Language of document : ECLI:EU:T:2021:119

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Marzu 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Remunerazzjoni – Ammissibbiltà – Terminu għat-tressiq tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni – Att li jikkawża preġudizzju – Kumpens għall-mobbiltà ġeografika – Trasferiment għal uffiċċju estern – Rifjut ta’ għoti tal-allowance ‐ Rikors għal annullament u għad‑danni”

Fil-Kawża T‑134/19,

AM, irrappreżentat minn L. Levi u A. Champetier, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Faedo u M. Loizou, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, avukat,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-BEI tat‑30 ta’ Ġunju u tal‑11 ta’ Diċembru 2017 kif ukoll, sa fejn meħtieġ, tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI tal‑20 ta’ Novembru 2018 li tikkonferma dawn id-deċiżjonijiet, li permezz tagħhom irrifjuta li jagħti lir-rikorrent il-benefiċċju tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni materjali u morali li r-rikorrent allegatament sostna wara l-imsemmija deċiżjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, N. Półtorak u M. Stancu (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑14 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, AM, ġie rreklutat mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fl‑1 ta’ Ġunju 2014 fil-kuntest tal-programm “Joint Assistance to Support Projects in European Regions” (Jaspers), abbażi ta’ kuntratt għal żmien determinat ta’ sena, li ġie mġedded, sussegwentement, darbtejn, mill‑1 ta’ Ġunju 2015 sal‑31 ta’ Mejju 2017, u sussegwentement mill‑1 ta’ Ġunju 2017 sal‑31 ta’ Mejju 2020 rispettivament.

2        Sa mill-bidu tal-ewwel kuntratt tiegħu mal-BEI u sal‑31 ta’ Marzu 2017, huwa ġie assenjat lill-uffiċċju estern tal-BEI fi Vjenna (l-Awstrija).

3        Permezz ta’ posta elettronika tat‑23 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2017”), il-BEI kkonferma t-trasferiment tar-rikorrent mill-uffiċċju estern ta’ Vjenna lejn dak ta’ Brussell (il-Belġju) mill‑1 ta’ April 2017 sat-tmiem tal-kuntratt tiegħu pendenti, jiġifieri fil‑31 ta’ Mejju 2020.

4        Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li jeżistu żewġ verżjonijiet ta’ din id-deċiżjoni.

5        L-ewwel verżjoni, mibgħuta lir-rikorrent fit‑23 ta’ Marzu 2017, issemmi li l-assenjazzjonijiet fl-uffiċċji esterni huma rregolati mill-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-persunal tal-BEI (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet amministrattivi”).

6        It-tieni verżjoni ta’ din l-istess deċiżjoni, li r-rikorrent irċieva fl‑24 ta’ Marzu 2017 u li ffirma fit‑28 ta’ Marzu 2017, tindika, min-naħa l-oħra, li dawn l-assenjazzjonijiet huma rregolati mill-Anness I ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

7        Fil‑5 ta’ Lulju 2017, il-BEI bagħat lir-rikorrent deċiżjoni ġdida, tat‑30 ta’ Ġunju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017”), li tinkludi l-kundizzjonijiet kuntrattwali u amministrattivi applikabbli għat-trasferiment tiegħu għal Brussell u stednitu jagħti l-kunsens tiegħu għaliha. B’mod iktar partikolari, din id-deċiżjoni kienet tippreċiża li t-trasferiment tar-rikorrent la kien jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u lanqas f’dak tar-regoli speċjali applikabbli fis-sens tal-Anness VII ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li konsegwentement ma kellux dritt li jirċievi l-allowance għall-mobbiltà ġeografika. Ir-rikorrent qatt ma kkontrofirma l-imsemmija deċiżjoni sabiex juri qbil.

8        Fil‑5 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent talab il-ftuħ ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, sabiex jikkontesta r-rifjut li jingħatalu dan l-allowance, previst fl-Artikolu 1.4 tal-imsemmija dispożizzjonijiet.

9        Permezz ta’ posta elettronika tal‑11 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2017”), il-BEI, minn naħa, tenna r-rifjut tiegħu li jħallas lir-rikorrent l-imsemmi allowance u, min-naħa l-oħra, staqsa lil dan tal-aħħar jekk, minkejja li kien probabbli li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ma twassalx għal riżultat sodisfaċenti, xtaqx iżomm it-talba tiegħu għall-ftuħ ta’ din il-proċedura.

10      Permezz ta’ posta elettronika tal‑20 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ikkonferma din it-talba u, permezz ta’ posta elettronika tat‑8 ta’ Jannar 2018, il-BEI aċċettaha u fetaħ il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

11      Fir-rapport tiegħu tat‑12 ta’ Ġunju 2018, il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tal-BEI (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Konċiljazzjoni”) ikkonkluda li s-sitwazzjoni tar-rikorrent kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1.4 kif ukoll f’dak tal-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u li, konsegwentement, huwa kellu jirċievi l-allowance tal-mobbiltà ġeografika mill‑1 ta’ April 2017.

12      Fis‑6 ta’ Novembru 2018, ir-rikorrent ressaq ilment għal amministrazzjoni ħażina quddiem l-Ombudsman Ewropew, minħabba li kien għadu ma rċeviex deċiżjoni mingħand il-President tal-BEI wara r-rapport tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni.

13      Fl‑20 ta’ Novembru 2018, il-President tal-BEI kkomunika lir-rikorrent id-deċiżjoni tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018”) li ma jsegwix il-konklużjonijiet tal-imsemmi kumitat, u b’hekk ikkonferma r-rifjut tal-BEI li jagħtih il-benefiċċju tal-mobbiltà ġeografika.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

15      Permezz ta’ att separat tas‑7 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent talab il-benefiċċju tal-anonimat, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li ngħatalu fis‑17 ta’ April 2019.

16      Il-BEI ppreżenta r-risposta fis‑17 ta’ Mejju 2019.

17      Ir-rikorrent ippreżenta r-replika fl‑10 ta’ Lulju 2019.

18      Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet wara l-preżentata tal-kontroreplika fit‑22 ta’ Awwissu 2019.

19      Fit‑12 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta skont l-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura.

20      Peress li l-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2019, il-President tal-Qorti Ġenerali assenja mill-ġdid il-kawża lil Imħallef Relatur ġdid, assenjat lill-Ewwel Awla, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

21      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba tar-rikorrenti u fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

22      Fit-3 ta’ Marzu 2020, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-BEI, li għalihom wieġeb fit-terminu mogħti.

23      Fl‑14 ta’ April 2020, minħabba l-persistenza tal-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID-19, il-Qorti Ġenerali staqsiet lill-partijiet jekk, minkejja din il-kriżi, xtaqux jinstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom waqt seduta għas-sottomissjonijiet orali. Fl‑20 ta’ April 2020, ir-rikorrent wieġeb li huwa kien ser iżomm it-talba tiegħu għal smigħ. Fit‑8 ta’ Mejju 2020, il-BEI wieġeb li huwa ma xtaqx li jinstema’.

24      Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Ġunju u tal‑11 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

–        sa fejn ikun hemm bżonn, tannulla d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018 li tikkonferma dawn id-deċiżjonijiet;

–        tikkundanna lill-BEI għall-pagament tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika mill‑1 ta’ April 2017;

–        tikkundanna lill-BEI għall-pagamenti tal-interessi moratorji fuq l-imsemmi kumpens bir-rata ta’ interessi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) miżjuda b’żewġ punti perċentwali mill‑1 ta’ April 2017 sal-pagament sħiħ;

–        tikkundanna lill-BEI jħallas kumpens għad-dannu morali sostnut;

–        tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

25      Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq is-suġġett tar-rikors

26      Ir-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament taż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati u, sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018 sa fejn din tiċħad il-konklużjonijiet tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni u tikkonferma ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati.

27      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati, adottati, rispettivament, fit‑30 ta’ Ġunju u fil‑11 ta’ Diċembru 2017, jikkawżawlu preġudizzju, sa fejn dawn jirrifjutawlu l-allowance tal-mobbiltà ġeografika. Huwa jippreċiża li d-deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2017 ittenni r-rifjut espress mill-BEI fid-deċiżjoni tiegħu tat‑30 ta’ Ġunju 2017.

28      F’dan ir-rigward, anki jekk jitqies li d-deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2017 hija purament konfermatorja tad-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikorrent, peress li ppreżenta r-rikors kontenzjuż tiegħu fit-terminu previst, għandu d-dritt li jikkontesta kemm id-deċiżjoni ta’ konferma, jew id-deċiżjoni ta’ konferma, jew iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, EU:C:2007:812, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fit-tieni lok, fir-rigward tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li tikkonċerna b’mod partikolari r-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u r-regolamenti applikabbli għall-persunal tal-BĊE, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba prekontenzjuża li tikkontesta att li jikkawża preġudizzju għandhom l-effett li jadixxu quddiem il-Qorti Ġenerali dan l-att meta dawn ikunu, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Teeäär vs BĊE, T‑547/18, EU:T:2020:119, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 21).

30      Il-Qorti Ġenerali tirrileva li din il-ġurisprudenza tapplika, b’analoġija, għal dan il-każ.

31      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-proċedura prekontenzjuża speċifika għat-tilwimiet bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, li l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-membri tal-persunal, bħar-rikorrent, li daħlu fis-servizz mal-BEI wara l‑1 ta’ Lulju 2013 (iktar’ il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal II”), jipprevedi li l-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors skont din id-dispożizzjoni huwa obbligatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI, T‑377/17, EU:T:2018:478, punt 71).

32      Dan l-artikolu jipprevedi kif ġej:

“[K]ull rikors ippreżentat minn membru tal-persunal kontra att tal-[BEI] li jikkawżalu preġudizzju għandu jiġi ppreżentat fi żmien tliet xhur.

It-tilwim […] għandu jkun is-suġġett ta’ proċedura bonarja obbligatorja qabel kull azzjoni ġudizzjarja quddiem il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tal-[BEI] u dan, indipendentement mit-tressiq ta’ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

It-talba għall-konċiljazzjoni għandha titressaq fi żmien tliet xhur li jibdew minn meta seħħew il-fatti jew min-notifika tal-miżuri li huma s-suġġett tat-tilwima” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

33      B’hekk, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha l-għan li tippermetti ftehim bonarju ta’ tilwim li jqum bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, u d-deċiżjoni tal-President tal-BEI li ttemm din il-proċedura tikkostitwixxi biss kundizzjoni preliminari għat-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħal fil-każ tal-ġurisprudenza dwar il-kontenzjuż li jaqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jew taħt ir-regolamenti applikabbli għall-persunal tal-BĊE, imfakkra fil-punt 29 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkunsidrat li talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni tal-President tal-BEI li ttemm proċedura ta’ konċiljazzjoni għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti l-att li jikkawża preġudizzju li jikkostitwixxi s-suġġett ta’ din il-proċedura, ħlief fil-każ fejn l-imsemmija deċiżjoni jkollha portata differenti mill-att suġġett tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Fil-fatt, meta din id-deċiżjoni tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent, skont punti ta’ liġi u ta’ fatt ġodda, jew meta timmodifika jew tissupplimenta l-att inizjali, hija tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, li teħodha inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat, jew saħansitra tikkunsidraha bħala att li jikkawża preġudizzju li jissostitwixxi lil din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni, T‑347/12 P, EU:T:2014:268, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, peress li l-kap tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018 ma għandux kontenut awtonomu, peress li l-imsemmija deċiżjoni sempliċement tiċħad il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2018 abbażi, essenzjalment, tal-istess motivi bħal dawk mogħtija fid-deċiżjonijiet ikkontestati, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq dan il-kap tat-talbiet. Fl-eżami tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, għandha, madankollu, tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tal‑20 ta’ Novembru 2018, peress li din il-motivazzjoni titqies li tikkoinċidi ma’ dik tad-deċiżjonijiet ikkontestati (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Teeäär vs BĊE, T-547/18, EU:T:2020:119, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 22).

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

35      Mingħajr ma jqajjem formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura, il-BEI jsostni li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li t-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni tressqet mir-rikorrent wara t-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 41(3) tar-Regolamenti tal-Persunal II.

36      Prinċipalment, il-BEI jsostni, f’dan ir-rigward, li l-jum li minnu beda jiddekorri t-terminu sabiex jikkontesta n-nuqqas ta’ pagament tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika kien it‑12 ta’ April 2017, data li fiha r-rikorrent irċieva l-ewwel rendikont tar-remunerazzjoni tiegħu wara t-trasferiment tiegħu lill-uffiċċju estern ta’ Brussell.

37      Fil-fatt, sa fejn ir-rikorrent diġà sar jaf permezz ta’ din ir-rendikont tan-nuqqas ta’ pagament ta’ din l-allowance, id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017 hija biss sempliċi konferma tal-pożizzjoni amministrattiva adottata mill-BEI fir-rigward tiegħu u, konsegwentement, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

38      Sussidjarjament, il-BEI jikkunsidra li, anki fl-ipoteżi l-iktar favorevoli għar-rikorrent, fejn id-data ta’ din id-deċiżjoni tittieħed inkunsiderazzjoni bħala dies a quo, jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, it-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 41(3) tar-Regolamenti tal-Persunal II sabiex iressaq il-każ quddiem il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni ma ġiex osservat mir-rikorrent.

39      Dan tal-aħħar jikkontesta l-fondatezza tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BEI.

40      Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-komunikazzjoni tar-rendikont mensili tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni għandha l-effett li tibda d-dekorriment tat-termini għall-preżentata ta’ lment jew ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva meta l-imsemmi rendikont ikun juri b’mod ċar u għall-ewwel darba, l-eżistenza u l-portata ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020,  ZF vs Il-Kummissjoni, T‑605/18, EU:T:2020:51, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li din il-ġurisprudenza ġiet applikata f’sitwazzjonijiet fejn ir-rendikonti tar-remunerazzjoni li kontra tagħhom kienu diretti r-rikorsi kienu juru l-eżistenza u l-portata tad-deċiżjonijiet li għandhom suġġett purament pekunjarju, li jistgħu, min-natura tagħhom, jiġu riflessi minn tali rendikonti ta’ remunerazzjoni. Fil-fatt, ir-rendikonti tar-remunerazzjoni ġew ikkunsidrati bħala li jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju meta kienu jirriflettu deċiżjonijiet li jikkonċernaw, b’mod partikolari, il-ħlas tas-salarju lill-uffiċjal, l-interessi ta’ tfakkira tas-salarju, l-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ korrezzjoni għar-remunerazzjoni tal-uffiċjal, ir-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar, l-allowance tal-espatrijazzjoni, l-ammont tal-allowances tal-familja jew ukoll l-iffissar tal-iskala tal-kontribuzzjonijiet tal-ġenituri għas-servizzi ta’ ħarsien tat-tfal (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Jannar 2007, Van Neyghem vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T‑288/04, EU:T:2007:1, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Issa, f’dan il-każ, anki jekk huwa minnu li r-rendikont tar-remunerazzjoni tar-rikorrent dwar ix-xahar ta’ April 2017 kien jirrifletti, f’termini pekunjarji, l-effetti tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tiegħu lill-uffiċċju estern ta’ Brussell, xorta jibqa’ l-fatt li la din id-deċiżjoni u lanqas, inqas u inqas l-imsemmi rendikont tar-remunerazzjoni ma kienu jistabbilixxu b’mod ċar il-pożizzjoni tal-BEI dwar l-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika.

43      Fil-fatt, għandu jiġi kkunsidrat, f’dan ir-rigward, li, l-ewwel, l-ommissjoni ta’ allowance fir-rendikont tar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata ma timplikax neċessarjament li l-amministrazzjoni rrifjutatilha d-dritt tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 1988, Canters vs Il-Kummissjoni, 159/86, EU:C:1988:432, punt 7). It-tieni, kif tfakkar fil-punti 5 u 6 iktar ’il fuq, ir-rikorrent irċieva żewġ verżjonijiet differenti tad-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2017 li l-paragun tagħha juri, kif ġustament jirrileva, kontradizzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet applikabbli għat-trasferiment tiegħu.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017 hija l-ewwel waħda li tiddikjara b’mod ċar ir-rifjut tal-BEI li jagħti lir-rikorrent l-allowance tal-mobbiltà ġeografika, għandu jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi l-ewwel att li jikkawża preġudizzju lir-rikorrent, li kellu bħala effett li jibda jiddekorri t-termini għat-tressiq ta’ lment u għall-preżentata ta’ rikors.

45      Għandu jiġi ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li l-parti li tinvoka t-tardività ta’ rikors fir-rigward tat-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni applikabbli għandha l-oneru tal-prova tad-data li fiha d-deċiżjoni kkontestata ġiet innotifikata u, fi kwalunkwe każ, tad-data li fiha l-persuna kkonċernata kienet taf biha jekk din tkun miżura ta’ natura individwali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2018, WL vs ERCEA, T‑493/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:852, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Issa, f’dan il-każ, il-BEI, li għandu dan l-oneru tal-prova, la jikkontesta d-dikjarazzjoni tar-rikorrent u lanqas il-prova prodotta minn dan tal-aħħar li d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017 ġiet ikkomunikata lilu permezz ta’ posta elettronika tal‑5 ta’ Lulju 2017.

47      Minn dan isegwi li l-jum li minnu għandha tiġi kkalkolata, f’dan il-każ, it-terminu għat-tressiq tat-talba għal konċiljazzjoni huwa l‑5 ta’ Lulju 2017, data li fiha d-deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017 ġiet innotifikata lir-rikorrent. Konsegwentement, billi ressaq it-talba tiegħu għall-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni fil‑5 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent osserva t-terminu previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal II.

48      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BEI għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-talbiet għal annullament

49      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u tal-Artikolu 11 tal-Anness VII ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet, it-tieni, fuq ksur tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ prevedibbiltà ġuridika u ta’ premura, it-tielet, fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tal-Artikolu 1.3 tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-persunal tal-BEI kif ukoll tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u tal-Artikolu 11 tal-Anness VII ta’ dawn id-dispożizzjonijiet

50      L-ewwel, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li t-trasferiment tiegħu lill-uffiċċju estern ta’ Brussell ma ġiex deċiż b’mod permanenti, peress li d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2017 tippreċiża b’mod ċar li l-assenjazzjoni tiegħu hija temporanja.

51      It-tieni, ir-rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-BEI tal-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi kif ukoll tal-Artikolu 11 tal-Anness VII ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn il-BEI jissuġġetta l-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika għall-kundizzjoni li l-membru tal-persunal jerġa’ jidħol fis-sede tal-BEI fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu) wara l-assenjazzjoni tiegħu f’uffiċċju estern.

52      Ir-rikorrent jispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 1.4 tal-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedi bħala l-uniċi kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-allowance, minn naħa, it-trasferiment tal-membru tal-persunal lejn post ta’ assenjazzjoni ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, assenjazzjoni preċedenti ta’ tul ta’ mill-inqas tnax‑il xahar. B’hekk, huwa jkun eliġibbli għall-benefiċċju tal-imsemmija allowance peress li, minn naħa, huwa ġie ttrasferit għal post ta’ assenjazzjoni ieħor ġewwa l-Unjoni, jiġifieri l-uffiċċju estern ta’ Brussell, u, min-naħa l-oħra, huwa kien wettaq mill-inqas tnax‑il xahar ta’ servizz fil-post ta’ assenjazzjoni preċedenti, peress li kien ħadem fi ħdan l-uffiċċju estern ta’ Vjenna għal tliet snin.

53      Il-BEI jikkontesta dawn l-argumenti billi jwieġeb, essenzjalment, li l-allowance tal-mobbiltà ġeografika tingħata biss lill-membri tal-persunal assenjati fl-uffiċċji esterni għal perijodu preċiż u li, wara din l-assenjazzjoni temporanja lil tali uffiċċju, jirriintegraw is-sede tal-BEI, anki fl-ipoteżi fejn “sede tal-BEI” tfisser mhux biss is-sede tal-Lussemburgu, iżda wkoll kull post ieħor ta’ reklutaġġ jew uffiċċju estern. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li mill-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirriżulta li, jekk il-persuna assenjata b’mod permanenti f’uffiċċju estern ittemm is-servizz tagħha mal-BEI fl-uffiċċju estern inkwistjoni, hija ma għandhiex dritt għall-imsemmi allowance.

54      Issa, dan huwa l-każ tar-rikorrent, li ġie assenjat b’mod permanenti fl-uffiċċju estern ta’ Brussell sat-tmiem tal-kuntratt tiegħu u mingħajr prospett li jirriintegra s-sede tal-BEI wara din l-assenjazzjoni.

55      Sabiex tingħata risposta għal dan il-motiv, għandha tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar liema huma l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika fil-każ ta’ trasferiment lil uffiċċju estern tal-BEI fi ħdan l-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, jekk, kif isostni l-BEI, l-għoti ta’ din l-allowance huwa suġġett ukoll għar-ritorn tal-persuna kkonċernata lejn is-sede ta’ dan tal-aħħar fi tmiem l-assenjazzjoni lil dan l-uffiċċju estern.

56      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika fil-każ ta’ trasferiment lejn uffiċċju estern tal-BEI fi ħdan l-Unjoni huma rregolati mill-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi.

57      Dan l-artikolu jipprevedi dan li ġej:

“Allowance tal-mobbiltà ġeografika għandha tingħata lill-membru tal-persunal ittrasferit f’post ieħor ta’ assenjazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. It-tul tal-assenjazzjoni għandu jiġi stabbilit għal perijodu ta’ bejn sena u tliet snin u jista’ jiġġedded għal perijodu ta’ sena, b’tul massimu totali ta’ ħames snin.

L-allowance għandha titħallas mid-data tat-trasferiment effettiv u matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni. Sabiex ikollu dritt għalih, il-membru tal-persunal għandu jkun [wettaq] mill-inqas tnax‑il xahar ta’ servizz fil-post ta’ assenjazzjoni preċedenti.

Fil-każ ta’ trasferiment fil-Lussemburgu, l-allowance għandha titħallas għal perijodu massimu ta’ sena.

[…]

Fil-każ ta’ assenjazzjoni f’uffiċċju tal-[BEI] barra mill-Unjoni Ewropea, l-allowance għall-mobbiltà ġeografika għandha tingħata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness VII tad-[dispożizzjonijiet amministrattivi]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

58      Minn interpretazzjoni letterali tal-imsemmi artikolu jirriżulta li, kif jirrileva ġustament ir-rikorrent, għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-allowance tal-mobbiltà ġeografika fil-każ ta’ trasferiment lejn uffiċċju estern tal-BEI fi ħdan l-Unjoni, jiġifieri, minn naħa, it-trasferiment lejn post ta’ assenjazzjoni ieħor fi ħdan l-Unjoni għal perijodu bejn sena u ħames snin u, min-naħa l-oħra, it-twettiq ta’ mill-inqas tnax‑il xahar ta’ servizz fil-post ta’ assenjazzjoni preċedenti. Għaldaqstant, mill-kliem tal-imsemmi artikolu jirriżulta li, jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, il-persuna kkonċernata għandha dritt għal din l-allowance matul il-perijodu ta’ assenjazzjoni kollu fl-uffiċċju estern fejn tkun ġiet ittrasferita.

59      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li dan l-artikolu ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għall-kundizzjoni ta’ assenjazzjoni temporanja għal uffiċċju estern fi ħdan l-Unjoni li jinvoka l-BEI, li jgħid li l-membru tal-persunal għandu jirriintegra s-sede tiegħu fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-allowance inkwistjoni.

60      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2018, Alpes Provence et vs BĊE, T‑133/16 sa T‑136/16, EU:T:2018:219, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Fir-rigward b’mod partikolari tal-kuntest, għandu jiġi indikat li, għalkemm l-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirregola l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika, huwa, min-naħa l-oħra, l-Anness VII ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li jinkludi d-dispożizzjonijiet partikolari applikabbli għall-membri tal-persunal assenjati fl-uffiċċji esterni tal-BEI. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja li l-aħħar paragrafu tal-imsemmi Artikolu 1.4 jagħmel riferiment espliċitu għal dan l-anness biss għat-trasferiment lil uffiċċju estern barra mit-territorju tal-Unjoni, l-Artikolu 1 tal-imsemmi anness jipprevedi espliċitament li dan huwa wkoll applikabbli għall-persunal ittrasferit lil uffiċċju estern tal-BEI fi ħdan l-Unjoni, u l-partijiet barra minn hekk jaqblu dwar din l-interpretazzjoni. Huwa għalhekk f’dan il-kuntest li hemm lok li l-Artikolu 1.4 tal-imsemmija dispożizzjonijiet jiġi interpretat u, konsegwentement, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance inkwistjoni fil-każ ta’ trasferiment lil uffiċċju estern tal-BEI fi ħdan l-Unjoni.

62      B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, intitolat “Perijodu tal-Assenjazzjoni”, jipprevedi:

“L-assenjazzjoni f’uffiċċju estern hija, fil-prinċipju, limitata fiż-żmien għal tliet snin. Il-[BEI] jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu u fl-interess tas-servizz, jestendih għal tul massimu totali ta’ sitt snin.

Fi tmiem il-perijodu ta’ assenjazzjoni previst fil-paragrafu preċedenti, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jirriintegra s-sede tal-[BEI]. Huwa jsib mill-ġdid pożizzjoni tal-istess livell funzjonali (jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal I) jew tal-istess grad (jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal II) bħal dak li kien jokkupa fi tmiem l-assenjazzjoni tiegħu fl-uffiċċju estern” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

63      L-Artikolu 11 tal-imsemmi anness jipprevedi li l-membru tal-persunal assenjat f’uffiċċju estern għandu dritt għall-allowance tal-mobbiltà ġeografika prevista fl-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi.

64      Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikoli 2 u 11 tal-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi jirriżulta li assenjazzjoni lil uffiċċju estern ma jistax ikollha perijodu itwal minn dak previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli u, matul il-perijodu ta’ din l-assenjazzjoni, membru tal-persunal li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti għandu dritt għall-allowance tal-mobbiltà ġeografika. Barra minn hekk, huwa previst li, wara din l-assenjazzjoni, il-membru tal-persunal ikkonċernat għandu jirriintegra s-sede tal-BEI.

65      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-riintegrazzjoni fis-sede tal-BEI, prevista fl-Artikolu 2 tal-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, ma tirrappreżentax kundizzjoni għall-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika, iżda biss il-korollarju loġiku tat-tmiem tal-perijodu ta’ assenjazzjoni temporanja għal uffiċċju estern għall-membri tal-persunal li l-kuntratt tagħhom ma skadiex u li għandhom jirriintegraw fis-sede tal-BEI fi tmiem dan il-perijodu. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jipprevedi garanzija li, fi tmiem dan il-perijodu, il-membri tal-persunal ikkonċernati jsibu mill-ġdid pożizzjoni tal-istess livell funzjonali jew tal-istess grad bħal dik li huma jokkupaw fi tmiem l-assenjazzjoni tagħhom lil tali uffiċċju estern.

66      Ċertament, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Anness VII tad-dispożizzjonijiet amministrattivi huwa intiż li japplika, kif jippreċiża l-Artikolu 1 tiegħu, “għall-membri tal-persunal tal-[BEI] assenjati f’uffiċċju barrani ġo jew barra l-Unjoni”, ebda dispożizzjoni ta’ dan l-anness, u lanqas ebda dispożizzjoni b’mod ġenerali, ma tirregola l-każ ta’ membru tal-persunal, bħar-rikorrent, li l-kuntratt għal żmien determinat tiegħu jintemm wara l-assenjazzjoni tiegħu f’uffiċċju estern.

67      Madankollu, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni preċiża dwar dan is-suġġett, l-argument tal-BEI li, f’tali ċirkustanzi, tali trasferiment għandu jitqies li huwa permanenti, b’tali mod li l-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ma japplikax, ma jistax jintlaqa’.

68      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-premessa li fuqha huwa bbażat dan l-argument, jiġifieri n-natura permanenti tat-trasferiment tar-rikorrent, hija żbaljata.

69      Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li mid-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2017 jirriżulta b’mod ċar li, tkun xi tkun il-verżjoni mibgħuta lir-rikorrent, l-ewwel, it-trasferiment ta’ dan tal-aħħar lill-uffiċċju estern ta’ Brussell kien effettiv sa tmiem il-kuntratt tiegħu, jiġifieri l‑31 ta’ Mejju 2020; it-tieni, fl-ipoteżi fejn dan il-kuntratt jiġi estiż, it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ dan l-impjieg għandhom jiġu rriveduti; it-tielet, l-assenjazzjonijiet għall-uffiċċji esterni tal-BEI għandhom tul massimu ta’ sitt snin u ma jistgħux jiġu estiżi lil hinn mit-tul tal-kuntratt fis-seħħ.

70      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li t-tul effettiv tal-assenjazzjoni tar-rikorrent lill-uffiċċju estern ta’ Brussell kien jikkorrispondi, kif kienet tipprevedi d-deċiżjoni tat‑23 ta’ Marzu 2017, għal perijodu preċiż mill‑1 ta’ April 2017 sal‑31 ta’ Mejju 2020.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li mhux biss trasferiment lejn uffiċċju estern abbażi tad-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti ma jistax jitqies, min-natura tiegħu, li huwa “permanenti”, peress li huwa, mill-bidu, limitat għat-tul massimu previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet, iżda, anki fl-ipoteżi fejn membru tal-persunal tal-BEI huwa assenjat f’tali uffiċċju għal perijodu li t-terminu tiegħu jikkoinċidi mat-tmiem tal-kuntratt tiegħu għal żmien determinat, bħal f’dan il-każ, dan il-membru tal-persunal huwa eliġibbli għal din l-allowance, jekk jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punt 58 iktar ’il fuq.

72      Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, billi rrifjuta lir-rikorrent l-għoti tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika, il-BEI kiser l-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi.

73      Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jintlaqa’.

74      Konsegwentement, u mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-motivi l-oħra mressqa mir-rikorrent insostenn tat-talbiet għal annullament, dawn it-talbiet għandhom jintlaqgħu u d-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati sa fejn huma jirrifjutaw lir-rikorrent il-benefiċċju tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika.

 Fuq it-talbiet għal kumpens

75      Ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, minn naħa, il-kumpens għal allegat dannu materjali li jirriżulta min-nuqqas ta’ pagament tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika mill‑1 ta’ April 2017 u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għal allegat dannu morali li jirriżulta mill-inerzja tal-BEI sabiex tiġi konkluża l-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

 Fuq it-talba għal kumpens ta’ dannu materjali allegat u fuq il-pagament ta’ interessi moratorji

76      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet għad-danni tiegħu, ir-rikorrent jitlob, essenzjalment, kumpens ta’ EUR 36 045.60 li jikkorrispondi għall-ammont tal-allowance tal-mobbiltà ġeografika dovuta mill‑1 ta’ April 2017 sal-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. Din is-somma għandha tiżdied b’EUR 567.20 għal kull xahar supplimentari.

77      Permezz tat-tieni kap tat-talbiet għad-danni tiegħu, ir-rikorrent jitlob il-pagament tal-interessi moratorji ffissati bir-rata tal-interessi tal-BĊE miżjuda b’żewġ punti perċentwali fuq is-somom imsemmija fil-punt 76 iktar ’il fuq.

78      Għandi jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu li minnu inħareġ l-att annullat għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri li jinkludu l-eżekuzzjoni tas-sentenza. Issa, permezz ta’ dawn it-talbiet, ir-rikorrent jitlob li l-BEI jiġi kkundannat iħallsu ammont dovut lilu abbażi tad-deċiżjoni li dan għandu jieħu b’eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza ta’ annullament.

79      Peress li l-imsemmija talbiet huma, konsegwentement, prematuri, huma ma jistgħux jintlaqgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, ZS vs BEI, T‑659/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:281, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq it-talba għall-kumpens tad-dannu allegatament imġarrab

80      Permezz tat-tielet kap tat-talbiet għal kumpens tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-President tal-BEI ma adottax f’terminu raġonevoli d-deċiżjoni tiegħu wara l-preżentata tar-rapport tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, li huwa tali li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-BEI.

81      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jallega li, minbarra s-sitwazzjoni finanzjarja diġà diffiċli li kien jinsab fiha minħabba l-fatt li huwa ma kienx qiegħed jirċievi l-allowance għall-mobbiltà ġeografika, l-inċertezza dovuta għall-assenza ta’ deċiżjoni tal-President tal-BEI wara dan ir-rapport, li barra minn hekk obbligatu jadixxi lill-Ombudsman Ewropew, ikkawżalu dannu morali li huwa jqis li jammonta għal EUR 2 000.

82      Il-BEI jikkontesta dawn l-argumenti.

83      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, bħad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jikkostitwixxi fih innifsu l-kumpens adegwat u, fil-prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrent juri li jkun sostna dannu morali li jkun jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament u li ma jistax jiġi kkumpensat kompletament permezz ta’ dan l-annullament (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, BZ vs Il-Kummissjoni, T‑336/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:210, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Bodson et vs BEI, T‑504/16 u T‑505/16, EU:T:2017:603, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Sussegwentement, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ talba għad-danni mressqa minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal, l-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għall-aġir illegali tal-istituzzjoni jippreżumi li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha dwar l-illegalità tal-aġir li bih hija qiegħda tiġi kkritikata, il-fatt tal-ħsara allegata u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. It-tliet kundizzjonijiet ta’ involviment ta’ responsabbiltà huma kumulattivi, li jfisser li, ġaladarba waħda minn dawn ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà tal-istituzzjoni ma tistax tirriżulta. Barra minn hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata teżamina dawn il-kundizzjonijiet f’ordni partikolari (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Vanhoudt et vs BEI, T‑294/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:264, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan il-każ, id-dannu morali li jinvoka r-rikorrent huwa dovut, essenzjalment, għas-sens ta’ inċertezza kkawżat mid-dewmien eċċessiv li bih il-President tal-BEI adotta d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

86      Issa, għalkemm tali dannu morali jista’ jitqies li huwa separabbli mill-illegalità li fuqha huwa bbażat l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 1.4 tad-dispożizzjonijiet amministrattivi, għandu madankollu jiġi kkonstatat li r-rikors ma jinkludi l-ebda prova dwar il-portata tad-dannu morali allegatament imġarrab mir-rikorrent.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet kap tat-talbiet għad-danni għandu jiġi miċħud.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġu annullati d-deċiżjonijiet kkontestati sa fejn jirrifjutaw li jagħtu l-allowance tal-mobbiltà ġeografika lir-rikorrent u li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-BEI tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjonijiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tat30 ta’ Ġunju u tal11 ta’ Diċembru 2017 huma annullati sa fejn irrifjutaw l-allowance tal-mobbiltà ġeografika lil AM.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-BEI huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti minn AM.

Kanninen

Półtorak

Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Marzu 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.