Language of document : ECLI:EU:T:2019:690

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva V V‑WHEELS – Trade marks tal-Unjoni Ewropea, nazzjonali u mhux irreġistrati figurattivi preċedenti VOLVO – Raġuni relattiva għal rifjut – Xebh tas-sinjali – Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2017/1001”

Fil-Kawża T‑356/18,

Volvo Trademark Holding AB, stabbilita f’Göteborg (l-Isvezja), irrappreżentata minn T. Dolde, avukat, u M. Hawkins, solicitor,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn S. Bonne u H. O’Neill, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO kienet

Paalupaikka Oy, stabbilita f’Iisalmi (il-Finlandja),

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal-21 ta’ Marzu 2018 (Każ R 1852/2017‑4) dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Volvo Trademark Holding u Paalupaikka,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn V. Tomljenović, President, E. Bieliūnas u A. Kornezov (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Ġunju 2018,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2018,

wara s-seduta tas-16 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-4 ta’ Awwissu 2015, Paalupaikka Oy ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)).

2        Image not foundImage not foundIt-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni huwa s-sinjal figurattiv li ġej:

3        Fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni dan is-sinjal huwa deskritt bħala li huwa “ċirku blu li f’nofsu tinsab l-ittra ‘v’ kulur il-fidda”, liema ċirku “jinsab imdawwar b’delimitazzjoni fina kulur il-fidda” u jidher fuq “il-kelma ‘v-wheels’” li “l-ittra ‘v’ tagħha […] hija kulur il-fidda u l-karattri l-oħra huma ta’ kulur blu”. Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassi 12 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks tal-15 ta’ Ġunju 1957 kif rivedut u emendat u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Rimmijiet tar-roti tal-karrozzi; [r]immijiet tar-roti għall-vetturi; [r]oti; [r]oti partikulari għall-vetturi; [r]oti għall-karrozzi; [r]oti għall-muturi; [r]oti tal-vetturi; [r]oti żgħar għal trolis [vetturi]; [r]oti [partijiet tal-vetturi tal-art]; [r]oti għall-karts tat-tlielaq; [r] Roti, tajers u binarji kontinwi”.

4        L-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks tal-Unjoni Ewropea Nru 182/2015 tal-25 ta’ Settembru 2015.

5        Fil-31 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti, Volvo Trademark Holding AB, ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni tas-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għall-prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq.

6        L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks preċedenti li ġejjin, li kollha jkopru prodotti li jaqgħu fil-klassi 12:

–        it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rreġistrata taħt in-numru 10397016, riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rreġistrata taħt in-numru 4804522, riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rreġistrata taħt in-numru 9045311, riprodotta hawn taħt:

Image not found

–        it-trade mark Finlandiża figurattiva rreġistrata taħt in-numru 66240, riprodotta hawn taħt: