Language of document : ECLI:EU:T:2019:211

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

2 ta’ April 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Kuntratt għal żmien indeterminat – Artikolu 47(c)(i) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg– Xoljiment permezz ta’ preavviż – Raġunijiet għax-xoljiment – Ksur tar-relazzjoni ta’ fiduċja – Interess tas-servizz – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dmir ta’ premura – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Artikoli 30 u 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Kwistjoni proċedurali – Pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ dokumenti inklużi fil-proċess tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali – Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża T‑492/17,

Stephan Fleig, ex membru tal-persunal bil-kuntratt tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, residenti f’Berlin (il-Ġermanja), irrappreżentat minn H. Tettenborn, avukat,

rikorrent,

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt, bħala aġent,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tad‑19 ta’ Settembru 2016 li permezz tagħha d-Direttur tad-Direttorat “Riżorsi Umani” tas-SEAE, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, ittermina l-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent b’effett mid‑19 ta’ Ġunju 2017 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab insegwitu għal din id-deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq il-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ ċerti dokumenti diġà inklużi fil-proċess tal-Qorti Ġenerali

138    Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent informa lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar l-intenzjoni tiegħu li jiżvela pubblikament, billi jippubblikahom fuq l-internet, ċertu numru ta’ dokumenti relatati miegħu, jiġifieri l-annessi kollha mehmuża mal-ilment u mat-talbiet imsemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq kif ukoll mar-rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku msemmi fil-punt 24 iktar ’il fuq. Din l-informazzjoni kienet ġiet ippreżentata bħala mogħtija fil-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

139    Wara messaġġ elettroniku indirizzat mis-SEAE lill-avukat tar-rikorrent bħala reazzjoni għal din l-ewwel ittra, ir-rikorrent bagħat it-tieni ittra lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fit‑13 ta’ Novembru 2017, fejn sostna li d-dokumenti kkonċernati kienu diġà ġew żvelati pubblikament fl‑2013, peress li dawn kienu ġew mgħoddija lil organizzazzjoni mhux speċifikata kif ukoll lil “tmien persuni differenti”, li waħda minnhom kienet ommu. Din il-pubblikazzjoni kienet regolari, peress li kienet is-suġġett ta’ talba għal awtorizzazzjoni fis‑27 ta’ Marzu 2013 u peress li s-SEAE ma opponiex din il-pubblikazzjoni. L-imsemmija dokumenti kienu ġew ippubblikati fis-sit internet tar-rikorrent permezz ta’ persuni relatati ma’ ommu.

140    Permezz ta’ żewġ ittri tas‑17 u tal‑24 ta’ Novembru 2017, is-SEAE b’mod partikolari indika lir-rikorrent li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti dokumenti li dan kien ippreżenta bħala annessi tar-rikors tiegħu f’din il-proċedura tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal-proċedura ġudizzjarja pendenti.

141    Wara l-komunikazzjoni lir-rikorrent tal-ittra tas-SEAE tal‑4 ta’ Diċembru 2017 li tinforma lill-Qorti Ġenerali dwar il-fatti msemmija fil-punti 138 u 139 iktar ’il fuq (ara l-punt 34 iktar ’il fuq) u l-pubblikazzjoni ta’ diversi dokumenti mwettqa fil-frattemp, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett fil-kuntest tar-replika.

142    Ir-rikorrent iqis li l-pubblikazzjoni inkwistjoni ma hijiex irregolari. Fil-fatt, huwa jsostni li d-dokumenti kkonċernati kienu preċedentement is-suġġett ta’ pubblikazzjoni regolari, peress li t-talba li saret għal dan l-għan fis‑27 ta’ Marzu 2013 kienet is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni impliċita tas-SEAE, fl-assenza ta’ oġġezzjoni min-naħa tiegħu fit-terminu ta’ tletin jum ta’ xogħol previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17a(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, il-fatt li l-imsemmija dokumenti kienu ġew prodotti fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja sussegwenti ma jistax jagħtihom natura kunfidenzjali li dawn kienu tilfu.

143    Is-SEAE jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrent.

144    Ir-rikorrent jammetti li kienu ġew ippubblikati fuq l-internet dokumenti li huwa kien ippreżenta fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jiġifieri ċerti dokumenti li kienu ġew annessi maż-żewġ talbiet skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal li kienu ġew introdotti fl‑20 u fl‑24 ta’ Marzu 2013, u rreġistrati, rispettivament, taħt in-numri D/227/13 u D/233/13, fejn dan tal-aħħar jikkonċerna avvenimenti marbutin mal-ipproċessar tal-fajl mediku tiegħu. Għalkemm huwa sostna li din il-pubblikazzjoni, avolja kienet twettqet fuq is-sit internet tiegħu stess, ma kinitx twettqet minnu stess, iżda minn persuni mhux identifikati li lilhom ommu kienet bagħtet id-dokumenti kkonċernati, huwa jirrikonoxxi li kien permezz tal-intermedjarju tiegħu li dawn id-dokumenti ħarġu mill-isfera ta’ kunfidenzjalità stretta li dawn kienu oriġinarjament ristretti għaliha. Madankollu, huwa jallega li din il-ħarġa kienet regolari u kienet tikkostitwixxi l-pubblikazzjoni tal-imsemmija dokumenti.

145    Għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 17 u 17a tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom għanijiet differenti, li r-rikorrent qiegħed iħallat. Fil-fatt, l-imsemmi Artikolu 17 jikkonċerna l-projbizzjoni li tgħodd għal kull uffiċjal jew membru tal-persunal li jiżvela informazzjoni mhux pubblika ta’ kwalunkwe tip, kemm jekk din hija fuq forma medjatika jew le, li l-għarfien tagħha huwa marbut mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ dan l-uffiċjal jew ta’ dan il-membru tal-persunal, sakemm ma jkunx hemm awtorizzazzjoni minn qabel għal dan. Din il-projbizzjoni tippersisti wara t-tmiem tas-servizz. L-imsemmi Artikolu 17a, min-naħa tiegħu, jikkonċerna l-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe testi dwar, b’mod partikolari, xogħol, studju jew opinjonijiet li huma relatati mal-attività tal-Unjoni. Tali pubblikazzjoni hija suġġetta għal protezzjoni speċifika skont il-libertà ta’ espressjoni, taħt ir-riżervi previsti f’dan l-artikolu u li jirrigwardaw l-osservanza tal-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità, tad-dinjità tal-kariga u tal-projbizzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni li hija marbuta mal-eżerċizzju tal-funzjonijiet, u hija suġġetta għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni speċifika fil-kuntest fejn l-assenza ta’ tweġiba f’terminu ta’ tletin jum ta’ xogħol tikkostitwixxi awtorizzazzjoni impliċita.

146    F’dan il-każ, it-talba għal awtorizzazzjoni li għaliha r-rikorrent għamel referenza, jiġifieri l-ittra li bagħat fis‑27 ta’ Marzu 2013 lis-SEAE, għalkemm din tirreferi għall-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal, kienet, fil-fatt, skont il-kliem espliċitu tagħha, iżda wkoll minħabba l-kontenut tagħha, tinvolvi l-iżvelar ta’ informazzjoni, li huwa rregolat mill-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni, l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ deċiżjoni f’terminu ta’ tletin jum ta’ xogħol ma tikkostitwixxix assenza ta’ oġġezzjoni impliċita. Fil-fatt, din it-talba għal awtorizzazzjoni kienet irregolata mill-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li l-awtorità kellha terminu ta’ erba’ xhur sabiex tadotta deċiżjoni, peress li l-assenza ta’ deċiżjoni f’dan it-terminu sservi bħala deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda.

147    Mill-proċess jirriżulta li s-SEAE wieġeb għat-talba għal awtorizzazzjoni tal-applikant b’ittra tal‑5 ta’ Mejju 2013, jiġifieri fit-terminu ta’ erba’ xhur previst fl-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’din l-ittra, li bdiet b’aġġornament fil-qosor dwar il-portata tal-Artikolu 17a tar-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE llimita ruħu li jawtorizza l-iżvelar tad-dokumenti kkonċernati sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jikseb assistenza fil-kuntest tal-fajl mediku tiegħu. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Konsegwentement, fil-kuntest tat-talba tar-rikorrent u tat-tweġiba li ġiet indirizzata lilu, kull żvelar tad-dokumenti msemmija li ma kienx strettament marbut mal-assistenza personali tar-rikorrent fil-kuntest tal-fajl mediku tiegħu, mil-lat soċjali, mediku, psikoloġiku jew legali, kien eskluż. F’każ ta’ dubju, kien ir-rikorrent li kellu jiżgura mas-SEAE li żvelar previst kien kopert sew mill-awtorizzazzjoni limitata li huwa kien irċieva. Dan kien partikolarment minnu peress li l-imsemmija awtorizzazzjoni kienet akkumpanjata minn tfakkira tal-obbligi statutorji tiegħu, inkluż l-obbligu li jżomm lura minn kwalunkwe żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni miksuba fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dmirijietu u li josserva l-prinċipji ta’ lealtà u ta’ imparzjalità.

148    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrent bl-ebda mod ma jista’ validament jiġġustifika l-pubblikazzjoni fuq l-internet tad-dokumenti kollha jew ta’ parti mid-dokumenti msemmija fit-talba tiegħu tas‑27 ta’ Marzu 2013 b’referenza għal din it-talba u għas-segwitu tagħha.

149    Ir-rikorrent lanqas ma jista’ validament jargumenta li l-iżvelar awtorizzat ta’ dawn id-dokumenti lil persuni kkwalifikati kien sabiex dawn jagħtuh assistenza personali bħal dik deskritta fil-punt 147 hawn fuq billi jallega li l-imsemmija dokumenti kienu ġew żvelati pubblikament qabel l-introduzzjoni ta’ din il-proċedura u li l-produzzjoni tagħhom matul din il-proċedura ma taqax, minħabba dan il-fatt, taħt l-obbligu ta’ nuqqas ta’ żvelar marbut mad-dokumenti u mas-sottomissjonijiet bil-miktub li jagħmlu parti minn proċedura ġudizzjarja.

150    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent ma jistax utilment isostni li l-pubblikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni seħħet minn ommu jew minn persuni marbuta magħha. Fil-fatt, minbarra li l-pubblikazzjoni tad-dokumenti inkwistjoni fuq is-sit internet tiegħu stess permezz ta’ terzi persuni ma hijiex kredibbli, għall-inqas mingħajr il-kunsens tiegħu, it-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti lil ommu kienet tikkostitwixxi ksur tat-termini tal-awtorizzazzjoni li kienet ġiet mogħtija lilu. Barra minn hekk, anki fl-ipoteżi fejn uffiċjal jew membru tal-persunal regolarment jibgħat dokument kunfidenzjali lil terz bl-iskuża li għandu awtorizzazzjoni ta’ żvelar, dan għandu jiżgura li din il-persuna nnifisha ser tirrispetta t-termini tal-imsemmija awtorizzazzjoni. Konsegwentement, anki jekk jiġi preżunt li l-pubblikazzjoni nnifisha saret mingħajr il-parteċipazzjoni tar-rikorrent, xorta waħda hemm lok li jitqies li, bin-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti tal-awtorizzazzjoni ta’ żvelar li kienet ingħatatlu, huwa oġġettivament ħoloq ir-riskju ta’ din il-pubblikazzjoni u kien involut fiha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Marzu 2016, One of Us et vs Il‑Kummissjoni, T‑561/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:917, punti 58 u 59).

151    Issa, għandu jitfakkar li l-iżvelar ta’ dokumenti ta’ proċedura minn parti lil terzi f’sitwazzjoni fejn dawn id-dokumenti ma kinux trażmessi għall-finijiet tad-difiża tal-kawża ta’ din il-parti tammonta għal abbuż ta’ proċedura (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni, T‑135/09, EU:T:2012:596, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan japplika a fortiori meta tali dokumenti jiġu ppubblikati, bħal f’dan il-każ.

152    Hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-abbuż ta’ proċedura fil-livell tal-ispejjeż, peress li dan l-inċident kien jeħtieġ komunikazzjoni speċifika u osservazzjonijiet supplimentari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il‑Kunsill, T‑174/95, EU:T:1998:127, punt 139).

153    Konsegwentement, hemm lok li r-rikorrent ibati l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-abbuż ta’ proċedura.

 Fuq l-ispejjeż

154    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li dan jiġi kkundannat għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tas-SEAE, inklużi dawk l-ispejjeż relatati mal-kwistjoni proċedurali msemmija fil-punti 138 sa 153 iktar ’il fuq.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Stephan Fleig huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑2 ta’ April 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il‑Ġermaniż.


1      Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.