandha ssir distinzjoni bejn l-għan prinċipali tagħha (76), jiġifieri l-funzjonament tas-suq intern, u l-finijiet aħħarin li trid tilħaq, li wieħed jista’ jiddeskrivi b’mod jew ieħor imma fi kwalunkwe każ ma humiex prinċipali. Għal iktar preċiżjoni, l-ewwel nett hemm bżonn li tiġi eżaminata l-proporzjonalità tad-Direttiva 2006/24, fejn tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bil-ġbir, iż-żamma u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-data li għandha effett “kostituttiv”, b’relazzjoni mal-bżonnijiet ta’ armonizzazzjoni ta’ dawn l-obbligi.

96.      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jitfakkar li l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita fuq in-natura xierqa ta’ miżura adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni hija marbuta direttament mas-setgħa diskrezzjonali li għandha (77). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, fl-oqsma fejn l-azzjoni tagħha timplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika jew soċjali u li jeħtieġu kunsiderazzjonijiet u evalwazzjonijiet kumplessi, bħal fl-oqsma tal-politika agrikola komuni (78) jew tal-politika kummerċjali komuni (79), il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa (80) u għadaqstant l-istħarriġ tal-qorti huwa ristrett. Ma huwiex kompitu tagħha li tiddetermina jekk il-miżura adottata kinitx l-unika waħda jew l-aħjar waħda possibbli, imma li tivverfika li tistrieħ fuq elementi oġġettivi (81) u li ma hijiex manifestament mhux xierqa b’relazjoni mal-għan li jrid jintlaħaq (82).

97.      F’dan ir-rigward ma huwiex ikkontestat li d-Direttiva 2006/24 tikkostitwixxi mezz xieraq biex jintlaħaq l-ewwel għan, formali, li hija trid tilħaq, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Hija kkalibrata inkontestabbilment biex telimina d-differenzi leġiżlattivi u tekniċi (83), preżenti u futuri, tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jżommu d-data.

98.      Barra minn hekk, jista’ jiġi ammess, fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet, li l-armonizzazzjoni mwettqa mid-Direttiva 2006/24 kienet neċessarja ħafna għall-finijiet li jitnaqqsu d-differenzi, leġiżlattivi u tekniċi, bejn ir-rekwiżiti imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi dwar it-tipi ta’ data li għandhom jinżammu, il-perijodu ta’ żmien u l-kundizzjonijiet ta’ żamma (84).

99.      Fl-aħħar nett, għandu jiġu eżaminat jekk id-Direttiva 2006/24 tistax titqies li hija proporzjonata fis-sens strett tal-kelma.

100. Issa li wasalt fl-aħħar stadju tal-eżami tal-proporzjonalità tad-Direttiva 2006/24 fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE, għandu jiġi kkonstatat li teżisti sproporzjoni manifesta bejn l-intensità tal-intervent fil-qasam tar-regolarizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali, li jirrappreżenta l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li, permezz tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2006/24, japplika fuq l-Istati Membri, u l-għan dwar il-ħtieġa li jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern li hija trid tilħaq b’mod prinċipali (85) u li jiġġustifika l-adozzjoni tagħha fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE. L-effett li d-Direttiva 2006/24 għandha bil-portata kostituttiva tagħha, fuq il-kompetenzi ta’ regolarizzazzjoni u ta’ garanzija tal-kontenut tad-drittijiet fundamentali tal-Istati Membri ma jistax, f’dan ir-rigward, jiġi ssottovalutat.

101. Id-Direttiva 2006/24, kif urejt iktar ’il fuq, tistabbilixxi obbligu ta’ ġabra u ta’ żamma ta’ data fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li, b’deroga mill-prinċipji stabbiliti mid-Direttiva 95/46 u d-Direttiva 2002/58, jikkostitwixxi ndħil serju fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, b’mod partikolari, li jitħalla kompletament f’idejn l-Istati Membri li jieħdu ħsieb li jiggarantixxu effettivament ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

102. L-indħil serju fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li, bħala konsegwenza tal-effett kostituttiv tad-Direttiva 2006/24, l-Istati Membri huma obbligati li jinkorporaw fl-ordinament ġuridiku tagħhom, jidher għalhekk sproporzjonat mal-unika neċessità li jiġi ggarantit il-funzjonament tas-suq intern, għalkemm għandu jiġi kkunsidrat ukoll li din il-ġabra u din iż-żamma jikkostitwixxu mezzi adegwati u anki meħtieġa għat-twettiq tal-għan aħħari li trid tilħaq din id-direttiva u li hija intiża li tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ din id-data għall-finijiet tal-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali serju. Fil-qosor, id-Direttiva 2006/24 ma tgħaddix mit-test tal-proporzjonalità għar-raġunijiet stess li jiġġustifikaw il-bażi legali tagħha. Paradossalment, il-motivi tagħha li tiġi salvata fir-rigward tal-bażi legali huma l-motivi li għalihom hija ma tistax tiġi aċċettata minħabba l-proporzjonalità.

103. Għaldaqstant il-kwistjoni ma hijiex daqstant sempliċi meta wieħed irid jikkunsidra l-fatt li għan “prinċipali” ma huwiex ekwivalenti għal għan “esklużiv”, għalkemm anki dan l-għan prinċipali kellu rwol determinanti fl-identifikazzjoni tal-bażi legali korretta. Minn dan il-lat, għandu jiġi rrikonoxxut li jeżisti spazju li jfisser li, fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tad-Direttiva 2006/24 fis-sens tal-Artikolu 5(4) TUE, jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan finali ta’ repressjoni tal-attivitajiet kriminali serji li hija trid tilħaq. F’din l-ottika, għandu jiġi ammess mingħajr diffikultà li d-Direttiva 2006/24 tista’ tgħaddi, bħala att tal-Unjoni u jekk għalissa jitħalla fil-ġenb l-eżami tal-proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, it-test ta’ proporzjonalità fis-sens preċiż tal-Artikolu 5(4) TUE u tiġi rrikonoxxuta bħala adegwata, neċessarja kif ukoll proporzjonata fis-sens strett.

104. B’mod definittiv, il-kwistjoni li tqum hija jekk il-problemi ta’ proporzjonalità fis-sens strett li att tal-Unjoni jippreżenta fid-dawl tal-għan prinċipali li jrid jilħaq jistgħux jiġi solvuti billi jittieħed inkunsiderazzjoni għan li jinsab fl-“isfond”. Din il-kwistjoni hija ferm iktar diffiċli biex tiġi deċiża għaliex tippreżenta ruħha f’kuntest li fih il-bażi legali tal-att inkwistjoni kienet ġiet ivvalidata preċiżament fid-dawl tal-għan prinċipali tagħha.

105. Madankollu, sa fejn id-Direttiva 2006/24 għad trid tiġi suġġetta, fil-kwalità tagħha ta’ att li jillimita l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, għal eżami ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiena nqis li ma huwiex meħtieġ li din il-kwistjoni tiġi deċiża b’mod definittiv fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

C –    Fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta (it-tieni domanda fil-Kawża C‑293/12 u l-ewwel domanda fil-Kawż C‑594/12)

106. Kif enfasizzajt diġà iktar ’il fuq, id-Direttiva 2006/24, li tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet adottati mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ dak li jidher possibbiltà prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, tistabbilixxi sistema parzjalment ta’ deroga mill-prinċipji stabbiliti minn din tal-aħħar u mid-Direttiva 95/46 u li tiggarantixxi d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u, iktar fil-wisa’ d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata.

107. Iktar inġenerali, l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li jikkostitwixxi d-Direttiva 2006/24 huwa ammissibbli biss sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, bil-kundizzjoni għalhekk li jkun “previst mil-liġi” u, għal iktar preċiżjoni, li jissodisfa r-rekwiżiti tal-kwalità tal-liġi, li jirrispetta l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u li jkun proporzjonat, jiġifieri li jkun neċessarju u li jwieġeb effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew għall-bżonn ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

1.      Fuq il-kwalità tal-liġi

108. F’dan il-każ għandu jiġi ppreċiżat li, filwaqt li l-ġabra u ż-żamma tad-data għall-finijiet tad-disponibbiltà tagħha hija prevista mid-Direttiva 2006/2, l-indħil fid-dritt għar-rispett għall-ħajja privata li tikkostitwixxi għandu jitqies li huwa formalment previst bil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

109. Wara li ppreċiżajt dan, l-idea tal-kundizzjoni li tkun “prevista mil-liġi” tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3) tal-Karta, għandha tkun qrib dik difiża mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jiġifieri tkun kundizzjoni li tmur lil hinn minn rekwiżit purament formali biex wieħed jifhem in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-liġi (“kwalità tal-liġi”) (86), biex tiġi espressa fi kliem l-iktar sempliċi possibbli (87).

110. Huwa veru li tali eżami jista’ wkoll isib postu fil-kuntest ta’ analiżi ddettaljata tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni (88). Madankollu, sabiex inkun fidil għall-approċċ tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, jekk ir-raġunijiet l-oħrajn ma humiex biżżejjed, jiena nqis li għandi niffavorixxi l-ewwel għażla.

111. Skont qari iktar minn formali tar-rekwiżit li kull limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi, il-kwistjoni li tqum hija dik li jsir magħruf jekk il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali li ġġib magħha d-Direttiva 2006/24 jinkludux livell indispensabbli ta’ dettall li għandhom ikollhom il-garanziji li magħhom hemm dawk il-limitazzjonijiet.

112. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jipprevedi li l-Istati Membri huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-data miżmuma tiġi trasmessa biss lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, f’każijiet speċifiċi u skont id-dritt nazzjonali. It-tieni sentenza tippreċiża li “[l]-proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma skond ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità għandhom jiġu definiti minn kull Stat Membru fil-liġi nazzjonali tiegħu, suġġetti għad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-liġi pubblika internazzjonali, b’mod partikulari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif interpretata mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem”.

113. Id-diffikultajiet li naffaċċjaw b’din id-Direttiva 2006/24, ippermettuli nirripeti, huma li din hija direttiva li tipprova biss tistabbilixxi obbligu li jaqa’ fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jiġbru u li jżommu data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u mhux il-garanziji li għandhom jirregolaw l-aċċess għal din id-data miżmuma u l-isfruttament tagħha. Id-Direttiva 2006/24, kif rajna, tħalli b’mod ġeneriku f’idejn l-Istati Membri (89).

114. Ippreżentata b’dan il-mod, il-kwistjoni li tqum hija biss jekk ir-rekwiżit li kull limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali hija “prevista mil-liġi” jistax jiġi ssodisfatt b’dan ir-riferiment ġenerali, u jinkludi riferiment espress għad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 95/46 u d-Direttiva 2002/58.

115. F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel nett, li sitwazzjoni li fiha l-Unjoni tillimita ruħha li tadotta leġiżlazzjoni li ġejja mill-armonizzazzjoni ta’ dispożizzjonijiet adottati invarjabbilment mill-maġġoranza tal-Istati Membri ma hijiex paragunabbli ma’ sitwazzjoni li fiha l-Unjoni tiddeċiedi, b’mod addizzjonali, fuq il-ġeneralizzazzjoni ta’ leġiżlazzjoni bħal din.

116. Fl-ewwel każ, l-Unjoni tista’ tipproċedi kif għamlet fid-Direttiva 2002/58, jiġifieri billi tħalli essenzjalment f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali l-kompitu li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni adottata bl-inizjattiva tagħhom stess u li tinkludi limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali, ikun fiha l-garanziji kollha neċessarji biex dawn il-limitazzjonijiet u l-applikazzjoni tagħhom (“aċċess”) jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ kwalità tal-liġi u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

117. Fi-tieni każ, bil-kontra, meta l-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali tiġi mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni stess, u għaldaqstant tkun imputabbli lilha, hija kwistjoni oħra l-parti tar-responsabbiltà li taqa’ fuq il-leġiżlatur tal-Unjoni. Fil-każ ta’ direttiva, huwa ċar li jkunu l-Istati Membri li huma obbligati jispeċifikaw il-garanziji li għandhom jinkwadraw il-limitazzjoni tad-drittijiet fundmentali f’każ bħal dak li jirrigwardana llum. Madankollu, jidher ukoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu jkollu rwol ta’ direzzjoni fid-definizzjoni stess ta’ dawn il-garanziji. Huwa minn din il-perspettiva li għandu jiġi eżaminat ir-rispett tar-rekwiżit għall-kwalità tal-liġi.

118. Fi kliem ieħor, it-tranżizzjoni minn sistema fakoltattiva, bħal dik li tista’ titwaqqaf fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, għal sistema preskrittiva fil-maturità tagħha, bħal dik stabbilita mid-Direttiva 2006/24, kellha jkollha magħha evoluzzjoni parallela għal dak li jirrigwarda l-garanziji u għalhekk twassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni li jillimita b’mod ewlieni d-delega wiesgħa ħafna mogħtija lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-aċċess għad-data u l-isfruttament tagħha bl-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet fil-forma ta’ prinċipji.

119. Fil-fatt, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll id-Direttiva 2002/58 jippreċiżaw li l-miżuri ta’ limitazzjoni tad-drittijiet iggarantiti kif ukoll l-Istati Membri huma awtorizzati li jadottaw għandhom ikunu ta’ natura leġiżlattiva (90). Id-Direttiva 2006/24 issemmi biss marġinalment dan ir-rekwiżit formali (91), u b’hekk iddgħajjef il-livell ta’ garanziji stabbiliti fid-direttivi li minnhom hija tidderoga (92).

120. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jadotta att li jimponi obbligi li jikkostitwixxu ndħil serju fid-drittijiet fundmentali taċ-ċittadini tal-Unjoni, ma jistax iħalli għal kollox f’idejn l-Istati Membri d-definizzjoni tal-garanziji ta’ natura li jiġġustifikawhom. Huwa ma jistax sempliċement jirreferi għall-awtoritajiet leġiżlattivi u/jew amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri msejħa, jekk meħtieġ, biex jadottaw miżuri nazzjonali ta’ eżekuzzjoni ta’ att tali u jħallihom jiddefinixxu u jistabbilixxu dawn il-garanziji, u lanqas li jħalli kompletament f’idejn l-awtoritajiet ġudizzjarji fdati biex jistħarrġu l-applikazzjoni konkreta tiegħu. Huwa għandu, u jekk le jkun qed iċaħħad mis-sens tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jassumi għal kollox il-parti ta’ responsabbiltà tiegħu billi jiddefinixxi tal-inqas il-prinċipji li huma l-bażi tad-definizzjoni, tat-twaqqif, tal-applikazzjoni u tas-sorveljanza tar-rispett ta’ dawn il-garanziji.

121. Intqal u ġie rripetut li d-Direttiva 2006/24, kif jindika l-Artikolu 4 tagħha (93), ma rregolatx l-aċċess (94) għad-data miġbura u miżmuma u lanqas l-isfruttament tagħha, billi barra minn hekk huwa kkunsidrat li ma setgħetx tagħmel dan minħabba t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni (95). Imma, il-kwistjoni li tqum issa hi preċiżament dik ta’ jekk l-Unjoni tistax (96) tistabbilixxi miżura bħall-obbligu tal-ġbir u taż-żamma tad-data inkwistjoni fil-perijodu taż-żmien mingħajr fl-istess ħin ma tiġi llimitata bil-garanziji fuq il-kundizzjonijiet li l-aċċess għaliha u l-isfruttament tagħha jkunu suġġetti, tal-inqas taħt il-forma ta’ prinċipji. Huwa preċiżament din il-limitazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess u ta’ sfruttament tad-data miġbura u miżmuma li jippermetti lil dak li jkun jimmaġina xi jfisser konkretament dan l-indħil u li għalhekk jistax jippermetti li dan ikun kostituzzjonalment sopportabbli jew le.

122. Fil-fatt teżisti relazzjoni intima bejn il-konfigurazzjoni konkreta tal-obbligu ta’ ġbir u ta’ żamma tad-data u l-kundizzjonijiet li fihom dawn huma, jekk ikun il-każ, imqiegħda għad-dispożizzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u sfruttati minnhom. Hemm lok li jiġi kkunsidrat ukoll li mingħajr l-għarfien tal-mod kif dan l-aċċess jew dan l-isfruttament jistgħu jsiru, ma jkunx verament possibbli li tingħata deċiżjoni fondata fuq l-indħil li joħolqu l-ġbir u ż-żamma inkwistjoni.

123. Meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-bażi legali tad-Direttiva 2006/24 kienet dik li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li l-kumpless tal-modalitajiet ta’ aċċess għad-data u l-isfruttament tagħha ma setax jiġi inkorporat fid-dispożizzjonijiet tagħha, l-effett kostituttiv tal-obbligu ta’ ġabra u ta’ żamma li ġabet kien ifisser li kellha magħha sensiela ta’ garanziji prinċipali bħala żieda neċessarja u indispensabbli. Għal dan l-iskop, ir-riferiment ġenerali għall-Istati Membri ma huwiex biżżejjed u s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 95/46 (97) jew anki mid-Deċiżjoni Qafas 2008/977 (98) ma tippermettix li dan jiġi rrimedjat fin-nuqqas li jigi applikat.

124. Anki jekk tiġi aċċettata d-diviżjoni msemmija mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, u filwaqt li naqbel għal kollox mal-fehma tiegħu li, għall-inqas f’dak iż-żmien, kien diffiċli li jiġu inkorporati garanziji dwar l-aċċess għad-data miżmuma, xejn ma jipprekludi li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta jiddefinixxi l-obbligu tal-ġbir u taż-żamma tad-data, jinkludi miegħu sensiela ta’ garanziji fil-forma tal-inqas ta’ prinċipji, li għandhom jiżviluppaw l-Istati Membri sabiex jiġi llimitat l-isfruttament tagħha u, b’dan stess, biex tiġi ddefinita l-miżura preċiża u l-profil komplet tal-indħil li jġib miegħu.

125. Għalhekk, u mingħajr ma wieħed ikun eżawrjenti, huwa l-leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jiddefinixxi l-prinċipji fundamentali li kellhom jirregolaw id-definizzjoni tal-garanziji minimi li jillimitaw l-aċċess għad-data miġbura u miżmuma u l-isfruttament tagħha, u fosthom jistgħu jiġu ċċitati dawn li ġejjin.

126. Għandu l-obbligu jagħti, fir-rigward tal-intensità tal-indħil, id-deskrizzjoni tal-attivitajiet kriminali li jistgħu jiġġustifikaw l-aċċess tal-awtoritjajiet nazzjonali kompetenti għad-data miġbura u miżmuma li tinkorpora grad ta’ preċiżjoni li jmur lil hinn minn dak ta’ “reati serji” (99).

127. Kien ikun neċessarju li jidderieġi l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fuq l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess għad-data miġbura u miżmuma billi dan tal-aħħar jiġi llimitat, jekk mhux għall-awtoritajiet ġudizzjarji (100) biss, għall-inqas għall-awtoritajiet indipendenti, jew anki, fin-nuqqas, billi kull talba għal aċċess tkun suġġetta għas-sorveljanza tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew għal awtoritajiet indipendenti u jimponi eżami każ b’każ għat-talbiet ta’ aċċess sabiex tiġi llimitata d-data kkomunikata għal dak li huwa strettament meħtieġ.

128. Seta’, bl-istess mod, ikun mistenni li jimponi bħala prinċipju l-possibbiltà għall-Istati Membri li jipprevedu eċċezzjonijiet għall-aċċess għad-data miżmuma f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, li jsaħħaħ ukoll il-kundizzjonijiet ta’ aċċess f’każijiet fejn aċċess bħal dan ikun jista’ jippreġudika drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta, bħal fil-kuntest tad-dritt għas-sigriet mediku.

129. Il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu jistabbilixxi l-prinċipju tal-obbligu, għall-awtoritajiet awtorizzati li jaċċedu għad-data, minn naħa, li jħassruha ladarba tiskadi l-utilità tagħha u, min-naħa l-oħra, li jiġu informati l-persuni kkonċernati b’dan l-aċċess, tal-inqas a posteriori, meta jiġi evitat kull riskju li din l-informazzjoni tista’ tippreġudika l-effettività tal-miżuri li jiġġustifikaw l-isfruttament ta’ din id-data.

130. In-neċessità tad-diversi garanziji enumerati, mingħajr ma huma eżawrjenti, hija sostnuta miċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni stess, wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2006/24, kien adotta d-Direttiva Qafas 2008/977, li tiggarantixxi l-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, u kien stabbilixxa preċiżament garanziji ta’ din in-natura, għalkemm fil-kuntest biss tat-trażmissjonijiet ta’ data bejn l-Istati Membri. Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977 fil-fatt teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha dak li ma jirrigwardax skambji bejn l-Istati Membri, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 9 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977 (101).

131. Biex nikkonkludi, id-Direttiva 2006/24 hija fil-kumpless tagħha inkompatibbli mal-Artikolu 52(1) tal-Karta sa fejn il-limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali previsti fiha, għaliex l-fatt tal-obbligu taż-żamma ta’ data li timponi, ma jipprevedix prinċipji indipensabbli sabiex jirregolaw il-garanziji meħtieġa għal-limitazzjoni tal-aċċess għal dik id-data u l-isfruttament tagħha.

132. Għandu jerġa’ jiġi osservat f’dan ir-rigward li l-fatt li l-Istati Membri ta’ spiss, fuq inizjattiva tagħhom stess u minħabba r-rekwiżiti tagħhom fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, ikunu stabbilixxew il-garanziji li d-Direttiva 2006/24 ma tifformulax hija stess (102) huwa ċertament ċirkustanza li ser tittieħed inkunsiderazzjoni kif ser naraw iktar ’l isfel, imma din naturalment ma teħlisx mir-responsabbiltà lil-leġiżlatur tal-Unjoni.

2.      Fuq il-proporzjonalità fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta

133. L-Artikolu 52(1) tal-Karta jeżiġi mhux biss li kull limitazzjoni tal-eżerċiżżju tad-drittijiet fundamentali tkun “prevista mil-liġi”, imma anki li ssir b’osservanza stretta, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, kif enfasizzat diġà, jikseb, fil-kuntest tal-Karta, saħħa partikolari, li ma għandux fil-kuntest tal-Artikolu 5(4) TUE. Fil-fatt dak li qed jiġi ammess hawnhekk ma huwiex il-proporzjonalità bħala prinċipju ġenerali tal-azzjoni tal-Unjoni imma, ħafna iktar speċifikament, il-proporzjonalità bħala kundizzjoni li tikkostitwixxi kull limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali.

134. F’din il-perspettiva, it-tfittxija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-għan mixtieq mid-Direttiva 2006/24, jiġifieri li tiġi ggarantita d-disponibbiltà tad-data miżmuma għall-finijiet tal-prosekuzjoni ta’ reati kriminali serji, tista’ tiġi aċċettata biss bil-kundizzjoni li tkun irrikonċiljata, b’mod partikolari, mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata (103).

135. Għalhekk għandu jingħad li, fir-rigward tar-rekwiżiti, eżaminati iktar ’l fuq, li jimponu li l-“liġi” tillimita, għall-inqas fil-forma ta’ prinċipji, ta’ garanziji suffiċjenti għall-aċċess għad-data miġbura u miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u l-isfruttament tagħha, il-proporzjonalità taż-żamma stess tad-data imposta mid-Direttiva 2006/24 ma titlobx iktar eżami partikolarment iddettaljat, b’eċċezzjoni waħda, lil hinn minn dan li ġej.

136. Id-Direttiva 2006/24 fil-fatt għandha għan perfettament leġittimu, jiġifieri li tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ data miġbura u miżmuma għall-finijiet tat-tiftix, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati serji, u tista’ titqies, fid-dawl tal-istħarriġ limitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ teżerċita f’dan ir-rigward, li hija adegwata u anki, taħt riżervi ta’ garanziji li għandha jkollha, neċessarja għat-twettiq ta’ dan l-għan aħħari (104). Huma dawn il-garanziji li, b’mod partikolari, jistgħu jiġġustifikaw il-lista ta’ kategoriji ta’ data li għandha tinżamm, prevista fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/24, li ċertament hija twila ħafna.

137. Il-fatt li huwa possibbli li wieħed jevita l-influwenza tad-Direttiva 2006/24 bl-użu ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni huwa, ċertament, inkontestabbilment ta’ natura li jirrelativizza kunsiderevolment l-effiċjenza stess tas-sistema tal-ġbir ta’ data ta’ traffiku u ta’ lokalizzazzjoni li hija timponi, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Għalhekk hija ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li l-ġbir u ż-żamma tad-data huma fihom infushom totalment mhux xierqa għat-twettiq tal-għanijiet li jridu jintlaħqu. U lanqas ma tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-ġabra u ż-żamma tad-data dwar komunikazzjonijiet elettroniċi kurrenti huma manifestament totalment mingħajr ebda utilità.

138. Madankollu, mill-perspettiva tal-ħtieġa u tal-miżura, għandha ssir insistenza hawnhekk fuq l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/24, li jipprevedi l-obbligu għall-Kummissjoni li tagħmel evalwazzjoni (105) waħda (106) fuq l-applikazzjoni tagħha, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-istatistika li għandhom jistabbilixxu l-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 10 tagħha, u biex jiġu proposti fuq din il-bażi l-emendi meħtieġa fil-każ, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-lista tal-kategoriji ta’ data li għandha tinġabar u tinżamm u kemm din għandha ddum.

139. F’dan is-sens, u billi d-Direttiva 2006/24 ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tipprevedi l-iskadenza tagħha (“sunset clause”), huwa d-dmir tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel evalwazzjoni mill-ġdid kull tant żmien taċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-limitazzjoni kkaratterizzata mill-eżerċizzju tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li din tfisser, biex b’hekk ikun jista’ jeżamina kemm ser idumu dawn iċ-ċirkustanzi u biex din il-limitazzjoni tiġi rregolata, jew anki mneħħija.

140. Wara li ppreċiżajt dan, l-eċċezzjoni li ser insemmi tirrigwarda l-proporzjonalità tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24, li tiddefinixxi kemm iddum iż-żamma tad-data miġbura.

141. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24 jistabbilixxi wieħed mill-elementi fundmentali taż-żamma tad-data li hija tarmonizza jew, jekk ikun il-każ, timplementa, jiġifieri l-portata tagħha limitata ratione temporis. Fil-fatt, id-data kollha miżmuma fil-prinċipju tgħib biż-żmien u tassew ma jistax ikun mod ieħor. Madankollu, b’differenza mill-prinċipju stabbilit bid-Direttiva 2002/58, li l-Artikolu 6(1) tagħha jistabbilixxi t-tħassir jew l-anonimizzazzjoni tad-data ta’ traffiku pproċessata u maħżuna meta hija ma tibqax meħtieġa għat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni(107), l-obbligu li jiġi żgurat l-għajbien ta’ din id-data ma joperax b’mod kważi immedjat, imma meta jgħaddi ċertu żmien biss. L-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu ż-żamma tad-data miġbura għal perijodu ta’ żmien li fl-ebda każ ma jkun inqas minn sitt xhur u li, bla ħsara għad-deroga prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/24, ma jistax jaqbeż is-sentejn, u l-iffissar konkret ta’ dan it-tul ta’ żmien jorbot lil-leġiżlaturi nazzjonali.

142. B’din il-previżjoni, iż-żamma tad-data (“data retention”) li qed neżaminaw tikseb dimensjoni ta’ kontinwità ratione temporis li tikkontribwixxi b’mod deċiżiv għall-gravità tal-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata li tinvolvi d-Direttiva 2006/24, b’mod partikolari bl-oppożizzjoni għall-indħil li tipproduċi ż-żamma ta’ data a posteriori (“data preservation”), li hemm qbil li tissejjaħ il-“quick freeze” (108). L-idea li l-akkumulu tad-data inkwistjoni ma jistax jintilef matul ċertu żmien hija waħda mill-aspetti ewlenin ta’ miżura li għandha l-ambizzjoni li tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi kapaċità ta’ reazzjoni superjuri fir-rigward ta’ ċerti forom gravi ta’ kriminalità. Madankollu, il-kwistjoni hija jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24, fil-forma ta’ minimu ta’ sitt xhur u ta’ massimu ta’ sentejn, jirrispondux b’mod adegwat għar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

143. F’dan is-sens, ladarba jista’ jitqies li huwa aċċettat li l-miżura hija fiha nnifisha leġittima u adegwata, jibqa’ biex tiġi kkunsidrata n-neċessità tagħha u, b’mod konkret, sabiex jiġi vverifikat jekk miżura li toħloq inqas tfixkil fit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni tistax tippermetti li jintlaħaq l-għan mixtieq. Minn dan l-aspett nixtieq nippreċiża li wieħed ma għandux jikkuntenta ruħu jikkunsidra li huma l-Istati Membri li jassumu l-unika responsabbiltà tal-iffissar eventwali ta’ terminu ta’ żamma li jilħaq is-sentejn. Mill-mument meta d-Direttiva 2006, fil-funzjoni ta’ armonizzazzjoni tagħha, tieħu l-limitu massimu ta’ żamma ta’ data għal sentejn, din il-previżjoni għandha hija stess tkun suġġetta għall-istħarriġ tal-proporzjonalità. Fuq dan il-punt bilkemm huwa meħtieġ li jitfakkar li l-kwistjoni ma hijiex dik jekk, mill-aspett tar-repressjoni tal-attivitajiet kriminali serji, perijodu itwal ta’ żamma u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni huwiex preferibbli minn perijodu iqsar, imma jekk, fil-qafas ta’ eżami tal-proporzjonalità tiegħu, huwiex speċifikament meħtieġ.

144. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar fl-ewwel lok li akkumulu ta’ data f’postijiet indeterminati taċ-ċiberspazju, bħal f’dan il-każ, dejjem dwar persuni konkreti u partikolari, għandu t-tendenza, idum kemm idum, li tiġi pperċepita bħala anomalija. Fil-prinċipju, tali stat ta’ “żamma” ta’ data dwar il-ħajja privata, anki meta tibqa’ hekk biss, qatt ma għandha teżisti u, jekk teżisti, tibqa’ teżisti inkunsiderazzjoni ta’ bżonnijiet ewlenin oħra tal-ħajja soċjali. Sitwazzjoni bħal dik tista’ tkun eċċezzjonali biss u, f’dan is-sens, ma tistax iddum fiż-żmien iktar milli huwa indispensabbli.

145. It-tul ta’ żmien li jista’ jitqies li huwa ammissibbli fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jistax jiġi ddeterminat mingħajr ma jiġi rrikonoxxut li l-leġiżlatur għandu marġni ċerta ta’ diskrezzjoni. Madankollu dan ma jfissirx li kull stħarriġ, anki delikat, ta’ proporzjonalità huwa eskluż fuq dan il-punt.

146. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa utli li nfakkar li l-bniedem jgħaddi l-eżistenza tiegħu għal żmien limitat fejn jikkonverġu kemm il-passat, l-istorja tiegħu stess u fl-aħħar mill-aħħar il-memorja tiegħu, kif ukoll il-preżent, l-esperjenza x’aktarx immedjata, il-konsapevolezza ta’ dak li qed jgħix (109). Anki jekk huwa diffiċli li tiġi ddefinita, linja tissepara l-passat mill-preżent, li hija ċertament differenti għal kull wieħed u waħda minna. Dak li jidher li huwa ftit diskutibbli, hija l-possibbiltà li ssir id-distinzjoni bejn il-perċezzjoni tal-preżent u l-perċezzjoni tal-imgħoddi. F’kull waħda minn dawn il-perċezzjonijiet, il-konsapevolezza tal-ħajja tiegħu, il-“ħajja privata” waħidha, bħala ħajja “rreġistrata” tista’ tkun rilevanti. U hemm differenza skont jekk din il-“ħajja rreġistrata” hijiex dik li wieħed jipperċepixxi bħala preżenti jew dik li wieħed jgħix bħala l-istorja proprja tiegħu.

147. Jiena nqis li dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu pproġettati fuq l-analiżi tal-proporzjonalità tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24. Peress illi l-prinċipju taż-żamma ta’ kull dokumentazzjoni personali bħal din matul ċertu żmien huwa meqjus li huwa leġittimu, tibqa’ l-mistoqsija jekk huwiex inevitabbli, jiġfieri neċessarju, li dan il-prinċipju jiġi impost fuq l-individwi fuq perijodu ta’ żmien li jkopri mhux biss iż-“żmien preżenti” imma wkoll iż-“żmien storiku”.

148. F’dan is-sens, u bil-konsapevolezza kollha tas-suġġettività li dan ifisser, jista’ jitqies li tul ta’ żmien ta’ żamma ta’ data personali “li jitkejjel f’xhur” għandu jiġi ddifferenzjat minn tul ta’ żmien “li jitkejjel fi snin”. Tal-ewwel jikkorrispondi ma’ dak fil-ħajja li jiġi pperċepit bħala l-preżent u tat-tieni ma’ dak li fil-ħajja jiġi pperċepit bħala memorja. L-indħil fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata huwa, f’din il-perspettiva, kull darba differenti u l-ħtieġa ta’ kull indħil minn dan għandu jkun jista’ jiġi ġġustifikat.

149. Jekk il-ħtieġa ta’ ndħil fid-dimensjoni taż-żmien preżenti tidher li hija suffiċjentement ġġustifikata, jiena ma nsib l-ebda ġustifikazzjoni għal indħil mifhum bħala żmien storiku. Sabiex nesprimi ruħi b’mod iktar dirett, u mingħajr ma niċħad li hemm attivitajiet kriminali li jiġu ppreparati għal żmien twil bil-quddiem, jiena ma sibt, fil-pożizzjonijiet differenti li jiddefendu l-proporzjonalità tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24, l-ebda ġustifikazzjoni suffiċjenti sabiex it-tul ta’ żmien ta’ żamma ta’ data li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri ma għandux jibqa’ f’limitu ta’ inqas minn sena. Fi kliem ieħor, u bil-prudenza kollha li din id-dimensjoni ta’ stħarriġ ta’ proporzjonalità dejjem tieħtieġ, l-ebda argument ma jikkonvinċini bil-ħtieġa li tittawwal iż-żamma tad-data għal iktar minn sena.

150. Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat ukoll li d-Direttiva 2006/24 toffri hija stess argument addizzjonali mas-sistema ta’ proroga tal-perijodu ta’ żmien massmu ta’ żamma ta’ data li hija toħloq. L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva fil-fatt joffri l-possibbiltà lill-Istati Membri kkonfrontati b’ċirkustanzi partikolari, f’dan il-każ mhux iddefiniti, li jtawlu l-perijodu massimu ta’ żamma deċiż skont l-Artikolu 6 tagħha. Madankollu, titwil bħal dan ikun possibbli biss għal perijodu limitat, għandu jkun motivat u nnotifikat lill-Kummissjoni li għandha terminu ta’ sitt xhur biex tiddeċiedi fuq il-miżuri previsti, jiġifieri tivverifika jekk dawn jirrappreżentawx mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija għall-iskambji bejn l-Istati Membri u jekk jikkostitwixxux ostakolu għall-funzjonament tas-suq intern.

151. Għalkemm il-Kummissjoni ma tistax, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2006/24 tirrifjuta dawn il-miżuri ħlief għal raġunijiet limitati biss, l-eżistenza ta’ din is-sistema ta’ proroga toħloq fija l-idea li l-iffissar, permezz tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, ta’ tul ta’ żmien massimu ta’ żamma ta’ data li jista’ jdum sa sentejn fl-assenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali ma huwiex meħtieġ u għandu jitqies li huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 52(1) tal-Karta.

152. Isegwi li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 7 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn jimponi fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tagħha tinżamm għal tul ta’ żmien li jista’ jilħaq is-sentejn.

D –    Fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑293/12

153. Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ sensiliet ta’ domandi tal-qrati tar-rinviju dwar il-validità tad-Direttiva 2006/24, ma jidhirlix li huwa meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari magħmula mill-High Court fil-Kawża C‑293/12, fuq l-obbligi ta’ eżami u ta’ evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva mal-garanziji previsti mill-Karta li jaqgħu fuq il-qrati nazzjonali. Madankollu, u għal kull bonfini, jidhirli li, kif enfasizzaw il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet fuq dan il-punt, din id-domanda titlob evidentement risposta pożittiva fir-rigward tad-dispożizzjonijiet u fil-kuntest tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (110).

VI – Fuq l-effetti ratione temporis tal-invalidità kkonstatata

154. Fir-rigward tal-konklużjonijiet li wassluni għall-argumenti preċedenti, fadalli neżamina l-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tad-Direttiva 2006/24 ratione temporis.

155. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, l-invalidità ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-deċiżjoni tagħha għandha bħala konsegwenza ġuridika li tobblighom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw l-illegalità kkonstatata, bl-obbligu stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE fil-każ ta’ sentenza ta’ annullament li japplika f’każ simili b’analoġija (111).

156. Madankollu, meta jkun hemm kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbenefika, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli b’analoġija fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari fl-evalwazzjoni ta’ validità tal-atti tal-Unjoni skont l-Artikolu 267 TFUE, minn setgħa diskrezzjonali biex tindika, f’kull każ partikolari, dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi (112).

157. Fil-każijiet fejn il-konstatazzjoni ta’ invalidità ta’ att tal-Unjoni tkun ibbażata fuq ksur ta’ drittijiet fundamentali, l-ibbilanċjar ta’ interessi differenti eżistenti għandu jkun suġġett għal eżami attent ħafna. F’dan il-każ, ir-rilevanza u anki l-urġenza tal-għanijiet aħħarin tar-restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni ma humiex, minn naħa, fid-dubju. L-invaliditajiet ikkonstatati huma, min-naħa l-oħra, ta’ natura singolari. Minn naħa, id-Direttiva 2006/24 hija invalida minħabba l-assenza ta’ limitazzjoni suffiċjenti tal-garanziji li jirregolaw l-aċċess għad-data miġbura u miżmuma u l-isfruttament tagħha (kwalità tal-liġi), li madankollu tista’ tiġi korretta fil-kuntest tal-miżuri ta’ traspożizzjoni adottati mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri, b’mod ġenerali u kif jirriżulta mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’moderazzjoni għar-rigward tat-tul ta’ żmien massimu taż-żamma tad-data.

158. F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jibqgħu sospiżi l-effetti tal-konstatazzjoni ta’ invalidità tad-Direttiva 2006/24, iż-żmien biex il-leġiżlatur tal-Unjoni jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedja l-invalidità kkonstatata, billi jiġi ppreċiżat li dawn il-miżuri għandhom jittieħdu fi żmien raġonevoli.

VII – Konklużjoni

159. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-High Court fil-Kawża C‑293/12 u mill-Verfassungsgerichtshof fil-Kawża C‑594/12 bil-mod li ġej:

“1)      Id-Direttiva 2006/24 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE hija fil-kumpless tagħha inkompatibbli mal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-limitazzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali li tagħmel, minħabba l-obbligu taż-żamma ta’ data li timponi, ma għandux miegħu prinċipji indipensabbli neċessarji sabiex jirregolaw il-garanziji meħtieġa għal-limitazzjoni tal-aċċess għal din id-data u l-isfruttament tagħha.

2)      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/24 huwa inkompatibbli mal-Artikolu 7 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu li d-data msemmija fl-Artikolu 5 tagħha tinżamm għal tul ta’ żmien li l-limitu tiegħu huwa ffissat għal sentejn.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – F’dan il-każ din hija d-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ networks ta’ komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54).


3 – Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4 – Għandu jiġi osservat li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 ikkawżat diversi rikorsi biex jiġi kkonstatat li kien hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 260(3) TFUE għadu pendenti (Kawża C‑329/12, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja).


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355. Fuq il-kwistjoni mqajma mit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑518/07, Ġabra p. I‑1885) ; tas-16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑614/10); ara wkoll, f’sens iktar wiesa’, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, Ġabra p. I‑4989); tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, Ġabra p. I‑12971); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, Ġabra p. I‑9705); u Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia (C‑73/07, Ġabra p. I‑9831); tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer (C‑553/07, Ġabra p. I‑3889); tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, Ġabra p. I‑11063); tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, Ġabra p. I‑11959) u ASNEF u FECEMD (C‑468/10 u C‑469/10, Ġabra p. I‑12181), kif ukoll tat-30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12).


6 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514. Fuq il-kontenzjuż li tqajjem mit-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, ara s-sentenzi tat-28 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑375/04) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑376/04) kif ukoll tal-1 ta’ Ġunju 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑475/04); ara wkoll, f’sens iktar wiesa’, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, Ġabra p. I‑271); id-digriet tad-19 ta’ Frar 2009, LSG-Gesellschaft zur Wahrnehmung von Leistungsschutzrechten (C‑557/07, Ġabra p. I‑1227); is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, Ġabra p. I‑3441); Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq; tad-19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10), tat-22 ta’ Novembru 2012, Probst (C‑119/12).


7 – Iktar ’il quddiem l-“Att tal-2005 dwar il-ġustizzja kriminali”.


8 – Datenschutzgesetz 2000, BGBl I 165/1999, fil-verżjoni ppubblikata fil-BGBl. I 112/2011, iktar ’il quddiem id-“DSG”.


9 – Bundesgesetz, mit dem das Telekommunikationsgesetz 2003 – TKG 2003 geändert wird, BGBl I 27/2011


10 – Telekommunikationsgesetz 2003, iktar ’il quddiem it-“TKG 2003”.


11 – Ara, dwar il-kliem ta’ dan l-artikolu, l-Anness I, subparagrafu III.2.


12 – Iktar ’il quddiem “DRI”.


13 – Iktar ’il quddiem, il-“KEDB”.


14 – Iktar ’il quddiem, il-“B-VG”.


15 – Iktar ’il quddiem l-“IHRC”.


16 – Iktar ’il quddiem il-“KEPD”.


17 – C‑301/06, Ġabra p. I‑593.


18 – Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46.


19 – Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 95/46.


20 – Ara l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46.


21 – Ara l-Artikolu 12 tad-Direttiva 95/46.


22 – Ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46.


23 – Ara l-Artikolu 22 tad-Direttiva 95/46.


24 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 2, p. 1).


25 – Skont il-kliem stess tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2002/58.


26 – Ara l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/58.


27 – Ara, b’mod partikolari, minbarra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.


28 – Ara l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58.


29 – L-enfasi hija tiegħi.


30 – Ara, b’mod partikolari, l-ewwel sitt premessi tad-Direttiva 2006/24.


31 – Għall-kumdità tal-espressjoni, ser nirreferi sempliċement, fl-argumenti li ser nagħmel iktar ’l isfel, għall-“fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.


32 – Ara l-premessa 21 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24.


33 – Ara l-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2006/24.


34 – L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/24 jippreċiża li l-obbligu taż-żamma tad-data li jistabbilixxi huwa hekk b’deroga mill-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58.


35 – Ara l-punt 84.


36 – Skont l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 80 tas-sentenza tagħha L‑Irlanda vs Il‑Parlament.


37 – Ara l-punti 80 u 81.


38 – Ara l-punt 72.


39 – Ara l-punti 63, 65 sa 69


40 – Ara l-punti 64 u 70.


41 – F’dan il-każ dan huwa biex jiġi evitat li d-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti ma jiżdidux; ara s-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 64 u 70).


42 – L-enfasi hija tiegħi.


43 – Il-premessa 5 tad-Direttiva 2006/24 tindika li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali “jvarjaw b’mod konsiderevoli”


44 – L-enfasi hija tiegħi.


45 – Ara, iktar ’l isfel, il-punt 72, l-argumenti li niddedika għal dan s-sentiment.


46 – Skont id-duttrina msejħa “chilling effect” (effett dissważiv). US Supreme Court, Wiemann vs Updegraff, 344 US 183 (1952); Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Altuğ Taner Akçam vs It-Turkija tal-25 ta’ Ottubru 2011, Rikors Nru 27520/07, § 81; ara, b’mod partikolari, “The Chilling Effect in Constitutional Law”, Columbia Law Review, 1969, Volum 69, Nru 5, p. 808.


47 – Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2008, dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali (ĠU L 350, p. 60).


48 – Kif diġà kelli okkażjoni nispjega fil-punti 74 sa 80 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Scarlet Extended, iċċitata iktar ’il fuq.


49 – Fuq dan il-kunċett, ara b’mod partikolari W. Hoffmann-Riem, “Informationelle Selbstbestimmung in der Informationsgesellschaft – auf dem Wege zu einem neuen Konzept des Datenschutzes”, Archiv des öffentlichen Rechts, 1998, Volum 123, p. 513; kif ukoll Y. Poullet, u A. Rouvroy, “Le droit à l’autodétermination informationnelle et la valeur du développement personnel. Une réévaluation de l’importance de la vie privée pour la démocratie”, fi État de droit et virtualité, K. Benyekhlef, u P. Trudel, ed., Thémis, Montreal 2009, p. 158.


50 – Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2006/24.


51 – Ara l-premessa 20 tad-Direttiva 2006/24.


52 – F’dan is-sens, punt 51 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża li tat lok għas-sentenza Promusicae, iċċitata iktar ’il fuq.


53 – Sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq. Din ir-rabta hija espliċitament stabbilita wkoll fl-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta; Ara spjegazzjoni fuq l-Artikolu 8 - protezzjoni ta’ data personali, li tippreċiża li l-Artikolu 8 tal-Karta huwa bbażat partikolarment fuq l-Artikolu 8 tal-KEDB, li jirrikonoxxi d-dritt għall-ħajja privata.


54 – Din ir-rabta tfisser b’mod partikolari li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-KEDB, li tirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, dwar il-protezzjoni tad-data personali żżomm, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, ir-rilevanza kollha tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Karta.


55 – Sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).


56 – Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ripetutament ideċidiet li għaliha ma kien “la possibbli, u lanqas meħtieġ li tfittex li tiddefinixxi b’mod eżawrjenti l-kunċett ta’ ‘ħajja privata’”; ara b’mod partikolari s-sentenza Niemietz vs Il‑Ġermanja, tas-16 ta’ Diċembru 1992, Rikors Nru 13710/88, Serje A, Nru 251‑B, § 29. Fi kwalunkwe każ huwa kunċett “wiesa’”; ara s-sentenza Pretty vs Ir‑Renju Unit tad-19 ta’ April 2002. Fuq il-kunċett ta’ ħajja privata, ara b’mod partikolari J. Rubenfeld, “The Right of Privacy”, Harvard Law Review, 1989, Vol. 102, p. 737; O. De Schutter, “La vie privée entre droit de la personnalité et liberté”, Revue trimestrielle des droits de l’homme, 1999, p. 827, P. Wachsmann, “Le droit au secret de la vie privé”, f’F. Sudre, Le droit au respect de la vie privée au sens de la Convention européenne des droits de l’homme, Bruylant, 2005, p. 119, u F. Rigaux, “La protection de la vie privée en Europe”, dans Le droit commun de l’Europe et l’avenir de l’enseignement juridique, B. de Witte, u C. Forder, edituri, Metro, Kluwer, 1992, p. 185.


57 – Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2006/24.


58 – Ara s-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 57) kif ukoll l-argumenti li qed nagħmel iktar l isfel.


59 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Leander vs L‑Isvezja, tas-26 ta’ Marzu 1987, Serje A Nru 116, p. 22, § 48.


60 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Amann vs L‑Isvizzera, tas-16 ta’ Frar 2000, Nru 27798/95, § 65, Ġabra 2000‑II, §§ 65, 69 u 80.


61 – L-enfasi hija tiegħi.


62 – Ara l-premessa 13, Artikoli 1(2) u 5(2).


63 –      F’dan is-sens, ara M. Nettesheim, Grundrechtsschutz der Privatheit, fi Der Schutzauftrag des Rechts, Veröffentlichungen der Vereinigung der Deutschen Staatsrechtslehrer, 2011, Volum 70, p. 7.


64 – Fuq l-indħil li jirriżulta miż-żamma biss ta’ informazzjoni, li fuq kollox tkun inġabret qabel id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza Rotaru vs Ir‑Rumanija, tal-4 ta’ Mejju 2000, Rikors Nru 28341/95, KEDB 2000‑V, § 46.


65 – Il-premessa 13 tad-Direttiva 2006/24 tippreċiża li l-obbligu taż-żamma jirrigwarda biss li d-“data li tkun aċċessibbli”, li jfisser li, għad-data li tirrigwarda l-posta elettronika bl-internet u t-telefonija bl-internet, hija tapplika biss “fir-rigward ta’ data li tiġi mis-servizzi proprji tal-fornituri jew tal-fornituri tan-network”.


66 – Biex nuża l-espressjoni użata mill-Bundesverfassungsgericht fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010, Nru 1 BvR 256/08, 1 BvR 263/08 u 1BvR 586/08, http://www.bundesverfassungsgericht.de/entscheidungen/rs20100302_1bvr025608.html.


67 – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett moltiplikatur tat-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni, u b’mod partikolari tal-internet, ara b’mod partikolari l-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Mouvement Raëlien Suisse vs L‑Isvizzera tat-13 ta’ Jannar 2011, Rikors Nru 16354/06, § 54 et seq; Akdaş vs It‑Turkija tas-16 ta’ Frar 2010, Rikors Nru 41056/04, § 28, u Willem vs Franza tas-16 ta’ Lulju 2009, Rikors Nru 10883/05, § 36 u 38


68 – Ara l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/24, li tiddefinixxi l-obbligu taż-żamma.


69 – Ara l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/24, bit-titolu “Rekwiżiti dwar il-ħażna tad-data miżmuma”.


70 – Li ġie rrilevat mill-Bundesverfassungsgericht fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010, iċċitata iktar ’il fuq (§ 214).


71 – F’dan is-sens, J. Bast, u A. von Bogdandy, f’Grabitz, Hilf, Nettesheim, Das Recht der Europäischen Union, Beck, , 50. Lieferung 2013, Artikel 5; R. Streinz,, in: R. Streinz, (ed.), EUV/AEUV, Beck, it-Tieni Edizzjoni 2012, Artikel 5.


72 – Ara l-Artikolu 4(2)(a) TFUE.


73 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑504/09 P, punt 79); Il‑Kummissjoni vs L‑Estonja (C‑505/09 P, punt 81).


74 – Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żamma ta’ data pproċessata inkonnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ komunikazzjoni elettronika u li temenda d-Direttiva 2002/58/KE [COM (2005) 438 finali].


75 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punt 68); tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et (C‑58/08, Ġabra p. I‑4999 punt 51), u Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 74).


76 – Deskrizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85).


77 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Azienda Agricola Disarò Antonio et (C‑34/08, Ġabra p. I‑4023, punti 76 sa 83).


78Ibidem (punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).


79 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, Ġabra p. I‑7235).


80 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il‑Kunsill (C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punti 32 sa 34); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 57), u Vodafone et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 52).


81 – Ara s-sentenza Vodafone et, iċċitata iktar ’il fuq (punt 53).


82 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689, punti 82 u 83); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punt 123); tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra p. I‑6451, punt 52), u tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker (C‑309/10, Ġabra p. I‑7333, punt 84).


83 – Ara l-premessa 6 tad-Direttiva 2006/24.


84 – Ara l-premessa 6 tad-Direttiva 2006/24. Ara wkoll, ir-rapport ta’ evalwazzjoni dwar id-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Dejta (Direttiva 2006/24/KE) maħruġ mill-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill, tat-18 ta’ April 2011, [COM(2011) 225 finali, punt 3.2, iktar ’il quddiem, ir-“rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/24”].


85 – Ara s-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 85).


86 – Il-Qorti tal-Ġustizzja, u dan għandu jiġi enfasizzat, ma kellhiex, sa issa, l-okkażjoni li tiddeċiedi la fuq il-kontenut tar-rekwiżiti minimi tal-“kwalità tal-liġi” u lanqas fuq l-obbligi li jaqgħu rispettivament fuq l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-Unjoni f’dan ir-rigward.


87 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 88 sa 100 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Scarlet Extended.


88 – Kif għamlet il-Bundesverfassungsgericht fid-deċiżjoni tagħha tat-2 ta’ Marzu 2010, iċċitata iktar ’il fuq, §§ 197 sa 203.


89 – F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


90 – Ara l-premessa 54 u l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.


91 – L-uniku riferiment għal dan ir-rekwiżit magħmul mid-Direttiva 2006/24 jinsab fil-premessa 17 tagħha, li tippreċiża li huwa essenzjali li l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jiżguraw li data miżmuma tiġi trażmessa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss skont il-liġi nazzjonali u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Madankollu, din il-preċiżazzjoni ma tidhirx fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 korrispondenti.


92 – Hawnhekk irid jitfakkar li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 10 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 95/46, li din ukoll timmira li ma ddgħajjifx il-protezzjoni li jiżguraw ir-regoli nazzjonali eżistenti, imma għall-kuntrarju li jiġi ggarantit, fl-Unjoni, livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali; ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22).


93 – L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jippreċiża li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li d-data miżmuma “tiġi provduta biss lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, f’każijiet speċifiċi u skond il-liġi nazzjonali” u, għal iktar preċiżjoni sabiex jiġu pprovduti fil-liġi nazzjonali l-“proċeduri li għandhom jiġu segwiti u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti sabiex jiġi ottenut l-aċċess għal data miżmuma”


94–      L-enfażi hija tiegħi.


95 – Fuq dan il-punt, ara l-punti 122 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot L‑Irlanda vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq. Ara, ukoll, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, kif ukoll id-Deċiżjoni Qafas 2008/977.


96 – L-enfażi hija tiegħi.


97 – Fuq l-ipproċessar ta’ data personali li għandu bħala għan l-attivitajiet tal-Istat dwar dawn l-oqsma tad-dritt kriminali, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà tal-Istat, ara l-ewwel inċiż l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.


98 – Ara l-Artikolu 1(2) u l-premessi 7 u 9 ta’ din id-deċiżjoni qafas.


99 – Ara l-premessa 21 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/24.


100 – L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/24 jirriżerva l-aċċess għad-data miżmuma għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li jfisser li dan l-aċċess ma huwiex neċessarjament irriżervat għall-awtoritajiet ġudizzjarji.


101 – Ara wkoll l-Artikolu 1(2) u l-premessa 7 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977.


102 – F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/24 fl-Istati Membri differenti ma kinitx mingħajr diffikultajiet u tkompli tqajjem diffikultajiet ta’ natura differenti, kif jixhdu d-deċiżjonijiet mogħtija mill-Curtea Constituțională (Qorti Kostituzzjonali Rumena, ara d-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2009, Nru 1.258; għal traduzzjoni bl-Ingliż, ara http://www.ccr.ro/files/products/D1258_091.pdf), permezz tal-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża, ara d-deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2010, iċċitata iktar ’il fuq), tal-Ústavní Soud (Qorti Kostituzzjonali Ċeka, ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2011, Pl. ÚS 24/10, għal traduzzjoni bl-Ingliż, ara: http://www.usoud.cz/en/decisions/?tx_ttnews%5Btt_news%5D=40&cHash=bbaa1c5b1a7d6704af6370fdfce5d34c>), tal-Varhoven administrativen sad (Qorti Amministrattiva Suprema Bulgara, deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2008, Nru 13627) jew mill-Anotato Dikastirio tis Kypriakis Dimokratias [Qorti Suprema Ċiprijotta, deċiżjoni tal-1 ta’ Frar 2011, Nru 183(Ι)/2007]. Ġie ppreżentat rikors quddiem l-Alkotmánybíróság (Qorti Kostituzzjonali Ungeriża, ara “Hungarian Data Retention Law - Challenged at the Constitutional Court”, EDRI-Gram Nru 6.11, 4 ta’ Ġunju 2008) u ieħor jinsab pendenti quddiem l-Ustavno sodišče (Qorti Kostituzzjonali Slovena, ara “Slovenia: Information Commissioner challenges the Data Retention Law”, EDRI-Gram Nru 11.6, 27 March, 2013).


103 – Ara s-sentenza Volker und Markus Schecke u Eifert, iċċitata iktar ’il fuq (punt 76).


104 – Il-premessa 9 tad-Direttiva 2006/24 f’dan ir-rigward tippreċiża, li hija “għodda ta’ investigazzjoni tant neċessarja u effettiva għall-infurzar tal-liġi f’diversi Stati Membri, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ każijiet serji bħal dawk ta’ kriminalità organizzata u ta’ terroriżmu”. Fuq dan il-punt, ara r-rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/24.


105 L-enfasi hija tiegħi.


106 – Il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha f’dan ir-rigward bil-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/24.


107 – Fuq l-onnipreżenza tal-prinċipju ta’ tħassir fid-Direttiva 2002/58, ara f’sens iktar wiesa’, il-premessi 22, 23, 26, 27 u 28 tagħha.


108 – Hija din iż-żamma a posteriori li jipprevedi b’mod partikolari l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Europa dwar iċ-ċiberkriminalità, iffirmata f’Budapest fit-23 ta’ Novembru 2001. Fuq dan il-kunċett, ara r-rapport ta’ evalwazzjoni tad-Direttiva 2006/24.


109 N. Elias, Du temps, Fayard, 1998; H. Rosa, Accélération. Une critique sociale du temps, La Découverte, 2013.


110 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 2010, Tsakouridis (C‑145/09, Ġabra p. I‑11979, punti 50 sa 52); tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank (C‑472/11,), u tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, punti 21 u 25 sa 30).


111 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, Ġabra p. I‑6513, punt 123).


112 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2001, Silos (C‑228/99, Ġabra p. I‑8401, punt 35), u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Regie Networks (C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 121).