Language of document : ECLI:EU:T:2014:623

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Lulju 2014 (*)

“FAEGG — Taqsima ‘Garanzija’ — FAEG u FAEŻR — Infiq eskluż mill-finanzjament — Passolina — Inbid — Infiq mill-Greċja — Korrezzjoni finanzjarja individwali — Metodu ta’ kalkolu — Natura tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet — Rabta mal-infiq iffinanzjat mill-Unjoni”

Fil-Kawża T‑376/12,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn I. Chalkias, E. Leftheriotou u S. Papaïoannou, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/336/UE, tat-22 ta’ Ġunju 2012, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fondi Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fondi Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fondi Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 165, p. 83), sa fejn din tikkonċerna lir-Repubblika Ellenika għas-settur tal-passolina, għas-snin finanzjarji 2007, 2008 u 2009, u għas-settur tal-inbid,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, J. Schwarcz (Relatur) u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat din il-kawża.

23      Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

 Id-dritt

[omissis]

 1. 3. Fuq il-korrezzjoni applikata għall-infiq fis-settur tal-inbid

150    Ir-Repubblika Ellenika tinvoka erba’ motivi kontra l-korrezzjoni applikata lill-infiq fis-settur tal-inbid. Skont it-tielet motiv tar-rikors, il-Kummissjoni wettqet korrezzjonijiet finanzjarji relattivi għal infiq magħmul iktar minn 24 xahar qabel, kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali u llimitat id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq żball ta’ fatt sa fejn ir-regolarizzazzjoni tas-superfiċi saret b’mod mhux konformi mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (ĠU L 179, p. 1). Il-ħames motiv huwa bbażat fuq iċ-ċirkustanza li l-korrezzjoni mwettqa u l-metodu ta’ kalkolu jmorru kontra l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-linji gwida u li din twassal għal riżultati sproporzjonati. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq żball ta’ fatt fir-rigward tal-iffissar tas-superfiċi totali regolarizzata u tal-valur medju tad-drittijiet ta’ taħwil, fuq insuffiċjenza fil-motivazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Pożizzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva

151    Fil-pożizzjoni finali tat-12 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni individwali fuq ir-Repubblika Ellenika f’ammont ta’ EUR 21 336 120, li tnaqqas l-ammont li kien ġie propost fil-komunikazzjoni formali tas-26 ta’ Awwissu 2010.

152    Fir-rigward tal-fondatezza tal-korrezzjoni individwali, mir-rapport fil-qosor jirriżulta li r-regolarizzazzjoni mill-awtoritajiet Elleniċi tad-dwieli miżrugħa illegalment qabel l-1 ta’ Settembru 1998, abbażi tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999, ma hijiex konformi mar-regolamentazzjoni (punt 7.2.1 tar-rapport fil-qosor). Fin-nuqqas ta’ oqsma tad-dwieli operazzjonali, it-talbiet għal regolarizzazzjoni tat-taħwil illegali ma kinux ikunu jistgħu jiġu ttrattati b’mod li joffri l-garanziji neċessarji għal evalwazzjoni u regolarizzazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999, peress li l-awtoritajiet Elleniċi ma pprovawx li dan it-taħwil kienu jikkorrispondu għal superfiċi li kienu s-suġġett ta’ tindif mill-għeruq mill-produttur li ressaq it-talba għal regolarizzazzjoni jew mill-axxendenti tiegħu, li t-tindif mill-għeruq preċedenti ma kienx wassal għal premium b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li d-drittijiet ta’ taħwil marbuta ma’ dan it-tindif mill-għeruq ma kinux inbiegħu jew ġew ittrasferiti mill-produtturi li ressqu t-talba għal regolarizzazzjoni (punt 7.2.1 tar-rapport fil-qosor).

153    Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni, mir-rapport fil-qosor jirriżulta li, b’mod partikolari fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi kkalkolat l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet ikkonstatati, il-Kummissjoni kkalkolat ammont ekwivalenti għall-miżata prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, tad-29 ta’ April 2008, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1493/1999, (KE) Nru 1782/2003, (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 3/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2392/86 u (KE) Nru 1493/1999 (ĠU L 148, p. 1), jiġifieri miżata ugwali għal mill-inqas darbtejn il-valur medju tad-dritt ta’ taħwil korrispondenti fir-reġjun ikkonċernat (punt 7.2.3 tar-rapport fil-qosor). B’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li l-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-kontijiet kienu jissostitwixxu, f’ċerti każijiet, ir-regolarizzazzjoni prevista fl-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, b’mod partikolari fir-rigward tar-regolarizzazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet Elleniċi abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, li din kienet tqis li ma kinux konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet (punt 7.2.3 tar-rapport fil-qosor). Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li metodu bbażat fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil kien xieraq għall-kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja ġġustifikata fir-rigward tar-riskju permanenti għall-Fondi ta’ ħlasijiet illegali dovuti għan-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni tas-superfiċi, kif previst mill-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 (punt 7.2.3 tar-rapport fil-qosor).

154    Qabel kollox, għandu jiġi eżaminat il-ħames motiv tar-rikors, ibbażat fuq il-fatt li l-korrezzjoni mwettqa u l-metodu ta’ kalkolu tagħha jmorru kontra l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-linji gwida, u li din twassal għal riżultati sproporzjonati, peress li r-Repubblika Ellenika tikkontesta l-bażi legali li fid-dawl tagħha ġiet iddeterminata l-korrezzjoni finanzjarja.

 L-argumenti tal-partijiet

155    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, meta kkalkolat il-korrezzjoni imposta permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolament Nru 479/2008, il-Kummissjoni aġixxiet b’mod arbitrarju, inġustifikat u kuntrarju għall-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll għall-linji gwida. Għalkemm, skont dan l-aħħar Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tneħħi xi ammonti mill-finanzjament tal-Unjoni, ir-regolarizzazzjonijiet mhux konformi mal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999 ma jistgħux jitqiesu bħala infiq iffinanzjat mill-Fondi bi ksur tar-regoli tal-Unjoni, li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ korrezzjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet. B’applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, tista’ tiġi applikata biss korrezzjoni kkalkolata permezz ta’ rata fissa applikata għall-infiq iffinanzjat mill-Fondi, peress li l-kalkolu permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 ma huwa previst minn ebda test relattiv għall-approvazzjoni tal-kontijiet jew minn dan l-aħħar Regolament.

156    Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-korrezzjoni ma hija marbuta la mal-ommissjoni ta’ kontroll prinċipali jew sekondarju, la ma’ nefqa ffinanzjata mill-Fondi bi ksur tar-regoli tal-Unjoni, u lanqas mal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-Fondi minħabba l-ommissjoni ta’ kontroll mill-Istat Membru. Barra minn hekk, il-miżata prevista mill-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 sservi biex tkopri n-nefqa tal-Istat Membru responsabbli mir-regolarizzazzjoni u ma tistax tikkorrispondi għal dannu kkawżat lill-Fondi minħabba li t-taħwil illegali ġew irregolarizzati b’mod mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1493/1999. Finalment, ir-Repubblika Ellenika tirrileva n-natura sproporzjonata tal-korrezzjoni.

157    Il-Kummissjoni tammetti li l-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni imposta ma huwiex stabbilit, iżda ssostni li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tista’, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, tiġi ssostitwita għall-proċeduri ta’ regolarizzazzjoni tat-taħwil illegali mhux imwettqa. Il-miżata prevista minn dan l-Artikolu ma hijiex intiża biex tkopri l-ispejjeż u l-infiq amministrattiv subit mill-Istat Membru minħabba r-regolarizzazzjoni tardiva tat-taħwil illegali, iżda hija marbuta mal-valur tad-dritt ta’ taħwil, kif jindika l-Artikolu msemmi.

158    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-superfiċi mhux regolarizzati jiġġeneraw, minħabba l-illegalità tagħhom, infiq għad-detriment tal-politika agrikola komuni (PAK), dovut għar-riskju persistenti ta’ ħlasijiet mhux dovuti mill-Fondi bil-konsegwenzi finanzjarji li huma impossibbli li jiġu kkalkolati bi preċiżjoni. B’hekk, il-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja bbażat fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil huwa xieraq, mingħajr ma huwa arbitrarju u lanqas inġustifikat. Fil-fatt, dan huwa ispirat mir-Regolament Nru 479/2008, fejn l-ammont fiss għall-kumpens tat-telf li jbati l-Fondi jista’ jittieħed mill-valur tad-drittijiet ta’ taħwil użat għall-kalkolu tal-miżata ta’ regolarizzazzjoni. Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li, fin-nuqqas ta’ għarfien tal-ammont ta’ għajnuna li ser tingħata fil-ġejjieni, hija ma setgħetx timplementa l-prattika kostanti tagħha fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa u setgħet tibbaża ruħha biss fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 kellu l-vantaġġ li jiġu regolarizzati d-dwieli kkonċernati bl-istess mod bħal bil-ħlas tal-miżata ta’ regolarizzazzjoni, fejn il-vitikulturi setgħu sussegwentement jibbenefikaw mill-għajnuna.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

159    Preliminarjament, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni finanzjarja individwali fuq ir-Repubblika Ellenika minħabba li r-regolarizzazzjoni tad-dwieli mħawla illegalment qabel l-1 ta’ Settembru 1998 magħmula abbażi tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999 ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni.

160    L-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 1493/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 479/2008, jipprovdi:

“2. Għeneb miksub minn oqsma:

a)      fejn id-dwieli kienu ġew imħawwla qabel l-1 ta’ Settembru 1998,

u

b)      li l-produzzjoni tagħhom, bi qbil ma’ l-Artikoli 6(3) jew 7(4) tar-Regolament (KEE) Nru 822/87, jista’ jkun iddisponut biss permezz ta’ distillazzjoni,

ma jistax jintuża għall-produzzjoni ta’ inbid li jitpoġġa fis-suq. Prodotti magħmula minn għeneb bħal dan jistgħu jitpoġġew f’ċirkolazzjoni biss għall-iskopijiet ta’ distillazzjoni. B’dana kollu, dawn il-prodotti ma jistgħux jintużaw fil-preparazzjoni ta’ alkoħol li jkollu qawwa alkoħolika attwali bil-volum ta’ 80 % vol jew anqas.

3. Jekk Stat Membru jkun ħejja l-inventarju ta’ potenzjal ta’ produzzjoni ta’ l-inbid bi qbil ma’ l-Artikolu 16, jista’ jidderoga mill-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Din id-deroga għandha tingħata sal-31 ta’ Lulju 2008 u għandha tinvolvi l-għoti ta’ permess għaż-żoni konċernati li jipproduċu nbid li jista’ jitpoġġa fis-suq.

Id-deroga għandha tingħata:

a)      meta l-produttur kkonċernat ikun preċedentement naddaf dwieli oħra f’reġjun ekwivalenti f’termini ta’ uċuħ puri apparti minn każi fejn il-bidwi konċernat ikun irċieva laġġju għat-tindif permezz tal-leġislazzjoni Komunitarja jew nazzjonali fir-rigward taż-żona kkonċernata;

[…]”

161    L-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolament Nru 479/2008 jipprovdi:

“1. Il-produtturi għandhom, permezz ta’ ħlas ta’ miżata u mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009, jirregolarizzaw żoni mħawlin b’vinji mingħajr dritt għal taħwil korrispondenti, fejn applikabbli, qabel l-1 ta’ Settembru 1998.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment taħt l-approvazzjoni tal-kontijiet, l-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għal żoni regolarizzati abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament […] Nru 1493/1999.

2. Il-miżata msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri. Din għandha tkun ekwivalenti talanqas għad-doppju tal-valur medju tad-dritt tat-taħwil korrispondenti fir-reġjun ikkonċernat.”

162    Hekk kif jirriżulta mill-punt 158 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet, hija kellha d-dritt li timponi korrezzjoni finanzjarja individwali ugwali għall-ammont tal-miżata li kontra l-ħlas tagħha l-produtturi setgħu jirregolarizzaw is-superfiċi mħawwla bid-dwieli mingħajr dritt ta’ taħwil korrispondenti, previst mill-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008.

163    Sussegwentement, għandha titfakkar il-ġurisprudenza li tgħid li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet ippreżentata mill-Istati Membri abbażi tal-infiq iffinanzjat mill-Fondi hija intiża biex b’mod partikolari tiġi kkonstatata r-realtà u r-regolarità tal-infiq (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 28; tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑247/98, Ġabra p. I‑1, punt 13, u tad-19 ta’ Settembru 2002, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑377/99, Ġabra p. I‑7421, punt 51). Barra minn hekk, fil-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li twettaq korrezzjoni finanzjarja jekk l-infiq li qed jintalab il-finanzjament tiegħu ma sarx b’mod konformi mar-regoli tal-Unjoni, peress li tali korrezzjoni finanzjarja hija intiża biex jiġi evitat li l-Fondi jħallas ammonti li ma servewx għall-finanzjament ta’ għan imfittex mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑332/01, Ġabra p. I‑7699, punt 63).

164    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005, li, essenzjalment, jirriproduċi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1258/99, jipprovdi li, fl-implementazzjoni tal-approvazzjoni ta’ konformità, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-ammonti li għandhom jitneħħew mill-finanzjament tal-Unjoni, meta din tikkonstata li infiq imsemmi fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4 ma sarx b’mod konformi mar-regoli tal-Unjoni. L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1290/2005 jelenkaw l-infiq, iffinanzjat b’amministrazzjoni konġunta bejn l-Istati Membri u l-Unjoni, rispettivament, mill-FAEG u mill-FAEŻR.

165    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-premessi 24 u 26 tar-Regolament Nru 1290/2005 jinsistu fuq il-kundizzjoni ta’ konformità tal-infiq magħmul mill-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward, min-naħa, tas-setgħa tal-Kummissjoni biex tiddeċiedi dwaru u, min-naħa l-oħra, tal-irkupru tal-ammonti mħallsa mill-FAEG.

166    Finalment, il-linji gwida jistabbilixxu l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-korrezzjonijiet finanzjarji. Mill-Anness 2 tal-linji gwida, dwar il-konsegwenzi finanzjarji fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet, jirriżulta li d-diversi livelli ta’ korrezzjoni b’rata fissa previsti minnha jirrigwardaw kollha l-infiq iddikjarat mill-Istati Membri.

167    Sussegwentement, mill-punti 161 sa 166 iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 u l-korrezzjonijiet finanzjarji li jirriżultaw minnha japplikaw biss fil-każ fejn infiq sar mill-Istati Membri u fejn dawn ġew iffinanzjati mill-FAEG jew mill-FAEŻR.

168    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa insostenn tal-ħames motiv tar-rikors.

169    L-argumentazzjoni tar-Repubblika Ellenika hija artikolata madwar l-idea li l-korrezzjoni imposta tmur kontra l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll kontra l-linji gwida, minħabba li, essenzjalment, din ma tirrigwardax infiq iffinanzjat mill-Fondi bi ksur tar-regoli tal-Unjoni.

170    Għandu jiġi kkonstatat li l-korrezzjoni individwali applikata mill-Kummissjoni għandha l-effett li żżomm lir-Repubblika Ellenika responsabbli għal ammont ekwivalenti għall-miżata li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86(1) u (2) tar-Regolament Nru 479/2008 jimponu fuq il-produtturi li kienu jixtiequ jirregolarizzaw sal-31 ta’ Diċembru 2009 s-superfiċi mħawwla bi dwieli mingħajr dritt ta’ taħwil korrispondenti.

171    Il-Qorti Ġenerali għandha tikkonstata li l-għan tal-miżata stabbilita mill-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 kien li tippermetti r-regolarizzazzjoni ta’ raba mħawwla illegalment, li tista’ tiġġenera infiq illegali għall-Fondi, permezz tal-ħlas mill-vitikulturi kkonċernati ta’ somma ugwali għal mill-inqas darbtejn il-valur tad-dritt ta’ taħwil korrispondenti għar-raba rregolarizzata. Mill-Artikolu 86 jew minn kull dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 479/2008 b’ebda mod ma jirriżulta li din il-miżata kellha titħallas mill-Istat bħala konsegwenza tan-nuqqasijiet jew insuffiċjenzi tiegħu fil-qasam tal-kontroll tal-infiq iffinanzjat mill-Fondi. Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u waqt is-seduta, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 479/2008 jew ta’ xi att ieħor tal-Unjoni ma kienet tipprovdi l-metodu ta’ korrezzjoni finanzjarja applikat f’dan il-każ.

172    Għandu jiġi kkonstatat li l-korrezzjoni finanzjarja applikata fid-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex rabta suffiċjenti ma xi nefqa ffinanzjata mill-Fondi, li saret bi ksur tar-regolamentazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, din il-korrezzjoni hija direttament ibbażata fuq miżata li l-għan tagħha huwa li tippermetti r-regolarizzazzjoni ta’ taħwil illegali ta’ dwieli, prevista mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, li ma huwiex relatat mal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet. Konsegwentement, abbażi tal-ġurisprudenza, tali korrezzjoni ma tistax tkun implementata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet (ara l-punti 163 sa 167 iktar ’il fuq).

173    Id-diversi oġġezzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni kontra l-argumentazzjoni tar-Repubblika Ellenika ma jippermettux li tiġi invertita tali konklużjoni.

174    Fl-ewwel lok, filwaqt li jiġi ammess li l-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni imposta ma huwiex previst mil-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tista’, b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, tiġi ssostitwita għall-proċeduri ta’ regolarizzazzjoni mhux imwettqa tat-taħwil illegali. Din tqis li r-riżerva operata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi evalwata fis-sens li tagħtiha l-possibbiltà li tapplika, waqt proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet, id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 u li timponi l-ħlas tal-miżata previsti minnhom lil Stat Membru meta l-produttur ma jkunx irregolarizza t-taħwil illegali tiegħu bil-ħlas tal-miżata msemmija.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, taħt it-Titolu V tar-Regolament Nru 479/2008, dwar il-potenzjal ta’ produzzjoni, il-Kapitolu I jikkonċerna t-taħwil illegali, fejn l-Artikolu 86 jipprevedi regolarizzazzjoni obbligatorja tat-taħwil illegali li jkun sar qabel l-1 ta’ Settembru 1998, li qabel kienu koperti bl-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 1493/1999. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 jipprovdi li l-produtturi għandhom jirregolarizzaw dan it-taħwil kontra l-ħlas ta’ miżati mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri applikabbli fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal żoni regolarizzati abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, li kien japplika sal-31 ta’ Lulju 2008, abbażi tal-Artikolu 122 tar-Regolament Nru 479/2008, peress li l-Artikolu 86 ta’ dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2008.

176    F’dan il-kuntest, għandu jitqies li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 għandu l-għan li jirregola s-sitwazzjoni taż-żoni regolarizzati abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, peress li dan jippreċiża li la r-regolarizzazzjoni u lanqas il-miżata prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 86(1) ma japplikaw għaż-żoni msemmija, peress li dawn tal-aħħar kienu diġà s-suġġett ta’ proċedura ta’ regolarizzazzjoni taħt is-sistema applikabbli preċedentement, u peress li dan jirriżerva l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tiġbor il-konsegwenzi tal-implementazzjoni irregolari tad-deroga prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999 fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet.

177    Sussegwentement, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tissostitwixxi ruħha għall-proċedura ta’ regolarizzazzjoni tat-taħwil illegali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 ma tistax tiġi aċċettata, peress li l-approvazzjoni tal-kontijiet tippermetti biss li jinġabru l-konsegwenzi tar-regolarizzazzjonijiet imwettqa b’mod irregolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999 fuq l-infiq iffinanzjat mill-Fondi (ara l-punti 163 sa 167 iktar ’il fuq).

178    Fir-risposta tagħha għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni osservat ukoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 kien b’mod partikolari jippermetti li tiġi solvuta l-problema tat-talbiet għal regolarizzazzjoni abbażi tar-Regolament Nru 1493/1999 li kienu diġà ġew miċħuda, u l-kwistjoni tal-ugwaljanza fit-trattament bejn it-talbiet diġà eżaminati u r-regolarizzazzjonijiet abbażi tar-Regolament Nru 479/2008. Fuq l-ewwel punt, għandu jiġi nnotat li d-dwieli mħawla illegalment li għalihom it-talbiet għal regolarizzazzjoni kienu ġew miċħuda mir-Repubblika Ellenika abbażi tar-Regolament Nru 1493/1999 ma kinux jidħlu fil-kuntest, mill-1 ta’ Awwissu 2008, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, iżda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 86(1) tal-istess Regolament, peress li ebda dispożizzjoni ma kienet tipprekludi lil produttur milli jitlob ir-regolarizzazzjoni tagħhom permezz tal-ħlas tal-miżata prevista minn dan is-subparagrafu. Fir-rigward tat-tieni punt, ma jistax jiġi aċċettat li l-ugwaljanza fit-trattament twassal biex jiġu ttrattati b’mod identiku produtturi li l-applikazzjonijiet għal regolarizzazzjoni tagħhom tas-superfiċi mħawwla illegalment ġew ippreżentati taħt leġiżlazzjonijiet differenti, li kienu jiffissaw kriterji ta’ regolarizzazzjoni differenti, peress li b’hekk tali produtturi ma kinux jinsabu f’sitwazzjonijiet identiċi.

179    Finalment, għalkemm waqt is-seduta l-Kummissjoni osservat li hija kienet ikkonfrontata b’lacuna fir-rigward tas-sitwazzjoni tat-taħwil irregolarizzat b’mod irregolari abbażi tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999, tali argument għandu jiġi injorat bħala kompletament nieqes fil-fatt, peress li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, li barra minn hekk ġie invokat mill-Kummissjoni, jikkostitwixxi ġustament id-dispożizzjoni li permezz tagħha ttieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ dan it-taħwil, bil-konsegwenza taċ-ċaħda tal-infiq iġġenerat minn dan it-taħwil mill-finanzjament mill-Fondi.

180    Konsegwentement, l-ewwel oġġezzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

181    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-taħwil mhux regolarizzat jiġġenera, minħabba l-illegalità tiegħu, infiq għad-detriment tal-PAK, dovut għar-riskju persistenti ta’ ħlasijiet mhux dovuti mill-Fondi, u li huwa impossibbli li l-konsegwenzi finanzjarji jiġu kkalkolati bi preċiżjoni. B’hekk, il-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja bbażat fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil huwa xieraq, mingħajr ma huwa astratt jew inġustifikat. Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li hija ma setgħetx tmiss l-infiq iġġenerat bit-taħwil irregolarizzat b’mod irregolari abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999 u li l-metodu użat minnha huwa xieraq biex tegħleb din id-diffikultà.

182    L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li, fl-ittra tal-osservazzjonijiet tagħha tat-18 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni indikat li, abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, hija setgħet tipproponi li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni parti mill-infiq iffinanzjat mill-FAEG. Madankollu, sa minn dan l-istadju tal-proċedura, hija ffokat l-attenzjoni sħiħa tagħha fuq il-problematika tad-dwieli mħawla illegalment qabel l-1 ta’ Settembru 1998. Fil-fatt, f’din l-ittra tal-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ddeskriviet fil-qosor l-irregolaritajiet li hija kienet tissuponi li seħħew fil-proċess ta’ regolarizzazzjoni permezz tad-derogi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, mingħajr ma reġgħet semmiet il-kontroll tal-infiq iġġenerat mid-dwieli mħawla illegalment u l-impatt possibbli tagħhom fuq il-finanzjamenti tal-Unjoni.

183    It-tieni nett, mill-minuti tal-laqgħa bilaterali, tal-14 ta’ Settembru 2009, jirriżulta li l-Kummissjoni semmiet laqgħa ta’ informazzjoni li seħħet waqt in-negozjati tar-riforma tal-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-inbid (iktar ’il quddiem l-“OKS tal-inbid”), li wasslet għall-formulazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 u li matulha ġie espost l-approċċ tad-dipartimenti tagħha. Mil-laqgħa bilaterali jirriżulta li, peress li r-regolarizzazzjonijiet tad-dwieli mħawla illegalment qabel l-1 ta’ Settembru 1998, imwettqa abbażi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, ma humiex konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-korrezzjoni finanzjarja hija ddeterminata b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008. Tali approċċ jippermetti r-regolarizzazzjoni ta’ dan it-taħwil, “għalkemm in-natura tan-nuqqas ta’ konformità kellu effetti kontinwi fuq is-suq tal-inbid sa mill-konstatazzjoni tat-taħwil irregolari”. Barra minn hekk, mill-minuti jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni rikorrenti setgħet twassal wara l-31 ta’ Diċembru 2009 għat-tindif mill-għeruq obbligatorju tad-dwieli mħawla illegalment u li hija kienet ipprovat tilħaq ftehim mar-Repubblika Ellenika fuq l-approċċ propost mid-dipartimenti tagħha, bil-għan li “d-diskussjoni tiġi limitata”, b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-informazzjoni relattiva għall-firxa tat-taħwil illegali u għall-valur tad-drittijiet ta’ taħwil li jservu bħala bażi għall-kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja.

184    B’hekk, matul il-laqgħa bilaterali tal-4 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni pproponiet approċċ, li hija ressqet biex jinkiseb ftehim min-naħa tar-Repubblika Ellenika, intiż biex jinġabru l-konsegwenzi tal-irregolaritajiet fl-applikazzjoni tad-derogi tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, billi din tinżamm responsabbli għal ammont ekwivalenti għall-miżata stabbilita mill-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 bħala kontroparti għar-regolarizzazzjoni tad-dwieli mħawla illegalment.

185    It-tielet nett, fil-komunikazzjoni formali tas-26 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni ta’ taħwil ta’ dwieli mingħajr dritt ta’ taħwil u tan-nuqqas ta’ konformità tal-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999 mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hija informat lir-Repubblika Ellenika bl-għażla tagħha li tipproponi, fid-dawl tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, korrezzjoni finanzjarja unika u mhux korrezzjoni finanzjarja rikorrenti, minkejja l-effetti kontinwi fis-suq tal-inbid. Sussegwentement, hija pproċediet bl-eżami tal-irregolaritajiet li jolqtu n-nuqqas ta’ konformità tal-implementazzjoni tad-derogi previsti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999. Minħabba dan, il-Kummissjoni rrinunzjat b’mod espliċitu li tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja għall-infiq iffinanzjat mill-Fondi u ġġenerat mill-irregolaritajiet iddenunzjati.

186    Ir-raba’ nett, fir-rapport fil-qosor, il-Kummissjoni qieset li, b’mod partikolari fid-dawl tal-impossibbiltà li jiġi kkalkolat eżattament l-impatt tal-irregolaritajiet ikkonstatati fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999, kien xieraq metodu bbażat fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil biex tiġi kkalkolata l-korrezzjoni finanzjarja ġustifikata fir-rigward tar-riskju permanenti għall-Fondi ta’ ħlasijiet illegali dovuti għan-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni tad-dwieli, peress li f’ċerti każijiet, il-proċeduri ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tissostitwixxi ruħha għar-regolarizzazzjoni tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 (punt 7.2.3 tar-rapport fil-qosor).

187    Madankollu, għalkemm b’hekk il-Kummissjoni semmiet l-impossibbiltà li jiġi kkalkolat eżattament l-impatt finanzjarju tal-irregolaritajiet ikkonstatati, għandu jiġi kkonstatat li, qabel ma bagħtet l-ittra tal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Elleniċi kienu bagħtulha informazzjoni li kienet tippermetti li jkunu magħrufa ż-żoni regolarizzati permezz tal-implementazzjoni tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1493/1999 għal kull wieħed mid-distretti kkonċernati. Tali konstatazzjoni tirrelativizza l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni, peress li, kuntrarjament għal dak li ssostni, abbażi tal-informazzjoni hekk ippreżentata, hija setgħet titlob lill-awtoritajiet Elleniċi li jiddeterminaw, għal kull distrett, ir-raba irregolarizzat b’mod irregolari u l-għajnuna li kienet tħallset fil-kuntest tal-OKS tal-inbid għal dan ir-raba jew, għallinqas, l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa f’dan il-kuntest, għal kull distrett.

188    Mill-kunsiderazzjonijiet tal-punti 182 sa 187 iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-iżvolġiment tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet, il-Kummissjoni ma pprovatx tevalwa l-infiq iffinanzjat mill-Fondi li jirriżulta mill-irregolaritajiet ikkonstatati, filwaqt li, kuntrarjament għal dak li ssostni, ma kienx neċessarjament impossibbli li dawn il-konsegwenzi finanzjarji jiġu kkalkolati.

189    Konsegwentement, it-tieni oġġezzjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi injorata.

190    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni finanzjarja bbażat fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil huwa xieraq, peress li l-ammont b’rata fissa biex jiġi kkumpensat it-telf li jbatu l-Fondi jista’ jittieħed mill-valur tad-drittijiet ta’ taħwil użat għall-kalkolu tal-miżata ta’ regolarizzazzjoni. Din tirrileva wkoll li, fin-nuqqas ta’ għarfien tal-ammont tal-għajnuna li ser tingħata fil-ġejjieni, hija ma setgħetx timplementa l-prattika kostanti tagħha fil-qasam tal-korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa u ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-valur tad-drittijiet ta’ taħwil.

191    L-ewwel nett, għandha ssir riferenza għall-punti 182 sa 187 iktar ’il fuq, li fid-dawl tagħhom jidher li l-Kummissjoni ma pprovatx tiddetermina l-ammont tat-telf għall-Fondi ġġenerati mid-dwieli rregolarizzati b’mod irregolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999, filwaqt li hija kellha informazzjoni li kienet tippermettilha li tagħmel dan, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni tal-kontijiet prevista fl-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-livell tal-għajnuna li tista’ tingħata fil-ġejjieni huwa irrilevanti, peress li, mill-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Elleniċi, kien possibbli li jiġi ddeterminat ir-raba li bbenefika irregolarment minn għajnuna matul l-24 xahar li ppreċeda l-ittra tal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Frar 2009, b’mod konformi mar-regola tal-Artikolu 31(4)(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, liema ħaġa wara kollox il-Kummissjoni rrikonoxxiet waqt is-seduta.

192    It-tieni nett, għandu jiġi ppreċiżat li, kieku kien realment impossibbli għall-Kummissjoni li tiddetermina bi preċiżjoni l-ammont tal-għajnuna mħallsa irregolarment minħabba d-dwieli rregolarizzati b’mod irregolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(3)(a) tar-Regolament Nru 1493/1999, din kienet tkun tista’ tapplika l-korrezzjonijiet b’rata fissa previsti mil-linji gwida, billi tieħu bħala bażi ta’ kalkolu, f’kull distrett, l-għajnuna mħallsa fil-kuntest tal-OKS tal-inbid lill-produtturi kollha u billi tapplika l-perċentwali ta’ korrezzjoni li hija tqis xierqa.

193    Konsegwentement, it-tielet oġġezzjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi injorata.

194    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni invokat il-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 kellu l-vantaġġ li jillegalizza d-dwieli mħawla illegalment bl-istess mod bħal bil-ħlas tal-miżata ta’ regolarizzazzjoni, fejn il-vitikulturi setgħu sussegwentement jibbenefikaw mill-għajnuna.

195    Tali argument huwa żbaljat fil-liġi għal żewġ raġunijiet.

196    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data li fiha ġiet applikata l-korrezzjoni finanzjarja, jiġifieri dik tad-deċiżjoni kkontestata, li hija t-22 ta’ Ġunju 2012, ma kienx iktar possibbli, abbażi tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008, li jiġu rregolarizzati dwieli mħawla illegalment, peress li l-iskadenza tal-miżura prevista minn din id-dispożizzjoni kienet il-31 ta’ Diċembru 2009, liema ħaġa wara kollox il-Kummissjoni rrikonoxxiet b’mod espliċitu waqt is-seduta.

197    Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li r-regolarizzazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 kienet biss possibbli jekk il-produttur iħallas il-miżata prevista għall-Istat Membru kkonċernat. Min-naħa l-oħra, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tipprevedi l-possibbiltà li jiġu rregolarizzati d-dwieli mħawla illegalment permezz ta’ ħlas mill-Istat Membru inkwistjoni ta’ somma ekwivalenti għall-miżata msemmija lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-kontijiet, peress li r-riżerva inserita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 ma jistax ikollha tali portata (ara l-punti 175 sa 179 iktar ’il fuq).

198    Għalhekk, ma jistax jiġi legalment sostnut li korrezzjoni finanzjarja li tikkonsisti mill-ħlas, wara l-31 ta’ Diċembru 2009, mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni ta’ ammont ekwivalenti għall-miżata tal-Artikolu 86 tar-Regolament Nru 479/2008 tippermetti li jiġu rregolarizzati dwieli mħawla illegalment, fin-nuqqas ta’ prova mill-Kummissjoni li tali metodu ta’ regolarizzazzjoni huwa permess minn xi att legali tal-Unjoni.

199    Konsegwentement, ir-raba’ oġġezzjoni mressqa mill-Kummissjoni għandha tiġi injorata.

200    Mill-punti 159 sa 199 iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames motiv tar-rikors huwa fondat, peress li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni finanzjarja li ma hijiex relatata ma’ nfiq iffinanzjat mill-Fondi, u dan fid-dawl ta’ approċċ li ma huwa bbażat fuq ebda bażi legali (ara l-punti 175 sa 179 iktar ’il fuq) u li huwa direttament kuntrarju kemm għall-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 479/2008 (ara l-punti 163 sa 165, 176 u 177 iktar ’il fuq).

201    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata sa fejn tapplika għar-Repubblika Ellenika korrezzjoni finanzjarja individwali fis-settur tal-inbid u r-rikors għandu jiġi miċħud għall-bqija, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar it-tielet, ir-raba’ u s-sitt motivi tar-rikors.

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/336/UE, tat-22 ta’ Ġunju 2012, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fondi Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fondi Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fondi Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), hija annullata sa fejn tapplika għar-Repubblika Ellenika korrezzjoni finanzjarja individwali fis-settur tal-inbid.

2)      Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju2014.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat utli għall-pubblikazzjoni.