Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Frar 2010 - Riva Fire vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-83/10)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Riva Fire SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: M. Merola, M. Pappalardo, T. Ubaldi, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob primarjament lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha jekk mill-investigazzjoni jirriżulta li l-punti ta' fatt u ta' dritt kollha li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni ma kinux ippreżentati lill-Kulleġġ tal-Kummissarji għall-finijiet tal-adozzjoni ta' tali deċiżjoni;

fi kwalunkwe każ, tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn jiddikjara li r-rikorrenti pparteċipat f'akkordju kontinwat u/jew fi prattiċi miftiehma relatati mal-vireg tal-konkrit rinfurzat fi staneg jew f'rombli, li għandhom bħala suġġett jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni u/jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq komuni;

konsegwentement, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni sa fejn jimponi fuq ir-rikorrenti multa ta' EUR 26.9 miljuni.

Sussidjarjament:

tnaqqas l-ammont tal-multa ta' EUR 26.9 miljuni imposta fuq ir-rikorrenti permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata u tikkalkola mill-ġdid tali ammont.

Fi kwalunkwe każ:

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C(2009) 7492 finali, tat-30 ta' Settembru 2009, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 tat-Trattat KEFA (COMP/37.956 - vireg tal-konkrit rinfurzat, adozzjoni mill-ġdid), kif kompluta u emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2009) 9912 finali, tat-8 ta' Diċembru 2009. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni mhijiex kompetenti li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA fir-rigward ta' fatti li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' tali artikolu, anki wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, u li tissanzjonaha abbażi tal-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 1 minkejja li tali artikoli jirreferu biss għall-ksur tal-Artikoli 81 u 82 KE (li issa saru l-Artikoli 101 u 102 TFUE).

Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 10(3) u (5) tar-Regolament (KEE) Nru 17/62 2 u l-Artikolu 14(1) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li mid-deċiżjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni regolari mal-kumitat konsultattiv kif ipprovdut fl-artikoli ċċitati u li l-imsemmi kumitat kiseb l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex jevalwa bis-sħiħ il-mertu tal-ksur allegat fil-konfront tal-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni.

Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 KEFA sa fejn, billi rrifjutat li tiżvela l-kriterji li użat sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-multi imposti, hija llimitat il-fakultà tad-destinatarji tal-multi li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

Permezz tar-raba' motiv, ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 3, kif emendat mill-ġdid fl-intier tiegħu mill-Kummissjoni, kif ukoll id-drittijiet ta' difiża tal-impriżi kkonċernati peress li, wara li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni, din tal-aħħar adottat mill-ġdid id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma bagħtet, sussegwentement, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-impriżi.

Permezz tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tinvoka n-nuqqas u l-kontradizzjoni tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwantu, minn naħa, il-Kummissjoni tillimita s-suq ġeografiku rilevanti għat-territorju tar-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni li l-akkordju allegat jista' jaffettwa l-kummerċ Komunitarju għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju lex mitior.

Permezz tas-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tal-Kummissjoni, kif esposta fid-deċiżjoni, hija vvizzjata minn żbalji ta' evalwazzjoni tal-fatti, li wasslu għal applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 65 KEFA fir-rigward ta' diversi aspetti tal-ksur ikkontestat, fosthom b'mod partikolari, il-partijiet tal-akkordju relatat mal-iffissar tal-prezz bażiku tal-vireg tal-konkrit, mal-iffissar tal-prezzijiet addizzjonali skont id-daqs, kif ukoll mal-limitazzjoni u l-kontroll tal-produzzjoni u/jew tal-bejgħ.

Permezz tas-seba' motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata u insuffiċjentement immotivata (anki fir-rigward ta' nuqqas ta' investigazzjoni) sa fejn ir-rikorrenti tinsab ħatja għall-ksur kollu.

Permezz tat-tmien motiv, ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tal- Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi tal-1996 u tal-Linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi tal-1998.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 17: L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3)

3 - Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta' April 2004, dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81)