Language of document : ECLI:EU:T:2004:245

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Lulju 2004 (*)

"Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark verbali LIMO – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94"

Fil-kawża T-311/02,

Vitaly Lissotschenko, residenti f’Dortmund (Il-Ġermanja),

Joachim Hentze, residenti f’Werl (Il-Ġermanja),

irrappreżentati minn B.Hein, avocat,

rikorrenti, 

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. Weberndörfer u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-31 ta’ Lulju 2002 (Każ R 363/2000-2), dwar ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali LIMO bħala trade mark Komunitarja,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn B. Vesterdorf, President, P. Mengozzi u M. E. Martins Ribeiro, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fl-10 ta’ Ottubru 2002,

wara li rat ir-risposta tad-difiża ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’ Istanza fil-25 ta’ Frar 2003,

wara li rat il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi fl-10 ta’ Marzu 2004 u r-risposta ta’ l-UASI ppreżentata fil-31 ta’ Marzu 2004,

wara s-seduta tas-27 ta’ April 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-26 ta’ Awwissu 1999, is-Sinjuri Lissotschenko u Hentze (iktar ‘il quddiem ir-"rikorrenti") ippreżentaw applikazzjoni għal trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p.1), kif emendat.

2       It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali LIMO.

3       Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 9, 10 u 11 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja:

–       klassi 9: "Lejżer għal użu mhux mediku, b’mod partikolari lejżer bid-dajowd, lejżer għall-metroloġija, lejżer għat-trattament ta' materjali, lejżer għall-industrija ta’ l-istampar, lejżer għall-ittestjar ta’ materjali jew għall-kontroll tal-kwalità, lejżer għat-trattament u għat-trażmissjoni ta’ data; apparati u strumenti ottiċi u/jew elettriċi, b’mod partikolari sistemi li joħolqu immaġini, sistemi mikro-ottiċi, komponenti elettroniċi ta’ kontroll, sistemi ottiċi li għandhom komponenti elettroniċi u/jew sorsi ta’ dawl integrati; lentijiet; lentijiet ottiċi, lentijiet addizzjonali, priżmi, lentijiet korrettivi; apparati ta' diffrazzjoni (mikroskopija)";

–       klassi 10: "Lejżer għal użu mediku";

–       klassi 11: "Apparati u installazzjonijiet ta’ dawl, dajowds elettroluminixxenti".

4       Permezz ta' deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Marzu 2000, l-eżaminatur ċaħad l-applikazzjoni taħt l-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 40/94 għar-raġuni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti kkonċernati u ma kellha ebda karattru distintiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

5       Fl-4 ta’ April 2000, ir-rikorrenti ressqu appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur, skond l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94.

6       B’deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2002 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, fl-ewwel lok, laqa' l-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jinstemgħu u, konsegwentement, annulla d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur, u ordna li l-ispejjeż ta’ l-appell jiġu rimborsati lir-rikorrenti. Fit-tieni lok, huwa ċaħad l-applikazzjoni għal trade mark għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10, skond l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ), tar-Regolament Nru 40/94, minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv u kienet magħmula esklużivament minn elementi deskrittivi tax-xorta u/jew ta' l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti. Fl-aħħar nett, il-Bord ta' l-Appell irriforma d-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur u awtorizza l-pubblikazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja LIMO għall-prodotti inklużi fil-klassi 11.

7       Għal dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, ir-rifjut ta' reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10, il-Bord ta’ l-Appell, l-ewwel nett, ikkonstata li, fil-qasam ta’ l-elettronika, is-sekwenza ta’ ittri "LIMOS" hija użata bħala abbrevjazzjoni ta’ "Laser Intensity Modulation System" (sistema ta’ modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer). F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell straħ fuq il-ktieb intitolat "Abkürzungen in der Elektronik" (Abbrevjazzjonijiet fl-Elettronika) ta’ Schönborn (Berlin, 1993), diġà msemmi mill-eżaminatur, kif ukoll fuq ir-riżultat tar-riċerki magħmula fuq l-Internet, filwaqt li rrefera, bħala eżempju, għal żewġ paġni li jikkonċernaw fotokopjaturi ta’ l-impriżi Toshiba u Minolta.

8       It-tieni nett, il-Bord ta’ l-Appell irrileva li l-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10 setgħu jiġu użati bħala komponenti ta’ sistema ta’ modulazzjoni ta' l-intensità tal-lejżer, b'mod li s-sinjal LIMOS kien deskrittiv tax-xorta u/jew ta' l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti, li, skondu, kienu intiżi għal konsumatur speċjalizzat jew għal klijent professjonali li jkun perfettament kapaċi jagħraf dan is-sinjal fil-qasam tal-lejżer.

9       Il-Bord ta’ l-Appell żied li t-tneħħija ta’ l-ittra "s" fl-aħħar tas-sinjal LIMOS ma trendihx inqas deskrittiv mill-prodotti in kwistjoni, bħala trade mark, peress li "LIMO" hija abbrevjazzjoni elokwenti tal-parti l-kbira tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System", jiġifieri ta' "Laser Intensity Modulation" (modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer). F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-konsumatur speċjalizzat kien kapaċi jistabbilixxi rabta diretta u inekwivoka bejn il-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10 u s-sinjal LIMO, li huwa jifhem bħala l-abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation".

10     Fl-aħħar nett, il-Bord ta’ l-Appell qies li t-trade mark mitluba kienet ukoll nieqsa minn karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10. Skond il-Bord ta' l-Appell, il-konsumatur ikkonċernat, li huwa klijent professjonali, ma jara l-ebda indikazzjoni ta’ l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-prodotti fis-sinjal LIMO, iżda pjuttost l-abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation".

 It-talbiet tal-partijiet

11     Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim’ Istanza jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn hija tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 10;

–       tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

12     L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’ Istanza jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Id-Dritt

13     Ir-rikorrenti jsostnu li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta ċaħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark LIMO, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94, għall-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10. Sabiex isostnu r-rikors tagħhom, huma jinvokaw sostanzjalment żewġ motivi, ibbażati rispettivament fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) ta’ l-imsemmi Regolament.

 Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

14     Ir-rikorrenti jikkontestaw il-fatt li t-trade mark mitluba tista’ tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva tax-xorta jew ta’ l-użu intenzjonat tal-prodotti in kwistjoni.

15     L-ewwel nett, huma josservaw li s-sinjali LIMO u LIMOS mhumiex magħrufa mill-pubbliku rilevanti bħala abbrevjazzjonijiet ta’ l-espressjonijiet "Laser Intensity Modulation" jew "Laser Intensity Modulation System". Konsegwentement, huma jsostnu li mhemmx bżonn li l-imsemmija sinjali jitħallew disponibbli.

16     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-"Internationale Enzyklopädie der Abkürzungen und Akronyme in Wissenschaft und Technik" (Enċiklopedija internazzjonali ta’ l-abbrevjazzjonijiet u ta’ l-akronimi fix-xjenzi u t-teknika), miġbura mis-Sur Peschke (Munich, 1998), ma tinkludix "LIMOS" bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System".

17     Barra minn hekk, huma jirrimarkaw li s-sinjal LIMOS huwa ġeneralment użat fuq l-Internet bħala abbrevjazzjoni tal-kelma "limousines" fil-qasam tal-vetturi awtomobilistiċi, filwaqt li jintuża biss b’mod sporadiku biex ifisser "Laser Intensity Modulation System" b’relazzjoni għall-fotokopjaturi jew sistemi ta' riproduzzjoni. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-fatt li r-riċerki magħmula fuq l-Internet mill-UASI taw biss tliet riferenzi li jinkludu l-abbrevjazzjoni "LIMOS" fis-sens ta’ "Laser Intensity Modulation System", jipprova li s-sekwenza ta’ ittri "LIMOS" mhijiex abbrevjazzjoni magħrufa jew użata b’mod ġenerali mis-setturi speċjalizzati kkonċernati.

18     Sabiex isostnu l-argumenti tagħhom, ir-rikorrenti jirreferu għal deċiżjoni tat-Tielet Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tal-31 ta’ Ottubru 2000, mogħtija fil-Każ R 294/2000-3, li jikkonċerna r-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal DS għal prodotti u servizzi relattivi għall-qasam ta’ l-apparati fotografiċi elettroniċi u ma’ l-iżvilupp tar-ritratti. Din id-deċiżjoni tindika li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta' sinjal għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu, il-valur tad-definizzjonijiet li jinsabu fid-dizzjunarji hija relativa, b’mod partikolari meta r-riżultat ta’ l-analiżi bbażata fuq dawn id-dizzjunarji mhuwiex sostnut minn informazzjoni jew provi oħra. Ir-rikorrenti jisħqu li, fl-imsemmi Każ, id-deċiżjoni ta’ l-eżaminatur li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark DS skond l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, kienet ibbażata fuq lista ta’ abbrevjazzjonijiet li wriet li "DS" kienet l-abbrevjazzjoni tal-kliem "Digital Signal", u li l-Bord ta’ l-Appell annulla din id-deċiżjoni billi rrileva li ma setax jiġi konkluż, abbażi ta’ dan biss, li l-pubbliku rilevanti jikkonfondi l-abbrevjazzjoni "DS" ma’ l-espressjoni "Digital Signal" u għalhekk jassoċjaha ma’ indikazzjoni deskrittiva. Skond ir-rikorrenti, dubji analogi jistgħu jinqalgħu f’din il-kawża, peress li l-abbrevjazzjoni "LIMOS" fis-sens ta’ "Laser Intensity Modulation System" tinsab biss fi ktieb wieħed u fuq żewġ paġni ta’ l-Internet.

19     Għal dak li jikkonċerna s-sinjal LIMO, ir-rikorrenti josservaw li l-użu tiegħu bħala abbrevjazzjoni ta’ "Laser Intensity Modulation" mhuwiex ippruvat mid-dokumenti u l-paġni ta’ l-Internet ippreżentati mill-UASI sabiex isostni l-evalwazzjonijiet tiegħu, li fihom jinsab biss is-sinjal LIMOS. L-abbrevjazzjoni "LIMO" għal sistema ta’ modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer attwalment ma teżistix u għalhekk ma tistax tiġi soġġetta għall-bżonn li titħalla disponibbli.

20     F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jispeċifikaw li fuq l-Internet is-sinjal LIMO huwa użat bħala abbrevjazzjoni tal-kliem "limousine" jew "limonade" (luminata) jew ukoll ta' l-espressjoni meħuda mix-xjenzi ekonomiċi "least input for the most output". Għaldaqstant, skond ir-rikorrenti, peress li l-abbrevjazzjoni "LIMO" għandha tifsira ambigwa, meta l-pubbliku rilevanti, magħmul minn speċjalisti, jiġi ffaċċjat b'din l-abbrevjazzjoni, huwa ma jistabbilixxi assolutament l-ebda konnessjoni mal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark u li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 10.

21     Ir-rikorrenti jiċċitaw ukoll deċiżjoni tad-Deutsches Bundespatentgericht (Qorti Federali Ġermaniża tal-Privattivi), mogħtija fit-2 ta’ Ġunju 1998 u li tikkonċerna applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali CT bħala trade mark nazzjonali, li fiha l-bżonn li dan is-sinjal jitħalla disponibbli ġie eskluż minħabba li "l-abbrevjazzjoni ‘CT’ kellha ħafna tifsiriet li jistgħu jkunu deskrittivi tal-prodotti u servizzi relatati magħha".

22     It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li, anki li kieku s-sinjali LIMOS u LIMO kellhom jiġu kkunsidrati bħala abbrevjazzjonijiet ta’ "Laser Intensity Modulation System" u ta' "Laser Intensity Modulation" rispettivament, huma ma jkunux deskrittivi tal-prodotti koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, peress li l-imsemmija prodotti la huma sistemi ta’ modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer u, kuntrarjament għal-"Laser Intensity Modulation", lanqas ma huma proċeduri jew metodi, iżda biss prodotti individwali, li lanqas meta jingħaqdu flimkien ma jikkostitwixxu waħda minn dawn is-sistemi.

23     L-UASI jsostni li f'dak li jirrigwarda l-karattru deskrittiv tat-trade mark mitluba, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell huma fondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-PRIM' ISTANZA

24     Skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, "trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi", ma jistgħux jiġu rreġistrati.

25     L-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li għalihom jirreferi jiġu rriżervati għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark. Għalhekk din id-dispożizzjoni tfittex li tilħaq għan ta' interess ġenerali, li jeżiġi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jistgħu jiġu wżati liberament minn kulħadd [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2003, L-UASI vs Wrigley, C-191/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31, u s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs L-UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II-1963, punt 24, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Quick vs L-UASI (Quick), T-348/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27] .

26     F’din il-perspettiva, is-sinjali u l-indikazzjonijiet li għalihom jirreferi l-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ l-imsemmi Regolament huma dawk li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, biex jindikaw, direttament jew b'referenza għal xi waħda mill-karatteristiċi essenzjali tagħhom, prodott jew servizz bħal dak li għalih ir-reġistrazzjoni hija mitluba [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs L-UASI, C-383/99 P, Ġabra p. I-6251, punt 39, u s-sentenzi tal-Qorti tal-PRIM' ISTANZA CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25, u tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs L-UASI (UltraPlus), T-360/00, Ġabra p. II-3867, punt 22].

27     Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ sinjal tista' ssir biss, minn naħa, b’referenza għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, b’referenza għal dak li jifhem bih il-pubbliku rilevanti (sentenzi CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25, u UltraPlus, iċċitata iktar 'il fuq, punt 22).

28     F'din il-kawża, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata li l-pubbliku rilevanti kien magħmul minn konsumaturi speċjalizzati (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Peress li l-prodotti in kwistjoni huma intiżi għall-professjonisti u mhux għall-konsumaturi medji, din l-analiżi tal-Bord ta’ l-Appell għandha tiġi milqugħa. Fi kwalunkwe każ, din ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti għandu jitqies li huwa pubbliku speċjalizzat, infurmat tajjeb, attent u prudenti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim' Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 47).

29     Preliminarjament, fir-rigward ta’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li ma jeżistix il-bżonn li s-sinjali LIMOS u LIMO jitħallew disponibbli peress li dawn mhumiex użati b'mod kurrenti fil-lingwaġġ speċjalizzat sabiex jiġu deskritti l-prodotti kkonċernati, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 35 tas-sentenza tagħha ta’ l-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, li l-kliem tiegħu huwa identiku għal dak ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma tiddependix mill-eżistenza ta’ bżonn konkret, attwali u serju li l-imsemmija sinjali jitħallew disponibbli.

30     Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biss meħtieġ li jiġi eżaminat, abbażi tat-tifsira rilevanti tas-sinjal verbali in kwistjoni, jekk, mill-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat, teżistix relazzjoni suffiċjentement diretta u konkreta bejn is-sinjal u l-prodotti jew servizzi li għalihom ir-reġistrazzjoni hija mitluba [sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs L-UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723 punt 40, ikkonfermata fuq appell b’digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2004, Streamserve vs L-UASI, C-150/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, u s-sentenza CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28].

31     Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Bord ta’ l-Appell ma allegax li s-sinjal LIMO kien is-suġġett, fil-lingwaġġ speċjalizzat, ta’ użu kurrenti bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation". F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jirrimarkaw li s-sinjal LIMO la jidher fil-kotba speċjalizzati u lanqas fuq l-Internet, fejn min-naħa l-oħra jidher bħala abbrevjazzjoni tal-kliem "limousine" jew "limonade" (luminata) jew ta’ l-espressjoni meħuda mix-xjenzi ekonomici, "least input for the most output".

32     Madankollu, il-fatt li s-sinjal LIMO mhuwiex użat b’mod abitwali fis-setturi specjalizzati bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation" mhuwiex raġuni suffiċjenti sabiex jiġi eskluż a priori l-karattru deskrittiv tiegħu. Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat li, sabiex l-UASI tirrifjuta li tirreġistra trade mark abbażi ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex neċessarju li s-sinjali u l-indikazzjonijiet li jiffurmaw it-trade mark u li għalihom jirreferi dan l-Artikolu jkunu effettivament użati, fil-mument meta ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, għal finijiet deskrittivi ta’ prodotti jew ta' servizzi li għalihom tkun tressqet l-applikazzjoni jew tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi. Kif jindika l-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li s-sinjali w indikazzjonijiet jistgħu jiġu użati għal tali finijiet [sentenza L-UASI vs Wrigley, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32, u d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 2004, Telefon & Buch vs L-UASI, C-326/01 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

33     Issa, f’dan il-każ, fl-analiżi tiegħu sabiex jiġi stabbilit jekk is-sinjal LIMO jistax jiġi użat għal finijiet deskrittivi tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9 u 10 li huma koperti bl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jew tal-karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti, il-Bord ta’ l-Appell ikkonstata l-ewwel nett li, peress li "LIMOS" huwa abbrevjazzjoni magħrufa tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System" fil-qasam tal-prodotti in kwistjoni, "LIMOS" kien deskrittiv tax-xorta u/jew ta' l-użu intenzjonat ta' dawn il-prodotti. It-tieni nett, huwa qies li t-tnaqqis fis-sekwenza ta’ l-ittri minn "LIMOS" għal "LIMO" bit-tneħħija ta’ l-ittra "s" ma kienx ta' natura li jħassar il-karattru deskrittiv tat-trade mark mitluba.

34     F’dak li jikkonċerna s-sinjal LIMOS, il-Bord ta’ l-Appell ġustament seta’ jikkonkludi, fil-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan is-sinjal kien użat fil-qasam ta’ l-elettronika bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System" billi bbaża ruħu fuq il-fatt li dan jidher b’din it-tifsira kemm fi ktieb dwar l-abbrevjazzjonijiet użati fil-qasam ta’ l-elettronika kif ukoll fuq paġni ta’ l-Internet.

35     Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ tali abbrevjazzjoni fi ktieb iddedikat lill-abbrevjazzjonijiet fil-qasam ta’ l-elettronika għandha importanza partikolari, li ma tistax tiġi injorata għas-sempliċi raġuni li l-enċiklopedija ċċitata mir-rikorrenti (ara l-punt 16 iktar 'il fuq) min-naħa tagħha ma tinkludix il-kelma "LIMOS" bħala abbrevjazzjoni.

36     Barra minn hekk, il-prova ta’ l-użu effettiv ta’ "LIMOS" bħala abbrevjazzjoni ta’ "Laser Intensity Modulation System" ma tirriżultax biss mid-definizzjoni li tinsab f’dizzjunarju, iżda wkoll minn dokumenti ta’ natura kummerċjali. Fil-fatt, mill-paġni ta’ l-Internet iċċitati, bħala eżempju, mill-Bord ta’ l-Appell, jirriżulta li "LIMOS" tikkostitwixxi l-abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System", li f’dawn il-paġni tindika sistema ta’ riproduzzjoni ("copying system") użata fil-fotokopjaturi tal-kulur tal-mudell FC 70 minn Toshiba u tal-mudell CF 9001 minn Minolta.

37     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur tal-kriterji ta’ analiżi segwiti mill-Bord ta’ l-Appell fid-deċiżjoni tiegħu fuq l-applikazzjoni għat-trade mark DS (ara punt 18 iktar 'il fuq) huwa fil-fatt manifestament żbaljat. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, il-pubbliku rilevanti huwa pubbliku speċjalizzat, kuntrarjament għal dak in kwistjoni fil-kawża li tat lok għal din id-deċiżjoni, li fiha l-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu preċiżament fuq il-fatt li l-pubbliku rilevanti kien magħmul minn konsumaturi medji, u mhux minn professjonisti, sabiex jikkonkludi li l-eżaminatur ma setax jiddeduċi biss abbażi ta’ riferenza li kienet tinsab f’dizzjunarju ta’ l-akronimi u ta’ abbrevjazzjonijiet, li l-ittri "DS" setgħu jiġu pperċepiti minn pubbliku tali bħala li jfissru "Digital Signal". Għalaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħu bl-ebda mod jistrieħu fuq l-imsemmija deċiżjoni sabiex isostnu l-argumenti tagħhom.

38     Fir-rigward tal-karattru deskrittiv tas-sinjal LIMOS, hemm lok li jiġi kkonstatat, kif għamel il-Bord ta’ l-Appell fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti, fil-paġna 3 tan-nota ta' osservazzjonijiet tagħhom tas-7 ta’ Ġunju 2000 li tispjega l-motivi ta' l-appell tagħhom quddiem l-UASI, irrikonoxxew li "l-prodotti indikati fl-applikazzjoni […] huma prodotti li, f’kull każ, jistgħu ikunu komponenti ta’ 'Laser Intensity Modulation Systems'", anki jekk żiedu li "l-ebda wieħed minn dawn il-prodotti ma jista’, madankollu, jkun indikat direttament bħala li huwa tali sistema". Huwa billi ħa in kunsiderazzjoni dan ir-rikonoxximent, li barra minn hekk ġie mtenni mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’ Istanza waqt is-seduta tas-27 ta’ April 2004, li l-Bord ta’ l-Appell iddikjara li s-sinjal LIMOS kien deskrittiv "tax-xorta u/jew ta’ l-użu intenzjonat" ta’ l-imsemmija prodotti.

39     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’ Istanza tirrileva li la l-Bord ta’ l-Appell fid-deċiżjoni tiegħu u lanqas l-UASI waqt il-preżenti proċeduri ma wrew fiex is-sinjal LIMOS huwa deskrittiv tax-xorta ta’ prodotti koperti bil-klassijiet 9 u 10.

40     Madankollu, huwa paċifiku li dawn il-prodotti jistgħu jiġu użati bħala komponenti ta' sistema ta’ modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer. Issa, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda argument serju li jista' jwaqqa' l-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell li skondha, fid-dawl ta' din il-karatteristika ta’ l-imsemmija prodotti, is-sinjal LIMOS, bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System", huwa deskrittiv, għall-inqas, ta’ l-użu intenzjonat ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, huma llimitaw ruħhom sabiex jirrimarkaw, sostanzjalment, li wieħed ma jistax jikseb "Laser Intensity Modulation System" bis-sempliċi tgħaqqid ta’ tnejn jew iżjed mill-prodotti in kwistjoni. Issa, tali spjegazzjoni, li ma teskludix li dawn il-prodotti, meħuda individwalment, jistgħu jiġu użati sabiex tinħoloq tali sistema meta jingħaqdu ma' prodotti oħrajn mhux koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, mhijiex rilevanti.

41     Peress li l-prodotti kollha koperti bil-klassijiet 9 u 10 huma intiżi għall-konsumatur speċjalizzat li jista' jkun li jagħraf is-sinjal LIMOS bħala abbrevjazzjoni ta’ "Laser Intensity Modulation System" fil-qasam ta’ dawn l-istess prodotti, li jistgħu jiġu integrati f’tali sistema, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fin-nuqqas ta’ provi mressqa mir-rikorrenti sabiex juru l-kuntrarju, li s-sinjal huwa deskrittiv ta’ wieħed mill-użi intenzjonati tal-prodotti in kwistjoni li l-pubbliku rilevanti jista' jieħu in kunsiderazzjoni meta jagħmel l-għażla u li, għalhekk, jikkostitwixxi karatteristika essenzjali tiegħu [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-26 ta’ Novembru 2003, HERON Robotunits vs L-UASI (ROBOTUNITS), T-222/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44].

42     Għaldaqstant, jekk, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, is-sinjal LIMOS għandu relazzjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti fil-klassijiet 9 u 10 li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, jibqa' l-bżonn li jiġi vverifikat jekk l-istess konklużjoni tapplikax f’dak li jikkonċerna s-sinjal LIMO, li huwa s-sinjal li huwa s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja.

43     F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li t-tneħħija ta’ l-ittra "s" fl-aħħar tas-sinjal LIMOS ma jirrendix is-sinjal li jirriżulta inqas deskrittiv, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u b’relazzjoni għall-prodotti in kwistjoni.

44     Fil-fatt, il-fatt ippruvat li "LIMOS" jintuza bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation System" diġà jindika li s-sinjal LIMO jista' jiġi użat, u pperċepit mill-pubbliku rilevanti, bħala abbrevjazzjoni tas-sintamma "Laser Intensity Modulation". Il-fatt li s-sinjal LIMO jista' jiddeskrivi l-fenomenu tal-modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer iktar milli sistema li toħloq dan il-fenomenu mhuwiex biżżejjed sabiex jeskludi l-karattru deskrittiv ta’ l-istess sinjal b'relazzjoni għall-prodotti in kwistjoni. Jekk dawn ta’ l-aħħar jistgħu jkunu komponenti ta’ sistema li toħloq modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer, sinjal li jindika din il-modulazzjoni jibqa' dejjem deskrittiv ta’ użu intenzjonat possibbli ta’ dawn il-prodotti.

45     Għaldaqstant, il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkunsidra li l-konsumatur speċjalizzat ikun f'pożizzjoni li jistabbilixxi rabta diretta u konkreta biżżejjed bejn il-prodotti inklużi fil-klassijiet 9 u 10 koperti bl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja u s-sinjal LIMO, u li jipperċepixxi dan is-sinjal bħala l-abbrevjazzjoni ta’ "Laser Intensity Modulation" għall-inqas bħala li jirreferi għal waħda mill-użi intenzjonati possibbli ta’ l-imsemmija prodotti, jiġifieri l-integrazzjoni tagħhom f’sistema ta’ modulazzjoni ta’ l-intensità tal-lejżer.

46     Fl-aħħar nett, irid jiġi wkoll skartat l-argument tar-rikorrenti li skondu – fid-dawl tat-tifsira allegatament ambigwa tas-sinjal LIMO, li huwa użat bħala abbrevvjazzjoni tal-kliem "limousine", "limonade" (luminata) jew ukoll ta' l-espressjoni "least input for the most output", jew li jista' jiġi pperċepit bħala l-isem ta’ impriża partikolari – meta l-pubbliku rilevanti jiġi ffaċċjat b'dan is-sinjal, huwa ma jaħsibx fil-prodotti koperti bil-klassijiet 9 u 10.

47     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata, skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, jekk, għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (is-sentenza L-UASI vs Wrigley, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32; id-digriet Telefon & Buch vs L-UASI, iċċitat iktar 'il fuq, punti 28 u 37; is-sentenzi STREAMSERVE, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, u CARCARD, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30). Issa, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li waħda mit-tifsiriet potenzjali tas-sinjal LIMO hija "Laser Intensity Modulation" u li l-pubbliku rilevanti jista' perfettament jifhem dan is-sinjal f'dan is-sens.

48     Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandhu jiġi miċħud.

49     F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġi eżaminat il-motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, skond ġurisprudenza stabbilità, huwa biżżejjed li tkun applikabbli waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut sabiex sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs L-UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 29; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’ Istanza tas-26 ta’ Ottubru 2000, Community Concepts vs L-UASI (Investorworld), T-360/99, Ġabra p. II-3545, punt 26; tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 30, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2002, Bosch vs L-UASI (Kit Pro u Kit Super Pro), T-79/01 u T-86/01, Ġabra p. II-4881, punt 36).

50     Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

51     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’ Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż.

Vesterdorf

Mengozzi

Martins Ribeiro

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Lulju 2004.

Ir-Reġistratur

 

      Il-President

H. Jung

 

       B. Vesterdorf


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.